MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-"Valutazzjoni teknika tal-Kummissjoni dwar l-esperjenza tal-Ftehim Kontra l-Kontrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha" u l-iskadenza imminenti ta' dak il-ftehim;
2.3.2016 - (2016/2555(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Ingeborg Gräßle, Petri Sarvamaa f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0313/2016
B8-0316/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-"Valutazzjoni teknika tal-Kummissjoni dwar l-esperjenza tal-Ftehim Kontra l-Kontrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha" u l-iskadenza imminenti ta' dak il-ftehim;
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Kontra l-Kuntrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International (PMI) u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li jħassar id-Direttiva 2001/37/KE[1],
– wara li kkunsidra l-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk adottat matul il-ħames sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk bid-Deċiżjoni FCTC/COP5 (1) tat-12 ta' Novembru 2012,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2016 intitolat "Valutazzjoni Teknika dwar l-esperjenza tal-Ftehim Kontra l-Kuntrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha" (SWD(2016)0444),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar l-implikazzjonijiet tal-ftehim bejn il-Komunità, Stati Membri u l-kumpanija Philip Morris dwar l-intensifikar tal-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu tas-sigaretti u dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament dwar is-Sistema tat-Tranżitu Komunitarju[2],
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar il- "Valutazzjoni Teknika dwar l-esperjenza tal-Ftehim Kontra l-Kuntrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha" u l-iskadenza imminenti tal-ftehim (O-000010/2016 – B8-0109/2016, O-000014/2016 – B8-0110/2016, O-000015/2016 – B8-0111/2016, O-000016/2016 – B8–0112/2016, O-000017/2016 –B8-0113/2016, O-000018/2016 – B8-0114/2016 u O-000019 – B8-0115/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kuntrabandu tat-tabakk hu reat gravi li jikkontribwixxi biex jiffinanzja attivitajiet ta' kriminalità organizzata internazzjonali, inkluż it-terroriżmu, u t-traffikar tal-persuni, tad-drogi u tal-armi;
B. billi l-frodi tat-tabakk toħloq tħassib għas-saħħa pubblika u tippreżenta riskju akbar għas-saħħa mis-sigaretti ġenwini; billi, minħabba li s-sigaretti ffalsifikati huma mmanifatturati u impurtati illegalment, l-ingredjenti użati ma jkunux magħrufa;
C. billi l-frodi tat-tabakk iddgħajjef il-politiki kontra t-tipjip, b'hekk tinkoraġġixxi l-epidemija tat-tabakk; iżżid l-aċċess għal prodotti (ta' spiss irħas) tat-tabakk, speċjalment għaż-żgħażagħ u gruppi bi dħul baxx;
D. billi kull sena 700 000 ċittadin tal-UE imutu qabel iż-żmien minħabba t-tipjip;
E. billi l-għan ewlieni tal-ftehim PMI hu li tonqos il-prevalenza tal-kuntrabandu PMI fis-suq tat-tabakk illeċitu tal-UE,
F. billi l-valutazzjoni teknika tal-Kummissjoni dwar il-ftehim PMI jikkonkludi li dan l-objettiv ewlieni intlaħaq b'mod effikaċi, imma li t-tnaqqis tal-kuntrabandu PMI ma wassalx għal tnaqqis kumplessiv tal-prodotti illeċiti fis-suq tal-UE;
G. billi l-ftehim PMI s'issa pprovda benefiċċji finanzjarji lil finanzi pubbliċi li jammontaw għal madwar EUR 1 biljun f'pagamenti annwali u EUR 68.2 miljun f'pagamenti ta' sekwestri, maqsuma bejn il-Kummissjoni (madwar 10 %) u l-Istati Membri (madwar 90 %);
H. billi l-ftehim PMI se jiskadi fid-9 ta' Lulju 2016;
