Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0323/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0323/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eritrea

2.3.2016 - (2016/2568(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric, Barbara Spinelli, Stelios Kouloglou, Kostadinka Kuneva, Kostas Chrysogonos f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0318/2016

Proċedura : 2016/2568(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0323/2016
Testi mressqa :
B8-0323/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0323/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eritrea

(2016/2568(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-Patt ta' New York tal-1967,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Mejju 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim rivedut ta' Cotonou u l-klawsola dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva dwar ir-Rotta tal-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Qarn tal-Afrika, imnedija fit-28 ta' Novembru 2014,  

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Diċembru 2005,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' eżitu tar-Raba’ Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna ta’ Diċembru 2011 dwar Sħubija għall-Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tas-SEAE dwar il-priġunieri politiċi fl-Eritrea ta’ Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Eritrea kisbet l-indipendenza mill-Etjopja fl-1993, wara 30 sena ta' gwerra; billi, skont l-istimi, il-gwerra dwar il-fruntieri mal-Etjopja bejn l-1998 u l-2000 ħalliet bejn 54 000 u 137 000 vittma;

B.  billi l-Eritrea hija wieħed mill-pajjiżi l-anqas żviluppati fid-dinja; billi, mis-6 miljun abitant li huwa stmat li għandha l-Eritrea, aktar minn nofshom (61.0 %) għandhom 25 sena jew anqas; billi l-Eritrea hija kklassifikata fil-pożizzjoni 186 minn 188 fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-UNDP; billi 69.0 % tal-popolazzjoni tgħix taħt il-linja tal-faqar;

 

C.  billi l-Eritrea hija serjament mhedda mit-tibdil fil-klima, u dan jista’ jkollu konsegwenzi drammatiċi fuq l-ikel, l-aċċess għall-ilma u s-sanità, is-saħħa u l-akkomodazzjoni;

D.  billi l-Eritrea għad ma kellhiex elezzjonijiet demokratiċi mill-1993; billi l-kostituzzjoni tal-Eritrea rratifika fl-1996 qatt ma ġiet implimentata u, billi mill-2001 il-pajjiż gradwalment spiċċa f’dittatorjat; billi f’Jannar 2013, wara 'rewwixta tal-oppożizzjoni eżiljata li ġiet ippreżentat bħala kolp ta’ stat fallut', kien hemm mewġa ġdida ta’ arresti tal-massa; billi din intużat biex tiġġustifika l-għeluq tal-pajjiż;

E.  billi kull forma ta’ oppożizzjoni, kemm fil-pajjiż kif ukoll barra mill-pajjiż, jitqiesu mill-awtoritajiet tal-Eritrea bħala provokazzjoni, u l-individwi jisfaw fastidjati , ippersegwitati u f’xi każijiet mhedda bil-mewt u maqtula;

F.  billi l-liġi li tillimita s-servizz militari fl-Eritrea sa massimu ta’ 36 xahar mhijiex applikata; billi l-kundizzjonijiet għas-servizz militari huma simili għall-iskjavitù u huma waħda mir-raġunijiet ewlenin li għalihom iż-żgħażagħ jitilqu mill-pajjiż;

G.  billi madwar 305 000 Eritrean, jew 5 % tal-popolazzjoni, ħarbu mill-pajjiż minħabba s-sitwazzjoni drastika tad-drittijiet tal-bniedem u l-istaġnar ekonomiku; billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati qal li, mill-200 000 ruħ li qasmu l-Mediterran fl-2014, madwar 18 %, jew kważi wieħed minn kull ħamsa, kienu Eritreani;

H.  billi r-reġim tal-Eritrea jitlob mingħand id-dijaspora Eritreana tal-anqas 2 % tad-dħul għal taxxa għall-irkupru u r-rikostruzzjoni (RRT); billi l-emigranti tad-dijaspora Eritreana huwa regolarment suġġetti għal theddid, inkluża ritaljazzjoni kontra l-familjari tagħhom li għadhom jgħixu fl-Eritrea;

I.  billi l-awtoritajiet Eritreani rrifjutaw id-dħul għal Rapporteur Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem li nħatret f’Ottubru 2012 biex tinvestiga r-raġunijiet għall-eżodu dejjem jikber; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem kienet ukoll suġġetta għal theddid;

