Proċedura : 2015/2895(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0310/2016

Testi mressqa :

B8-0310/2016

Dibattiti :

PV 09/03/2016 - 17
CRE 09/03/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2016 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0091

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 476kWORD 147k
2.3.2016
PE579.736v01-00
 
B8-0310/2016

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-Rapport 2015 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2015/2895(RSP))


Ivo Vajgl f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rapport 2015 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2015/2895(RSP))  
B8-0310/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nri 817 (1993) u 845 (1993),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar l-Applikazzjoni tal-Ftehim Interim tat-13 ta' Settembru 1995,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 li jagħti lill-pajjiż l-istatus ta' kandidat għal sħubija fl-UE, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2008 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra t-12-il laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-pajjiż u l-UE, li saret fl-20 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tal-President tas-Summit dwar il-Balkani tal-Punent, li sar fi Vjenna fis-27 ta' Awwissu 2015, u r-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għas-Summit ta' Vjenna 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar il-Lvant tal-Mediterran dwar ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, li saret fil-Lussemburgu fit-8 ta' Ottubru 2015, kif ukoll l-Istqarrija tal-Mexxejja maħruġa wara l-Laqgħa tal-Mexxejja dwar il-flussi ta' rifuġjati tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, li saret fi Brussell fil-25 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Missjoni ta' Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet tal-OSKE/ODIHR tas-27 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-prijoritajiet ta' riforma urġenti tal-Kummissjoni għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar kwistjonijiet sistemiċi ta' stat tad-dritt fir-rigward tal-interċettazzjoni ta' komunikazzjonijiet żvelata fir-rebbiegħa tal-2015,

–  wara li kkunsidra l-ħames laqgħa tad-Djalogu ta' Livell Għoli dwar l-Adeżjoni, li saret fi Skopje fit-18 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2015 bit-titolu "L-istrateġija ta' tkabbir tal-UE" (COM(2015)0611), akkumpanjata mid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport tal-2015 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja" (SWD(2015) 0212),

–  wara li kkunsidra l-ftehim politiku (l-hekk imsejjaħ "Ftehim ta' Przhino") milħuq bejn l-erba' partiti politiċi ewlenin fi Skopje fit-2 ta' Ġunju u fil-15 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra t-13-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari Konġunt (KPK) bejn l-UE u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li saret fi Skopje fit-3 u l-4 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,

–  wara li kkunsidra x-xogħol ta' Ivo Vajgl bħala rapporteur permanenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin għall-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-prospett tal-adeżjoni mal-UE huwa inċentiv ewlieni għal aktar riformi, b'mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u huwa sors ta' tama għal futur prosperu għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ; billi l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika juri ammont konsiderevoli ta' appoġġ pubbliku favur sħubija fl-UE fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

B.  billi l-istat tad-dritt, il-libertà tal-midja, il-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajba ta' viċinat huma partijiet essenzjali mill-proċess ta' tkabbir tal-UE;

C.  billi l-pajjiż ilu għaxar snin pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE u għadu meqjus bħala fost l-aktar kandidati avvanzati fir-rigward tal-allinjament mal-acquis;

D.  billi l-pajjiżi kandidati (potenzjali) jiġu ġġudikati fuq il-merti tagħhom stess, u r-rapidità u l-kwalità tar-riformi meħtieġa jiddeterminaw il-kalendarju għall-adeżjoni;

E.  billi l-Kummissjoni, appoġġata mill-Parlament, ripetutament appellat għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni, filwaqt li enfasizzat l-importanza tan-negozjati bħala mutur ewlieni għall-proċess ta' riformi meħtieġa;

F.  billi l-Kunsill kien qed jimblokka l-progress fil-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiż parzjalment minħabba l-kwistjoni mal-Ġreċja dwar l-isem, li għad mhijiex solvuta; billi l-kwistjonijiet bilaterali m'għandhomx jintużaw biex ixekklu l-proċess ta' adeżjoni iżda għandhom jiġu indirizzati fi spirtu kostruttiv kemm jista' jkun kmieni fil-proċess ta' adeżjoni, filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji u l-valuri tan-NU u tal-UE;

G.  billi hemm kunsens bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament li ż-żamma tar-rakkomandazzjoni pożittiva biex jinfetħu n-negozjati dwar l-adeżjoni għandha tkun tiddependi mill-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim politiku ta' Ġunju/Lulju 2015 u progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti; billi l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim politiku toħloq ambjent li fih ikun hemm prospett realistiku ta' soluzzjoni negozjata għall-kwistjoni dwar l-isem mal-Greċja;

H.  billi l-mentalità politika diviżiva, in-nuqqas ta' kompromess u l-kollass ta' djalogu ħadu l-forma ta' kriżi politika, li wasslet għall-ibbojkottjar tal-parlament tal-pajjiż mill-akbar partit tal-oppożizzjoni u kompliet timmina l-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi; billi hija r-responsabilità komuni kemm tal-gvern kif ukoll tal-oppożizzjoni li jiżguraw kooperazzjoni politika sostenibbli, li hija essenzjali għall-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż, għat-twettiq tal-aġenda Ewropea u għall-ġid komuni taċ-ċittadini tiegħu;

I.  billi l-pajjiż qed iħabbat wiċċu ma' sfidi serji relatati ma' komunikazzjonijiet interċettati, li enfasizzaw nuqqasijiet u preokkupazzjonijiet kruċjali; billi l-kriżi politika ta' dan l-aħħar uriet in-nuqqas ta' sistema effettiva ta' kontrolli u bilanċi ġewwa l-istituzzjoinjiet tal-Maċedonja u l-ħtieġa li tiżdied it-trasparenza u r-responsabilità pubblika, inkluż mekkaniżmi adegwati għas-superviżjoni tas-servizzi ewlenin u tal-istrutturi interni;

