MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eritrea
2.3.2016 - (2016/2568(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Judith Sargentini, Heidi Hautala, Barbara Lochbihler, Igor Šoltes, Maria Heubuch, Jordi Sebastià f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0318/2016
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar l-Eritrea u b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea u l-każ tas-Sur Dawit Isaak,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-2015 tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea tan-NU,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-14 ta’ Lulju 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Settembru 2014 mill-kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-ħabsin politiċi fl-Eritrea,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1862, 2170, 1907 tal-2009 u 2244 tal-2015,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou tat-23 ta’ Ġunju 2000 kif rivedut,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Eritrea kisbet l-indipendenza tagħha fl-1993 wara deċennji ta’ gwerra kontra fl-Etjopja;
B. billi fl-1998 faqqgħet gwerra oħra bejn l-Eritrea u l-Etjopja minħabba d-demarkazzjoni tal-fruntiera tagħhom, li rriżultat f'aktar minn 100 000 vittma;
C. billi l-Kummissjoni konġunta tal-Fruntieri Eritrea-Etjopja (EEBC), taħt il-patroċinju tal-Qorti Permanenti tal-Arbitraġġ, ħarġet deċiżjoni dwar id-demarkazzjoni tal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi fl-2002; billi din is-sentenza ċċaħdet mill-Etjopja iżda ġiet aċċettat mill-Eritrea, li rriżultat fi staġnar u tensjonijiet persistenti bejn iż-żewġ pajjiżi;
D. billi f’Marzu 2012, il-forzi Etjopjani wettqu attakki ġewwa l-Eritrea fuq l-allegata bażi tal-Front għall-Għaqda Demokratika Revoluzzjonarja Afar (ARDUF); billi l-Etjopja sostniet li hija aġixxiet b’ritaljazzjoni għall-ħtif u l-qtil ta’ grupp ta’ turisti Ewropej li seħħew f’Jannar 2011 fir-reġjun Etjopjan ta' Afar; billi l-Eritrea ddikjarat li hija ma kinitx se tirritalja;
E. billi l-President tal-Eritrea, Isaias Afewerki, stabbilixxa reġim totalitarju aħrax fl-Eritrea mingħajr kostituzzjoni, b'nuqqas assolut tal-istat tad-dritt u l-libertà tal-midja, l-ebda libertà reliġjuża, l-ebda elezzjoni, detenzjonijiet arbitrarji u incommunicado fuq skala kbira ħafna, b'torturi, u servizz nazzjonali li n-NU jiddefinixxu bħala skjavitù, bl-użu tas-sitwazzjoni ta’ tensjoni fir-rigward tas-sigurtà bejn l-Eritrea u l-Etjopja bħala pretest;
F. billi l-Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea sabet li l-ksur fl-oqsma tal-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, it-tortura (inkluża t-tortura u l-iskjavitù sesswali), is-servizz nazzjonali bħala forma ta’ skjavitù, ix-xogħol furzat u l-politika "spara biex toqtol" fil-fruntiera jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità;
G. billi, minkejja l-ksur gravi u sistematiku mill-Eritrea tal-elementi essenzjali u fundamentali tal-Ftehim ta’ Cotonou dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-UE qatt ma tat bidu għall-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96, minkejja t-talbiet biex tagħmel dan mill-Parlament Ewropew;
H. billi, għall-kuntrarju, l-UE reġgħet stabbilixxiet il-programm ta’ żvilupp tagħha favur l-Eritrea, u ffirmat programm ta’ żvilupp ta’ ħames snin li jiswa EUR 200 miljun f’Jannar 2016; billi l-Istati Membri adottaw b’mod unanimu dan il-programm minkejja l-fatt li l-Parlament Ewropew kien irrifjutaha;
I. billi, skont is-SEAE, il-programm ta’ żvilupp tal-UE fl-Eritrea jaffaċċja bosta sfidi fil-qasam tal-kontroll tal-baġit u s-sorveljanza, inkluż in-nuqqas ta’ baġit nazzjonali, ta' uffiċċju tal-istatistika jew korp ta’ awditjar, in-nuqqas ta’ bank ċentrali indipendenti, in-nuqqas ta’ kapaċità ta’ istituzzjonijiet tal-Eritrea, in-nuqqas ta’ kwalunkwe ekonomija differenti minn dik li hija approvata mill-militar, ir-rata tal-kambju instabbli, li hija kkontrollata mit-tmexxija militari, is-sitwazzjoni reġjonali instabbli u r-riperkussjonijiet tagħha fuq is-sitwazzjoni interna, inklużi r-restrizzjonijiet fuq l-aċċess ġewwa l-pajjiż, l-għadd ristrett ta’ atturi għall-iżvilupp u l-approċċ tal-pajjiż ospitanti għall-effettività tal-għajnuna;