J.  billi l-Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU fl-Eritrea kkonkludiet fl-2015 li l-gvern Eritrean iwettaq "vjolazzjonijiet sistematiċi, mifruxa u gravi tad-drittijiet tal-bniedem” li jseħħu f’“kuntest ta’ nuqqas totali ta’ stat tad-dritt”; billi x-xejriet komuni ta’ abbużi fl-Eritrea jinkludu xogħol furzat matul l-lieva, arresti arbitrarji, detenzjonijiet, qtil extraġudizzjarju u għajbien sfurzat, kif ukoll tortura, trattament degradanti waqt id-detenzjoni, restrizzjonijiet fuq il-libertajiet tal-espressjoni u tal-moviment, fastidju lill-ħaddiema tan-NU, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti u persuni LGBTI, u r-ripressjoni tal-libertà reliġjuża, li, skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea jistgħu jitqiesu bħala delitti kontra l-umanità;

K.  billi d-drittijiet tal-bniedem huma universali, inaljenabbli, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati; billi l-iżvilupp huwa dritt; billi skont diversi NGOs u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea, l-istandards għal-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni huma meqjusa fost l-agħar fid-dinja;

L.  billi tal-anqas 21 kittieba u ġurnalisti Eritreani, inklużi l-kittieb Svediż-Eritrean Dawit Isaak, kienu arrestati fuq akkużi mhux magħrufa f’Settembru 2001 u għadhom qed jinżammu mingħajr il-possibilità ta' komunikazzjoni u mingħajr akkuża jew proċess; billi saru allegazzjonijiet serji li dawn setgħu minn dakinhar mietu fil-kundizzjonijiet tal-biża’ fil-ħabsijiet Eritreani;  

M.  billi m’hemm l-ebda forma ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili eżistenti; billi dan ifisser li l-effettività tal-għajnuna internazzjonali lill-Eritrea hi mfixkla;

N.  billi l-Qarn tal-Afrika huwa, u minn dejjem kien, reġjun ġeostrateġikament importanti; billi llum il-ġurnata r-reġjun kollu jinsab destabilizzat; billi l-istati tal-Golf qed jgħarrqu din id-destabilizzazzjoni, partikolarment fil-kuntest tal-gwerra fil-Jemen; billi dawn il-pajjiżi jżommu relazzjonijiet privileġġati mal-Eritrea, inklużi l-Arabja Sawdija, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda, li jużaw faċilitajiet loġistiċi Eritreani, bħalma huwa l-port ta’ Assab, għall-interventi militari tagħhom fil-Jemen;

O.  billi l-Eritrea hija meqjusa mill-UE, u b’mod partikulari xi wħud mill-Istati Membri tagħha li kienu kkolonizzaw parti mir-reġjun, bħala pajjiż strateġiku għall-interessi ġeopolitiċi u ekonomiċi tagħhom;

P.  billi l-għajnuna internazzjonali, inkluża l-għajnuna għall-iżvilupp, għandha tkun iffukata primarjament fuq il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali;

Q.   billi l-UE ffinanzjat proġetti fl-Eritrea mindu din ħadet l-indipendenza fl-1993; billi l-Eritrea ssospendiet il-kooperazzjoni tagħha mal-UE fl-2001, meta l-Eritrea keċċiet kważi l-aġenziji kollha ta’ għajnuna barranin li jaħdmu fil-pajjiż;

R.   billi, fit-28 ta’ Novembru 2014, il-Ministri tal-UE-28 u ta' diversi Stati Afrikani, inkluża l-Eritrea, kif ukoll tal-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana nedew l-Inizjattiva dwar ir-Rotta tal-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Qarn tal-Afrika, magħruf ukoll bħala l-“Proċess ta’ Khartoum”, li għandha l-għan li testernalizza l-kontroll tal-fruntieri tal-UE u tillimita l-għadd ta’ migranti li jivvjaġġaw lejn l-Ewropa, bl-iskuża tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-migranti; billi l-Proċess ta’ Khartoum ifisser ukoll il-leġittimità internazzjonali u appoġġ finanzjarju lir-reġim tal-Eritrea; billi l-awtoritajiet Eritreani fi Frar ħabbru li dan il-Ftehim ma kien se jwassal għall-ebda riforma tal-politika dwar is-servizz militari tal-Eritrea;

S.  billi l-Proċess ta’ Khartoum ġie promoss mill-Presidenza Taljana tal-Kunsill tal-UE bl-għan li jiġġieled it-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tal-migranti u l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni; billi l-Eritrea tista’ tkun benefiċjarja ta’ azzjonijiet fil-qafas tal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika u inizjattivi oħra tal-UE, b’mod partikolari l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;

