MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI on the situation in Eritrea
2.3.2016 - (2016/2568(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Ryszard Antoni Legutko, Arne Gericke, Mirosław Piotrowski, Ryszard Czarnecki, Edward Czesak, Ruža Tomašić, Angel Dzhambazki f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0318/2016
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eritrea,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tad-9 ta' Marzu 2016,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-kostituzzjoni tal-Eritrea tal-1997,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli li tagħha l-Eritrea hi firmatarja, b’mod partikolari l-Artikoli 6,7 u 9 tagħha;
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE kif rivedut fl-2005 (il-Ftehim ta’ Cotonou), li tiegħu l-Eritrea hi fimatarja,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Eritrea - A/HRC/29/42, tal-4 ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2224 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-23 ta' Ottubru 2015,
– wara li kkunsidra l-ħarsa ġenerali tal-UNHCR dwar l-Eritrea, tal-2015,
– wara li kkunsidra s-sottomissjoni tal-Christian Solidarity Worldwide għall-Kummissjoni ta’ Inkjesta dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tat-30 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra n-National Service Proclamation Nru 82/1995, ippubblikata fit-23 ta' Ottubru 1995 fil-Gazzetta tal-Eritrea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi wara taqbida ta' 30 sena għall-indipendenza li ntemmet fl-1991, l-Eritreani fil-biċċa l-kbira approvaw l-indipendenza f’referendum li sar fl-1993; billi kostituzzjoni ġdida b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem ġiet approvata u rratifikata fl-1997 iżda ma ġiex implimentat;
B. billi elezzjonijiet parlamentari skedati għall-2001 ġew posposti għal żmien indefinit minħabba gwerra ta' fruntiera mal-Etjopja u l-elezzjonijiet għad iridu jsiru, u billi l-uniku partit politiku li jista’ jeżisti huwa tal-Front Popolari għad-Demokrazija u l-Ġustizzja (FPDJ); billi l-Assemblea Nazzjonali ilha ma tiltaqa' mill-2002 u huma biss il-mezzi tax-xandir tal-gvern li jitħallew joperaw;
C. billi Isaias Afwerki ilu l-uniku President tal-Eritrea mill-indipendenza fl-1993, filwaqt li l-ħakma tiegħu, b’mod partikolari mill-2001 'l hawn, kienet ferm awtokratika u ripressiva u l-gvern tiegħu ħoloq soċjetà militarizzata ħafna;
D. billi bil-liġi, iċ-ċittadini Eritreani kollha, kemm nisa kif ukoll irġiel, bejn l-età ta' 18 u 40 sena għandhom id-dover li jagħmlu 18-il xahar ta’ lieva attiva u jibqgħu fir-riserva sakemm jagħlqu 50 sena; billi fil-prattika r-reklutaġġ ta’ spiss iseħħ fl-iskejjel, inkluż ta' tfal taħt l-età ta’ 15-il sena;
E. billi matul il-lieva jseħħ abbuż sesswali fuq il-bniet, speċjalment matul it-taħriġ militari, u ħafna nisa u bniet jippruvaw jevitaw il-lieva permezz ta' żwieġ jew maternità, jew jiġu sfurzati jagħmlu dan mill-membri tal-familja; billi l-perjodu ta' lieva, uffiċjalment ta' 18-il xahar, jista’ jiġi estiż matul żminijiet ta' 'kriżi “nazzjonali';
F. billi fi studju li twettaq fil-London South Bank University minn 200 rekluta li ħarbu, it-tul medju tal-lieva kien ta’ sitt snin u nofs, u wħud minnhom kienu attivi għal aktar minn 12 il-sena, b'ħafna żgħażagħ jaħarbu mill-Eritrea biex jevitaw il-lieva;
G. billi n-Nazzjonijiet Uniti ġeddet l-embargo tal-armi tagħha fuq l-Eritrea minħabba t-theddida għall-paċi u l-istabilità tar-reġjun u enfasizzat it-talba tagħha li l-Eritrea tagħmel mezz li l-informazzjoni mill-Grupp ta' Monitoraġġ tas-Somalja u l-Eritrea (SEMG) tkun disponibbli fir-rigward tal-ġellieda tal-Djibuti li sfaw nieqsa fl-azzjoni fit-taqbidiet tal-2008;
H. billi f’nofs l-2015 l-għadd ta’ rifuġjati u persuni li jfittxu asil li joriġinaw mill-Eritrea kien jammonta għal 444 000 minn popolazzjoni totali ta’ 6 500 000; billi l-għadd relattivmanet kbir ta’ minorenni mhux akkumpanjati li jaslu mill-Eritrea huma f’riskju għoli ta’ traffikar;
