Proċedura : 2015/2791(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0255/2016

Testi mressqa :

B8-0255/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/02/2016 - 7.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0061

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 464kWORD 116k
17.2.2016
PE576.619v01-00
 
B8-0255/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija (2015/2791(RSP))


Bernd Lange, Marielle de Sarnez f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija (2015/2791(RSP))  
B8-0255/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ftuħ ta' negozjati fit-13 ta' Ottubru 2015 fil-prospettiva ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' Cecilia Malmström fit-13 ta' Ottubru 2015 f'Tuneż fl-okkażjoni tal-ftuħ tan-negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles approfondit u komprensiv bejn l-Unjoni u t-Tuneżija,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tad-9 ta' Ottubru 2015 li l-Premju Nobel għall-Paċi tal-2015 jingħata lill-Kwartett għad-Djalogu Nazzjonali li jirrappreżenta lis-soċjetà ċivili Tuneżina,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta' Lulju 2015 dwar it-Tuneżija(1),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Nru 1/2015 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija tas-17 ta' Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Tuneżija (2013-2017) li jimplimenta s-sħubija privileġġjata fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 534/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika tat-Tuneżija, kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ewwel akkont fis-26 ta' April 2015(3),

–  wara li kkunsidra l-analiżijiet imwettqa minn Ecorys dwar l-impatt tal-kummerċ fuq l-iżvilupp sostenibbli, li jservu ta' appoġġ għan-negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles approfondit u komprensiv bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija(4),

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibilità (VIS) rigward iż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja (ŻKĦEM), ir-rapport finali tal-proġett VIS taż-ŻKĦEM u l-proġett ta' konsultazzjoni mwettaq f'Settembru 2007 mill-Impact Assessment Research Centre (Ċentru ta' Riċerka dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt) tal-Institute for Development Policy and Management (Istitut għall-Politika u l-Ġestjoni tal-Iżvilupp) tal-Università ta' Manchester(5),

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranji bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra(6),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Novembru 2013 bit-titolu "Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Unjoni għall-Mediterran u dwar il-pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 bit-titolu "Kummerċ għall-Bidla: L-Istrateġija Kummerċjali u ta' Investiment tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran wara r-rivoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija"(7),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Trattat UE) u l-Artikoli 3, 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Trattat FUE),

A.  billi r-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u t-Tuneżija huma stretti u antiki ħafna, u billi l-Unjoni Ewropea hija l-akbar sieħeb kummerċjali tat-Tuneżija u t-Tuneżija l-erbgħa u tletin sieħeb tal-Unjoni;

B.  billi l-ewwel ftehim ta' kooperazzjoni kummerċjali konkluż bejn iż-żewġ sħab ġie ffirmat fl-1969, u billi t-Tuneżija kienet l-ewwel pajjiż fuq ix-xtut tan-Nofsinhar tal-Mediterran li ffirma ftehim ta' assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea fl-1995;

C.  billi fit-13 ta' Ottubru 2015, l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija varaw negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ambizzjuż abbażi tal-mandat adottat fl-14 ta' Diċembru 2011 b'unanimità mill-Istati Membri tal-Unjoni, u billi sar ċiklu ta' negozjati inizjali mid-19 sat-22 ta' Ottubru 2015;

D.  billi d-diskussjonijiet preliminari bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija dwar id-DCFTA damu erba' snin, u billi t-Tuneżija stabbiliet Kummissjoni Nazzjonali biex tiddefinixxi l-prijoritajiet tagħha;

E.  billi l-approfondiment tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Ewropa u t-Tuneżija bil-konklużjoni ta' sħubija kummerċjali ambizzjuża għandu jiftaħ prospettivi ta' tkabbir u ta' tqarrib għall-ekonomiji tat-Tuneżija u tal-Unjoni Ewropea; billi din is-sħubija trid tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni politika u demokratika tat-Tuneżija;

F.  billi s-sħubija kummerċjali taqa' fl-ambitu usa' tar-relazzjonijiet ta' viċinat bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija rregolati mill-Ftehim Ewro-Mediterranju ta' Assoċjazzjoni tal-1995 li jipprevedi l-istabbiliment ta' żona ta' kummerċ ħieles u dispożizzjonijiet dwar l-agrikoltura u s-servizzi; billi fis-17 ta' Marzu 2015 il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija adotta pjan ta' azzjoni ġdid li jimplimenta s-sħubija privileġġjata, sabiex jintlaħaq livell għoli ta' integrazzjoni ekonomika; billi r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat għandu jippromwovi l-valuri u l-interessi komuni tal-Unjoni u tat-Tuneżija, żvilupp soċjoekonomiku solidali u l-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ, u għandu jwassal għal stabbilizzazzjoni ekonomika;