J. billi l-Eritrea kienet wiegħdet lill-UE li tnaqqas is-servizz nazzjonali għal 18-il xahar, iżda issa ħabbret li se tkompli bil-politika tagħha ta’ reklutaġġ għal żmien indefinit filwaqt li żiedet il-kumpens żgħir għas-suldati tal-lieva b’700 %, wegħda li saret eżatt wara l-iżvalutar tal-munita nazzjonali, in-nakfa;
K. billi l-osservaturi tan-NU sejħu għal "diliġenza dovuta, monitoraġġ u superviżjoni sħiħa tat-tixrid ta’ ammonti kbar ta’ għajnuna lill-Eritrea", peress li inkella jkun hemm ir-riskju li l-għajnuna tintuża biex tiffinanzja ribelljonijiet madwar ir-reġjun;
L. billi ħafna aġenziji tal-għajnuna kienu sfurzati jitilqu mill-pajjiż wara li ġiet ippromulgata liġi mir-reġim li tikkontrolla l-attivitajiet tagħhom f’Mejju 2005;
M. billi l-Eritrea, waħda mill-15 l-ifqar pajjiżi, tibqa’ dipendenti ħafna fuq l-għajnuna barranija; billi d-donaturi internazzjonali apparti l-UE naqsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom b'mod sinifikanti minħabba r-rekord katastrofiku tad-drittijiet tal-bniedem tar-reġim tal-Eritrea, ir-rwol tiegħu bħala reġim li jaqla' l-inkwiet reġjonali u d-diffikultà enormi involuta fl-implimentazzjoni u s-segwitu ta' programmi ta' għajnuna;
N. billi aktar minn 300 000 Eritrean ħarbu minn pajjiżhom sa mill-2000, minn popolazzjoni stmata għal 6.3 miljun; billi l-UNHCR jikkalkula li madwar 5 000 Eritrean jitilqu mill-pajjiż kull xahar, peress li dan huwa spjegat fil-biċċa l-kbira minħabba l-persistenza ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; billi f’dawn l-aħħar snin aktar minn 30 000 Eritrean ħarbu kull sena lejn l-UE; billi fl-2014, f’61 % tal-każijiet tal-asil ingħata l-istatus ta’ refuġjat fl-UE filwaqt li 27 % addizzjonali tal-applikanti rċevew protezzjoni sussidjarja, li juru l-gravità tal-persekuzzjoni fl-Eritrea;
O. billi t-traffikar tal-bnedmin għal riskatt ma’ prattiki ta' tortura ħarxa fis-Sinaj huma l-kaġun ta’ bosta każijiet ta’ għajbien u qtil ta’ refuġjati Eritreani li kienu nħatfu, filwaqt li dawk li baqgħu ħajjin, u li kienu severament ittrawmatizzati, ma rċevew l-ebda kura jew appoġġ; billi teżisti impunità totali filwaqt li dawk responsabbli għadhom ma tressqux quddiem il-qrati;
P. billi r-reġim jestendi l-ħakma totalitarja tiegħu fuq id-dijaspora Eritreana, billi juża estorsjoni ta’ fondi mill-membri tagħha permezz ta’ taxxa ta’ 2 % fuq id-dħul barrani, billi jispjuna fuqhom u jimmira fuq il-membri tal-familja li baqgħu fl-Eritrea fuq bażi ta’ perċezzjoni ta’ għemil ħażin; billi fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-Iżvizzera, l-Iżvezja u l-Ġermanja, interpreti li jipparteċipaw fl-intervisti għall-asil nstabu li kellhom rabta mar-reġim tal-Eritrea;
Q. billi fid-deżert tas-Sinaj it-traffikanti kienu rrappurtati li qed iżommu bħala ostaġġi jew qed jabbużaw minn persuni li qed ifittxu asil u migranti, ħafna minnhom mill-Eritrea u pajjiżi Sub-Saħarjani oħra, inklużi tfal, f’diversi postijiet għal ġimgħat jew xhur sakemm il-qraba tagħhom barra mill-pajjiż ħallsu r-riskatti biex jinkiseb ir-rilaxx tagħhom; billi l-Iżrael rarament jagħti asil lir-rifuġjati tal-Eritrea, u b’hekk qiegħed jiċħad id-dritt tagħhom għal protezzjoni;
R. billi r-reġim Eritrean qed juża politika ta' "spara biex toqtol" fil-fruntieri tagħha kontra Eritreani li jaħarbu mill-pajjiż, waqt li fl-istess ħin l-uffiċjali militari u dawk tal-fruntiera huma involuti fit-traffikar tal-bnedmin;
S. billi l-programm tal-iżvilupp UE-Eritrea jipprevedi bini tal-kapaċità għall-ġudikatura u s-sensibilizzazzjoni b’appoġġ għall-Proċess ta’ Khartoum dwar il-kooperazzjoni reġjonali fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ migrazzjoni;
T. billi l-Kostituzzjoni tal-1997 qatt ma ġiet implimentata; billi fl-2014, il-President għamel wegħda għal kostituzzjoni ġdida li kellha tiġi abbozzata, iżda s’issa din għadha ma seħħitx;