J.  billi l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim politiku bejn il-mexxejja tal-erba' partiti politiċi prinċipali hija kruċjali għall-istabilità tal-pajjiż; billi dan il-ftehim kien jipprevedi, inter alia, soluzzjoni għall-istaġnar politiku, ir-ritorn tal-oppożizzjoni fil-parlament, l-implimentazzjoni ta' riformi sistemiċi dwar l-istat tad-dritt, it-tisħiħ ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat, ir-riżenja tal-gvern preżenti u tal-Prim Ministru mill-anqas 100 jum qabel l-elezzjonijiet parlamentari bikrija, it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali u elezzjonijiet parlamentari bikrija ħielsa u ġusti;

K.  billi fost il-kwistjonijiet kritiċi fil-proċess ta' riforma hemm l-influwenza politika fil-midja, il-ġudikatura u l-amministrazzjoni pubblika, il-korruzzjoni u t-tlestija tar-reviżjoni tal-Ftehim ta' Ohrid;

L.  billi l-pajjiż ilu jiffaċċja fluss bla preċedent ta' rifuġjati li jittranżitaw mit-territorju tiegħu;

M.  billi, wara aktar minn 10 snin, il-pajjiż u l-Greċja stabbilew mill-ġdid reċiprokament żjarat bilaterali fil-livell tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim bejn l-erba' partiti tat-2 ta' Ġunju u tal-15 ta' Lulju 2015 u l-faċilitazzjoni tiegħu mill-Kummissarju għat-Tkabbir, mit-tliet Membri tal-Parlament Ewropew u mill-medjatur tal-UE fuq il-post; iħeġġeġ lill-partiti politiċi biex jassumu r-responsabilitajiet rispettivi tagħhom lejn iċ-ċittadini u jiżguraw mingħajr dewmien u b'mod kostruttiv l-implimentazzjoni fil-ħin tal-impenji kollha tagħhom b'mod sostenibbli u negozjat, inkluż l-impenn tagħhom li jsaħħu r-relazzjonijiet tajba ta' viċinat, anke sabiex tinżamm ir-rakkomandazzjoni pożittiva biex jinfetħu n-negozjati dwar sħubija fl-UE; iħeġġiġhom ukoll biex jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv fi djalogu politiku u jkomplu jagħmlu sforzi kontinwi ħalli jerġa' jkun hemm il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet sabiex tinżamm l-istabilità politika u titħaffef l-aġenda tar-riforma bil-għan li tiżgura l-integrazzjoni Ewro-Atlantika u l-perspettiva Ewropea tal-pajjiż;

2.  Jieħu nota tal-fatt li numru ta' obbligi previsti fil-Ftehim ta' Ġunju/Lulju 2015 twettqu skont l-iskadenzi u l-objettivi maqbula, iżda jiddispjaċih dwar it-tendenza li jiddewmu xi wħud mill-impenji u dwar xi passi lura fir-rigward tal-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti; jenfasizza l-aspetti tal-Ftehim li jirreferu għal riformi strutturali, u l-ħtieġa li l-partijiet kollha jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv fil-Grupp ta' Ħidma organizzata mill-medjatur tal-UE fuq bażi kontinwa u dwar il-kwistjonijiet tal-implimentazzjoni tal-ftehim, anki waqt il-perjodu tal-elezzjoni; jistieden lill-partijiet kollha biex ipoġġu l-interessi tal-pajjiż qabel l-interessi tal-partit u jinsisti li qbil bejn il-partiti kollha jibqa' essenzjali sabiex jiġu ssodisfatti l-elementi kollha tal-Ftehim ta' Ġunju/Lulju 2015, li jqiegħed lill-pajjiż lura fit-triq it-tajba lejn perspettiva Ewro-Atlantika; jilqa' r-ritorn fil-parlament tal-partit ewlieni tal-oppożizzjoni, l-SDSM, fl-1 ta' Settembru 2015; jilqa' l-ħatra ta' Prosekutur Speċjali fil-15 ta' Settembru 2015 biex imexxi investigazzjonijiet indipendenti u bir-reqqa; jinnota li l-emendi għall-kodiċi elettorali l-ġdid, il-liġi li tistabbilixxi Kumitat ta' Inkjesta, il-liġi dwar il-gvern u l-liġi dwar il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Elettorali tal-Istat il-ġdida ġew adottati b'dewmien;

3.  Jilqa' l-impenn tal-mexxejja tal-partiti politiċi ewlenin, skont il-ftehim tat-2 ta' Ġunju 2015, biex jaħdmu lejn it-tisħiħ tar-relazzjonijiet tajba ta' viċinat bħala element essenzjali biex il-pajjiż jitqarreb aktar lejn l-Unjoni Ewropea;

4.  Jinnota li, skont il-Ftehim ta' Ġunju/Lulju 2015, il-gvern il-ġdid se jieħu l-ġurament fil-15 ta' Jannar 2016, 100 jum qabel id-data miftiehma għal elezzjonijiet parlamentari bikrin; jieħu nota tal-votazzjoni tal-Parlament tal-Maċedonja fit-23 ta' Frar 2016 li tistabbilixxi data ġdida għal elezzjonijiet parlamentari bikrija tal-5 ta' Ġunju 2016; jiddispjaċih madankollu li ntilfet opportunità biex jinstab kunsens bejn il-partijiet kollha; ifakkar li dawn l-elezzjonijiet se jkunu test importanti għall-proċess demokratiku tal-pajjiż; jinsisti li l-partiti politiċi kollha jagħmlu sforzi biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet kredibbli, u jenfasizza l-importanza kbira li dawn l-elezzjonijiet ikunu liberi, ġusti, f'konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali u skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-elezzjonijiet jitħejjew skont l-ogħla standards internazzjonali, inkluż l-iżgurar ta' proċeduri ta' elezzjoni ħielsa u ġusti u t-tisħiħ tal-libertà tal-midja; jesprimi preokkupazzjoni dwar il-pass bil-mod tal-verifika tal-lista tal-votanti u r-riforma tal-midja; jenfasizza li l-Kummissjoni Elettorali tal-Istat għandu jkollha kapaċità sħiħa li twettaq ħidmitha, u li metodoloġija għall-verifika tal-lista tal-votanti għandu jintlaħaq qbil dwarha mill-partiti kollha, b'livell miftiehem ta' kontrolli fuq il-post biex jiżgura l-leġittimità; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li l-atturi politiċi kollha jirrispettaw ir-riżultati tal-elezzjoni u jipparteċipaw attivament fl-attivitajiet parlamentari; jinnota r-responsabilità kondiviża tal-forzi politiċi ewlenin għall-proċess ta' tħejjija tal-elezzjonijiet; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tkun preżenti għal osservazzjoni elettorali;

