Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0321/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0321/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eritrea

2.3.2016 - (2016/2568(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0318/2016

Proċedura : 2016/2568(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0321/2016
Testi mressqa :
B8-0321/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0321/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eritrea

(2016/2568(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Grupp ta’ Monitoraġġ dwar l-Eritrea u l-konklużjonijiet tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi r-riżoluzzjonijiet  751 (1992), 1907 (2009), 2182 (2014) u 2244 (2015),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/127/PESK tal-1 ta’ Marzu 2010 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 667/2010, sussegwentement emendata fl-2010 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/414/PESK,

–  wara li kkunsidra l-miżuri restrittivi ulterjuri tal-UE kontra l-Eritrea kif stipulat fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/632/PESK u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 942/2012,

–  wara li kkunsidra t-twaqqif tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU permezz tar-riżoluzzjoni 26/24 tas-27 ta’ Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-protokolli fakultattivi tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva dwar ir-Rotta tal-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Qarn tal-Afrika, magħrufa wkoll bħala l-Proċess ta' Khartoum,

–  wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-istabbiltà u għall-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali tal-UE għall-Qarn tal-Afrika 2015-2020,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Eritrea hi wieħed mill-iktar nazzjonijiet foqra u magħluqa tal-Afrika u għandha sistema ta' partit wieħed, il-Front Popolari għad-Demokrazija u l-Ġustizzja (FPDĠ) bħala l-uniku partit politiku sanzjonat legalment; billi l-president ilu jmexxi l-pajjiż sa mill-indipendenza fl-1993; billi l-kostituzzjoni qatt ma ġiet implimentata u l-pajjiż qatt ma kellu elezzjonijiet nazzjonali; billi l-Assemblea Nazzjonali waqfet tiltaqa' fl-2002, u l-liġijiet jiġu adottati permezz ta' digriet tal-gvern;

B.  billi l-Eritrea, pajjiż ta’ sitt miljun persuna, hu wieħed min-nazzjonijiet tad-dinja li qed jitbattlu b'rata mgħaġġla, b’popolazzjoni ta’ kważi nofs miljun rifuġjat; billi 5 000 Eritrean iħallu l-pajjiż kull xahar, ħafna minnhom ifittxu rifuġju fil-pajjiżi ġirien, l-Etjopja u s-Sudan, waqt li oħrajn jagħmlu l-vjaġġ perikoluż lejn l-UE; billi l-Eritreani jikkostitwixxu t-tielet l-akbar numru ta’ rifuġjati li jippruvaw jaslu fl-Ewropa;

C.  billi l-iktar raġuni komuni mogħtija li għaliha jħallu l-pajjiż hija l-lieva fil-programm ta' servizz nazzjonali; billi rekwiżit statutorju ta’ 18-il xahar ta’ servizz militari jew ċivili ġie estiż fl-2002, u fil-prattika sar perjodu indefinit; billi l-Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea sabet li s-servizz nazzjonali ħafna drabi jinvolvi "detenzjoni arbitrarja, tortura, vjolenza sesswali, xogħol furzat, nuqqas ta’ liv, u [...] paga ridikola", filwaqt li sejħet il-programm "istituzzjoni fejn prattiki simili għall-iskjavitù huma regolari"; billi l-koskritti jinkludu subien u bniet ta’ 16-il sena kif ukoll l-anzjani, u billi s-servizz nazzjonali sikwit jammonta għal xogħol furzat;

D.  billi l-lieva tista' ddum għexieren ta’ snin u jeżistu każijiet fejn diversi membri ta' familja jinqabdu bil-lieva fl-istess ħin u jiġu separati ġeografikament; billi dawk li jieħdu liv mingħajr permess jiffaċċaw priġunerija u jekk huma ma jkunux jistgħu jinstabu, qrabathom jintbagħtu l-ħabs minflokhom; billi s-salarju bażiku tal-lieva qabel it-tnaqqis hu USD 43-48 fix-xahar, ammont li mhux biżżejjed biex jaqdi l-ħtiġijiet bażiċi tal-individwu; billi fl-Eritrea mhemm l-ebda dispożizzjoni għal oġġezzjoni tal-kuxjenza;

E.  billi l-ksur sistematiku, mifrux u gravi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea kien u għadu jseħħ taħt l-awtorità tal-gvern, li ħoloq u jsostni sistema ripressiva biex jikkontrolla, jsikket u jiżola lil individwi fil-pajjiż, filwaqt li jċaħħadhom mill-libertajiet fundamentali tagħhom; billi regolarment individwi jiġu arrestati u detenuti b’mod arbitrarju, ittorturati, megħjuba jew iġġustizzjati b’mod extraġudizzjarju;