U. billi hemm partit politiku legali wieħed biss, il-Front Popolari għad-Demokrazija u l-Ġustizzja (FPDĠ); billi partiti politiċi oħra huma pprojbiti; billi skont Freedom House, l-FPDĠ u l-militar huma fil-prattika l-uniċi istituzzjonijiet ta’ sinifikat politiku fl-Eritrea, u ż-żewġ entitajiet huma strettament subordinati lill-President;
V. billi l-President Afewerki ippospona l-elezzjonijiet demokratiċi sine die;
W. billi fl-2001 ħmistax-il persuna prominenti tal-gvern u tal-partit (issa magħrufin bħala l-G-15) sfidaw l-ambjent politiku dejjem aktar ripressiv fl-Eritrea, billi kkritikaw it-tmexxija tal-President u jitolbu għall-implimentazzjoni tal-kostituzzjoni nazzjonali; billi din l-isfida ġiet irrappurtata u saru kummenti b’mod wiesgħa dwarha – dak iż-żmien – fl-istampa indipendenti dejjem aktar u aktar assertiva;
X. billi dan irriżulta fl-arrest ta’ 11 mill-G-15, l-erba’ l-oħra kien irnexxielhom jaħarbu; billi dawn inżammu f’iżolament minn dak iż-żmien mingħajr ma ġew akkużati b’xi reat, u mingħajr ebda informazzjoni dwar il-post tad-detenzjoni, il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni u l-qagħda ta' saħħithom; billi jingħad li xi ftit mill-G-15 mietu waqt id-detenzjoni; billi ftit jiem wara l-arrest tagħhom, 10 ġurnalisti indipendenti kienu arrestati, inkluż Dawit Isaak, ġurnalista Żvediż-Eritrean, u tmien gazzetti indipendenti ngħalqu fuq il-premessa li kienu jirrappreżentaw theddida għas-sigurtà nazzjonali; billi dan kien segwit minn ripressjoni ulterjuri fuq l-oppożizzjoni tal-istampa indipendenti u fost il-popolazzjoni tal-istudenti; billi minn dak iż-żmien 'l hawn, il-libertà tal-midja saret ineżistenti, bl-Eritrea li tikklassifika l-aħħar fl-indiċi tal-libertà tal-istampa tar-Reporters Mingħajr Fruntieri għal dawn l-aħħar tmien snin u li fl-Afrika għandha l-akbar ħabs għall-persunal tal-midja b’16-il ġurnalist mibgħuta l-ħabs fl-2015;
Y. billi r-rappreżentant tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, l-ambaxxatur tal-Italja Antonio Bandini, ippreżenta ittra ta’ protesta lill-awtoritajiet wara r-ripressjoni tal-2001 u ġie espuls immedjatament;
Z. billi l-każ tal-G-15 tressaq quddiem il-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Poplu, li sabet l-arrest tal-ħdax-il uffiċjali tal-gvern fl-2001 fl-Eritrea u l-fatt li għadhom il-ħabs bħala ksur tal-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli; billi l-Unjoni Afrikana ħeġġet lill-Eritrea biex immedjatament teħles il-11-il detenut; billi l-Gvern tal-Eritrea wieġeb għar-rapport billi ddikjara li d-dewmien biex il-priġunieri jitressqu l-qorti kienet sempliċement kwistjoni ta’ proċedura ta’ rutina;
AA. billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali ma ngħatawx aċċess għall-faċilitajiet tal-ħabs, ħlief għal ħabs fuq l-art wieħed f’Asmara; filwaqt li l-faċilitajiet tal-ħabs l-oħra (aktar minn 200) madwar il-pajjiż għadhom inaċċessibbli, u allegatament il-ħabsin, inklużi nisa u tfal, huma ttorturati, miżmuma f’iżolament, u miżmuma f’postijiet fid-dlam taħt l-art jew f'kontejners marittimi f’kundizzjonijiet estremament inumani għal perjodi twal ta’ żmien, billi jinżammu taħt arrest wara l-arresti arbitrarji u bl-ebda aċċess għal xi tip ta’ qorti indipendenti jew proċess ġust;
AB. billi l-awtoritajiet tal-Eritrea ma lliberawx lil Dawit Isaak, minkejja żewġ atti ta’ habeas corpus, li r-riċeviment tagħhom ma ġiex rikonoxxut mill-awtoritajiet;
AC. billi l-Parlament tal-Eritrea għadu ma ltaqax mill-2002; billi l-gvern qed jiggverna biss permezz ta’ digriet, u dan ifisser li politiki importanti adottati mill-gvern, inklużi dawk li jaffettwaw ħażin id-drittijiet u l-libertajiet individwali, mhumiex inkorporati fil-liġi u huma sempliċement “innotifikati” permezz tal-midja tal-gvern jew f'messaġġi mgħoddija minn amministrazzjonijiet lokali, bl-ambigwitajiet li tinvolvi tali prattika;
