MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-introduzzjoni ta' sistemi kompatibbli għar-reġistrazzjoni ta' annimali domestiċi fl-Istati Membri kollha
17.2.2016 - (2016/2540(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Marco Zullo, Giulia Moi, Isabella Adinolfi, Eleonora Evi f'isem il-Grupp EFDD
B8-0256/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-introduzzjoni ta' sistemi kompatibbli għar-reġistrazzjoni ta' annimali domestiċi fl-Istati Membri kollha
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta' Frar 2016 dwar l-introduzzjoni ta' sistemi kompatibbli għar-reġistrazzjoni ta' annimali domestiċi fl-Istati Membri kollha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-funzjonament tal-Politika Agrikola Komuni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 114 tat-TFUE dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq uniku,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 168(4)(b) tat-TFUE dwar il-miżuri fl-oqsma veterenarji u fito-sanitarji,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 169 tat-TFUE dwar miżuri ta' protezzjoni tal-konsumatur,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-TFUE li jistabbilixxi li, fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni sħiħa lill-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali minħabba li huma esseri sensibbli,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi[1], u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 tat-28 ta' Ġunju 2013 dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni tal-mudell għall-moviment mhux kummerċjali ta' klieb, qtates u inmsa, l-istabbiliment ta' listi ta' territorji u pajjiżi terzi u l-format, it-tqassim u r-rekwiżiti lingwistiċi tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma' ċerti kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 576/2013[2],
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni, mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(1) għad-Direttiva 90/425/KEE[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Saħħa tal-Annimali[4],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-3050 laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd tad-29 ta' Novembru 2010 dwar il-benessri tal-klieb u tal-qtates,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom[5],
– wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 792/2012 tat-23 ta' Awwissu 2012 li jistipula regoli għat-tfassil ta' permessi, ċertifikati u dokumenti oħrajn ipprovduti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006[6],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid tal-ispeċijiet aljeni invażivi[7],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Benessri tal-Annimali mid-Danimarka, il-Ġermanja u n-Netherlands tal-14 ta' Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar kura tas-saħħa aktar sikura fl-Ewropa: it-titjib tas-sikurezza tal-pazjent u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi[8],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-istudju mill-Companion Animals Multisectoral Interprofessional and Interdisciplinary Strategic Think Tank on Zoonoses (CALLISTO),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kummmissjoni ffinanzjat studju dwar il-benessri tal-klieb u tal-qtates involuti fi prattiki kummerċjali;
B. billi l-organizzazzjonjiet mhux governattivi, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet kompetenti u l-veterinarji wrew evidenza ta' żieda fil-kummerċ illegali tal-annimali domestiċi, b'abbuż mifrux tal-Iskema ta' Vvjaġġar tal-Annimali Domestiċi, l-evażjoni tal-kontrolli u l-falsifkazzjoni tad-dokumenti;
C. billi, skont l-istimi, l-abbuż tal-Iskema ta' Vvjaġġar tal-Annimali Domestiċi attwalment huwa t-tielet kummerċ illegali li jiġġenera l-aktar qligħ fl-UE wara n-narkotiċi u l-armi;
D. billi kemm l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti qegħdin jassoċjaw dejjem aktar il-kummerċ illegali tal-annimali domestiċi mal-kriminalità gravi u organizzata;
E. billi, minkejja t-titjib reċenti, għad baqa' tħassib kbir f'dak li għandu x'jaqsam mal-informazzjoni pprovduta għall-Passaporti tal-Annimali Domestiċi, b'mod partikolari rigward il-mod kif tista' tingħata prova li l-età ta' annimal individwali hija korretta;
F. billi ż-Żona ta' Schengen mingħajr fruntieri mhux biss tipprevedi vvjaġġar mingħajr passaport għaċ-ċittadini minn Stat Membru għal ieħor, iżda tiffaċilità wkoll l-ivvjaġġar mingħajr kontrolli fi ħdan l-Unjoni ta' annimali li ġeneralment jinżammu bħala annimali domestiċi
G. billi l-annimali domestiċi involuti fil-kummerċ illegali spiss ikunu mrobbija ħażin, ma jkunux imdorrijin jinteraġixxu soċjalment u jkunu f'riskju għoli ta' mard;
H. billi 70 % tal-mard ġdid li laqat lil bniedem f'dawn l-aħħar deċennji oriġina mill-annimali, u l-annimali ġeneralment miżmuma bħala annimali domestiċi jġorru fuqhom aktar minn 100 żoonożi, inkluża r-rabja;
I. billi dawk li jixtru annimali domestiċi imrobbijin ħażin spiss jispiċċaw iħallsu kontijiet veterinarji għolja mhux mistennija jew jinħasdu mill-mewt għal għarrieda tal-annimal domestiku li jkunu għadhom kif xtraw;