I. billi 39 000 refuġjat u migrant mill-Eritrea li qasmu l-Mediterran mill-Afrika ta' Fuq lejn l-Italja matul l-2015, waslu biex l-Eritrea ssir il-pajjiż ta' oriġini bl-akbar għadd ta’ refuġjati li jaqsmu lejn l-Italja;
J. billi ksur sistematiku, mifrux u gravi tad-drittijiet tal-bniedem qed jitwettaq fl-Eritrea taħt l-awtorità tal-Gvern, inklużi sorveljanza mifruxa tal-popolazzjoni, kontroll strett tal-moviment ta' persuni fi ħdan il-pajjiż kif ukoll ta' dawk li qed ifittxu li jitilqu minnu, ripressjoni totali tal-libertà tal-kelma u ksur serju tal-libertà ta' reliġjon u ta' twemmin; billi wħud minn dawn il-vjolazzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità;
K. billi r-reġim tal-Eritrea ilu għal ħafna żmien b'antipatija ideoloġika fil-konfront tar-reliġjonijiet kollha, li jeħodha kontrihom għaliex iqis li jikkostitwixxu lealtà rivali u perikoluża li tikkawża u toħloq diviżjoni nazzjonali ; billi dak li kien il-Patrijarka tal-Knisja Ortodossa Tewahedo tal-Eritrea nżamm taħt arrest domiċiljari mill-2007 sa mewtu f’Diċembru 2015; billi ħafna saċerdoti, pastors u personalitajiet reliġjużi oħra qegħdin taħt arrest domiċiljarji jew il-ħabs;
L. billi għexieren ta’ eluf ta’ Eritreani għadhom detenuti mingħajr akkuża jew proċess f’kundizzjonijiet ta' theddid għall-ħajja f’faċilitajiet madwar il-pajjiż, fejn it-tortura hija prattikata b’mod regolari;
1. Jistieden lill-Eritrea sabiex timplimenta bis-sħiħ il-kostituzzjoni ratifikata u timplimenta d-drittijiet minquxa fiha, b’mod partikolari dawk li jinsabu fl-Artikoli 17 u 19;
2. Iħeġġeġ lill-Eritrea tiffirma, tirratifika u immedjatament timplimenta l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni oħra Krudili, Inumani jew Degradanti u tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tagħha skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li t-tnejn jipprojbixxu t-tortura;
3. Iħeġġeġ it-tmiem ta' arresti arbitrarji, l-għajbien sfurzat u d-detenzjoni indefinita mingħajr akkuża jew proċess; jisħaq li l-gvern tal-Eritrea għandu jressaq lid-detenuti fit-tul kollha quddiem qrati tal-ġustizzja rikonoxxuti fil-preżenza ta’ osservaturi internazzjonali, jew jeħlishom, u li d-detenuti kollha soġġetti għal detenzjoni arbitrarja u irregolari għandhom jinħelsu minnufih;
4. Jistieden lill-Gvern jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jiżgura l-obbligu ta’ rendikont għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ fil-passat, inklużi, iżda mhux biss għal, qtil extraġudizzjarju, għajbien sfurzat, tortura, detenzjoni illegali, vjolenza sesswali u x-xogħol furzat, inkluż matul il-lieva;
5. Jirrakkomanda t-twaqqif tal-lieva indefinita billi jillimitaha għal 18-il xahar għar-rekluti attwali u futuri kollha li għandhom 18-il sena jew iktar, u li jkun hemm disposizzjoni għall-oġġezzjoni kuxjenzjuża;
6. Jikkundanna l-użu mill-Gvern tal-Eritrea "tat-taxxa tad-dijaspora", li tinġabar permezz ta’ estorsjoni u mezzi illegali oħra mill-Eritreani barra mill-Eritrea u tintuża bi ksur tar-riżoluzzjonijiet tan-NU biex tiffinanzja gruppi armati f’pajjiżi ġirien, u b’hekk tiddestabilizza r-reġjun;
7. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu għan-numru kbir ħafna ta’ refuġjati Eritreani li qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa u jqis li l-ħakma antidemokratika u totalitarja fl-Eritrea hija r-raġuni primarja għal dan kollu; iħeġġeġ lill-President u lill-Gvern tal-Eritrea biex immedjatament itwettqu r-riformi;
8. Huwa tal-opinjoni qawwija li huma l-kundizzjonijiet ħorox u n-nuqqas ta’ libertà imposti fuq il-poplu mill-gvern, speċjalment l-użu ta’ lieva indefinita, li jikkontribwixxu għall-migrazzjoni mill-Eritrea, u mhux biss is-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż; jirrimarka lill-Kummissjoni li żieda fl-għajnuna taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp ma tindirizzax dawn il-kwistjonijiet;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Unjoni Afrikana, u lill-President, il-Parlament u l-Gvern tal-Eritrea.