AD. billi l-azzjoni tas-soċjetà ċivili hija ferm limitata; billi, pereżempju, fl-1993, il-partit fil-gvern kien iddeċieda li jissospendi l-attivitajiet taċ-Ċentru Reġjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Iżvilupp – l-ewwel NGO nazzjonali tal-Eritrea, maħluqa fl-1992 – wara li kienet organizzat konferenza dwar "Politika tal-NGO, politika multilaterali u kreditu rurali fl-Eritrea" u rreklutat mijiet ta’ osservaturi indipendenti biex jimmonitorjaw ir-referendum ta’ April 1993 dwar l-indipendenza tal-Eritrea;
AE. billi l-Università ta’ Asmara, l-unika università tal-Eritrea, ingħalqet fl-2006 wara protesti kontra r-reġim; billi s-sistema edukattiva hija taħt il-kontroll militari;
AF. billi l-Grupp ta’ Ħidma tan-NU dwar id-detenzjoni arbitrarja kkundannat id-detenzjonijiet tal-Eritrea minħabba l-ksur tal-liġi internazzjonali;
AG. billi l-ġudikatura mhijiex indipendenti; billi l-imħallfin jinħatru, jiġu riallokati u jitkeċċew skont ir-rieda tal-President, u huma suġġetti li jiġu influwenzati u direzzjonati fl-azzjonijiet tagħhom;
AH. billi fl-1996 ir-reġim ħoloq Qorti Speċjali, tribunal li jikkonsisti minn uffiċjali militari anzjani maħtura direttament mill-President biex jisimgħu każijiet li jinvolvu uffiċjali ta’ livell għoli akkużati b’korruzzjoni, abbuż ta’ fondi pubbliċi u reati kapitali oħrajn; billi, minħabba n-nuqqas ta' indipendenza mill-eżekuttiv, ta' persunal imħarreġ u ta' garanziji ta’ proċessi ġusti, il-Qorti Speċjali malajr sar mezz biex jiġu mgħarrqa d-dissens u l-kritika;
AI. billi, f’Mejju 2002, il-Gvern tal-Eritrea introduċa l-"Kampanja tal-Iżvilupp Yikealo Warsai" li testendi b’mod indefinit is-servizz nazzjonali u li teħtieġ lill-istudenti kollha tal-iskola fl-aħħar sena biex jgħaddu minn taħriġ militari u biex ilestu l-edukazzjoni sekondarja tagħhom u jagħmlu l-eżamijiet finali f’kamp militari; billi l-istudenti żgħażagħ ma jistgħux jikkomunikaw mal-ġenituri jew qraba għal perjodi twal ta’ żmien; billi apparti d-difiża nazzjonali, is-suldati tal-lieva huma sfurzati jaħdmu fl-agrikoltura, il-kostruzzjoni tat-toroq jew il-minjieri mingħajr kumpens finanzjarju adegwat u f’kundizzjonijiet simili għall-iskjavitù; billi hemm probabilità għolja ta' rabta bejn l-eżistenza ta’ dan is-servizz nazzjonali u l-flussi għolja ta’ emigrazzjoni mill-Eritrea; billi l-Eritrea ma tirrikonoxxix id-dritt tal-oġġezzjoni kuxjenzjuża;
AJ. billi l-kummissjoni ta’ inkjesta tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea rrappurtat każijiet numerużi ta’ xogħol furzat, inkluż għall-benefiċċju ta’ kumpanija tat-tħaffir tal-minjieri Kanadiża;
AK. billi s-sejba tal-gass u taż-żejt lil hinn mill-kosta tal-Eritrea attirat interess ulterjuri ta' kumpaniji għal finijiet ta’ sfruttament;
AL. billi l-prattika ta’ penalizzazzjoni ta' membri tal-familja għall-aġir ta’ qarib huwa mifrux fl-Eritrea;
AM. billi d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra n-nisa huma preżenti fl-oqsma kollha tas-soċjetà tal-Eritrea; billi n-nisa mhux biss huma f’riskju estrem ta’ vjolenza sesswali fil-forzi armati u f’kampijiet ta’ taħriġ militari, iżda wkoll fis-soċjetà inġenerali, fejn il-vjolenza kontra n-nisa titwettaq f’atmosfera ta’ impunità;
AN. billi huwa stmat li 89 % tal-bniet fl-Eritrea għaddew minn Mutilazzjoni tal-Ġenitali Femminili (MĠF); billi f’Marzu 2007 l-Gvern ħareġ proklamazzjoni tiddikjara il-MĠF bħala reat, li tipprojbixxi l-prattika tagħha u tisponsorja programmi edukattivi li jiskoraġġixxu l-prattika matul dik is-sena;
AO. billi bosta rifuġjati nisa u bniet jitilqu mill-pajjiż foqra, mingħajr ebda mezz għas-sopravivenza, għaliex fl-Eritrea jiddependu fuq vawċers tal-ikel li ma jibqgħux jirċievu meta l-membri tal-familja maskili tagħhom ma jibqgħux preżenti; billi l-bżonn għall-protezzjoni tan-nisa u l-bniet ibbażata fuq ir-rispett tad-dritt għall-ħajja huwa rrispettat bħala bażi għall-asil internazzjonali;
AP. billi l-ekonomija tikkonsisti l-aktar minn agrikoltura ta’ sussistenza tradizzjonali, bi problemi kroniċi ta’ insigurtà alimentari u ekonomija informali kkontrollata mill-FPDĠ li tinvolvi tranżazzjonijiet ta' flus permezz ta’ netwerk ta’ entitajiet tan-negozju mhux trasparenti inkorporati f’bosta ġurisdizzjonijiet;