6.  Iqis li huwa ta' importanza strateġika li tiġi żgurata l-kontinwità fl-appoġġ għall-progress Maċedonjan lejn sħubija fl-UE; jinnota li r-rakkomandazzjoni biex jinfetħu n-negozjati dwar l-adeżjoni għandha ssir bil-kundizzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim politiku ta' Ġunju/Lulju 2015 u progress sostanzjali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti; jistieden lill-Kunsill biex jindirizza din il-kwistjoni mill-aktar fis possibbli wara l-elezzjonijiet parlamentari bikrija, kif indikat mill-Kummissjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu l-prekundizzjonijiet għal elezzjonijiet demokratiċi u ġusti, inter alia permezz tat-tħejjija ta' reġistru ta' votanti affidabbli u l-libertà tal-midja; jilqa' l-livell għoli ta' allinjament mal-acquis leġiżlattiv u l-fatt li l-pajjiż għamel progress tul din l-aħħar sena f'25 minn fost it-33 kapitolu tal-acquis;

7.  Iqis li huwa essenzjali għall-proċess demokratiku li l-Prosekutur Speċjali tingħata appoġġ sħiħ biex twettaq il-funzjonijiet maqbula tagħha u żżomm awtonomija sħiħa, u r-riżorsi kollha meħtieġa biex tinvestiga nuqqasijiet li nkixfu mill-interċettazzjonijiet telefoniċi; jitlob li jintemmu l-ostruzzjonijiet fil-qrati kontra r-riferiment ta' provi lill-Prosekutur Speċjali, u li jiġu appoġġati emendi fil-liġi bl-għan li tiġi żgurata l-awtorità awtonoma tagħha fir-rigward tal-protezzjoni tax-xhieda f'każijiet li l-uffiċċju tagħha jkun responsabbli għalihom;

8.  Iqis li huwa essenzjali għall-proċess demokratiku li l-Prijoritajiet Ta' Riforma Urġenti dwar riformi sistemiċi dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jiġu implimentati mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim politiku u l-Prijoritajiet Ta' Riforma Urġenti wara l-elezzjonijiet parlamentari bikrin, u tagħti valutazzjoni dwar it-tmexxija tal-elezzjonijiet;

9.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-parlament tal-pajjiż fl-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż u bħala forum għal djalogu politiku u rappreżentanza politika; jitlob li l-funzjonijiet leġiżlattivi u ta' sorveljanza tal-pajjiż jittejbu u jissaħħu; jitlob li l-kumitati parlamentari rilevanti jitlaqqgħu b'mod regolari u jitħaddmu mingħajr xkiel rigward l-interċettazzjoni ta' komunikazzjonijiet, is-sigurtà u l-kontrospjunaġġ; jitlob il-finalizzazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar l-avvenimenti li seħħew fil-parlament fl-24 ta' Diċembru 2012; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kumitat ikollu aċċess mingħajr xkiel għat-tagħrif, xhieda u għajnuna teknika meħtieġa, kif ukoll li jkun hemm kontroll parlamentari kredibbli tax-xogħol tas-sevizzi ta' intelligence, inklużi l-verifiki u l-bilanċi neċessarji tal-poter eżekuttiv;

10.  Huwa mħasseb dwar ir-rata baxxa ħafna ta' kontrolli u sorveljanza interni u esterni tas-servizzi ta' intelligence; jitlob b'mod urġenti li jissaħħaħ ir-rwol ta' sorveljanza tal-istituzzjonijiet rilevanti fuq dawn is-servizzi u għal implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar kwistjonijiet sistemiċi ta' stat tad-dritt fir-rigward tal-interċettazzjoni ta' komunikazzjonijiet żvelata fir-rebbiegħa tal-2015;

11.  Huwa mħasseb li l-amministrazzjoni pubblika Maċedonjana baqgħet suġġetta għal influwenza politika; iħeġġeġ lill-gvern biex isaħħaħ il-professjonaliżmu, in-newtralità u l-indipendenza fil-livelli kollha u jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipji tar-responsabilità, tat-trasparenza u tal-mertu; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jimplimentaw b'mod sostenibbli l-Liġi dwar il-Uffiċjali Amministrattivi u l-Liġi dwar l-Impjegati Pubbliċi, b'konformità sħiħa mal-prinċipji tat-trasparenza, il-meritokrazija u r-rappreżentanza ugwali, u jadottaw strateġija komprensiva għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika għall-2016–2020, inkluż pjan ta' azzjoni, u programm ta' riforma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u t-tfassil ta' politika inklużiv u bbażat fuq il-provi, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tal-politiki u l-linji ta' responsabilità; jitlob għall-iżvilupp ta' programm ta' taħriġ magħżul għall-persunal tal-amministrazzjoni pubblika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza u possibilitajiet ta' skambju f'dan ir-rigward;

13.  Jappoġġa l-pjanijiet tal-gvern biex tiżdied l-aċċessibilità għas-servizzi pubbliċi billi jipprijoritizza l-iżvilupp tas-servizzi elettroniċi; jissuġġerixxi li l-gvern ifittex opportunitajiet ta' ġemellaġġ u jieħu kont tal-aħjar prattiki eżistenti; jinnota li s-servizzi elettroniċi inaqqsu l-piż burokratiku għall-Istat, għaċ-ċittadini u meta jkun qed isir in-negozju; iqis, barra minn hekk, li s-servizzi elettroniċi jkunu jistgħu jtejbu l-prestazzjoni ekonomika tal-pajjiż u jippermettu t-tisħiħ fit-trasparenza tal-amministrazzjoni pubblika u tas-servizzi pubbliċi;

