Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0319/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0319/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eritrea

2.3.2016 - (2016/2568(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Victor Boştinaru, Linda McAvan, Norbert Neuser, Elena Valenciano, Ana Gomes, Maria Arena, Marita Ulvskog, Marlene Mizzi, Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Pier Antonio Panzeri, Richard Howitt f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0318/2016

Proċedura : 2016/2568(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0319/2016
Testi mressqa :
B8-0319/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0319/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eritrea

(2016/2568(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eritrea, fosthom ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar l-Eritrea: Il-każ ta Dawit Isaak[1]

–  wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-Eritrea taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp tat-3 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma ta' Skrutinju tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Settembru 2014 mill-kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-ħabsin politiċi fl-Eritrea,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-SEAE dwar is-Sħubija bejn l-Eritrea u l-Unjoni Ewropea tal-2015,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija lill-midja magħmula mill-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea fit-8 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Pajjiż tal-UN Women dwar il-Gvern tal-Istat tal-Eritrea ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol Nru 29 dwar xogħol forzat, Nru 105 dwar l-abolizzjoni tax-xogħol furzat u Nru 87 dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-protezzjoni tad-dritt ta' organizzazzjoni;

–  wara li kkunsidra l-Ftehim rivedut ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi ċ-ċivili Eritreani jiġu detenuti jew arrestati b'mod arbitrarju għal għadd ta' raġunijiet mhux ġustifikabbli – fost l-oħrajn għaliex jikkritikaw jew jopponu lill-gvern, jipprattikaw il-ġurnaliżmu, jipprattikaw reliġjon mhux uffiċjali, jevadu s-servizz militari obbligatorju jew jiddiżertaw minnu, jikkooperaw ma' entitajiet barranin, jippruvaw jaħarbu mill-pajjiż jew ikollhom qarib li jkun ħarab minnu– jew mingħajr ġustifikazzjoni espliċita, għal perjodi ta' żmien mhux speċifikati; billi l-persuni detentuti jiġu mċaħħda mill-kura medika; billi t-tfal huma soġġetti għad-detenzjoni u għall-istess kundizzjonijiet inumani bħall-adulti; billi d-detenuti nisa spiss jiġu mgħassa minn uffiċjali rġiel, b'tali mod li r-riskju ta' vjolenza sesswali u ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru jikber;

B.  billi l-Eritrea ilha soġġetta għal gvern ta' emerġenza sa mill-gwerra mal-Etjopja ta' bejn l-1998 u l-2000; billi m'hemm l-ebda opportunità għal dissens jew għal bidla, peress li l-oppożizzjoni politika hija pprojbita fl-Eritrea; billi jekk dak li jkun jistaqsi dwar l-għajbien ta' individwi jew jiddiskuti l-politiki tal-gvern jisfa mmarkat bħala traditur u jingħata piena ħarxa; billi ma saret l-ebda elezzjoni nazzjonali mill-1993 sal-lum; billi l-elezzjonijiet reġjonali tal-2009 għadhom iridu jsiru; billi, anki qabel ma ġiet xolta l-Assemblea Nazzjonali fl-2002, il-liġijiet kienu jgħaddu b'digriet tal-gvern;

C.  billi għadd enormi ta' Eritreani qed jaħarbu minħabba l-biża' u l-oppressjoni, b'tali mod li jirrappreżentaw it-tielet l-akbar grupp ta' rifuġjati fi triqithom lejn l-Ewropa, b'5 000 ruħ jaħarbu kull xahar; ir-rifuġjati ta' spiss iġarrbu trattament ħażin, ħtif ta' persuni u sfruttament minn gruppi kriminali fl-Eritrea u fil-pajjiżi ġirien tagħha; billi l-Eritreani fittxew l-asil fl-Ewropa b'rata li kważi hija d-doppju ta' dik tas-Sirjani bejn l-2012 u nofs l-2015; billi, f'Ottubru 2014, kien hemm aktar minn 100 000 rifuġjat Eritrean fis-Sudan u fl-Etjopja rispettivament; billi, skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, aktar minn 400 000 Eritrean, jew 9 % tal-popolazzjoni totali, ħarbu;