AQ. billi, minn 189 pajjiż, l-Eritrea tinsab fl-aħħar post tal-klassifikazzjoni "Ease of Doing Business" tal-2015 tal-Bank Dinji;
AR. billi f’Ġunju 2008, il-forzi tal-Eritrea qasmu l-fruntiera ma’ Ġibuti u ħakmu ż-żona ta’ Ras Doumeira, u qatlu mill-inqas disa’ suldati ta’ Ġibuti; billi l-Eritrea rtiraw it-truppi tagħhom biss sentejn wara;
AS. billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU impona sanzjonijiet fuq l-Eritrea f’Diċembru 2009, inkluż embargo fuq l-armi, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi ta’ uffiċjali politiċi u militari tal-pajjiż, wara l-appoġġ Eritrean attwali ta' ċerti gruppi armati reġjonali li qed jipprovaw iwaqqgħu l-gvernijiet reġjonali, b’mod partikolari fis-Somalja; billi f’Ġunju 2015 il-Kunsill tas-Sigurtà afferma mill-ġdid l-embargo tiegħu fuq l-armi kontra l-Gvern tal-Eritrea;
AT. billi, skont osservaturi tan-NU, l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda stabbilixxew preżenza militari fl-Eritrea bħala parti minn kampanja militari kontra r-ribelli tal-moviment Houthi fil-Jemen;
AU. billi l-FPDĠ stabbilixxa kontroll u sorveljanza fuq il-komunitajiet ta’ refuġjati u ta’ dijaspora permezz tal-ambaxxati, li huma involuti fl-estorsjoni fir-rigward ta' taxxi tad-dijaspora u kontribuzzjonijiet "volontarji" bi skambju għal servizzi, bħal passaporti, karti tal-identità, ċertifikati tat-twelid u dokumenti essenzjali li fuqhom jistgħu jiddependu r-refuġjati; billi dawn il-prattiki jikkostitwixxu ksur tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, bl-estorsjoni li hija prattika li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU talab lill-Istati Membri tan-NU biex iwaqqfu f'riżoluzzjoni tal-2009 u f'riżoluzzjonijiet sussegwenti;
AV. billi l-ambaxxati huma involuti f’kampanja biex jimminaw il-ħidma tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU billi jġiegħlu lill-komunità Eritreana tad-dijaspora u tar-refuġjati biex jiffirmaw dokumenti li jiddikjaraw li huma wettqu b'mod volontarju s-servizz nazzjonali u huma rifuġjati ekonomiċi;
AW. billi l-Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU u l-Grupp ta’ Monitoraġġ tan-NU dwar l-Eritrea u s-Somalja ma ngħatawx id-dritt li jidħlu fl-Eritrea;
AX. billi l-FPDĠ stabbilixxa netwerk internazzjonali wiesgħa ta’ informaturi permezz tal-fergħat tiegħu, inklużi l-fergħat taż-żgħażagħ, sabiex tinġabar informazzjoni dwar "għedewwa", u huma involuti fil-kummerċ illegali u l-estorsjoni fl-Istati Membri tal-UE; billi dan wassal għat-tkeċċija ta’ diplomatiku Eritrean mill-Iżvezja fl-2015;
AY. billi l-mexxejja tal-organizzazzjoni taż-żgħażagħ tal-FPDĠ fin-Netherlands nedew kampanji legali kontra akkademiċi, midja u istituzzjonijiet governattivi Netherlandiżi, bl-appoġġ tal-mexxejja politiċi f’Asmara, preżumibbilment biex isikktu lil dawk li jikkritikaw ir-reġim;
AZ. billi l-komunitajiet tar-refuġjati f’pajjiżi ġirien u f’postijiet oħra huma kkontrollati u taħt sorveljanza kostanti mir-reġim tal-Eritrea; billi r-refuġjati qed jinħatfu mill-militar tal-Eritrea minn pajjiżi ġirien jew pajjiżi ħbieb u rritornati lura fl-Eritrea, u l-għadd ta’ minorenni mhux akkumpanjati li jaħarbu mill-pajjiż qed jiżdied filwaqt li r-refuġjati qed jaffaċċjaw nuqqas ta’ sikurezza, sigurtà u appoġġ f’għadd ta’ pajjiżi ladarba jkunu ħarbu u jgħixu f’biża’ kontinwa ta’ rappreżalji;
BA. billi r-refuġjati Eritreani mill-Iżrael huma volontarjament deportati fir-Rwanda u l-Uganda, iżda ma jirċevux asil f’dawn il-pajjiżi, u huma traffikati lejn is-Sudan t’Isfel, fejn qegħdin jintbagħtu l-ħabs minħabba l-qsim illegali tal-fruntieri jew lejn is-Sudan u l-Libja, fejn ħafna jaqgħu f’idejn organizzazzjonijiet terroristiċi;
1. Huwa xxukkjat dwar is-sitwazzjoni katastrofika tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea u n-nuqqas assolut ta’ stat tad-dritt u libertà tal-midja;