J. billi l-maġġoranza tal-Istati Membri diġà għandhom xi tip ta' rekwiżit għar-reġistrazzjoni u/jew l-identifikazzjoni tal-annimali domestiċi; billi ħafna minn dawn il-bażijiet ta' data għadhom mhumiex konnessi ma' bażi ta' data tal-UE u dan hu ostaklu għal traċċabilità sħiħa meta l-annimali domestiċi jiġu spostati minn pajjiż għall-ieħor fl-UE;
K. billi l-kummerċ illegali tal-annimali selvaġġi jikkostitwixxi waħda mill-aktar attivitajiet estensivi ta' kriminalità organizzata transnazzjonali fid-dinja kollha;
L. billi l-ħarba ta' annimali eżotiċi u selvaġġi li m'għandhomx għedewwa naturali tista' twassal għal tifrix mhux ikkontrollat tal-ispeċi, li jkollu riperkussjonijiet fuq l-ambjent, is-saħħa pubblika u l-ekonomija;
1. Jissottolinja l-kontribut pożittiv li l-annimali domestiċi jagħtu lill-ħajjiet ta' miljuni ta' sidien u familji individwali fl-UE kollha, u jafferma mill-ġdid li s-sidien għandhom ikunu jistgħu jivvjaġġaw mal-annimali domestiċi tagħhom b'mod sikur u kkontrollat fl-Unjoni kollha;
2. Jilqa' t-titjib li sar fl-Iskema ta' Vvjaġġar tal-Annimali Domestiċi introdotta bir-Regolament (UE) Nru 576/2013, inkluża l-introduzzjoni ta' elementi ta' sigurtà fil-Passaport tal-Annimali Domestiċi;
3. Jinnota bi tħassib l-evidenza ppreżentata minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, aġenziji tal-infurzar tal-liġi, awtoritajiet kompetenti u veterinarji li turi b'mod ċar abbuż illegali dejjem jiżdied mill-Iskema ta' Vvjaġġar tal-Annimali Domestiċi, li qed tiġi sfruttata għal skopijiet kummerċjali;
4. Jinnota li r-rata baxxa ta' tilqim fost l-annimali domestiċi involuti fil-kummerċ illegali ta' spiss tfisser li dawn ikollhom jiġu trattati bl-antibijotiċi; jenfasizza li dan iżid ir-riskju ta' reżistenza għall-antimikrobiċi fost l-annimali domestiċi; jinsab imħasseb li dan hu fattur ta' riskju addizzjonali għall-iżvilupp u t-trażmissjoni ta' reżistenza antimikrobika fil-bniedem;
5. Jirrikonoxxi li n-nuqqas ta' soċjalizzazzjoni huwa fattur ewlieni assoċjat mal-problemi fl-imġiba tal-annimali domestiċi, u li dawk li jixtru annimali li mhumiex imdorrijin jinteraġġixxu soċjalment ipoġġu lilhom infushom u annimali oħra f'riskju li jiġu attakkati jew jingidmu;
6. Jirrikonoxxi li filwaqt li l-Istati Membri għandhom sistemi obbligatorji għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali domestiċi, jeżistu diskrepanzi fir-rigward tat-tip ta' informazzjoni li tinżamm, l-annimali koperti mir-rekwiżiti ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni, u l-livell ta' governanza li fiha tinżamm din l-informazzjoni;
7. Jemmen li l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-klieb (Canis lupus familiaris) u l-qtates (Felis silvestris catus) tista' tnaqqas il-possibilità ta' falsifikazzjoni tad-dokumenti u ta' kummerċ illegali, u b'hekk tipproteġi s-saħħa pubblika u tal-annimali u tipprevedi traċċabilità effikaċi fi ħdan l-Unjoni;
8. Jinnota bi tħassib il-kummerċ illegali dejjem jiżdied ta' annimali selvaġġi ġeneralment miżmuma bħala annimali domestiċi;
9. Jemmen li l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali selvaġġi ġeneralment miżmuma bħala annimali domestiċi tista' tnaqqas l-ambitu ta' kummerċ illegali, tipproteġi s-saħħa pubblika u tal-annimali u l-bijodiversità, u għandha tipprevedi wkoll traċċabilità effikaċi fi ħdan l-Unjoni;
10. Jistieden lill-Kummissjoni biex, malli jidħol fis-seħħ ir-Regolament dwar il-Mard Trasmissibbli tal-Annimali, tadotta att delegat minnufih li jistipula regoli skont l-Artikoli 108, 109 u 118 tar-regolament b'rekwiżiti dettaljati u armonizzati għall-mezzi u l-metodi ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-klieb (Canis lupus familiaris) u l-qtates (Felis silvestris catus);
11. Jistieden lill-Kummissjoni biex, malli jidħol fis-seħħ ir-Regolament dwar il-Mard Trasmissibbli tal-Annimali, tikkunsidra li tadotta atti delegati li jistipulaw regoli skont l-Artikoli 108, 109 u 118 tar-regolament b'rekwiżiti dettaljati u armonizzati għall-mezzi u l-metodi ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-annimali domestiċi li ġejjin, kif definit mill-Anness I tal-istess Regolament: rettili, għasafar (kampjuni ta' speċijiet avjarji minbarra tjur domestiċi, dundjani, farawni, papri, wiżż, summien, ħamiem, faġani, perniċijiet u ratiti), rodituri u fniek minbarra dawk li huma intiżi għall-produzzjoni tal-ikel;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-rekwiżiti fil-paragrafi 10 u 11 jiżguraw li l-miżuri ta' prevenzjoni u kontroll previsti fir-Regolament dwar Mard Trasmissibbli tal-Annimali ikunu applikati b'mod effiċjenti u li jiffaċilitaw it-traċċabilità ta' dawn l-annimali domestiċi, il-movimenti tagħhom fl-Istati Membri u minn Stat Membru għal ieħor u d-dħul tagħhom fl-Unjoni;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora miżuri addizzjonali biex tiġġieled il-kummerċ illegali tal-annimali domestiċi msemmija fil-konklużjonijiet tal-istudju dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates involuti fi prattiki kummerċjali, u biex tippubblika dawk il-konklużjonijiet mingħajr dewmien;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1.
- [2] ĠU L 178, 28.6.2013, p. 109.
- [3] ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2014)0381.
- [5] ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1.
- [6] ĠU L 242, 7.9.2012, p. 13.
- [7] ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35.
- [8] Testi adottati, P8_TA(2015)0197.