G.  billi t-Tuneżija, il-post fejn bdew il-ġrajjiet magħrufa bħala r-"Rebbiegħa Għarbija", hija l-uniku pajjiż fir-reġjun tal-Lvant Qrib u Nofsani u tal-Afrika tat-Tramuntana fejn ġie implimentat proċess ta' tranżizzjoni demokratika u politika u, għaldaqstant, huwa eżempju għar-reġjun kollu;

H.  billi l-istabbiltà politika u l-iżvilupp ekonomiku jimxu id f'id, u billi dan il-ftehim kummerċjali għandu jkollu l-objettiv li joffri prospettivi reali għall-ekonomiji Tuneżini u Ewropej;

I.  billi, b'mod parallel ma' dawn in-negozjati, l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tagħti u tintensifika l-għajnuna tagħha lit-Tuneżija u tipprovdilha assistenza finanzjarja u teknika adegwata u xierqa matul in-negozjati u mbagħad fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim permezz tal-iżvilupp ta' sħubija reali li fiha jistgħu jitqiesu l-interessi tal-popolazzjonijiet taż-żewġt ixtut tal-Mediterran;

J.  billi t-Tuneżija u l-Unjoni Ewropea għandhom kull interess li jippromwovu u jsaħħu l-proċess ta' integrazzjoni reġjonali "Nofsinhar-Nofsinhar" bejn it-Tuneżija u l-istati ġirien, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehim ta' Agadir; billi n-negozjati ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u t-Tuneżija għandhom jikkumplementaw tali sforzi;

K.  billi t-tranżizzjoni demokratika Tuneżina tibqa' eżempju għall-pajjiżi l-oħra tar-reġjun; billi fis-26 ta' Jannar 2014, l-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti adottat il-Kostituzzjoni l-ġdida għat-Tuneżija; billi dan huwa eżemplari fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet; billi fil-21 ta' Diċembru 2014, is-Sur Beji Caïd Essebsi ġie elett President tar-Repubblika tat-Tuneżija f'elezzjonijiet ħielsa, pluralisti u trasparenti;

L.  billi s-soċjetà ċivili Tuneżina, b'riżultat tad-dinamiżmu u l-livell ta' edukazzjoni tagħha, tiżvolġi rwol essenzjali fit-tranżizzjoni tal-pajjiż lejn id-demokrazija; billi għandha tkompli tiġi assoċjata mill-qrib mal-proċess ta' deliberazzjonijiet politiċi, anke fin-negozjati li għaddejjin;

M.  billi l-għoti tal-Premju Nobel għall-Paċi lill-Kwartett tad-Djalogu Nazzjonali Tuneżin huwa rikonoxximent tal-isforzi li saru għall-konsolidament tad-demokrazija u huwa inkoraġġiment biex dan il-proċess jitkompla; billi huwa imperattiv li jiġi konkluż ftehim eżemplari biex itaffi l-preokkupazzjonijiet espressi mis-soċjetà ċivili;

Konstatazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika, politika u soċjali fit-Tuneżija

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki terroristiċi li seħħew fit-Tuneżija f'dawn l-aħħar xhur u li ħallew ħafna vittmi; iqis li t-Tuneżija qiegħda tħabbat wiċċha ma' theddida terroristika kbira ħafna u jfakkar li l-attentat tal-24 ta' Novembru 2015 fuq xarabank tas-sigurtà presidenzjali, l-attakki terroristiċi tas-26 ta' Ġunju 2015 f'Sousse u l-attentat tat-18 ta Marzu fil-Mużew ta' Bardo kkompromettew serjament il-prospettivi turistiċi għas-sajf tal-2015 meta t-turiżmu u s-setturi marbuta jirrappreżentaw 15 % tal-PNG tal-pajjiż; jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mat-Tuneżija u jtenni l-appoġġ tiegħu lill-awtoritajiet Tuneżini fil-ġlieda tagħhom kontra t-terroriżmu, fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

