Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0425/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0425/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI  dwar il-prattiki kummerċjali inġusti bejn l-impriżi fil-katina tal-provvista tal-ikel

14.3.2016

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Aldo Patriciello

B8-0425/2016

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prattiki kummerċjali inġusti bejn l-impriżi fil-katina tal-provvista tal-ikel

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport COM/2016/032,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-katina tal-provvista tal-ikel tippermetti l-forniment lill-pubbliku ta' prodotti tal-ikel u tax-xorb għall-konsum personali jew tal-familji. Din tħalli effett ta' kuljum fuq il-ħajja tal-konsumaturi tal-UE u tassorbi parti konsiderevoli tal-baġit medju tal-familji.

B.  billi minkejja li s-Suq Uniku ġab benefiċċji importanti għall-operaturi fil-katina tal-provvista tal-ikel, matul l-aħħar għexieren ta' snin, żviluppi bħall-konċentrazzjoni u l-integrazzjoni vertikali dejjem akbar tal-parteċipanti tas-suq mal-UE kollha wasslu għal bidliet strutturali fil-katina tal-provvista alimentari;

C.  billi l-problema tal-prattiki kummerċjali inġusti ġiet rikonoxxuta mill-partijiet interessati kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel u għadd ta' investigazzjonijiet juru li dawn il-prattiki huma relattivament numerużi, tal-inqas f'ċerti partijiet tal-katina tal-provvista;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina u tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri kontra l-prattiki kummerċjali inġusti b'mod adatt u proporzjonat, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-aħjar prattiki.