F.  billi s-sistemi ta’ kontroll pervażivi u l-konsegwenzi serji għal imġiba meqjusa devjanti ħolqu ambjent ta’ awtoċensura fejn in-nies ma jistgħux jesprimu ruħhom, jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom jew jeżerċitaw libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni; billi, skont Reporters Without Borders ("Korrispondenti Mingħajr Fruntieri"), l-Eritrea kellha l-iktar stampa mhux ħielsa fid-dinja fl-2015;

G.  billi eluf ta’ priġunieri tal-kuxjenza u priġunieri politiċi jinżammu mill-awtoritajiet tal-Eritrea f’detenzjoni sigrieta, mingħajr akkuża jew proċess; billi l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni huma estremament ħorox, għax il-priġunieri sikwit jinżammu f’ċelel taħt l-art jew f’kontejners tat-trasport u n-nuqqas ta’ aċċess għal ikel, ilma u kura medika suffiċjenti waqt id-detenzjoni jistgħu jwasslu għal kumplikazzjonijiet tas-saħħa, inkluża l-mewt;

H.  billi l-gvern tal-Eritrea ħa pożizzjoni ambivalenti dwar il-fluss ta' emigranti, parzjalment minħabba li jibbenefika mid-diaspora fil-forma ta’ taxxa fuq id-dħul mingħand il-migranti, allegatament billi jhedded li jċaħħad lilhom jew lil qrabathom minn servizzi konsulari; billi fl-2011 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU talab lill-Eritrea biex jieqaf tuża l-estorsjoni, it-theddid ta’ vjolenza, il-frodi u mezzi illeċiti oħra biex tiġbor din it-taxxa, li minnha l-pajjiż kiseb USD 73 miljun mill-Istat bejn l-2010 u l-2013;

I.  billi l-Istati Membri tal-UE qegħdin jiċħdu dejjem aktar l-applikazzjoni għall-asil ta' persuni Eritreani, u jsostnu li dawk li jaslu mal-fruntieri tagħhom huma migranti ekonomiċi; billi jeżisti riskju ġeneralizzat ta’ detenzjoni arbitrarja, tortura u trattament ħażin ieħor għal dawk li jmorru lura l-Etitrea wara li jkunu fittxew asil;

J.  billi l-Gvern għandu netwerk mifrux ta’ informaturi, koerċizzati mill-istat, li jikkontrollaw il-popolazzjoni, u billi ċ-ċittadini li huma suspettati b'imġiba li jkollha natura ta' tradiment huma soġġetti għal arresti arbitrarji, għejbien furzat, eżekuzzjoni extraġudizzjarja u tortura; billi hemm restrizzjonijiet inġusti fuq il-moviment intern u fuq l-espressjoni orali, u billi l-mezzi tax-xandir domestiċi huma kkontrollati mill-Istat;

K.  billi n-nuqqas ta’ trasparenza finanzjarja tal-pajjiż għadu qed joħloq ekonomija informali kkontrollata mill-FPDĠ tinvolvi tranżazzjonijiet b'muniti ewlenin permezz ta' netwerk oskur u mhux trasparenti ta’ entitajiet kummerċjali li jappartjenu lill-Istat u huma ġestiti minn uffiċjali għolja tal-gvern; billi dan joħloq tħassib partikolari fi żmien meta organizzazzjonijiet internazzjonali qed iwiegħdu għajnuna monetarja lill-gvern;

L.  billi dan in-nuqqas ta’ trasparenza jolqot ħafna anke lid-dħul mill-industrija tal-minjieri; billi hemm każijiet ta’ użu allegat ta’ xogħol furzat u trattament inuman, u billi l-ħlasijiet magħmula minn kumpaniji internazzjonali għax-xogħol ipprovdut mill-kuntratturi tal-gvern allegatament jittieħed mill-pagi tal-ħaddiema u jgħaddi għand il-militar u l-gvern tal-Eritrea;

M.  billi b’mod partikolari, il-kumpanija Kanadiża Nevsun, li għandha 60 % tal-ishma tal-minjiera tar-ram u tad-deheb f'Bisha (l-40 % l-oħra huma proprjetà tal-gvern), ġiet akkużata li ppermettiet l-użu ta' xogħol furzat fil-kostruzzjoni tal-minjiera tagħha, kemm mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea kif ukoll f'kawża miftuħa f'qorti Kanadiża; billi Nevsun ċaħdet l-allegazzjonijiet u rrifjutat is-sejbiet tan-NU;