2.  Jikkonstata li l-ekonomija Tuneżina qed taffronta diffikultajiet sinifikanti, li r-rata ta' tkabbir tal-PDG kienet ta' 2,3 % fl-2014, li r-rata tal-qgħad fl-2015 kienet tammonta għal 15 % tal-popolazzjoni attiva, li 28,6 % tal-gradwati mill-edukazzjoni għolja huma bla xogħol u li l-qgħad fost iż-żgħażagħ Tuneżini qed jiżdied;

3.  Isostni li jeżisti żbilanċ demografiku u ekonomiku evidenti bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija, u li dan jiġġustifika strateġija asimmetrika u progressiva fin-negozjati;

4.  Ifakkar li t-Tuneżija hija karatterizzata minn disparitajiet reġjonali sinifikanti bejn il-kapitali, Tuneż, u r-reġjuni l-oħra tal-pajjiż, b'distakki fl-iżvilupp sinifikanti ħafna bejn il-kosta u ż-żoni taċ-ċentru tal-pajjiż, partikolarment fir-rigward tar-rata tal-qgħad, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, u li dawn id-distakki jistgħu jaggravaw minħabba t-tibdil fil-klima;

5.  Ifakkar li s-suq tax-xogħol fit-Tuneżija fih disparitajiet bejn id-diversi setturi affettwati mill-ftehim kummerċjali, li, jekk ma jiġux indirizzati, jistgħu jwasslu għal eċċess ta' ħaddiema fis-settur agrikolu u għall-għajbien ta' setturi oħra importanti għad-diversifikazzjoni ekonomika fit-Tuneżija, bħall-industrija tal-manifattura jew tal-minjieri;

6.  Jinnota li l-proċess ta' tranżizzjoni demokratika tat-Tuneżija huwa l-iktar wieħed li rnexxa fir-reġjun u li l-pajjiż għażel mudell politiku u ta' żvilupp ekonomiku uniku fost il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tqis dan il-fatt bis-sħiħ fin-negozjati; iqis li l-Unjoni għandha tieħu l-miżuri kollha possibbli biex tappoġġja lit-Tuneżija fit-tranżizzjoni demokratika tagħha lejn soċjetà stabbli u pluralista;

7.  Jikkonstata li t-Tuneżija tbati minħabba ambjent reġjonali instabbli ħafna, b'mod partikolari minħabba l-kunflitt fil-Libja u l-vjolenza sporadika fl-Alġerija, żewġ pajjiżi fuq il-fruntiera magħha;

8.  Jikkonstata li t-Tuneżija laqgħet aktar minn 1,8 miljun rifuġjat Libjan, u li dan in-numru jikkorrispondi għal 16 % tal-popolazzjoni totali tat-Tuneżija;

Il-kundizzjonijiet biex jirnexxi ftehim kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija

9.  Jilqa' l-ftuħ tan-negozjati fil-ħarifa tal-2015 għall-konklużjoni ta' ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija, abbażi tal-mandat adottat fl-2011 mill-Kunsill b'segwitu għar-"Rebbiegħa Għarbija"; jinnota li, mill-2011, it-Tuneżija kkonsolidat it-tranżizzjoni demokratika tagħha bil-proklamazzjoni tal-Kostituzzjoni l-ġdida tagħha fis-26 ta' Jannar 2014 u bl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali li saru rispettivament fis-26 ta' Ottubru u fit-23 ta' Novembru 2014;

10.  Iqis li dan il-ftehim fih iktar minn dimensjoni kummerċjali biss, u li għandu bilfors ikollu l-għan li jikkontribwixxi għall-istabbiltà tat-Tuneżija, għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija tagħha u għar-rivitalizzazzjoni tal-ekonomija tagħha, billi jkollha impatt pożittiv kemm fuq il-prezzijiet tal-konsumatur u l-impjiegi, fuq is-salarji tal-ħaddiema kwalifikati u mhux kwalifikati u fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanzi; jitlob li ma jiġi konkluż ebda ftehim li ma jindirizzax dawn il-kwistjonijiet;

