MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eritrea
2.3.2016 - (2016/2568(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Davor Ivo Stier, Lars Adaktusson, Lara Comi, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Michael Gahler, György Hölvényi, Roberta Metsola, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Fernando Ruas, Antonio Tajani, Bogdan Brunon Wenta, Joachim Zeller f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0318/2016
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu tas-27 ta' Mejju 2015 dwar l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE tal-Eritrea fid-dawl ta' abbużi ddokumentati tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea, Sheila B. Keetharuth, fit-28 ta' Ottubru 2015, matul is-70 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra t-twaqqif tal-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-4 ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1907 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li timponi embargo tal-armi fuq l-Eritrea u projbizzjoni fuq il-mexxejja tagħha li jivvjaġġaw, u li tiffriża l-assi ta' ċerti uffiċjali politiċi u militari tal-pajjiż wara li akkużat lill-gvern Eritrean li għen lill-al-Shabaab fis-Somalja u allegatament rrifjuta li jirtira t-truppi tiegħu mil-fruntiera kkontestata mad-Djibouti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2023 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li saħħet is-sanzjonijiet kontra l-Eritrea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2244 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li estendiet l-embargo ta' armi imposti fuq is-Somalja u fuq l-Eritrea,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/127/CFSP tal-1 ta' Marzu 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Eritrea[1], kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/414/CFSP tas-26 ta' Lulju 2010[2] u wara emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/632/CFSP tal-15 ta' Ottubru 2012[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 667/2010 tas-26 ta' Lulju 2010 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-konfront tal-Eritrea[4],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-SEAE tat-18 ta' Settembru 2014 dwar il-priġunieri politiċi fl-Eritrea,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-migrazzjoni tat-18 ta' Frar 2016,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit tal-Belt Valletta tat-12 ta' Novembru 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea hija mibnija fuq impenn qawwi favur il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt madwar id-dinja, u billi dawn il-prinċipji huma minquxa fit-trattati fundaturi tal-UE;
B. billi skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-azzjoni tal-UE fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha, u li tipprova tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-istat ta' dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali;
C. billi, skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea, hemm tliet oqsma ewlenin ta' tħassib, li huma: it-tgawdija tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, inkluż id-dritt għal akkomodazzjoni adegwata; il-kuntrabandu u t-traffikar; u ż-żieda fl-għadd ta' minorenni mhux akkumpanjati li jagħmlu parti mill-5 000 persuna u fuqhom li qed jaħarbu mill-pajjiż kull xahar;
D. billi r-raġuni ewlenija li qed jaħarbu tibqa' s-servizz nazzjonali, li hu essenzjalment xogħol furzat; billi dan jinkludi pieni sproporzjonati għal żbalji insinifikanti u l-biża' li jinqabdu fis-servizz nazzjonali għal għexieren ta' snin; billi l-Gvern juża l-iskuża tad-difiża tal-integrità tal-Istat u l-iżgurar ta' awtosuffiċjenza nazzjonali;
E. billi t-theddida għad-dritt għal akkomodazzjoni adegwata żdiedet fl-Eritrea sa mill-bidu tal-2015, dan bħala riżultat ta' żgumbramenti furzati; billi madwar 800 dar ġiet meqruda f'Asmara u f'diversi rħula qrib Asmara, kif ukoll fi bliet oħra, bħal Adi Keyh; billi madwar 3 000 persuna sfaw bla dar bħala riżultat tal-iżgumbramenti furzati u twaqqigħ ta' bini;