N.  billi s-setturi kollha tal-ekonomija jiddependu fuq ix-xogħol furzat, u billi l-biċċa l-kbira tal-Eritrej aktarx li jkunu soġġetti għal xogħol furzat f'xi punt f’ħajjithom;

O.  billi fis-27 ta’ Ġunju 2014 il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU stabbilixxa l-Kummissjoni ta’ Inkjesta dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea biex tinvestiga l-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea; billi l-Kummissjoni ta’ Inkjesta ressqet l-ewwel rapport tagħha fit-23 ta’ Ġunju 2015, u billi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem estenda l-mandat tal-Kummissjoni ta' Inkjesta b’sena sa Ġunju 2016, b’mandat rivedut biex tinvestiga ksur sistematiku, mifrux u gravi tad-drittijiet tal-bniedem, bl-għan li tiġi żgurata responsabbiltà sħiħa, anke fejn dan il-ksur jaf jammonta għal delitti kontra l-umanità; billi l-Kummissjoni ta’ Inkjesta se tippreżenta rapport bil-miktub bis-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Ġunju 2016;

P.  billi l-Grupp ta’ Monitoraġġ dwar is-Somalja u l-Eritrea, minkejja t-talbiet ripetuti tiegħu, qatt ma ngħata permess iżur l-Eritrea matul il-mandat tiegħu u ma kisibx il-kooperazzjoni sħiħa tal-gvern, kif intalab fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2182 (2014); billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea, il-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem kollha ġew ripetutament mċaħħda aċċess lejn l-Eritrea;

Q.  billi fl-2009 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ssanzjona lill-Eritrea għall-allegat appoġġ tagħha lil Al-Shabaab, milizzja Iżlamista fis-Somalja; billi l-miżuri tan-NU inkludew embargo fuq l-armi u projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar kif ukoll iffriżar tal-assi ta' individwi magħżula; billi, meta adotta r-riżoluzzjoni 2244 (2015) is-sena li għaddiet, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti reġa' afferma l-embargo tal-armi fuq l-Eritrea, fid-dawl tal-appoġġ kontinwu tal-pajjiż lil gruppi armati reġjonali oħra, fosthom front unifikat, li għadu kif ġie ffurmat, ta’ gruppi armati tal-oppożizzjoni Etjopjana, il-Moviment Demokratiku tal-Poplu Tigray (TPDM) u l-mexxej militari ta’ Ginbot Sebat;

R.  billi l-Eritrea sawret relazzjoni militari strateġika ġdida mal-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda, u tippermetti lill-koalizzjoni Għarbija tuża l-art, l-ispazju tal-ajru u l-ibħra territorjali tal-Eritrea fil-kampanja militari tagħha kontra l-Houthis fil-Jemen; billi l-Eritrea allegatament irċeviet kumpens mingħand iż-żewġ pajjiżi, inkluż kumpens monetarju u provvisti ta' fjuwil, u billi kwalunkwe kumpens mgħoddi, direttament jew indirettament, għal attivitajiet li jheddu l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun, jew għall-benefiċċju tal-militari tal-Eritrea, jikkostitwixxi ksur tar-riżoluzzjoni 1907 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

S.  billi t-tensjonijiet residwi minn gwerer tal-fruntieri mal-Etjopja bejn l-1998 u l-2000 għadhom ħajjin u jintużaw bħala raġuni għal stat polizjesk;

T.  billi fit-28 ta’ Jannar 2016 l-Eritrea u l-UE ffirmaw ftehim importanti dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp ġejjiena, il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-governanza tajba; billi l-UE ħabbret EUR 200 miljun f’appoġġ fit-tul għall-Eritrea permezz tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), b'enfasi fuq l-enerġija u l-governanza; billi l-Eritrea tista’ tkun benefiċjarju ta’ azzjonijiet taħt il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika u inizjattivi oħra tal-UE, b’mod partikolari l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;

1.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jpoġġu r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem fuq quddiem ta’ kull interazzjoni mal-Gvern tal-Eritrea, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġestjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni;

