Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0249/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0249/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-ekonomija kollaborattiva

3.2.2016

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Sophie Montel, Florian Philippot

B8-0249/2016

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-ekonomija kollaborattiva

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kummissjoni qed tippjana liberalizzazzjoni akbar tas-servizzi matul is-sena 2016 sabiex tirreaġixxi għall-iżvilupp tal-ekonomija msejħa "kollaborattiva";

B.  billi l-pjan tal-Kummissjoni jippromwovi "ekonomija kollaborattiva" massiva, li tiddomina s-suq u titmexxa minn impriżi multinazzjonali pjuttost milli mill-impriżi lokali integrati fis-suq;

C.  billi dan il-pjan jinjora l-prekarjetà intrinsika ta’ dan il-mudell ekonomiku minħabba "mobilità" mtejba, argument li diġà intuża bħala skuża għal-libertà tal-istabbiliment tal-persuni;

D.  billi dan huwa attakk dirett kontra l-professjonijiet regolati li tfasslu mil-leġiżlatur bħala garanzija sikura għall-klijent;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira d-deregolamentazzjoni tal-professjonijiet regolati b'riskju għoli mir-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-Istati, kif ukoll tiżgura li "l-ekonomija kollaborattiva" ma teżerċitax kompetizzjoni inġusta fuq dawn l-impriżi.