2. Ifakkar fl-obbligi tal-Eritrea taħt il-Ftehim ta' Cotonou għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt;
3. Jikkundanna bil-qawwa l-ksur kontinwu tal-Eritrea ta’ dawn il-prinċipji, inkluż torturi, qtil extraġudizzjarju, detenzjonijiet f’iżolament mingħajr proċess jew kundanni, politika ta' "spara biex toqtol" fil-fruntieri tagħha, kif ukoll sistema ta’ lieva simili għall-iskjavitù;
4. Jistieden lill-Eritrea biex tirrispetta u tipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-Eritreani kollha, inkluża l-libertà ta’ espressjoni u l-libertà ta’ għaqda, biex tiftaħ il-midja mingħajr dewmien, biex il-mexxejja tal-oppożizzjoni f’eżilju jitħallew jirritornaw lura fil-pajjiż, biex jinħelsu l-priġunieri politiċi kollha mingħajr kundizzjonijiet u biex ittemm ir-restrizzjonijiet fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u biex timplimentata rakkomandazzjonijiet oħra magħmula mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-Eżami Perjodiku Universali tal-Istat tal-Eritrea fl-2014;
5. Huwa mħasseb b’mod partikolari dwar id-detenzjoni kontinwa mingħajr kundanni, proċessi jew konsulenzi legali – sa mit-18 ta’ Settembru 2001 – ta’ grupp ta’ 11-il membru prominenti tal-Parlament Eritrean u tal-Front tal-Poplu għad-Demokrazija u l-Ġustizzja, kif ukoll – mit-23 ta’ Settembru 2001 – ta’ għaxar ġurnalisti indipendenti, inkluż iċ-ċittadin tal-UE/Eritrean Dawik Isaak;
6. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvern tal-Eritrea biex jeħles lil dawn il-priġunieri immedjatament u mingħajr ebda kondizzjoni, flimkien ma’ priġunieri oħra detenuti għall-fehmiet politiċi tagħhom, u jitlob li l-informazzjoni kollha dwar fejn jinsabu dawn il-priġunieri ssir pubblika u li jingħataw aċċess għall-familji u l-avukati tagħhom, mhux l-anqas fuq bażi umanitarja;
7. Jistieden lill-Gvern tal-Eritrea biex jiżgura aċċess ħieles u ġust ta' sistema ġudizzjarja indipendenti għal dawk detenuti, u biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħabs, inkluż billi jipprojbixxi l-użu ta’ ċelel taħt l-art u kontejners marittimi li li fihom jinżammu l-priġunieri, biex itemm l-użu ta’ ċentri ta’ detenzjoni sigrieti u qrati sigrieti u l-prattika ta' detenzjoni f’iżolament, u biex jippermetti l-aċċess regolari tal-priġunieri għal qraba, avukati, professjonisti mediċi, u awtoritajiet oħra kompetenti u legalment awtorizzati u l-istituzzjonijiet;
8. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Eritrea biex itemm is-sistema tas-servizz nazzjonali indefinit billi jimmobilizza s-suldati tal-lieva li jkunu lestew it-18-il xahar ta’ servizz obbligatorji u jtemm b'mod effettiv il-prattika tax-xogħol furzat għas-suldati tal-lieva wara dak il-perjodu, biex jipprevedi oġġezzjoni kuxjenzjuża, u biex itemm il-prattika obbligatorja li l-istudenti kollha tal-iskola jqattgħu l-aħħar sena ta’ skola f’kamp ta’ taħriġ militari;
9. Jieħu nota tas-sejbiet tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea dwar ix-xogħol furzat għall-benefiċċju ta’ korporazzjonijiet internazzjonali; iqis li dan juri għal darb’oħra l-ħtieġa għal strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;
10. Jitlob li l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u dawk umanitarji jitħallew joperaw fl-Eritrea mingħajr biża’ jew intimidazzjoni, u jitlob biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Qafas ta’ Kooperazzjoni ta' Sħubija Strateġika għall-2013–2016 iffirmat mill-Gvern tal-Eritrea u min-NU fit-28 ta’ Jannar 2013;
11. Iħeġġeġ lill-President Afewerki biex jimplimenta l-Kostituzzjoni, li kienet abbozzata b’konsultazzjoni sħiħa mal-partijiet interessati kollha u mas-soċjetà ċivili u li ġiet adottata;
12. Jilqa’ l-miżuri li ħa l-Gvern Eritrean fil-ġlieda kontra l-MĠF; jistieden lill-gvern iżid b’mod ġenerali l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa, inkluż billi jieħu miżuri ulterjuri biex jiġġieled prattiki dannużi, bħal żwieġ tat-tfal, bikri u furzat, u jtemm l-impunità f’każijiet ta’ vjolenza sesswali;