11.  Iħeġġeġ lin-negozjaturi jikkonkludu ftehim progressiv u asimmetriku li jqis id-disparitajiet ekonomiċi kbar bejn iż-żewġ partijiet, juru flessibbiltà, reattività, innovazzjoni, trasparenza u kapaċità ta' adattament fin-negozjati, u jżommu f'moħħhom li dan il-ftehim irid ikun ta' benefiċċju għall-ekonomiji u s-soċjetajiet tat-Tuneżija u tal-UE, filwaqt li jitqiesu kif xieraq id-differenzi u s-sensittivitajiet speċifiċi, u l-kuntesti soċjoekonomiċi u kulturali, taż-żewġ partijiet, mingħajr distorsjoni fil-kummerċ intrareġjonali tat-Tuneżija mal-pajjiżi tar-reġjun;

12.  Jilqa' l-fatt li l-Gvern Tuneżin ippreżenta pjan ta' riformi fuq ħames snin (2015-2020) tal-ekonomija, bl-għan li jnaqqas ir-rata tal-qgħad u d-disparitajiet reġjonali fil-pajjiż u li jiddiversifika l-istruttura ekonomika; iqis li l-ftehim ta' kummerċ ħieles għandu jkun konsistenti mal-għanijiet ta' dan il-pjan;

13.  Ifakkar li dawn huma l-ewwel negozjati kummerċjali ta' din il-portata għat-Tuneżija, u li għalhekk, huwa importanti li l-ftuħ tas-setturi ekonomiċi Tuneżini jkun progressiv, gradwali u asimmetriku, u li jipprevedi perjodi ta' tranżizzjonijiet għas-setturi sensittivi filwaqt li jiġu esklużi min-negozjati ċerti prodotti meqjusa bħala sensittivi mill-partijiet;

14.  Iqis li huwa essenzjali li t-Tuneżija tirċievi mill-Unjoni Ewropea għajnuna finanzjarja u teknika sostanzjali għan-negozjati kummerċjali biex timplimenta kif xieraq id-dispożizzjonijiet differenti tal-ftehim ta' kummerċ ħieles; jitlob li l-għajnuna finanzjarja tiġi allokata b'mod trasparenti u li tkun effettivament ta' benefiċċju għad-destinatarji tagħha;

15.  Jilqa' l-appoġġ mogħti mill-Bank Ewropew tal-Investiment lil numru ta' proġetti fit-Tuneżija; jissottolinja l-fatt li dan l-appoġġ jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni ekonomika tat-Tuneżija kif ukoll għall-ħolqien ta' impjiegi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ;

16.  Jilqa' l-fatt li l-Unjoni Ewropea għamlet lit-Tuneżija wieħed mill-pajjiżi prijoritarji tal-politika tal-viċinat tagħha vis-à-vis l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, u li allokat self ta' EUR 300 miljun lit-Tuneżija f'assistenza makrofinanzjarja biex jiġu stabbiliti riformi ekonomiċi;

17.  Jitlob, madankollu, lill-Unjoni Ewropea, kif ukoll lill-Istati Membri tagħha, lill-BEI u lill-BERŻ, jibqgħu qrib it-Tuneżini u jottimizzaw il-programmi tagħhom ta' għajnuna u ta' assistenza, anke permezz tal-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi straordinarji u n-negozjar mill-ġdid eventwali tas-self f'każ ta' skwilibriju fil-bilanċ tal-pagamenti, biex jakkumpanjaw lit-Tuneżija fil-konsolidazzjoni tal-proċess demokratiku tagħha; jilqa' l-implimentazzjoni minn ċerti Stati Membri ta' "sħubijiet għat-trasformazzjoni tat-Tuneżija"; jistieden lill-Unjoni Ewropea tkompli l-programm tagħha ta' tnaqqis tal-inugwaljanzi reġjonali fir-rigward tal-aċċess għall-kura medika bażika;

 

18.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea tqis is-sitwazzjoni speċifika tat-Tuneżija f’dawn in-negozjati, speċjalment fid-dawl tat-tranżizzjoni demokratika fraġli u d-differenza fl-iżvilupp ekonomiku bejn l-Unjoni u t-Tuneżija, filwaqt li żżomm dejjem f’moħħha li l-aħjar soluzzjonijiet huma dawk li jkunu ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li dawn in-negozjati jiksbu malajr gwadanji konkreti għall-ekonomiji tal-Ewropa u tat-Tuneżija f’setturi ewlenin kif ukoll għall-atturi kollha involuti, speċjalment l-SMEs u l-mikrointrapriżi;