F. billi, fis-26 ta' Ġunju 2015, mijiet ta' refuġjati Eritreani ħadu parti f'dimostrazzjoni quddiem il-kwartieri ġenerali tal-Unjoni Afrikana, fejn talbu li l-organizzazzjoni reġjonali tagħmel pressjoni favur riformi demokratiċi f'pajjiżhom; billi d-dimostranti akkużaw lill-President tal-Eritrea Isaias Afewerki, li ilu żmien twil President, li hu dittatur u ħeġġew lill-Unjoni Afrikana tieħu azzjoni;
G. billi, skont il-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea, qed isir ksur sistematiku, mifrux u gravi tad-drittijiet tal-bniedem mill-gvern tal-Eritrea u mhi qed tittieħed l-ebda responsabbiltà għal tali ksur; billi t-tgawdija tad-drittijiet u l-libertajiet hija limitata ferm f'kuntest ġenerali ta' nuqqas totali tal-istat tad-dritt; billi, barra minn hekk, il-ksur imwettaq fl-oqsma ta' eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, tortura (inkluż tat-tortura sesswali), is-servizz nazzjonali u x-xogħol furzat jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità;
H. billi, skont ir-rapport intitolat "il-Kuntrabandu u t-Traffikar tal-Bnedmin fil-Qarn tal-Afrika - ir-Rotta taċ-Ċentru tal-Mediterran" tal-Programm tas-Settur tas-Sigurtà (ISSP) tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) u l-Fondazzjoni SAHAN ibbażata f'Nairobi, id-diplomatiċi u ċ-ċittadini prominenti tal-Eritrea tal-istat tal-Baħar l-Aħmar huma involuti b'mod estensiv fit-traffikar tal-bnedmin u f'attivitajiet ta' kuntrabandu fir-reġjun tal-Qarn tal-Afrika;
I. billi l-organizzazzjoni Reporters Without Borders ikklassifikat l-Eritrea bħala l-agħar pajjiż tad-dinja għal-libertà tal-istampa fl-2015, agħar mill-Korea ta' Fuq;
J. billi Human Rights Watch tenfasizza li ma hemm ebda libertà tar-reliġjon fl-Eritrea; billi l-gvern jippersegwita serjament liċ-ċittadini tiegħu li jipprattikaw reliġjonijiet oħra barra l-erba' li jirrikonoxxi; billi anki fil-każ ta' reliġjonijiet rikonoxxuti il-gvern xorta jinterferixxi mal-prattika tar-reliġjon tan-nies;
K. billi l-UE inizjalment imponiet sanzjonijiet fuq tal-Eritrea f'Marzu 2010 biex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni 1907 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u billi din kienet tinkludi embargo tal-armi, restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi relatati ma' persuni li jikkostitwixxu theddida għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali;
L. billi fit-28 ta' Jannar 2016, il-Ministru għall-Iżvilupp Nazzjonali tal-Eritrea, kif ukoll il-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE, iffirmaw il-Programm Indikattiv Nazzjonali (PIN) taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) f'Asmara, b'valur ta' EUR 200 miljun għall-ħames snin li ġejjin; billi l-azzjonijiet għandhom jiffokaw fuq l-enerġija rinnovabbli, il-governanza u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, b'mod partikolari fis-settur tal-enerġija;
M. billi fit-13 ta' Novembru 2015 il-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament talab lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex iqisu l-konklużjonijiet mibgħuta lill-Kumitat tal-FEŻ dwar l-abbozz tal-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-Eritrea, li rreferiet għall-iskala u s-serjetà tal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu mir-reġim tal-Eritrea, in-nuqqas ta' affidabbiltà ta' dan ir-reġim bħala sieħeb fil-koperazzjoni għall-iżvilupp, il-korruzzjoni mifruxa u l-assenza kważi totali ta' trasparenza fil-ġestjoni finanzjarja pubblika fil-pajjiż, u r-riskju tal-użu ħażin tal-fondi FEŻ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni; billi l-Kumitat għall-Iżvilupp talab lill-Kumitat tal-FEŻ li ma jadottax il-PIN sakemm isiru aktar diskussjonijiet;
N. billi fid-19 ta' Novembru 2015 il-Kumitat tal-FEŻ adotta, b'mod unanimu, il-PIN għall-Eritrea mingħajr ebda bidliet kbar għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni;
O. billi l-gvernijiet fl-Ewropa qed ibatu biex ilaħħqu mal-eżodu dejjem jikber ta' refuġjati, persuni li qed ifittxu l-asil u migranti fil-Mediterran u tul rotot irregolari oħra; billi, skont l-istimi tan-NU, 9 % tal-popolazzjoni ta' 4,5 miljun persuna tal-Eritrea diġà ħarbu mill-pajjiż; billi fl-2015 l-Eritreani li qed ifittxu l-asil fl-Ewropa kienu r-raba' l-akbar grupp wara s-Sirjani, l-Iraqini u l-Afgani;
