Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0322/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0322/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eritrea

2.3.2016 - (2016/2568(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Fredrick Federley, Charles Goerens, Filiz Hyusmenova, Ilhan Kyuchyuk, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Marietje Schaake, Pavel Telička, Hilde Vautmans f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0318/2016

Proċedura : 2016/2568(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0322/2016
Testi mressqa :
B8-0322/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0322/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eritrea

(2016/2568(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eritrea, b'mod partikulari dawk tas-7 ta' Frar 2002[1], tat-18 ta' Novembru 2004[2] u tal-15 ta' Settembru 2011[3] dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni Nru 2244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-23 ta' Ottubru 2015, li estendiet l-embargo tal-armi fuq l-Eritrea sal-15 ta' Novembru 2016, u r-rapport tad-19 ta' Ottubru 2015 tal-Grupp ta' Monitoraġġ għas-Somalja u l-Eritrea,

–  wara li kkunsidra r-rapport ippreżentat lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fid-19 ta' Ġunju 2015 mir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea, Sheila B. Keetharuth,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE (''il-Ftehim ta' Cotonou''), kif rivedut fl-2005 u fl-2010, li l-Eritrea hija firmatarja tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-23 ta' Ġunju 2011 u tal-25 ta' Ġunju 2013 tal-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu fil-Parlament tas-27 ta' Mejju 2015 dwar l-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp lill-Eritrea fid-dawl ta' abbużi dokumentati tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eritrea adottata fl-1997, li tiggarantixxi l-libertajiet ċivili, inkluża l-libertà ta' reliġjon,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE ilha tappoġġa lill-Eritrea mindu ħadet l-indipendenza mill-Etjopja fl-1993; billi l-wegħda inizjali tad-demokrazija u l-istat tad-dritt wara l-indipendenza tal-pajjiż ġiet imxekkla mill-Gvern tal-Eritrea, bl-iskuża tad-difiża nazzjonali u s-servizz nazzjonali; billi l-elezzjonijiet presidenzjali ppjanati għall-1997 ma seħħew qatt, u billi l-kostituzzjoni rratifikata fl-istess sena qatt ma ġiet implimentata;

B.  billi l-indipendenza tal-Eritrea mill-Etjopja fl-1993 ħolqot aspettattivi fi ħdan il-komunità internazzjonali kif ukoll fost il-poplu tal-Eritrea li din kienet se tgħinha tibni pajjiż li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u ħieles mir-repressjoni; billi dan ma seħħx, iżda minflok kien hemm repressjoni dejjem akbar u saħansitra aktar ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU nnota li l-Eritrea għandha wieħed mill-agħar rekords tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, bi ksur ripetut tad-drittijiet tal-bniedem li jseħħ kuljum, u li ma ġie rreġistrat l-ebda titjib f'dawn l-aħħar snin; billi bosta żgħażagħ ħarbu mill-pajjiż biex jeħilsu mill-gvern repressiv u l-lieva militari mandatorja, li tinkludi xogħol furzat u abbużi tad-drittijiet bla rażan; billi l-libertà ta' qima reliġjuża, il-libertà tal-midja u l-libertà ta' espressjoni mhumiex garantiti;

D.  billi l-persuni miżmuma f'detenzjoni, inklużi t-tfal, jinżammu f'kundizzjonijiet ħorox li f'xi każijiet jammontaw għal tortura;

E.  billi d-dikjarazzjoni maħruġa fi Brussell fit-18 ta' Settembru 2014 mill-kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna esprimiet tħassib dwar id-detenzjoni ta' grupp ta' 11-il membru tal-parlament u membri eminenti tal-Front Popolari għad-Demokrazija u l-Ġustizzja mit-18 ta' Settembru 2001, mingħajr akkuża, sentenza jew il-possibbiltà li jaraw avukat, u dwar id-detenzjoni ta' 10 ġurnalisti indipendenti mit-23 ta' Settembru 2001, inkluż Dawit Isaak, ċittadin tal-Iżvezja u l-uniku priġunier Ewropew ta' kuxjenza; billi l-Patrijarka Abune Antonios għadu f'iżolament u taħt detenzjoni domiċiljari minn Jannar 2006;

F.  billi skont ir-Rapport tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-Programm ta' Żvilupp tan-NU tal-2014, l-Eritrea hija kklassifikata fil-182 post minn 187 pajjiż fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem għall-2014; billi, skont l-aħħar valutazzjoni tal-faqar mill-Bank Dinji, li saret fl-2003, 65 % tal-popolazzjoni kienet qed tgħix taħt is-soll tal-faqar;

G.  billi, f'Novembru 2015, in-NU wissiet dwar nixfa serja fil-Qarn tal-Afrika, b'riżultat tal-evoluzzjoni attwali tal-El Nino; billi n-NU ddikjarat f'Diċembru 2015 li din in-nixfa hija l-akbar li qatt ġiet rreġistrata fir-reġjun, bl-għelejjel jonqsu b'bejn 50 % u 90 %; billi, b'riżultat ta' dan, l-Eritrea hija wieħed mill-pajjiżi li se jiffaċċja l-isfida konsiderevoli li jiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel għall-popolazzjoni tiegħu;

H.  billi l-Unjoni Ewropea hija sieħba importanti tal-Eritrea f'termini ta' għajnuna għall-iżvilupp u assistenza;

I.  billi, f'kontradizzjoni totali mar-realtà tan-nixfa, il-President tal-Eritrea ċaħad il-biżgħat ta' kriżi tal-ikel, filwaqt li qal li l-pajjiż mhuwiex se jħabbat wiċċu ma' kriżi, minkejja produzzjoni agrikola mnaqqsa;