14.  Jinnota l-qafas legali stabbilit sew u l-miżuri preċedenti fir-rigward tar-riforma ġudizzjarja, iżda jiddeplora l-każijiet ta' ġustizzja selettiva, b'mod partikolari permezz tal-użu ħażin tal-Artikolu 353 tal-Kodiċi Kriminali; jitlob, għal darba oħra, li jkun hemm rieda politika biex titneħħa l-influwenza politika fil-ħatra u l-promozzjoni ta' mħallfin u prosekuturi, u biex jiġu żgurati il-professjonaliżmu u l-indipendenza tal-Kunsill Ġudizzjarju; jenfasizza l-ħtieġa għal funzjonament effiċjenti, persunal suffiċjenti, persunal suffiċjenti u l-indipendenza tal-qrati amministrattivi u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Akkademja għall-Imħallfin u l-Prosekuturi; jitlob it-tħejjija u l-konsultazzjoni xierqa tal-partijiet interessati dwar Strateġija ta' Riforma Ġudizzjarja 2015-2020 u pjan ta' azzjoni ġodda;

15.  Iqis li s-soċjetà ċivili hi organizzata tajjeb, iżda jibqa' mħasseb dwar il-klima diffiċli li topera fiha u l-attakki pubbliċi minn politiċi u mill-midja fuq organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ); jistieden lill-awtoritajiet biex ma jiddiskriminawx kontra l-OSĊ abbażi ta' affiljazzjoni politika, fehmiet reliġjużi jew kompożizzjoni etnika; jiddispjaċih dwar il-kooperazzjoni insuffiċjenti mal-OSĊ, kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f'dak lokali, fit-tfassil tal-politika u tal-liġijiet; jistieden lill-awtoritajiet biex jinkoraġġixxu lill-OSĊ biex jipparteċipaw b'mod attiv fis-superviżjoni tal-proċess elettorali kollu; iħeġġeġ lill-gvern biex jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-OSĊ billi jikkonsulta magħhom matul il-proċess ta' tfassil ta' leġiżlazzjoni u ta' politika, jiżviluppa l-pjan ta' azzjoni 2015-2017 rilevanti, jistabbilixxi l-Kunsill ta' Kooperazzjoni mal-OSĊ, jiffaċilita d-djalogu meħtieġ u jinkludi l-OSĊ fit-tfassil tal-politika b'mod regolari u strutturat; jinnota bi preokkupazzjoni l-ġlied vjolenti bejn id-dimostranti u l-pulizija waqt id-dimostrazzjonijiet ta' Mejju 2015 u jistieden lill-gvern biex jiżgura r-rispett sħiħ tal-libertà ta' assemblea;

16.  Itenni li l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili għandhom jieħdu miżuri xierqa biex tintlaħaq ir-rikonċiljazzjoni storika sabiex tingħeleb il-firda bejn u fi ħdan id-diversi gruppi etniċi u nazzjonali, inklużi ċ-ċittadini ta' identità Bulgara;

17.  Iħeġġeġ lill-pajjiż biex iwaqqaf kumitati esperti konġunti mal-ġirien tiegħu dwar l-istorja u l-edukazzjoni u biex joqgħod lura milli juża materjali edukattiv li jista' jkun fih lingwaġġ offensiv lejn pajjiżi oħra, bl-għan li jikkontribwixxi għal interpretazzjoni tal-istorja oġġettiva u bbażata fuq il-fatti, għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni akkademika u l-promozzjoni ta' attitudnijiet pożittivi fiż-żgħażagħ fir-rigward tal-ġirien tagħhom;

18.  Jibqa' mħasseb dwar il-korruzzjoni mifruxa, b'mod partikolari fi ħdan l-amministrazzjoni tal-istat u dik lokali, fl-akkwist pubbliku u fil-finanzjament ta' partiti politiċi; iħeġġeġ lill-gvern biex jiġġieled il-korruzzjoni b'mod mhux selettiv sabiex jiżviluppa rekord kredibbli kemm fil-prevenzjoni kif ukoll fil-prosekuzzjoni ta' korruzzjoni fuq livell għoli, u biex jiżgura li l-korpi kollha li jinfurzaw il-liġi u superviżorji jkollhom l-awtonomija suffiċjenti biex jaġixxu b'mod indipendenti; jieħu nota tal-adozzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-informaturi f'Novembru 2015 u jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha f'konformità mal-istandards Ewropej; iħeġġeġ lil OSĊ indipendenti u lill-midja biex jixkfu kwistjonijiet ta' korruzzjoni u jappoġġaw investigazzjonijiet u proċessi indipendenti u imparzjali; jinsisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ l-indipendenza tal-pulizija, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u l-Kummissjoni Statali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni, u għat-tisħiħ tal-persunal u l-kapaċitajiet tekniċi tal-Ministeru tal-Intern biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni; jappella għal aktar skrutinju ta' kunflitti potenzjali ta' interess u tal-assi ta' uffiċjali eletti u maħtura bl-istabbiliment ta' reġistru ċentrali ta' tali uffiċjali;

19.  Jilqa' l-fatt li l-pulizija u l-Uffiċċju Tal-Prosekutur Pubbliku ġew imsaħħa fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u li ttieħdu passi, fosthom operazzjonijiet reġjonali/internazzjonali, biex jipprevjenu u jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin; ifaħħar il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi ġirien, l-Istati Membri tal-UE u l-Eurojust fl-iżmantellar ta' diversi netwerks ta' kriminalità organizzata; iħeġġeġ aktar titjib fil-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, inkluż dawk f'pajjiżi ġirien, u t-tisħiħ tas-setgħat u r-riżorsi tal-qrati u l-Aġenzija għall-Ġestjoni tal-Propjetà Sekwestrata; jitlob li jibda jitħaddem iċ-Ċentru Nazzjonali ta' Koordinazzjoni fil-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Organizzata u biex jiġi stabbilit rekord ta' mġiba tajba fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus; ifaħħar il-parteċipazzjoni tal-pajjiż f'inizjattivi reġjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' armi u splussivi; iħeġġeġ it-tisħiħ ulterjuri fil-kooperazzjoni f'dan il-qasam bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Maċedonja, kif ukoll il-gvernijiet fir-reġjun;