D.  billi, f'Settembru 2001, 11-il politiku prominenti u 10 ġurnalisti indipendenti rrapportaw il-kritika ta' politiċi fil-konfront tal-gvern – fosthom ċittadin Żvediż-Eritrean, Dawit Isaak – sfaw arrestati mingħajr akkuża, proċess jew konsulent legali, u minkejja appelli ripetuti mill-komunità internazzjonali, għadhom qed jiġu detenuti, jew mietu waqt li kienu fid-detenzjoni; billi ma teżisti l-ebda libertà tal-istampa, minħabba li l-midja indipendenti hija pprojbita fl-Eritrea, filwaqt li l-Indiċi Dinjija tal-Libertà tal-Istampa tal-organizzazzjoni Reporters Without Borders tikklassifika lill-Eritrea fl-aħħar post fost il-170 sa 180 pajjiż evalwat, u dan għal tmien snin konsekuttivi; billi tal-anqas 16-il ġurnalist qed jinżammu detenuti llum il-ġurnata, u tużżani ta' ġurnalisti kellhom jaħarbu mill-pajjiż għas-sikurezza tagħhom; billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea appellat, għalxejn, biex il-persuni detenuti, fosthom ġurnalisti, jinħelsu;

E.  billi l-eżekuttiv jikkontrolla s-sistema tal-qrati, u billi jidher li l-mexxejja militari, l-uffiċjali tas-sigurtà u l-investigaturi jaġixxu bħala maġistrati de facto; billi l-proċessi u d-deċiżjonijiet tal-qrati rari jkunu disponibbli għall-pubbliku, u billi d-deċiżjonijiet tal-qrati fil-parti l-kbira tagħhom isiru biss fuq il-bażi ta' rapporti ta' investigazzjoni u fuq dikjarazzjonijiet miksuba bit-tortura; billi xi akkużati ma jingħatawx notifika dwar il-proċessi tagħhom jew dwar it-tul tas-sentenzi tagħhom; billi l-Gvern ta' spiss jindaħal fis-sistema tal-ġustizzja; billi l-akkużati ma għandhom l-ebda rikors għal avukat tad-difiża;

F.  billi s-servizz nazzjonali huwa obbligatorju għall-Eritreani kollha bejn l-etajiet ta' 18-il sena u 50 sena, bl-ebda possibbiltà ta' oġġezzjoni ta' kuxjenza; billi l-istatut ta' perjodu ta' 18-il xahar ta' servizz spiss jinkiser apertament, b'tali mod li l-biċċa l-kbira tal-Eritreani jibqgħu fis-servizz militari għal żmien indefinit; billi ħafna suldati tal-lieva jintużaw bħala ħaddiema furzati u jingħataw dmirijiet ċivili; billi s-suldati tal-lieva ma jitħallsux aktar minn USD 30 fix-xahar, li mhijiex somma suffiċjenti biex jipprovdu għall-familji tagħhom; billi s-suldati tal-lieva ma jistgħux ifittxu impjieg formali jew jirreġistraw f'univerisità;

G.  billi fl-Eritrea m'hemmx sfera pubblika xierqa fejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jitħallew joperaw liberament; billi tentattivi ta' protesta paċifika wasslu għal arresti, detenzjonijiet u anke eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji; billi t-trejdjunjins indipendenti huma pprojbiti; billi m'hemm l-ebda possibbiltà li dak li jkun jinvolvi ruħu fl-affarijiet pubbliċi u lanqas li jipproteġi kundizzjonijiet xierqa tax-xogħol, għajr billi jissieħeb fil-partit fil-gvern; billi l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem ma jingħatawx permess iżuru l-pajjiż u l-politika ta' awtosuffiċjenza tal-Gvern Eritrean tillimita serjament il-potenzjal ta' assistenza umanitarja internazzjonali;

H.  billi l-Eritreani ma jitħallewx jitilqu mill-pajjiż mingħajr permess tal-gvern, abbażi tal-għoti arbitrarju ta' viża tal-ħruġ; billi l-moviment lejn iż-żoni tal-fruntiera huwa ristrett, b'sitwazzjoni li fiha l-Gvern tal-Eritrea jħaddem politika ta' "spara biex toqtol"; billi l-Eritreani li jgħixu barra mill-pajjiż jiġu furzati jħallsu taxxa ta' 2 % tad-dħul tagħhom għall-irkupru u r-rikostruzzjoni, magħrufa informalment bħala "t-taxxa tad-dijaspora";