J.  billi l-Eritrea hija favur il-Proċess ta' Kartum (inizjattiva tal-UE u l-Unjoni Afrikana mnedija fit-28 ta' Novembru 2014 bl-għan li tindirizza l-kwistjoni tal-migrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin), li jinkludi l-implimentazzjoni ta' proġetti konkreti, inkluż bini tal-kapaċità għall-ġudikatura u s-sensibilizzazzjoni;

K.  billi fit-22 ta' Frar 2016 l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) fl-ambitu tal-Programm tas-Settur tas-Sigurtà (SSP) nediet uffiċjalment f'Addis Ababa (l-Etjopja), rapport ta' studju dwar id-dħul klandestin u t-traffikar tal-bnedmin fil-Qarn tal-Afrika - ir-Rotta Ċentrali tal-Mediterran;

L.  billi l-Eritrea huwa wieħed mill-pajjiżi li l-aktar li jipproduċi rifuġjati fid-dinja, li jirrappreżenta t-tielet l-akbar numru ta' nies li jissugraw vjaġġ perikoluż lejn l-Ewropa (wara s-Sirjani u l-Afgani), li jgħaddu minn taħt idejn traffikanti mingħajr skrupli biex jagħmlu l-vjaġġ perikoluż lejn il-Mediterran; billi, għalhekk, is-sitwazzjoni fl-Eritrea taffettwa direttament lill-Ewropa, billi jekk id-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati u miżmuma fil-pajjiż, u n-nies ikunu jistgħu jgħixu hemmhekk mingħajr biża', l-Eritrej ikunu jistgħu jirritornaw lejn pajjiżhom;

M.  billi għandha tingħata attenzjoni partikulari lit-tfal mhux akkumpanjati jisfaw vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, peress li dawn jeħtieġu assistenza u appoġġ speċifiċi minħabba s-sitwazzjoni tagħhom ta' vulnerabbiltà partikulari;

N.  billi l-UE għandha interess qawwi li tara lill-Eritrea stabbilizzata, peress li s-sitwazzjoni attwali qiegħda tisforza parti mdaqqsa tal-popolazzjoni biex taħrab, u eluf ta' persuni qed jitilfu ħajjithom b'riżultat ta' attivitajiet kriminali, inkluż id-dħul klandestin ta' migranti u t-traffikar tal-bnedmin;

1.  Jinnota bi tħassib kbir is-sitwazzjoni kundannabbli kontinwa tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea;

2.  Jaqbel mal-allokazzjoni ta' EUR 200 miljun tul is-sitt snin li ġejjin għall-Programm Nazzjonali Indikattiv taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, sabiex tippromwovi t-tnaqqis fil-faqar u l-iżvilupp soċjoekonomiku, biex tindirizza l-kawżi ekonomiċi u politiċi fil-qalba tal-migrazzjoni, u biex tiffinanzja proġetti relatati mal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija u l-governanza ekonomika; ifakkar li dan il-pakkett huwa komplementari għal oqsma oħra ta' kooperazzjoni bħall-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);

3.  Iħeġġeġ lill-Eritrea turi trasparenza u governanza tajba fir-rigward tal-finanzi pubbliċi; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni politika fil-pajjiż sabiex tiżgura li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE titkompla bil-kundizzjoni li jinkiseb progress sostanzjali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni, b'mod partikulari l-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertà ta' assemblea; jenfasizza li n-nuqqas ta' żvilupp ekonomiku b'bażi wiesgħa jħeġġeġ l-emigrazzjoni; jenfasizza r-rwol importanti li jaqdu n-nisa, inkluż matul it-taqbida għall-indipendenza, u jitlob li n-nisa jingħataw is-setgħa u li jkun hemm ugwaljanza bejn is-sessi;

4.  Ifakkar li l-minorenni mhux akkumpanjati huma l-ewwel u qabel kollox tfal li potenzjalment jinsabu fil-periklu, u li l-prinċipju ewlieni għall-Istati Membri u l-UE fir-rigward tal-minorenni mhux akkumpanjati għandu jkun il-protezzjoni tat-tfal aktar milli l-politiki tal-immigrazzjoni, biex b'hekk jiġi rispettat il-prinċipju ewlieni tal-aħjar interessi tat-tfal; ifakkar li, mingħajr eċċezzjoni, kull persuna taħt l-età ta' 18-il sena għandha titqies bħala tifel jew tifla, u għalhekk bħala minorenni; jindika li l-minorenni mhux akkumpanjati, b'mod partikulari l-bniet, huma doppjament suxxettibbli għall-problemi u d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom minorenni oħra;

5.  Jappella lill-komunità internazzjonali u lis-sħab għall-iżvilupp tal-Eritrea jintervjenu f'din is-sitwazzjoni u jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern Eritrean biex jippermetti l-għajnuna barranija biex tappoġġa komunitajiet vulnerabbli qabel ma l-kriżi tmur għall-agħar, b'mod partikulari wara n-nixfa;

6.  Jibqa' mħasseb sew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet tal-Eritrea biex jeħilsu immedjatament u bla ebda kundizzjonjiet lill-membri parlamentari, lill-ġurnalisti (inkluż iċ-ċittadin Żvediż Dawit Isaak, li ilha ma tinstema' b'aħbaru mill-2005), membri tal-kleru u l-priġunieri politiċi kollha;

7.  Jitlob garanziji ċari mill-Gvern tal-Eritrea li se jimplimenta r-riformi demokratiċi u jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mit-18-il sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), li aċċetta fis-7 ta' Frar 2014;

8.  Jistieden lill-Kunsill jiżgura li l-fondi allokati ma jibbenefikawx lill-Gvern tal-Eritrea iżda li jkunu strettament assenjati biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-poplu tal-Eritrea tal-iżvilupp, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u s-sigurtà;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Kunsill tal-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.