1.  Jemmen li soluzzjoni dejjiema tal-problemi tal-Eritrea tista' tinkiseb biss permezz tal-promozzjoni ta’ soċjetà libera, demokratika u stabbli, fejn id-dinjità u d-drittijiet tal-popli jistgħu jissaħħew, li tiggarantixxi drittijiet indaqs għaċ-ċittadini kollha u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

2.  Jikkundanna bil-qawwa ż-żieda tal-vjolazzjonijiet sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea u jikkundanna l-konsegwenzi diżastrużi tagħhom fuq il-popolazzjoni Erireana u għar-reġjun kollu kemm hu;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-fastidju sistematiku tal-ġurnalisti u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fl-Eritrea; jikkundanna, barra minn hekk, it-theddid sistematiku li twettaq kontra l-emigranti tad-dijaspora Eritreana, inkluża t-taxxa RRT;

4.  Jinsab imħasseb dwar ir-rabta pervażiva bejn il-kummerċ u l-politika u l-korruzzjoni fl-Eritrea; jitlob li ssir inkjesta indipendenti internazzjonali dwar l-involviment ta' kumpaniji tal-UE fil-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment fil-forma ta’ skjavitù, u dwar il-kompliċità tagħhom u l-appoġġ għar-reġim tal-Eritrea;

5.  Jinsab ferm imħasseb dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali li l-popolazzjoni tal-Eritrea kollha kemm hi qed taffaċċa, b'mod partikolari r-rifuġjati u l-persuni spostati, li l-għadd tagħhom se jkompli jiżdied minħabba s-sitwazzjoni drastika tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż innifsu u t-tensjonijiet fil-pajjiżi ġirien;

6.   Jikkundanna bil-qawwa l-Proċess ta’ Khartoum, li jilleġittimizza lill-gvernijiet li huma stess huma s-sors tal-migrazzjoni; jikkundanna l-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-politiki li l-għan tagħhom huwa li jesternalizzaw il-kontrolli tal-fruntieri bl-iskuża tal-ġlieda kontra t-traffikar u biex joħolqu ‘kampanja ta’ informazzjoni”, li, fir-realtà, jilleġittimizzaw ir-reġimi awtoritarji u d-dittatorjati mingħajr ma jibdlu xejn mill-politiki interni ta' pajjiżi bħall-Eritrea;

7.  Jikkundanna kull tip ta’ kundizzjonalità politika, inkluża l-kollaborazzjoni dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni, tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA); jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex effettivament isegwu l-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp fl-azzjonijiet kollha tagħhom lejn l-Eritrea sabiex jiżguraw li jkunu allinjati u ma jimminawx l-għan tat-tnaqqis tal-faqar u tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli; jiddeplora t-tendenza dejjem tikber tal-politika tal-iżvilupp tal-UE li ssegwi interessi ġeopolitiċi, ta' sigurtà u ta' profitt privat;

8.  Jitlob li jitħarsu l-fokus fuq l-iżvilupp u n-natura tal-ODAs, inkluż sistema ta’ notifika trasparenti u responsabbli; ifakkar ir-rwol uniku tal-ODA fil-kisba ta’ riżultati ta’ żvilupp effettivi; jappella sabiex l-għajnuna tal-UE tkun allinjata ma’ prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp maqbula internazzjonalment, tkun iċċentrata fuq id-drittijiet tal-bniedem, tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tiffoka fuq l-indirizzar tal-problemi tal-għeruq tal-inugwaljanza, il-faqar u l-malnutrizzjoni kronika, sabiex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) li ġew approvati dan l-aħħar;

9.  Ifakkar li l-politika ta’ investiment tal-UE, speċjalment meta jkunu involuti fondi pubbliċi, għandha tikkontribwixxi għall-kisba tal-SDGs;

10.  Iħeġġeġ lill-UE tieħu miżuri urġenti u effettivi sabiex tgħin lill-poplu Eritrean isaħħaħ ir-reżiljenza tiegħu għall-El Niño, sabiex jiġu ggarantiti s-sikurezza tal-ikel, l-aċċess għall-ilma u s-sanità;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tal-AKP-UE, il-Komunità Afrikana tal-Lvant u l-gvernijiet tal-istati membri tagħha, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.