20.  Jinnota l-kontribut importanti għall-isforzi reġjonali biex jiġi miġġieled ir-radikalizzazzjoni Iżlamika; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' strateġija komprensiva u pjan ta' azzjoni biex ir-radikalizzazzjoni tiġi evitata u miġġielda, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' mexxejja u komunitajiet reliġjużi, u biex jitkomplew l-isforzi biex jiġu identifikati, evitati u mxekkla ġellieda terroristiċi barranin; itenni bil-qawwa l-ħtieġa li l-gvern jiddefinixxi strateġija proattiva komuni għall-politika barranija tas-sigurtà u d-difiża, minħabba t-theddida terroristika internazzjonali attwali;

21.  Jinsisti li investigazzjonijiet dwar l-avvenimenti f'Kumanovo jiġu kkumpletati; jilqa' d-dikjarazzjonijiet minn atturi politiċi li l-avvenimenti f'Kumanovo ma għandhomx ikunu marbuta ma' relazzjonijiet interetniċi;

22.  Ifakkar lill-gvern u lill-partiti politiċi fir-responsabilità tagħhom li joħolqu kultura ta' inklużjoni u tolleranza; itenni t-talba tiegħu biex il-liġi kontra d-diskriminazzjoni tiġi allinjata mal-acquis rigward id-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru; jinnota li l-Kummissjoni l-ġdida kontra d-diskriminazzjoni fiha biss membru mara u li l-membri tagħha ġew eletti fuq il-bażi tal-affiljazzjoni politika mal-koalizzjoni fil-poter, li jqajjem il-kwistjoni dwar jekk tistax tiffunzjona b'manjiera imparzjali u effikaċi; jikkundanna l-użu ta' kull tip ta' vjolenza kontra l-komunità LGBTI u jtenni t-talba tiegħu li dawk responsabbli għal dawn l-atti ta' vjolenza jitressqu quddiem il-ġustizzja; jenfasizza l-ħtieġa biex jiġu miġġielda l-preġudizzji u d-diskriminazzjoni bbażati fuq kwalunkwe raġuni kontra r-Rom, u biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom u l-aċċess tagħhom għas-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol; jilqa' b'sodisfazzjon il-liġi l-ġdida dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika, iżda jinnota li din tonqos milli tirrikonoxxi l-forom kollha ta' vjolenza; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex jipprovdu servizzi ta' appoġġ għall-vittmi ta' vjolenza domestika u biex jiġi allokat baġit suffiċjenti għall-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni favur l-ugwaljanza bejn is-sessi;

23.  Jafferma mill-ġdid li l-liġi kontra d-diskriminazzjoni għandha tiġi emendata biex issir konformi mal-acquis rigward il-kategoriji kollha ta' diskriminazzjoni elenkati fl-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jikkundanna diskors ta' mibegħda kontra gruppi diskriminati u jitlob investigazzjoni u prosekuzzjoni fil-pront, imparzjali u effettivi tad-delitti u attakki kollha tal-mibegħda kontra persuni għal raġunijiet diskriminatorji;

24.  Jilqa' f'dan il-kuntest id-"Dikjarazzjoni ta' Pristina" li titlob lill-gvernijiet u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, intergovernattivi u tas-soċjetà ċivili japplikaw bir-reqqa l-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u ugwaljanza meta jaħdmu u jieħdu azzjoni f'dak li jikkonċerna l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tar-Rom u l-glieda kontra l-anti-Żingariżmu fil-Balkani tal-Punent;

25.  Jieħu nota tal-progress li sar fit-titjib tar-rispett tad-drittijiet tat-tfal; jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied u tiġi monitorata r-reġistrazzjoni f'faċilitajiet ta' żvilupp fit-tfulija bikrija, speċjalment għal dawk it-tfal l-aktar vulnerabbli; jenfasizza l-importanza li tittejjeb l-inklużjoni tat-tfal b'diżabilità permezz ta' servizzi integrati; jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar data affidabbli u diżaggregata dwar is-sitwazzjoni tat-tfal Rom u li jkun hemm bidliet leġiżlattivi sabiex jiġu evitati ż-żwiġijiet tat-tfal; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar koordinazzjoni fost il-professjonisti għall-prevenzjoni ta' u r-rispons għal vjolenza kontra t-tfal;

26.  Jinnota bi preokkupazzjoni li l-koeżistenza bejn il-gruppi etniċi tibqa' waħda fraġli; jistieden lill-partiti politiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha biex jippromwovu b'mod attiv soċjetà inklużiva u tolleranti multietnika u multireliġjuża; jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ iżjed proattiv biex jisaħħu l-koeżistenza u d-djalogu, u biex tinkiseb koeżjoni bejn id-diversi komunitajiet etniċi, nazzjonali u reliġjużi; ifakkar lill-gvern, lill-istituzzjonijiet u lill-mexxejja politiċi dwar l-impenn tagħhom għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid (OFA) u biex ilestu l-analiżi tiegħu, inkluż rakkomandazzjonijiet ta' politika; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta lura lill-Parlament u lill-Kunsill dwar il-qagħda b'rabta mal-koeżistenza bejn gruppi etniċi fil-pajjiż u dwar l-implimentazzjoni tal-OFA; jappella għal koordinament aħjar tal-programm ta' deċentralizzazzjoni strateġika għall-2015-2020 u l-pjan ta' azzjoni tiegħu;

27.  Ifakkar li l-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jgħinu biex tinħoloq kultura ta' tolleranza u jippromwovu r-rikonċiljazzjoni bejn id-diversi gruppi etniċi; itenni r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu rigward l-edukazzjoni integrata, u jistieden lill-gvern u lill-awtoritajiet lokali kompetenti biex jiżguraw proċess trasparenti u inklużiv rigward l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija dwar l-Edukazzjoni Integrata billi jiġu allokati biżżejjed fondi u jiġu inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' reviżjoni u ta' implimentazzjoni tagħha;