20.  Jenfasizza li dan il-ftehim irid jikkontribwixxi għall-iżvilupp u għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija Tuneżina li bħalissa hija dipendenti primarjament fuq l-agrikoltura, għat-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali u li jrid jipprovdi benefiċċji konkreti għat-Tuneżini u l-Ewropej kollha;

21.  Jilqa' l-fatt li t-Tuneżija wettqet riformi soċjali u ekonomiċi kbar; jinsisti li dawn ir-riformi jkomplu għaddejjin, anke matul in-negozjati, sabiex il-pajjiż ikun jista’ jieħu vantaġġ sħiħ mill-ftehim;

22.  Jikkunsidra li l-ftehim għandu jikkontribwixxi għall-approfondiment tal-kooperazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija, li diġà għamlet progress tajjeb permezz tat-tneħħija tad-dazji doganali fuq il-prodotti industrijali, bi qbil mal-ftehim ta' assoċjazzjoni; jipproponi għalhekk l-isem il-ġdid ta’ "sħubija ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija";

23.  Iħeġġeġ ħafna lill-Kummissjoni u lill-Gvern Tuneżin jistabbilixxu proċess ċar u preċiż tal-involviment tas-soċjetà ċivili Tuneżina u dik Ewropea matul iż-żmien kollu tan-negozjati, u biex ikunu innovattivi; f’dan is-sens, huwa sodisfatt mir-rwol tas-soċjetà ċivili Tuneżina fl-ewwel ċiklu tan-negozjati u jitlob biex il-konsultazzjonijiet ikunu miftuħa u trasparenti u biex jikkunsidraw aktar id-diversità tas-soċjetà ċivili Tuneżina, billi jinbnew fuq l-aħjar prattiki bħal dawk li ġew stabbiliti fil-qafas ta’ negozjati simili;

24.  Jilqa’, f’dan ir-rigward, l-istabbiliment mill-Ministeru tal-Kummerċ u tal-Artiġjanat ta’ sit tal-internet iddedikat għall-komunikazzjoni tad-DCFTA lill-pubbliku kif ukoll ir-rieda tan-negozjaturi li jippubblikaw it-test finali f’verżjoni bi tliet lingwi; jikkunsidra li s-soċjetà ċivili Tuneżina tista’ wkoll tkun assoċjata ma’ dawn in-negozjati permezz ta’ kumitat ta’ superviżjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt;

25.  Jitlob minnufih lill-Kunsill biex jagħmel pubbliku l-mandat ta’ negozjar, li ġie adottat unanimament mill-Istati Membri fl-14 ta’ Diċembru 2011;

26.  Jitlob l-istabbiliment ta’ djalogu regolari matul in-negozjati bejn membri parlamentari Tuneżini u Ewropej; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-ħolqien ta’ Kumitat Parlamentari Konġunt (KPK) UE-Tuneżija, li se jkollu rwol ċentrali billi jippermetti lill-membri parlamentari Ewropej u Tuneżini li jiltaqgħu regolarment u jwettqu segwitu reali tan-negozjati tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles;

27.  Jesprimi x-xewqa tiegħu li dan id-djalogu jippermetti valutazzjoni aħjar tal-aspettattivi u l-preokkupazzjonijiet taż-żewġ partijiet, u għalhekk itejjeb it-termini tal-ftehim;

28.  Ifakkar li l-Unjoni għall-Mediterran tappoġġja l-iżvilupp ta’ proġetti konkreti fir-reġjun u tista’, f’dan is-sens, tipprovdi għarfien espert waqt in-negozjati tal-ftehim;

29.  Jitlob li jsiru studji tal-impatt u evalwazzjonijiet settorjali, rigorużi u trasparenti miż-żewġ naħat, inkluż mill-Parlament Ewropew bil-parteċipazzjoni ta’ esperti Tuneżini, dwar l-effetti tal-ftehim fuq diversi oqsma, speċjalment fuq is-servizzi, l-akkwist pubbliku, il-kompetittività tal-SMEs, l-impjiegi, l-agrikoltura, l-ambjent jew kwalunkwe settur ieħor ta’ prijorità; jinnota li t-Tuneżija tixtieq tinvolvi mill-ewwel lill-esperti Tuneżini biex tiżgura l-kredibilità taċ-ċifri tal-valutazzjoni tal-impatt fit-Tuneżija stess;

30.  Jitlob li dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-evalwazzjonijiet settorjali jiġu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u li, skont it-talba ta’ bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Tuneżina, jiġu eventwalment preċeduti minn evalwazzjoni ex post tal-impatti soċjoekonomiċi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-1995;