2.  Jinsab konvint li l-kawżi fundamentali tal-kriżi tar-rifuġjati Eritreani huma n-nuqqas tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u t-trażżin taċ-ċittadini, u li jekk dawn il-kawżi sottostanti ma jiġux indirizzati se jkun impossibbli li l-kriżi tar-rifuġjati titwaqqaf b'xi mezz ieħor; jibża’ li f’dan il-waqt il-Gvern Eritrean ma jistax jitqies bħala sieħeb kredibbli għall-UE;

3.  Jesprimi d-dubji tiegħu dwar id-deċiżjoni li EUR 200 miljun mill-FEŻ jiġu allokati għal proġetti relatati mal-enerġija u l-governanza fl-Eritrea, minħabba s-sitwazzjoni mwegħra tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jinsab imħasseb, minħabba n-nuqqas totali ta’ trasparenza fil-ġestjoni finanzjarja tal-pajjiż, li dawn il-fondi jistgħu faċilment jiġu ddevjati mill-gvern u jintużaw biex jappoġġaw trażżin ulterjuri;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex joqogħdu lura milli jużaw il-Fond Fiduċjarju għall-Afrika tal-UE għal kwalunkwe fini ieħor apparti t-titjib fid-drittijiet tal-bniedem u l-għajnuna għall-iżvilupp, filwaqt li jissottolinja li proġetti ffinanzjati mill-Fond Fiduċjarju jeħtieġ jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-UE; jenfasizza li l-għajnuna kollha tal-UE li mhix marbuta ma’ għanijiet umanitarji għandha tkun strettament kundizzjonata fuq progress reali fil-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni tissospendi l-għajnuna finanzjarja lill-gvern tal-Eritrea u tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ monitoraġġ biex ikun żgurat li kwalunkwe għajnuna lill-pajjiż ma tiġix żvijata mill-Gvern tal-Eritrea jew użata għat-trażżin jew kwalunkwe attività li tista’ tuża x-xogħol furzat;

5.  Jistieden lill-kumpaniji privati u entitajiet oħra li jinvestu jew joperaw fl-Eritrea biex iwettqu diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem sabiex ikun żgurat li x-xogħol ta' ħaddiema koskritti ma jintuża fl-ebda punt fl-operazzjonijiet tagħhom u li ma jipprovdux fondi jew appoġġ lil proġetti li jużaw ħaddiema koskritti; jappella lill-awtoritajiet Eritreani u lill-kumpaniji barranin biex jgħinu t-tisħiħ tal-governanza fl-industrija tal-estrazzjoni billi jikkonformaw mal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI);

6.  Jistieden lill-President u lill-Gvern tal-Eritrea biex jagħtu bidu għal riformi biex ikun żgurat li l-Eritrea tikkonforma mal-obbligi internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem tagħha billi, inter alia, jimplimentaw il-kostituzzjoni tal-1997, jallinjaw il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jippermettu lill-partiti politiċi indipendenti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiffunzjonaw liberament, jistabbilixxu ġudikatura indipendenti u jsejħu elezzjonijiet ħielsa u ġusti, li ilhom ħafna biex isiru;

7.  Jinnota li skont 'Reporters Without Borders', l-Eritrea huwa pajjiż bl-inqas libertà tal-istampa fid-dinja u l-uniku pajjiż fl-Afrika sub-Saħarjana mingħajr ebda stazzjon tal-midja privat; jitlob li jinħolqu miżuri li jippermettu l-operatta’ midja indipendenti u libera u biex iħarsu lill-ġurnalisti mill-indħil arbitrarju;

8.  Jitlob lill-awtoritajiet jippermettu libertà tal-moviment ġewwa l-pajjiż u jiffaċilitaw l-moviment legali ta’ persuni ġewwa u barra l-pajjiż billi jneħħu r-rekwiżit ta’ viża tal-ħruġ u jittrattaw lill-persuni rimpatrijati skont l-istandards internazzjonali;

9.  Iħeġġeġ lill-Gvern Eritrean itemm il-prattiki ta’ lieva indefinita fis-servizz nazzjonali, li ħafna drabi tammonta għal xogħol furzat u bħala tali hija ksur tad-dritt internazzjonali, u biex jiddemobilizza lil dawk kollha li jkunu temmew 18-il xahar ta’ servizz attiv; jitlob lill-gvern Eritrean jiżgura li ħadd ma jwettaq taħriġ militari qabel ma jkollhom 18-il sena u li ma jiġux koskritti persuni ta' età ikbar mill-età normali tal-lieva; jitlob ukoll lill-Gvern biex jiżgura li l-koskritti kollha jkunu pprovduti b’akkomodazzjoni u kundizzjonijiet li jikkonformaw mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u li jitħallsu b’mod li jippermetti ħajja dinjituża;