28.  Jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet tal-uffiċċju tal-Ombudsman u korpi konsultattivi oħra jiġu segwiti minn korpi statali kollha b'rispett sħiħ tal-liġi u tal-prinċipju ta' responsabilità, jiżguraw sanzjonijiet legali effikaċi għal non-konformità ma' talbiet u rakkomandazzjonijiet ta' korpi indipendenti u jiżguraw li l-Liġi dwar l-Ombudsman tkun emendata biex tkun kompletament konformi mal-prinċipji ta' Pariġi definiti min-NU dwar l-istatus u t-tħaddim tal-istituzzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

29.  Itenni l-importanza tal-libertà u l-indipendenza tal-midja bħala waħda tal-valuri fundamentali tal-UE u l-pedament ta' kull demokrazija; jiddeplora d-deterjorazzjoni ulterjuri tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja; jiddispjaċih f'dan il-kuntest li, fl-indiċi kkompilat minn Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri, il-pajjiż niżel mill-34 post fl-2009 għall-117-il post fl-2015; huwa mħasseb ħafna dwar il-pressjoni politika, diskors ta' mibegħda, it-tkomplija tal-polarizzazzjoni, in-nuqqas ta' indipendenza u pluraliżmu fil-midja, l-interċezzjoni illegali tal-ġurnalisti, il-każijiet ta' vjolenza u theddid kontra l-ġurnalisti u l-intimidazzjoni u l-awtoċensura, l-interferenza politika sistemika fil-politiki editorjali u l-istandards professjonali u etiċi dgħajfa ta' xi ġurnalisti, kif ukoll in-nuqqas ta' rappurtar investigattiv u bilanċjat;

30.  Iħeġġeġ it-teħid ta' passi biex tissaħħaħ il-libertà tal-midja; jistieden lill-partiti kollha biex jiftiehmu dwar riforma urġenti tal-midja li se tiżgura korp regolatorju indipendenti rappurtar oġġettiv u professjonali; iħeġġeġ lill-gvern jinforza kriterji trasparenti u oġġettivi fuq it-tħabbir mis-servizzi pubbliċi, u biex jiżgura l-implimentazzjoni trasparenti u mhux arbitrarja tal-liġi l-ġdida dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-servizzi tal-midja awdjoviżivi, fosthom it-tisħiħ tal-indipendenza u tal-kapaċità tar-regolatur tal-midja; jitlob li l-membri tal-kunsill tar-regolatur tas-servizzi tal-midja awdjoviżivi jingħataw setgħat sħaħ ta' teħid ta' deċiżjonijiet għall-ħatriet f'dak il-kunsill u għas-servizz tax-xandir pubbliku fuq bażi mhux partiġġjana u f'konsultazzjoni mal-assoċjazzjoni tal-ġurnalisti; jitlob li tiġi żgurata l-indipendenza editorjali u finanzjarja tax-xandir tas-servizz pubbliku, flimkien ma' aċċess sħiħ u ugwali għall-midja għall-partiti politiċi kollha; jitlob, fil-kuntest tal-elezzjonijiet li ġejjin, għal kundizzjonijiet indaqs anki fir-rigward tal-midja;

31.  Jilqa' l-livell tajjeb ta' tħejjija għall-iżvilupp ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona, inkluż is-simplifikazzjoni tal-qafas regolatorju li kompliet issaħħaħ l-ambjent tan-negozju b'mod ġenerali; jinnota, madankollu, li l-infurzar dgħajjef tal-istat tad-dritt, is-sistema ġudizzjarja ineffiċjenti, l-ekonomija informali mdaqqsa u l-korruzzjoni huma ostakoli serji għan-negozju; jenfasizza li t-tisħiħ ulterjuri taċ-ċertezza legali għall-investituri barranin kif ukoll il-kumpaniji domestiċi, l-evitar ta' prattiki diskriminatorji, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi u l-aġenziji regolatorji u superviżorji u t-titjib tal-kwalità tar-regolamentazzjoni, l-istat tad-dritt u l-infurzar tal-kuntratti jibqgħu sfidi importanti; jitlob, barra minn hekk, li jiġi rivedut l-Artikolu 353 tal-Kodiċi Kriminali dwar l-abbuż mill-kariga uffiċjali u l-awtorità f'konformità mal-acquis tal-UE u l-prinċipji ta' ekonomija tas-suq; jinkoraġġixxi t-tneħħija ta' ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ; jenfasizza l-potenzjal kbir u l-vantaġġ strateġiku tal-agrikoltura u tat-turiżmu fl-iżvilupp ulterjuri tal-pajjiż;

32.  Huwa mħasseb dwar il-livell għoli ta' dejn pubbliku; jitlob li tissaħħaħ id-dixxiplina fiskali u jinkoraġġixxi l-prinċipju ta' baġit bilanċjat; jitlob l-implimentazzjoni baġitarja u trasparenza mtejba;

33.  Jilqa' ż-żieda fil-PDG ta' 3.9 % f'termini reali fl-ewwel trimestru tal-2015, iżda jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-qgħad għadu għoli b' 27.4 % u li l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol hija baxxa ħafna, speċjalment fost iż-żgħażagħ u n-nisa; ifakkar li l-impjiegi ma għandhomx ikunu influwenzati minn affiljazzjoni politika jew użati għal pressjoni u intimidazzjoni ta' ċittadini matul il-kampanji elettorali, kif enfasizzat mill-OSKE/ODIHR; iħeġġeġ lill-gvern biex jistabbilixxi djalogu soċjali li jiffunzjona, biex isegwi politika biex jiġi indirizzat il-qgħad fit-tul u l-qgħad strutturali, biex jippromwovi l-kooperazzjoni dwar il-politika ekonomika, jallinja aħjar l-edukazzjoni mad-domandi tas-suq tax-xogħol u biex jiżviluppat strateġija mmirata dwar kif għandha tittejjeb l-integrazzjoni taż-żgħażagħ u tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jitlob lill-gvern jiddedika attenzjoni partikolari biex jitjiebu l-perspettivi taż-żgħażagħ;