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabilixxi mill-aktar fis possibbli n-natura mħallta jew esklużiva tal-ftehim u jitlobha tinvolvi, mill-ewwel diskussjonijiet, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri fid-dibattitu;

32.  Jenfasizza li l-kundizzjonijiet ambjentali fil-baċir tal-Mediterran, b’mod partikolari l-iskarsezza tal-ilma, li tikkaġuna ħsara lill-attivitajiet agrikoli, għandhom jiġu kkunsidrati fin-negozjati u li għandu jiġi promoss mudell li jkun ekonomikament sostenibbli mil-lat tal-ambjent u tal-ġestjoni tar-riżorsi naturali;

33.  Jenfasizza li n-negozjati kummerċjali mat-Tuneżija huma parti mill-kuntest usa’ tar-relazzjonijiet kummerċjali Ewro-Mediterranji; jinsisti li l-Għaxar Konferenza Ministerjali dwar il-Kummerċ tal-Unjoni għall-Mediterran indefinittivament posposta mill-2013 issir dalwaqt biex jiġu eżaminati l-isfidi kummerċjali tar-reġjun u l-prijoritajiet ta’ ħidma li għandhom jiġu stabbiliti għas-snin li ġejjin;

Viżjoni settorjali tan-negozjati

34.  Jitlob li l-ftehim jiddedika biżżejjed importanza lis-settur tas-servizzi, li jirrappreżenta potenzjal kbir għat-tkabbir tal-ekonomija Tuneżina u mistenni jattira investimenti strateġiċi; iqis li, peress li dawn in-negozjati kummerċjali huma l-ewwel ta’ din il-portata għat-Tuneżija, il-kapitolu dwar is-servizzi għandu jidentifika b’mod espliċitu dawk is-setturi li fihom il-partijiet jixtiequ jieħdu impenji dwar l-aċċess għas-suq jew it-trattament nazzjonali;

35.  Ifakkar li s-settur pubbliku huwa ta’ importanza fundamentali għat-Tuneżija u li jiġbor il-parti l-kbira tal-impjiegi kwalifikati Tuneżini;

36.  Ifakkar li t-Tuneżija għandha ħafna negozji ġodda, mikrointrapriżi u SMEs ta' dinamiċità kbira fil-qasam tat-teknoloġiji avvanzati, u jitlob li l-ftehim jiffavorixxi l-kapaċitajiet ta' żvilupp u ta' internazzjonalizzazzjoni tagħhom; jieħu nota tat-talba tat-Tuneżini li fil-ftehim jiġu integrati dispożizzjonijiet ambizzjużi u bilanċjati dwar il-kummerċ online;

37.  Jistieden liż-żewġ partijiet iħeġġu, inkluż permezz ta’ inizjattivi konġunti, it-tkabbir fl-impjiegi, li huwa kundizzjoni essenzjali għall-irkupru ekonomiku u l-istabilità politika fit-Tuneżija;

38.  Jikkunsidra li l-ftehim għandu jkun ta' benefiċċju għall-produtturi ż-żgħar u l-intraprendituri żgħar fit-Tuneżija, li huma indispensabbli għan-nisġa ekonomika Tuneżina; Iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ djalogu regolari bejn l-intraprendituri, l-organizzazzjonijiet professjonali u l-organizzazzjonijiet tat-taħriġ, li jippermetti li jiġu promossi l-aħjar prattiki u li nifhmu aħjar id-diffikultajiet u l-aspettattivi ta’ xulxin;

39.  Iqis li fil-qafas tan-negozjati ta’ kapitolu dwar il-kompetizzjoni, huwa importanti li jittieħed approċċ bil-galbu, progressiv u flessibbli minħabba n-natura strateġika tal-għajnuniet tal-Istat għall-iżvilupp ekonomiku Tuneżin;

40.  Ifakkar fl-importanza li jiġu stabbiliti kmamar tal-kummerċ bilaterali li jirappreżentaw fora permanenti li jippermettu lill-atturi differenti li jiżviluppaw sħubiji bejniethom u jiżviluppaw l-attivitajiet ekonomiċi u kummerċjali tagħhom;