13. Iħeġġeġ lill-gvern biex itemm il-politiki "ħtija b'assoċjazzjoni" mmirati lejn membri tal-familja ta’ dawk li jevadu s-servizz nazzjonali, ifittxu li jaħarbu mill-Eritrea jew jonqsu milli jħallsu 2 % taxxa fuq id-dħul imposta mill-gvern fuq l-espatrijati tal-Eritrea;
14. Għandu dubji dwar l-effikaċja tal-politika ta' "involviment imġedded" li l-UE adottat fir-rigward tal-Eritrea; jinnota li din il-politika ma pproduċiet l-ebda riżultat, peress li l-ebda priġunier politiku ma nħeles, lanqas Dawit Isaak, u ma sar l-ebda progress dwar xi kwistjoni oħrajn ta’ drittijiet tal-bniedem; jiddeplora l-fatt li t-tħassib tal-Parlament rigward il-"Programm Indikattiv Nazzjonali" konkluż reċentement bejn l-UE u l-Eritrea ġie kompletament injorat mill-Kummissjoni u l-Kunsill; jenfasizza li dan it-tħassib huwa marbut prinċipalment mal-iskala u s-serjetà tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqin mir-reġim tal-Eritrea, mal-ħafna sinjali li hi bil-kemm jimpurtaha dwar il-benesseri taċ-ċittadini tagħha, man-nuqqas ta’ affidabilità tar-reġim bħala sieħeb tal-koperazzjoni għall-iżvilupp, mal-korruzzjoni mifruxa u l-assenza kważi totali ta’ trasparenza fil-ġestjoni finanzjarja pubblika fil-pajjiż, u mar-riskju li l-fondi tal-FEŻ qed jintużaw ħażin għal skopijiet ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni; jitlob li l-kooperazzjoni tiġi immedjatament sospiża fid-dawl tad-dikjarazzjoni l-aktar reċenti tal-Eritrea li hija se tkompli bil-prattika ta’ lieva indefinita li tixbah l-iskjavitù;
15. Jiddeplora l-assenza ta’ kwalunkwe tip ta’ djalogu politiku fil-qafas ta’ Cotonou bejn l-Eritrea u l-UE; ma jistax jifhem kif l-UE qatt ma fetħet il-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96 mal-Eritrea, u jħeġġiġha biex tagħmel dan minnufih;
16. Jiddeplora t-tentattivi tal-UE biex tikkoopera mal-Eritrea fil-qasam tal-migrazzjoni; ifakkar li l-forzi tas-sigurtà tal-Eritrea huma nnifishom involuti f’attivitajiet ta’ traffikar, u jitlob li jkun hemm investigazzjoni indipendenti tal-katina ta’ kmand fir-rigward tat-twettiq tat-traffikar ta’ migranti Eritreani; ifakkar li l-militar tal-Eritrea jipprattika l-politika "spara biex toqtol", fil-fruntiera kontra persuni li jkunu qed jippruvaw jaħarbu mill-pajjiż, u jitlob għall-waqfien immedjat ta’ prattiki bħal dawn; ifakkar lill-Gvern tal-Eritrea dwar l-obbligu tiegħu li jipproteġi liċ-ċittadini tiegħu; ifakkar, barra minn hekk, li l-Gvern tal-Eritrea huwa meqjus bħala l-awtur ta’ ksur serju u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem kontra ċ-ċittadini tiegħu; Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jissospendu b’mod immedjat il-kooperazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u t-titjib tal-kontroll tal-fruntieri mal-Eritrea; jenfasizza r-rati għoljin ħafna osservati f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ asil jew protezzjoni sussidjarja mill-Istati Membri tal-UE lill-Eritreani, u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jirritornawx lill-Eritreani li qed ifittxu asil fl-Ewropa; jinsab imħasseb b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-Gvern tal-Eritrea li bi ħsiebu jillimita s-servizz nazzjonali għal 18-il xahar, li l-implimentazzjoni tagħha ma ġietx ivverifikata, wasslet lil xi Stati Membri tal-UE sabiex iwebbsu aktar il-pożizzjoni tagħhom dwar applikanti għall-asil Eritreani;
17. Iħeġġeġ lill-UE biex tiżgura li d-delegazzjonijiet tagħha fil-pajjiżi madwar l-Eritrea jiffaċilitaw l-aċċess tal-Eritreani li jfittxu l-asil għall-UNHCR u s-servizzi ta' applikazzjoni; jitlob li l-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha jiżguraw li l-proċeduri dwar ir-refuġjati huma trasparenti u rapidi; jitlob għal prijoritizzazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-vittmi tat-tortura u t-traffikar tal-bnedmin;