34.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fl-esodu tal-imħuħ, b'mod speċjali fost iż-żgħażagħ; jieħu nota tal-isfidi li tiffaċċja s-sistema edukattiva tal-pajjiż u jenfasizza l-ħtieġa għal analiżi komprensiva f'dan ir-rigward; jirrakkomanda l-ippjanar strateġiku għal riformi futuri u bidliet leġiżlattivi permezz tal-involviment ta' movimenti u organizzazzjonijiet tal-istudenti, sabiex jitnaqqas il-fluss ta' migranti b'edukazzjoni għolja u professjonisti; fir-rigward tad-data u l-analiżi tal-Eurostat u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, li jindikaw it-tendenzi ta' migrazzjoni serja, speċjalment fost iż-żgħażagħ, jirrakkomanda l-evalwazzjoni tal-istrateġija nazzjonali 2013-2020 għal netwerking, kooperazzjoni u tnaqqis fil-flussi 'l barra ta' persuni b'edukazzjoni għolja u professjonisti, u li d-dokumentazzjoni u l-istatistika ta' dawn ix-xejriet ikunu disponibbli pubblikament;

35.  Jinnota bi preokkupazzjoni li l-isfidi li tiffaċċja s-sistema edukattiva tal-pajjiż u jenfasizza l-ħtieġa għal analiżi komprensiva f'dan ir-rigward; jirrakkomanda l-ippjanar strateġiku għal riformi futuri u bidliet leġiżlattivi permezz tal-involviment ta' organizzazzjonijiet u movimenti rilevanti tal-istudenti, li jippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bis-sħiħ f'dan il-proċess;

36.  Iħeġġeġ lill-Aġenzija tal-pajjiż għaż-Żgħażagħ u l-iSport tirrikonoxxi r-rwol u l-appoġġ ta', u tistabbilixxi mekkaniżmu permanenti għall-kooperazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ tal-pajjiż; jilqa' l-proċess ta' ħolqien ta' Strateġija Nazzjonali taż-Żgħażagħ għall-2016-2025 u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi allokat finanzjament xieraq għall-implimentazzjoni tagħha;

37.  Jilqa' l-pjan biex jiġu mtejba u mmodernizzati partijiet tan-netwerk ferrovjarju, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Maċedonjani jkomplu jtejbu t-trasport pubbliku b'kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien;

38.  Jiddispjaċih li l-miri tal-enerġija ma ġewx issodisfati fir-rigward, b'mod partikolari, tal-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u jitlob li jkun hemm adozzjoni rapida tal-pjanijiet ta' azzjoni rilevanti;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir progress fil-ftuħ tas-suq intern tal-elettriku, u li jkun hemm konformità sħiħa mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli; jinsab imħasseb dwar il-livelli allarmanti tat-tniġġis tal-arja u jħeġġeġ lill-gvern biex jaġixxi immedjatament biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja, speċjalment f'żoni urbani;

40.  Itenni l-preokkupazzjoni tiegħu dwar il-livelli għoljin tat-tniġġis tal-arja u tal-ilma fil-pajjiż; josserva li huma meħtieġa sforzi sinifikanti fil-qasam tal-ambjent u b'mod partikolari fil-qasam tal-kwalità tal-arja;

41.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija Alimentari u Veterinarja baqgħet taġġorna s-sistemi għall-kontroll tal-importazzjonijiet ta' annimali ħajjin u prodotti tal-annimali, u b'hekk ittejbu l-kontrolli dwar l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-moviment tal-annimali; jilqa' d-dħul fis-seħħ ta' leġiżlazzjoni addizzjonali dwar il-moviment mhux kummerċjali tal-annimali tal-kumpanija u kwistjonijiet żootekniċi, kif ukoll leġiżlazzjoni ġdida dwar il-benessri tal-annimali;

42.  Jibqa' mħasseb dwar in-nuqqas ta' kapaċità li jiġu pprogrammati u assorbiti l-fondi tal-iStrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA); iħeġġeġ lill-gvern biex isaħħaħ il-kapaċitajiet amministrattivi u ta' finanzjament għall-akkwist u l-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE b'mod xieraq u f'waqtu; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-proġetti ffinanzjati mill-UE biex jiġi evitat l-użu ħażin tal-flus pubbliċi Ewropej għal skopijiet politiċi u oħrajn mhux xierqa;

43.  Jinnota li l-pajjiż ilu jiffaċċja fluss migratorju bla preċedent, b'aktar minn 500 000 persuna li ttranżitaw minnu fl-2015; jirrikonoxxi li huwa aġixxa bħala sieħeb responsabbli fil-ġestjoni tal-influss kbir ta' migranti u rifuġjati u fl-istabbiliment ta' miżuri ta' ġestjoni effettiva tal-fruntieri; jinnota l-piż ekonomiku maħluq minn dan l-influss; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-appoġġ għall-kapaċità ta' ġestjoni tal-fruntiera u tippermetti aċċess għal strumenti u programmi rilevanti tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jevitaw u jżommu lura minn kwalunkwe tip ta' azzjonijiet, inkluż il-vjolenza u l-użu tal-forza, li tista' tiddiskrimina kontra, u tpoġġi f'riskju l-ħajjiet ta' rifuġjati u migranti; jinnota li kull tip ta' azzjoni għandha tkun skont il-valuri u l-prinċipji tal-UE, u għandha tirrispetta d-dinjità tal-bnedmin u l-ħajja umana; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jsaħħu, bl-għajnuna tal-UE, il-faċilitajiet ta' lqugħ u ta' akkomodazzjoni, il-koordinazzjoni reġjonali u l-iskambju ta' informazzjoni u l-ġestjoni effettiva tal-fruntieri, jestendu l-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi u jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin; iħeġġeġ lill-pajjiż biex jagħmel dak kollu possibbli biex jiżgura faċilitajiet għal rifuġjati u migranti, jiddefendi kundizzjonijiet umani, ma jwettaqx respinġimenti vjolenti u jiżgura osservanza stretta tal-liġi tal-pajjiż u tad-dritt internazzjonali dwar ir-rifuġjati u l-asil; jinnota li l-għadd totali ta' applikazzjonijiet għall-asil bla bażi ppreżentati fil-pajjiżi membri taż-żona Schengen naqas; ifakkar li għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni vulnerabbli tat-tfal u minorenni mhux akkumpanjati rifuġjati u migranti li jivvjaġġaw madwar il-pajjiż kollu, billi jingħataw servizzi bażiċi u bl-iżgurar tal-involviment ta' ħaddiema soċjali li jipprovdu protezzjoni xierqa;