41.  Jitlob lill-Kummissjoni tiffaċilita l-għoti ta’ viżi għal soġġorn qasir għall-eżerċizzju ta’ servizzi tat-tip "Move IV" li jeħtieġu l-ispostament ta’ persuni għal perjodu limitat u f’kundizzjonijiet preċiżi previsti minn kuntratti u mil-leġiżlazzjoni nazzjonali; jenfasizza li l-ebda element fil-ftehim ma għandu jimpedixxi lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha milli japplikaw miżuri maħsuba biex jirregolaw id-dħul jew ir-residenza temporanja ta’ persuni fiżiċi fit-territorju tagħha, inklużi l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw il-moviment ordnat ta’ persuni fiżiċi lil hinn mill-fruntieri tagħha, bħall-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet tad-dħul;

42.  Jixtieq li dan il-ftehim jikkontribwixxi għall-istabbiliment sostenibbli fit-Tuneżija ta' klima favorevoli u ta’ inċentiv għall-investimenti fit-tul fis-setturi ekonomiċi essenzjali, dinamiċi u b’valur miżjud kbir bħat-turiżmu, l-enerġija, inklużi s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, is-servizzi ta' teknoloġija avvanzata, l-ekonomija diġitali u l-iskambju tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora kapitolu dwar l-investimenti maħsuba biex jiffaċilitaw l-investiment barrani dirett bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija u taċċellera t-twaqqif tal-mekkaniżmu Ewro-Mediterranju ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ u tal-investiment, li se jippermetti l-ġbir ta’ informazzjoni u data rilevanti, isaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali u jkun ta’ benefiċċju partikolarment għat-Tuneżija;

43.  Iqis li l-ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-akkwist pubbliku filwaqt li jiġi nnegozjat bil-galbu l-livell ta' ftuħ kemm min-naħa tal-UE kif ukoll min-naħa tat-Tuneżija u jqis l-istruttura u l-kundizzjonijiet speċjali tal-ekonomija Tuneżina;

44.  Iqis li l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija jistgħu biss jibbenefikaw minn aċċess aħjar għas-swieq agrikoli tagħhom u li l-ftehim għandu jikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tariffi doganali, għall-eliminazzjoni tal-ostakli mhux tariffarji u għat-titjib tal-proċeduri għall-esportazzjoni;

45.  Jinnota li t-Tuneżija ffokat fuq l-iżvilupp tal-agrikoltura organika u li, permezz ta' dan il-ftehim, il-prodotti Tuneżini tal-agrikoltura ta' dan it-tip għandu jkollhom il-possibilità ta' aċċess għal swieq ġodda;

46.  Jixtieq li n-negozjati ma jippreġudikawx l-ekonomija taż-żewġ partijiet; jitlob lill-Unjoni u lit-Tuneżija jikkunsidraw il-fatt li jeżistu diversi setturi agrikoli sensittivi fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran, li għalihom se jkollhom jiġu miftiehma, waqt il-proċess ta’ negozjati, listi kompluti b’perjodi ta’ tranżizzjoni u kwoti xierqa, u jekk ikun neċessarju, l-esklużjoni tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tan-negozjati;

47.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinnegozja l-implimentazzjoni ta' standards eżiġenti u ta' kwalità għolja fl-oqsma tas-saħħa u tas-saħħa tal-pjanti u r-riżoluzzjoni ta' problemi veterinarji u ta' kontroll tal-laħam u tal-frott u l-ħaxix li għad fadal fit-Tuneżija; jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi dispożizzjonijiet ta’ assistenza teknika speċifika biex tgħin lill-produtturi Tuneżini jissodisfaw l-istandards tas-saħħa u tas-saħħa tal-pjanti aktar stretti tal-Unjoni Ewropea;

48.  Iqis li l-ftehim għandu jikkontribwixxi għad-definizzjoni ta’ standards ta’ kwalità għolja fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli, speċjalment fl-istandards soċjali;

49.  Jistenna li l-Gvern tat-Tuneżija u l-istituzzjonijiet Ewropej jistabbilixxu dispożizzjonijiet adegwati sabiex jiddefinixxu biċ-ċar l-oriġini, il-provenjenza u t-traċċabbiltà tal-prodotti Tuneżini, kif ukoll jiggarantixxu trasparenza akbar lill-produtturi, l-intermedjarji u l-konsumaturi;