I. billi kien hemm tibdil sinifikanti fl-ambjent tas-suq minn meta l-ftehim PMI attwali kien ġie ffirmat, partikolarment il-preżenza akbar ta' sigaretti mingħajr marka, spiss magħrufa bħala "cheap whites";
J. billi kien hemm tibdil sinifikanti fl-ambjent regolatorju minn meta l-ftehim PMI attwali kien ġie ffirmat, partikolarment l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u l-Protokoll għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk;
K. billi l-każijiet C-258/14 il-Polonja v il-Parlament u l-Kunsill, C-477/14 Pillbox 38 (UK) Limited, u C-547/14 Philip Morris Brands SARL u Oħrajn, li qed jikkontestaw id-Direttiva 2014/40/UE, attwalment jinsabu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, u għandhom ikunu rtirati mill-manifatturi tat-tabakk konċernati mal-ewwel opportunità;
1. Jilqa' l-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk ("Protokoll FCTC") adottat fir-rigward tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk u jitlob biex jitlesta l-proċess ta' ratifika sabiex is-sistema ta' traċċar u rintraċċar issir effettiva mill-2022 jew l-2023;
2. Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE[3] ("Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk");
3. Jenfasizza li l-Protokoll għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk u d-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk flimkien jiffurmaw l-istrumenti ewlenija li bihom l-UE tiġġieled kontra l-kummerċ illeċitu tat-tabakk;
4. Jilqa' l-valutazzjoni teknika tal-Kummissjoni dwar l-esperjenza tal-ftehim PMI; jiddispjaċih, madankollu, li l-valutazzjoni kienet pubblikata biss fl-24 ta' Frar 2016, minkejja li kienet imħabbra f'Mejju 2015, b'hekk il-kapaċità tal-Parlament biex jesprimi l-fehma tiegħu f'waqtha dwar din il-kwistjoni kumplessa u delikata ddgħajfet;
5. Jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-ftehim PMI effettivament laħaq l-objettiv tiegħu li jnaqqas il-prevalenza tal-kuntrabandu PMI fis-suq tat-tabakk illeċitu tal-UE, kif muri mill-perċentwali inqas ta' madwar 85 % fil-volum ta' sigaretti PMI maqbuda mill-Istati Membri bejn l-2006 u l-2004;
6. Jinnota, madankollu, li dan it-tnaqqis fil-kuntrabandu PMI ma wassalx għal tnaqqis kumplessiv ta' prodotti illeċiti fis-suq tal-UE; jinnota wkoll li l-kuntrabandu li jikkonsisti fi prodotti bil-kuntrabandu mill-manifatturi l-kbar qed dejjem aktar jiġi sostitwit minn prodotti oħra inkluż sigaretti bla marka ("cheap whites") tipikament mmanifatturati f'pajjiżi terzi;
7. Jenfasizza t-tibdil sinifikanti fl-ambjent tas-suq minn meta l-ftehim PMI attwali ġie ffirmat, partikolarment il-preżenza akbar ta' "cheap whites"; iżid, madankollu, li l-ftehim PMI qatt ma kien maħsub li jindirizza l-kwistjoni ta' kuntrabandu ta' "cheap whites" fl-UE;
8. Jinnota li l-Uffiċċju Ewropej Kontra l-Frodi (OLAF) u l-awtoritajiet tad-dwana ta' ħafna Stati Membri enfasizzaw il-valur miżjud tal-ftehim fl-attivitajiet investigattivi tagħhom;
9. Jinnota li, minħabba l-ftehimiet dwar it-tabakk, il-kumpaniji applikaw kontrolli stretti fuq il-produzzjoni tagħhom, il-klijenti tagħhom u l-kuntratturi, il-ħażna u l-moviment tas-sigaretti u t-tipi ta’ pagamenti aċċettabbli għas-sigaretti;
10. Jiddispjaċih li l-maniġment tal-ftehimiet dwar it-tabakk mill-Kummissjoni mhux dejjem kien trasparenti, u dan seta' ħoloq sitwazzjonijiet ta' konflitt ta' interess u ma kienx suġġett għal skrutinju demokratiku reali;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjonijiet meħtieġa kollha biex tiżgura trasparenza massima fit-taħdidiet esploratorji dwar l-estensjoni possibbli tal-ftehim, inkluż l-involviment xieraq tal-Parlament;
12. Jinsab ferm imħasseb dwar il-fatt li l-baġit tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) hu parzjalment finanzjat mill-pagamenti annwali tal-industrija tat-tabakk kif imsemmi fil-Ftehimiet tat-Tabakk, minħabba li dan jista' jwassal għal xi tip ta' konflitt ta' interess;
13. Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni sa mill-2014 biex ittejjeb il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehim PMI, inkluż it-twaqqif ta' faċilità ta' ttestjar ġdida għal sigaretti sekwestrati, kif ukoll l-applikazzjoni tal-IT ġdida (ToSMA) għall-iskambju ta' informazzjoni dwar is-sekwestri;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora modi biex ittejjeb aktar il-mekkaniżmi ta' kontroll fir-rigward tal-analiżi tas-sigaretti sekwestrati sabiex timminimizza r-riskju ta' determinazzjonijiet foloz mill-manifattur;
15. Jinnota li s-sistema ta' traċċar u rintraċċar prevista fid-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk għandha tkun effettiva minn Mejju 2019;
16. Jenfasizza li l-Kummissjoni trid tieħu passi immedjati biex tiżgura traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk fl-Istati Membri kollha;
17. Jinnota wkoll li l-Protokoll FCTC mhux se jkun effettiv qabel l-2022 jew 2023 l-aktar kmieni;
18. Itenni l-ħtieġa kontinwa tal-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu, il-falsifikazzjoni u l-evażjoni tat-taxxa; jemmen li l-Kummissjoni għandha għalhekk tfittex modi li bihom tindirizza s-sitwazzjoni attwali b'mod trasparenti u responsabbli bl-involviment tal-Parlament Ewropew meta wieħed jikkonsidra d-distakk possibbli bejn l-iskadenza tal-ftehim PMI attwalment fis-seħħ u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk u l-Protokoll għad-Direttiva Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk;
19. Jenfasizza li kwalunkwe negozjati possibbli li potenzjalment jistgħu jwasslu għal estensjoni tal-ftehim iridu jikkunsidraw l-ambjent regolatorju ferm differenti minn dak tal-iffirmar tal-Ftehim attwali;
20. Jenfasizza, għalhekk, li kull estensjoni possibbli tal-ftehim tista' titqies bħala arranġament trażitorju biex jiġi evitat distakk regolatorju sakemm id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk u l-Protokoll FCTC isiru kompletament effettivi;
21. Jitlob biex il-PMI jkompli japplika d-dispożizzjonijiet dwar it-traċċar u r-rintraċċar u d-diliġenza dovuta ("kun af il-klijent tiegħek") li hemm fil-ftehim attwali, indipendentement minn jekk ikunx imġedded jew le;
22. Jesprimi tħassib li l-ftehim PMI attwalment fis-seħħ ma setax jindirizza l-kwistjoni ta' "cheap whites" minħabba li dawn huma sigaretti bla marka u għalhekk ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tressaq pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi miżuri ġodda li jindirizzaw din il-problema bħala waħda ta' urġenza;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li ttemm it-tliet ftehimiet l-oħra ma' manifatturi tat-tabakk meta jidħol fis-seħħ il-Protokoll FCTC;
24. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq regolamentazzjoni addizzjonali biex tapplika traċċar u rintraċċar kif ukoll diliġenza dovuta ("kun af il-klijent tiegħek") għat-tabakk bħala materja prima, għall-filtri u karti użati mill-industrija tat-tabakk, bħala għodda addizzjonali fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-prodotti ffalsifikati;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.