I.  billi l-Istati Ewropej fil-parti l-kbira tagħhom qed jiċħdu l-applikazzjonijiet għall-asil mill-Eritreani;

J.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU, Sheila Keetharuth, ma tħallietx tidħol fil-pajjiż, minkejja li ppreżentat preokkupazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet wiesgħa f'rapporti lin-NU; billi l-korrispondenti barranin tkeċċew fl-2008;

K.  billi l-Gvern tal-Eritrea għandu s-sjieda eskulssiva tal-art u r-riżorsi naturali; billi l-Gvern juża dan il-fatt bħala sistema ta' premju u kastig; billi uffiċjali militari u tal-Partit ħatfu artijiet, proprjetà u negozji għal qligħ proprju tagħhom; billi l-aċċess għall-artijiet jinċaħad aktar ta' spiss lin-nisa, peress li huwa anqas probabbli li dawn jikkompletaw is-servizz nazzjonali;

L.  billi attivitajiet omosesswali huma illegali fl-Eritrea, u l-Gvern qiegħed jirrifjuta li jimplimenta leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni li tipproteġi lil persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru;

M.  billi l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tissokta l-assistenza tagħha għall-iżvilupp tal-Eritrea, b'mod partikolari permezz ta' Programm Indikattiv Nazzjonali (PIN) għall-Eritrea ta' EUR 200 miljun ippreżentat fis-26 ta' Ottubru 2015;

N.  billi, minħabba l-iskala u s-serjetà tal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mir-reġim Eritrean, il-ħafna sinjali li r-reġim ftit li xejn jimpurtah mill-benessri taċ-ċittadini tiegħu, in-nuqqas ta' affidabbiltà ta' dan ir-reġim bħala sieħeb fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-korruzzjoni mifruxa ma' kullimkien u l-assenza kważi totali ta' trasparenza fil-ġestjoni finanzjarja pubblika fil-pajjiż u r-riskju li flejjes tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għall-ġestjoni tal-migrazzjoni jintużaw ħażin, il-Parlament Ewropew fil-11 ta' Novembru 2015 talab li l-Kumitat tal-FEŻ ma jadottax l-abbozz ta' Programm Indikattiv Nazzjonali (PIN) qabel ma ssir aktar diskussjoni;

O.  billi l-pożizzjoni tiegħu ġiet injorata mill-Kummissjoni u ma ġietx ikkomunikata lill-Kumitat tal-FEŻ, li approva l-PIN li daħal fis-seħħ fit-3 ta' Frar 2016;

1.  Jistieden lill-gvern tal-Eritrea jtemm id-detenzjoni tal-oppożizzjoni u ta' ċivili innoċenti; jitlob li l-akkużati jsirulhom proċessi ġusti, u l-abolizzjoni tat-tortura u ta' trattament degradanti ieħor bħar-restrizzjonijiet fuq l-ikel, l-ilma u l-kura medika; ifakkar lill-Gvern tal-Eritrea fl-obbligi tiegħu ta' diliġenza debita li jinvestiga każijiet ta' qtil extraġudizzjarju;

2.  Jikkundanna l-issuktar ta' għajnuna maġġuri tal-UE lill-Eritrea, u b'mod partikolari l-iffirmar tan-PIN għall-Eritrea ta' EUR 200 miljun; jitlob li l-Kummissjoni tirrevedi l-arranġamenti ta' skrutinju tagħha mal-Parlament Ewropew, tikkunsidra sewwa l-preokkupazzjonijiet u s-suġġerimenti espressi mill-Parlament Ewropew u tiggarantixxi li dawn jiġu kkomunikati lill-Kumitat tal-FEŻ;

3.  Jiddispjaċih li t-tħassib li esprima fil-11 ta' Novembru 2015 ma ġewx ikkunsidrati, u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ sħiħ tal-implimentazzjoni tal-PIN u żżommu infurmat matul il-proċess kollu;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Eritrea jwettaq riformi urġenti bħar-rilassament tas-sistema ta' stat b'partit wieħed u l-issuktar tal-Assemblea Nazzjonali u tal-elezzjonijiet; jistieden lill-Gvern tal-Eritrea jirrispetta l-appelli tal-komunità internazzjonali u jeħles lill-priġunieri li qed jinżammu bla ġustifikazzjoni;

5.  Jitlob li jiġu stabbiliti tliet fergħat separati u ddefiniti sewwa tal-gvern fl-Eritrea, b'ġudikatura kwalifikata li tkun eletta permezz ta' elezzjonijiet ġusti u trasparenti;

6.  Ifakkar lill-Gvern tal-Eritrea li d-dritt li persuna tħalli pajjiżha huwa minqux fid-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-gvern jippermetti l-libertà tal-moviment u jieqaf jiġbor "it-taxxa tad-dijaspora" minn Eritreani li jgħixu barra l-pajjiż;

7.  Jappella biex il-Gvern tal-Eritrea jirrispetta l-istatut dwar il-perjodu ta' servizz, ma jibqax juża liċ-ċittadini tiegħu bħala ħaddiema furzati, ma jibqax jippermetti lill-kumpaniji barranin jużaw lil dawn is-suldati tal-lieva bil-ħlas ta' imposta, jippermetti l-possibilità ta' oġġezzjoni tal-kuxjenza għas-servizz militari u jiżgura l-protezzjoni ta' suldati tal-lieva;

8.  Ifakkar lill-Eritrea dwar l-obbligi tagħha skont il-konvenzjonijiet tal-ILO, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta' organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u ta' trade unions li jorganizzaw, jipprotestaw paċifikament, jipparteċipaw fl-affarijiet pubbliċi, u jmexxu kampanji favur drittijiet imtejba għall-ħaddiema; jistieden lill-gvern tal-Eritrea jirrevoka l-politika li tipprojbixxi lil NGOs li għandhom inqas minn USD 2 miljun fil-kontijiet bankarji tagħhom;

9.  Jesiġi li l-Istati Membri tal-UE jaderixxu mal-kunċett ta' non-refoulement, u jfakkarhom li persuni li jirritirnaw wara li jkunu fittxu l-asil aktarx jisfaw detenuti b'mod arbitrarju u ttorturati minħabba li jkunu ppruvaw jaħarbu;

10.  Jikkundanna l-politika tal-Gvern tal-Eritrea li arbitrarjament jirrevoka ċittadinanza, u jesiġi li kull ċittadin tal-Eritrea jiġi ttrattat b'mod ġust u ugwali quddiem il-liġi;

11.  Jappella biex il-gvern tal-Eritrea jikkonforma mal-impenji li ħa fin-NU u mal-impenji internazzjonali oħrajn li ffirma, inklużi l-impenji tiegħu taħt il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti; jitlob, f'dan il-kuntest, aktar trasparenza u involviment mal-ispetturi tan-NU u ma' osservaturi internazzjonali, sabiex ikunu jistgħu b'mod effikaċi u mingħajr tfixkil jispezzjonaw il-faċilitajiet ta' detenzjoni fi qbil mal-Konvenzjoni;

12.  Jikkundanna l-monopolju tal-Gvern tal-Eritrea fuq l-artijiet u r-riżorsi, u jesiġi li ma jibqax juża r-riżorsi bħala mezz biex jikkontrolla l-azzjonijiet tal-popolazzjoni;

13.  Jikkundanna r-rifjut tal-Gvern tal-Eritrea li jipproteġi d-drittijiet tal-persuni leżbjani,gay, bisesswali u transġeneru;

14.  Jiddeplora r-riskju akbar ta' vjolenza domestika u sesswali fuq in-nisa, speċjalment għas-suldati tal-lieva nisa u għad-detenuti nisa; jikkundanna l-prattika tal-konkubinaġġ fil-kampijiet militari u l-politika li l-aċċess għall-artijiet jingħata lil min ikun ikkompleta s-servizz nazzjonali, peress li din tiżvantaġġa lin-nisa b'mod sproporzjonat;

15.  Jikkundanna l-involviment indirett u l-kompliċità ta' kumpaniji barranin fl-użu ta' ħaddiema furzati fl-Eritrea, u jesiġi aktar responsabbiltà u evalwazzjoni tal-operazzjonijiet tagħhom fl-Eritrea, permezz ta' inizjattivi vinkolanti ta' diliġenza debita u rappurtar;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill AKP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lis-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Unjoni Afrikana, u lill-Gvern u lill-parlament tal-Eritrea.