10.  Jistieden lill-gvern biex jagħmel dispożizzjoni għal oġġezzjoni ta' kuxjenza kontra s-servizz militari u li jipprovdi servizzi alternattivi u mhux punittivi ta’ natura ċivili b'tul paragunabbli ma' dak tas-servizz militari;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet iġibu fi tmiemhom, b'mod immedjat, il-prattiki illegali ta’ detenzjoni arbitrarja mingħajr akkuża jew proċess, id-detenzjoni incommunicado u d-detenzjoni f’ċentri ta’ detenzjoni mhux uffiċjali, li jipprovdu immedjatament lill-qrabathom b’informazzjoni dwar fejn jinsabu u dwar l-istat ta' saħħithom, u biex jirrispettaw għalkollox id-drittijiet tad-detenuti; jitlob ukoll lill-awtoritajiet biex ma jkomplux jarrestaw, iżommu jew jikkastigaw lid-diżerturi wara t-18-il xahar ta’ servizz mitluba fil-Proklamazzjoni dwar is-Servizzi Nazzjonali; jitlob għall-ħelsien immedjat ta’ dawk li qegħdin jinżammu detenuti għal din ir-raġuni;

12.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Eritrea biex jiżguraw li d-detenuti kollha jiġu ttrattati b’mod uman u skont l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom billi jipprovdulhom kenn, ikel, ilma, miżuri sanitarja u aċċess għall-kura medika adegwati, u biex jiżguraw li ħadd ma jkun soġġett għat-tortura jew għal trattament ieħor krudili, inuman jew degradanti; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-allegazzjonijiet kollha ta’ tortura u trattament ħażin jiġu investigati fil-pront u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-awtoritajiet jiftħu l-ħabsijiet u l-postijiet oħra ta’ detenzjoni kollha għal spezzjoni minn korpi ta’ monitoraġġ indipendenti;

13.  Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri ta’ kuxjenza kollha u lill-Eritrea sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha li tirrapporta lill-korpi responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tat-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Eritrea hi parti tagħhom; jitlob lill-gvern jippermetti aċċess għall-pajjiż lill-esperti indipendenti tan-NU u tal-Unjoni Afrikana, inkluż ir-Rapporteur Speċjali tan-NU, u biex jippermetti lill-Kummissjoni ta’ Inkjesta dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea teżerċita għalkollox il-mandat tagħha u biex jikkoopera magħha, anke fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ finanzi pubbliċi; jistieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem jikkoordina ma’ osservaturi internazzjonali oħra u jagħmel valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-pajjiż lill-Parlament Ewropew;

14.  Jitlob lill-Gvern biex b'mod immedjat iwaqqaf il-prattika ta' għajbien sfurzat u l-forom kollha ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja billi, inter alia, jirrevoka l-politika ta' "shoot-to-kill" fil-fruntieri u joħloq mekkaniżmu effettiv biex jiġi stabbilit fejn jinsabu l-persuni li għebu;

15.  Jistieden lill-Istati Membri li jevalwaw talbiet għall-asil ta' persuni Eritreani biex iqisu l-lieva indefinita pprattikata fl-Eritrea bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem ekwivalenti għal xogħol furzat u għaldaqstant hija pprojbita taħt id-dritt internazzjonali, u l-eżistenza ta’ riskju ġeneralizzat ta' arrest arbitrarju, tortura u maltrattament ieħor għall-persuni li jkunu fittxew asil li jmorru lura l-Eritrea, u biex ikomplu jipprovdu protezzjoni lil dawk kollha li ħarbu jew qed jaħarbu mill-Eritrea, billi jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement;

16.  Jistieden lill-gvern Eritrean biex jissospendi b’mod immedjat kwalunkwe appoġġ jew attività, bħall-appoġġ lill-movimenti ribelli fil-pajjiżi ġirien, li jistgħu jdgħajfu l-istabilità reġjonali, u biex jissospendi l-appoġġ tiegħu lill-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda, allegatament bi skambju għal kumpens finanzjarju, għall-kampanja militari tagħhom fil-Jemen; jitlob lill-awtoritajiet tal-Eritrea biex irażżnu t-traffikar tal-armi li qed jikser l-embargo tal-armi tan-NU fuq il-pajjiż, u biex ma jagħtux approvazzjoni taċita lill-istess traffikar;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Unjoni Afrikana, u lill-President, il-Parlament u l-Gvern tal-Eritrea.