18. Jirrikonoxxi li l-Eġittu għandu d-dritt li jirregola d-dħul u l-ħruġ minn naħa għal oħra tal-fruntieri tiegħu, iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet u lill-forzi tas-sigurtà Eġizzjani biex jevitaw l-użu tal-forza letali kontra l-immigranti illegali li jaqsmu l-fruntieri tal-pajjiż, biex jirrispettaw għal kollox id-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards li jirrigwardaw it-trattament tagħhom, biex jipproteġu d-dinjità u l-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom, jirrispettaw id-dritt tagħhom għal proċess xieraq u proċess ġust, u biex jiggarantixxu l-possibilità għall-migranti detenuti li jikkuntattjaw lill-UNHCR, ukoll billi jiġi permess l-aċċess tal-UNHCR għal kull min ifittex asil u għar-refuġjati kollha li jkunu miżmuma mill-istat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiksbu l-ħelsien tal-Eritreani li hemm miżmuma ostaġġi;
19. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iżraeljani biex jirrikonoxxu d-dritt għal protezzjoni tar-refuġjati Eritreani u biex joffru asil fejn meħtieġ;
20. Jitlob lill-UE tadotta rwol ħafna iktar strett rigward ir-reġim Eritrean f’każ li ma jsir ebda progress dwar id-drittijiet tal-bniedem, u biex tikkunsidra miżuri restrittivi mmirati bħalma huma l-projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar u l-iffriżar ta’ assi fil-konfront ta’ dawk li l-azzjonijiet tagħhom setgħu wasslu, jew jistgħu jwasslu, għal atti ta’ vjolenza u ripressjoni u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li s’issa huma biss sanzjonijiet bħal dawk adottati min-NU li pproduċew xi tip ta’ riżultat fl-Eritrea;
21. Jitlob lill-Istati Membri tal-UE biex jinvestigaw l-operazzjonijiet tal-ambaxxati Eritreani u biex ikun żgurat li l-applikazzjonijiet għal asil ma jkunu bl-ebda mod marbutin mal-kooperazzjoni tal-ambaxxati Eritreani;
22. Jitlob li l-Eritrea toffri l-kollaborazzjoni sħiħa tagħha mal-Grupp ta’ Monitoraġġ tan-NU dwar l-Eritrea u s-Somalja, mal-Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU dwar l-Eritrea u r-Rapporteur Speċjali tan-NU, u tippermettihom jidħlu fil-pajjiż;
23. Jitlob lin-NU, lill-Unjoni Afrikana, lill-UE u s-sħab bilaterali tal-Etjopja biex jagħmlu pressjoni fuq l-Etjopja biex taċċetta d-demarkazzjoni proposta tal-fruntieri, li tirriżulta fi tnaqqis fit-tensjonijiet bejn l-Etjopja u l-Eritrea, li min-naħa tiegħu jżid l-istabilità fir-reġjun kollu tal-Qarn tal-Afrika u jneħħi l-leġittimità tal-kontinwazzjoni tal-"miżuri eċċezzjonali" tar-reġim Eritrean;
24. Iħeġġeġ lill-kumpaniji internazzjonali kollha li jinvestu fl-Eritrea biex jaġixxu fir-rigward tar-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u biex ma ssir l-ebda ħsara;
25. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jinvestigaw l-ambaxxati u r-rwol tal-FPDĠ u l-fergħat varji tiegħu, inkluż il-fergħa taż-żgħażagħ, u biex jipprojbixxu l-forom kollha ta’ assoċjazzjoni u attività li jappoġġjaw direttament l-eżerċizzji ta' kontroll u sorveljanza fl-Ewropa, biex jimminaw il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, u joħolqu forom ta' intimidazzjoni u estorsjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaġixxu ħalli jtemmu t-taxxa tad-dijaspora u biex jinvestigaw tranżazzjonijiet finanzjarji relatati ma’ kull tip ta’ "kontribuzzjoni" magħmula minn assoċjazzjonijiet barranin marbutin mal-gvern Eritrean, u biex jipproteġu b’mod sħiħ id-drittijiet tal-asil tar-refuġjati Eritreani kollha fl-Ewropa;
26. Iħeġġeġ lill-Eritrea biex tagħmel disponibbli informazzjoni rigward il-ġellieda Djiboutjani meqjusa mitlufin waqt il-ġlied mill-10 sat-12 ta’ Ġunju 2008, sabiex dawk ikkonċernati jkunu jistgħu jaċċertaw il-preżenza u l-kundizzjoni tal-priġunieri tal-gwerra Djiboutjani;
27. Itenni t-talba tiegħu li ssir konferenza nazzjonali intra-Eritreana li tlaqqa’ flimkien il-mexxejja tal-partiti varji u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili sabiex tinstab soluzzjoni għall-kriżi attwali u tqiegħed lill-pajjiż fit-triq lejn id-demokrazija, il-pluraliżmu politiku u l-iżvilupp sostenibbli;
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE, lill-Gvernijiet tal-Eritrea, l-Eġittu u l-Iżrael, lill-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.