1. Jitlob lill-awtoritajiet tal-Eritrea biex jeħilsu lill-priġunieri politiċi kollha, jirriformaw u jqassru l-obbligazzjonijiet tas-servizz nazzjonali, jwaqqfu l-iżgumbramenti furzati kollha u twaqqigħ ta' bini u jżidu l-proviżjoni ta' akkomodazzjoni soċjali; jenfasizza l-ħtieġa għall-Eritrea biex tirrispetta u timplimenta d-dritt għal edukazzjoni mingħajr ġegħil, li n-nuqqas ta' osservanza tagħha qed twassal tant żgħażagħ biex jaħarbu mill-Eritrea;
2. Jenfasizza li l-indirizzar tad-defiċit ta' ġustizzja, il-governanza demokratika u r-restawr tal-istat tad-dritt għandhom jiġu pprijoritizzati billi tintemm it-tmexxija awtoritarja msejsa fuq il-biża' ta' lieva indefinita, ta' detenzjoni arbitrarja u incommunicado, ta' tortura u ta' ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem;
3. Jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas ta' libertà tal-espressjoni u l-fatt li għad hemm priġunieri politiċi miżmuma fi ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt; jitlob il-ħelsien immedjat tal-Isvediż-Eritrean Dawit Isaak, li ilu miżmum il-ħabs f'kundizzjonijiet ħarxa u mingħajr ġuri minn Settembru 2001; jissottolinja bil-qawwa l-urġenza tal-kwistjoni;
4. Ifakkar li l-libertà tar-reliġjon hija dritt fundamentali, u jikkundanna bil-qawwa kull tip ta' vjolenza jew diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon;
5. Jenfasizza li l-paċi dejjiema, l-iżvilupp u l-prosperità ma jistgħux jeżistu mingħajr rispett għad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-UE u lil donaturi internazzjonali oħra jiżguraw id-diliġenza dovuta fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;
6. Ifakkar li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa valur ewlieni tal-politika barranija tal-UE u tal-approċċ komprensiv tal-UE lejn il-Qarn tal-Afrika u għalhekk għandhom jinvolvuhom regolarment fid-djalogu mal-Eritrea; jemmen, f'dan il-kuntest, li n-natura mingħajr kundizzjonijiet tal-għajnuna għall-iżvilupp, maqbula dan l-aħħar bejn l-UE u l-Eritrea, hemm ċans li tkun ta' sfida għall-prinċipji ewlenin tal-approċċ tal-UE lejn dan ir-reġjun volatili fl-Afrika;
7. Jemmen li l-Kumitat tal-FEŻ missu qies ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp li ma jiġix adottat il-PIN u li jsiru diskussjonijiet ulterjuri; iqis li d-deċiżjoni biex jiġi adottat il-PIN għall-Eritrea minkejja l-oppożizzjoni tal-Parlament turi defiċit demokratiku u ddgħajjef serjament ir-rwol tal-Parlament biex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-għanijiet tal-iżvilupp tal-UE; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-Parlament jingħata setgħat ta' skrutinju fuq il-FEŻ permezz ta' ftehim interistituzzjonali li jorbtu abbażi tal-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; Jenfasizza li l-konklużjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp dwar l-abbozzi ta' dokumenti ta' programmar għandu jiġi awtomatikament ikkomunikat mill-Kummissjoni lir-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri;
8. Jenfasizza li l-governanza demokratika u l-iżvilupp soċjoekonomiku fl-Eritrea huma ta' importanza kruċjali biex jinqered il-faqar billi tiżdied il-produttività, jiġi promoss l-investimenti u jinħolqu l-impjiegi u l-opportunitajiet ta' negozju; iħeġġeġ lill-UE tiżgura li l-kundizzjonalità tal-għajnuna li reċentement intlaħaq qbil dwarha, u wkoll biex jiġi żgurat li l-PIN jappoġġja l-Eritrea biex tagħmel bidla importanti fil-politika tagħha dwar l-enerġija sabiex l-enerġija tkun aċċessibbli għal kulħadd, speċjalment fiż-żoni rurali li bħalissa għadhom mingħajr elettriku; jemmen, barra minn hekk, li l-parti dwar il-governanza tal-PIN għandha tiffoka bis-saħħa fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali dwar id-drittijiet tal-bniedem immexxija min-NU;
9. Jitlob li jkun hemm konformità ma' normi u standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tar-refuġjati; jemmen li refuġjati Eritreani li qed jaħarbu minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem għandhom ikomplu jingħataw protezzjoni internazzjonali;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President u lill-Gvern tal-Eritrea, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP).