MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Ftehim kontra l-Kuntrabandu u kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha
2.3.2016 - (2016/2555(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Inés Ayala Sender, Gilles Pargneaux f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0312/2016
B8-0317/2016
dwar il-Ftehim kontra l-Kuntrabandu u kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha
The European Parliament,
– wara li kkunsidra l-Ftehim kontra l-Kuntrabandu u kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International (PMI) u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tad-9 ta' Lulju 2004,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li jħassar id-Direttiva 2001/37/KE[1],
– wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-Eliminazzjoni tal-Kummerċ Illeċitu fil-Prodotti tat-Tabakk adottat matul il-ħames sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk bid-Deċiżjoni FCTC/COP5 (1) tat-12 ta' Novembru 2012,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2016 intitolat "Valutazzjoni teknika dwar l-esperjenza tal-Ftehim Kontra l-Kuntrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha" (SWD(2016)0044),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar l-implikazzjonijiet tal-ftehim bejn il-Komunità, Stati Membri u l-kumpanija Philip Morris dwar l-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu tas-sigaretti u dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament dwar is-Sistema tat-Tranżitu Komunitarju[2],
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar il-Ftehim Kontra l-Kuntrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha (O-000010/2016 – B8-0109/2016, O-000014/2016 – B8-0110-2016, O-000015/2016 – B8-0111/2016, O-000016/2016 – B8-0112/2016, O-000017/2016 – B8-0113/2016, O-000018/2016 – B8-0114/2016 u O-000019 – B8-0115/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-għan ewlieni tal-Ftehim PMI huwa li jnaqqas il-prevalenza tal-kuntrabandu ta' prodotti PMI fis-suq tat-tabakk illeċitu tal-UE,
B. billi l-valutazzjoni teknika tal-Kummissjoni tal-Ftehim PMI jikkonkludi li dan l-għan ewlieni ntlaħaq b'mod effikaċi, imma li t-tnaqqis tal-kuntrabandu ta' prodotti PMI ma wassalx għal tnaqqis kumplessiv fl-għadd tal-prodotti illeċiti fis-suq tal-UE;
C. billi l-Ftehim PMI pprovda benefiċċji finanzjarji lill-introjtu pubbliku li jammontaw għal madwar USD 1 biljun f'pagamenti annwali u EUR 68.2 miljun f'pagamenti ta' sekwestri, maqsuma bejn il-Kummissjoni (madwar 10 %) u l-Istati Membri (madwar 90 %);
D. billi l-Ftehim PMI se jiskadi fid-9 ta' Lulju 2016;
E. billi kien hemm bidliet sinifikanti fl-ambjent tas-suq minn meta kien ġie ffirmat il-Ftehim PMI kurrenti, b'mod partikolari ż-żieda fil-preżenza ta' sigaretti bla marka, spiss magħrufa bħala "cheap whites", u l-iżvilupp tas-settur il-ġdid ta' bejgħ tan-nikotina likwida għas-sigaretti elettroniċi;
F. billi kien hemm bidliet sinifikanti fl-ambjent regolatorju minn meta kien ġie ffrimat il-Ftehim PMI kurrenti, b'mod partikolari l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u l-Protokoll għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk;
G. billi l-kawżi C-358/14 il-Polonja v il-Parlament u l-Kunsill, C-477/14 Pillbox 38 (UK) Limited, u C-547/14 Philip Morris Brands SARL u Oħrajn, li qed jikkontestaw id-Direttiva 2014/40/UE, attwalment jinsabu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, u għandhom jiġu rtirati mill-manifatturi tat-tabakk konċernati mal-ewwel opportunità;
1. Jilqa' l-Protokoll dwar l-Eliminazzjoni tal-Kummerċ Illeċitu fil-Prodotti tat-Tabakk ("il-Protokoll FCTC") adottat mill-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk u jappella biex il-proċess ta' ratifika jiġi kkompletat f'waqtu sal-2022 jew l-2023;
2. Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE[3] ("id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk");
3. Jenfasizza li l-Protokoll FCTC u d-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk flimkien jiffurmaw l-istrumenti ewlenin li bihom l-UE tiġġieled kontra l-kummerċ illeċitu tat-tabakk;
4. Jiddispjaċih li l-valutazzjoni teknika tal-Kummissjoni dwar l-esperjenza tal-Ftehim PMI ġiet ippubblikata biss fl-24 ta' Frar 2016, minkejja li kienet tħabbret f'Mejju 2015, u b'hekk timmina l-kapaċità tal-Parlament li jesprimi fehmtu f'waqtha dwar din il-kwistjoni kumplessa u delikata;
5. Jilqa' l-konklużjoni tal-valutazzjoni teknika tal-Kummissjoni li l-Ftehim PMI laħaq b'mod effikaċi l-għan tiegħu li jnaqqas il-prevalenza ta' kuntrabandu ta' prodotti PMI fis-suq illeċitu tat-tabakk fl-UE;
6. Jinnota, madankollu, li dan it-tnaqqis fil-kuntrabandu ta' prodotti PMI ma wassalx għal tnaqqis kumplessiv ta' prodotti illeċiti fis-suq tal-UE;
7. Jenfasizza l-bidliet sinifikanti li seħħew fl-ambjent tas-suq minn meta kien ġie ffirmat il-Ftehim PMI kurrenti, b'mod partikolari l-preżenza akbar ta' "cheap whites";
8. Jinnota li s-sistema ta' traċċar u rintraċċar prevista fid-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk għandha ssir effettiva minn Mejju 2019;
9. Jenfasizza li l-Kummissjoni jeħtiġilha tieħu passi immedjati biex tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk fl-Istati Membri kollha;
10. Jinnota li diversi Stati Membri indikaw lill-Kummissjoni b'mod informali li l-proċess ta' traspożizzjoni tad-Direttiva ġie kkompletat; jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni sħiħa dwar l-istat attwali tat-traspożizzjoni wara l-iskadenza tal-20 ta' Mejju 2016;
11. Ifakkar li l-Protokoll FCTC mhux se jsir effettiv qabel l-2022 jew l-2023;
12. Jinnota li d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-Protokoll tal-FCTC dwar it-traċċar u r-rintraċċar se jsiru effettivi ħames snin wara li dan jidħol fis-seħħ;
13. Jinnota li 15-il pajjiż irratifikaw il-Protokoll FCTC sal-lum, inklużi ħames Stati Membri tal-UE, u li l-UE bħalissa qed tħejji biex tirratifikah;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-UE u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll pajjiżi terzi ewlenin, jirratifikaw f'waqtu l-Protokoll FCTC;
15. Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-estensjoni tal-Ftehim PMI tista' timmina l-isforzi tal-UE biex tagħti spinta għal ratifika f'waqtha tal-Protokoll FCTC;
16. Jesprimi t-twemmin tiegħu li l-Ftehim PMI jista' ma jkunx kompatibbli mal-obbligi tal-UE skont l-Artikolu 5(3) tal-Protokoll FCTC, b'mod li jista' jikkawża dannu għar-reputazzjoni tal-UE bħala mexxejja globali f'dal li jirrigwarda l-kontroll tat-tabakk;
17. Jenfasizza li l-Ftehim PMI kien strument innovattiv u effikaċi meta ġie konkluż għall-ewwel darba fl-2004 fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tat-tabakk, iżda jisħaq fuq il-fatt li l-ambjent tas-suq u dak regolatorju għaddew minn bidliet sostanzjali minn dak iż-żmien 'il hawn;
18. Iqis, għalhekk, li l-Ftehim PMI ma għadux jipprovdi valur miżjud għall-UE fil-ġlieda tagħha kontra l-kummerċ illeċitu tat-tabakk;
19. Jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, toqgħod lura milli taħdem għal estensjoni jew negozjar mill-ġdid tal-Ftehim PMI lil hinn mid-data ta' skadenza attwali tiegħu;
20. Jinnota li t-tliet ftehimiet l-oħra ma' manifatturi tat-tabakk jibqgħu fis-seħħ sal-2022 għal Japan Tobacco International, sal-2030 għal British American Tobacco u sal-2030 għal Imperial Tobacco Limited;
21. Jesprimi tħassib li l-erba' ftehimiet ma' manifatturi tat-tabakk ma jittrattawx il-kwistjoni taċ-"cheap whites"; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tressaq pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi miżuri ġodda intiżi biex jindirizzaw din il-problema b'urġenza;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.