44.  Iqis li n-negozjati tal-UE jistgħu biss jinfluwenzaw b'mod pożittiv l-isforzi biex jissolva t-tilwim bilaterali, filwaqt li jiġġeneraw ukoll l-ispinta u l-ingranaġġ fir-rigward tar-riformi tant meħtieġa, b'mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-tisħiħ tal-koeżjoni multietnika u s-salvagwardja tal-kredibilità tal-politika ta' tkabbir tal-UE;

45.  Ifaħħar il-ftehim mal-Greċja dwar 11-il miżura għall-bini tal-fiduċja prinċipalment fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-kultura, tal-enerġija u tal-affarijiet interni; jinnota li l-kooperazzjoni hija l-aħjar miżura għall-bini tal-fiduċja; jilqa' bħala sinjal pożittiv il-konsultazzjonijiet ta' livell għoli bejn iż-żewġ Ministri tal-Affarijiet Barranin fil-bliet kapitali rispettivi tagħhom u l-ħolqien ta' task force konġunta li għandha l-għan li tissorvelja l-implimentazzjoni tal-miżuri; jistieden liż-żewġ naħat biex jibnu fuq l-eżitu ta' dawn il-laqgħat u jimpenjaw ruħhom f'diskussjoni kostruttiva f'livell politiku għoli, inkluż dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri għall-bini tal-fiduċja, bl-għan li tarrikkixxi l-kooperazzjoni bilaterali u t-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka; jinkoraġġixxi liż-żewġ gvernijiet biex jużaw dan il-momentum biex jieħdu passi konkreti sabiex tkompli tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka, inkluż fir-rigward tal-kwistjoni tal-isem; jistieden lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) u lill-Kummissjoni biex jappoġġjaw l-ispirtu ta' kooperazzjoni u jiżviluppaw inizjattivi ġodda sabiex jegħlbu d-differenzi li fadal b'konformità mas-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal-5 ta' Diċembru 2011, sabiex jaħdmu, b'kooperazzjoni maż-żewġ pajjiżi u r-Rappreżentant Speċjali tan-NU, favur soluzzjoni aċċettabbli b'mod reċiproku dwar il-kwistjoni tal-isem u biex jirrapportaw lura dwarhom lill-Parlament;

46.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali u jemmen li hija element essenzjali fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE, li ġġib l-istabilità u l-prosperità fir-reġjun; jilqa' r-rwol kostruttiv tal-pajjiż fil-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali, kif ukoll ir-rieda tiegħu li jipparteċipa fi żjarat ta' livell għoli mal-pajjiżi tal-viċinat bħala mezz ta' trawwim tal-kooperazzjoni reġjonali; jinnota li għadhom jeżistu kwistjonijiet pendenti fir-relazzjonijiet mal-Bulgarija u jtenni l-importanza li jiġu finalizzati n-negozjati dwar trattat ta' ħbiberija, ir-relazzjonijiet tajba mal-viċinat u l-kooperazzjoni; itenni l-preokkupazzjoni tiegħu dwar l-użu ta' argumenti storiċi fid-dibattitu attwali mal-ġirien, u jilqa' kull sforz favur ċelebrazzjonijiet konġunti ta' avvenimenti storiċi komuni mal-Istati Membri ġirien tal-UE; iqis li dan jista' jikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-istorja u għal relazzjonijiet ta' viċinat tajba;

47.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni attiva tal-pajjiż fl-aġenda tal-konnettività 6 tal-Balkani tal-Punent billi iffirma ftehim dwar in-netwerk tat-trasport reġjonali ewlieni u impenji oħra meħuda bħala parti mill-proċess ta' Berlin; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex jimplimentaw b'mod rapidu “miżuri rotob” miftiehma waqt is-Summit tal-Balkani tal-Punent fi Vjenna fl-2015 (pereżempju simplifikazzjoni/allinjament tal-proċeduri tal-qsim tal-fruntieri, riformi fis-settur ferrovjarju, sistemi ta' informazzjoni) qabel is-summit tal-Balkani tal-Punent li jmiss, li se jsir fl-2016 fi Franza;

48.  Jistieden lill-gvern biex itejjeb il-livell ġenerali ta' allinjament mal-politika barranija tal-UE peress li r-rata ta' allinjament (68 %) baqgħet baxxa; jistieden lill-Gvern jikkonforma mal-pożizzjonijiet komuni tal-UE dwar l-integrità tal-Istatut ta' Ruma;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill jinkludu lill-pajjiż fl-istrateġiji makroreġjonali tal-UE għall-Kooperazzjoni fix-Xlokk tal-Ewropa; joffri l-kongratulazzjoni għat-tlestija b'suċċess tal-Presidenza Maċedonjana tal-Inizjattiva Ewropea Ċentrali;

50.  Huwa tal-fehma li s-sħubija man-NATO tal-Maċedonja tista' tikkontribwixxi biex tinkiseb aktar sigurtà u stabilità politika fix-Xlokk tal-Ewropa; jittama li n-negozjati dwar l-adeżjoni jinfetħu dalwaqt;

51.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern u lill-parlament tal-pajjiż.

(1)

ĠU L 84, 20.3.2004, p. 13.

Avviż legali - Politika tal-privatezza