50.  Jixtieq li l-ftehim jinkludi kapitolu ambizzjuż dwar is-setturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, fosthom ir-rikonoxximent u l-protezzjoni msaħħa tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, biex jiġu żgurati rikonoxximent sħiħ u komplut tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Unjoni Ewropea u tat-Tuneżija, it-traċċabilità tal-prodotti kkonċernati u l-protezzjoni tal-għarfien espert tal-manifatturi;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni testendi l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti mhux agrikoli għal dan il-ftehim, bil-patt li t-Tuneżija tirrikonoxxihom min-naħa tagħha;

52.  Jixtieq li l-ftehim jippermetti lill-industrija Tuneżina timmodernizza ruħha u tiggwadanja f'termini ta' għarfien espert, b'mod li jitkoprew elementi aktar estensivi tal-ktajjen ta' provvista tal-prodotti manifatturati u għaldaqstant jiġu attirati livelli ta' kompetenzi aktar avvanzati u jiġi impjegat persunal bi kwalifiki aħjar fil-livell lokali;

53.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkorpora fil-ftehim kapitolu ambizzjuż dwar l-enerġija u l-materja prima li jippermetti kooperazzjoni msaħħa fl-oqsma tal-elettriku, il-gass, l-enerġija eolika, l-enerġija solari u sorsi oħra ta' enerġija rinnovabbli;

54.  Jixtieq li fil-kuntest ta’ dan il-ftehim, il-kooperazzjoni xjentifika tkun imsaħħa bejn l-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka u l-istituti ta’ taħriġ fl-Ewropa u t-Tuneżija għar-riċerka, l-innovazzjoni, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u, b’mod aktar ġenerali, għall-kultura u l-edukazzjoni, u li dawn l-inizjattivi jkunu jistgħu jgħinu wkoll biex jappoġġjaw is-suq tax-xogħol Tuneżin;

55.  Jilqa' l-fatt li t-Tuneżija ġiet integrata fil-programm ta’ riċerka Ewropew "Orizzont 2020" u jitlob minnufih lill-Kummissjoni u lill-Gvern Tuneżin jinkorporaw fil-ftehim kapitolu ambizzjuż dwar l-iżvilupp sostenibbli li jippromwovi standards soċjali u tax-xogħol għoljin, skont id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-istandards ambjentali taħt il-ftehimiet multilaterali f’dan il-qasam;

56.  Ifakkar li t-Tuneżija rratifikat il-konvenzjonijiet kollha tal-ILO iżda, skont korp indipendenti ta’ sorveljanza, għandha żżid l-isforzi tagħha biex tippromwovi standards tax-xogħol għoljin; jixtieq li d-DCFTA jgħin lit-Tuneżija tiżviluppa standards soċjali u tax-xogħol aktar protettivi, b’mod partikolari fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tat-trade unions; jistenna li d-DCFTA, fil-kuntest Tuneżin tat-tranżizzjoni demokratika u tat-theddida terroristika, jippromwovi t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali, speċjalment il-libertà tal-assoċjazzjoni, tal-espressjoni u tal-informazzjoni;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fit-test tal-ftehim il-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem, li biha l-Unjoni Ewropea tista’ tissospendi b’mod unilaterali l-applikazzjoni tal-ftehim fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn parti kontraenti;

58.  Jitlob lill-partijiet jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ klawżola dwar il-governanza fiskali tajba abbażi tal-ħidma tal-Pjattaforma għal governanza tajba tat-taxxa tal-Kummissjoni Ewropea, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ tassazzjoni doppja;

59.  Jilqa' l-interess kondiviż li s-Sħubija għall-Mobilità stabbilita fit-3 ta' Marzu 2014 tiġi approfondita, u jjixtieq li jiġi ffinalizat ftehim ta' faċilitazzjoni tal-viżi u ftehim ta' riammissjoni;

60.  Fil-każ ta’ ħsara effettiva jew eventwali lil settur kummerċjali wieħed jew aktar kkonċernati mill-ftehim, jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jadottaw miżuri kumpensatorji adegwati;

61.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

 

 

(1)

Konklużjonijiet 11076/15 RELEX 626 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-20.7.2015.

(2)

ĠU L 151, 18.6.2015, p. 25.

(3)

ĠU L 151, 21.5.2014, p. 9.

(4)

http://www.trade-sia.com/tunisia/the-study/?lang=en.

(5)

http://www.sia-trade.org/emfta.

(6)

ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2012)0201.

Avviż legali - Politika tal-privatezza