Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0440/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0440/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-Rapport 2015 dwar l-Albanija

5.4.2016 - (2015/2896(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Knut Fleckenstein f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin


Proċedura : 2015/2896(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0440/2016

B8-0440/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rapport 2015 dwar l-Albanija

(2015/2896(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-UE,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014 li l-Albanija tingħata l-istatus ta' pajjiż kandidat għal sħubija mal-UE u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra s-seba' laqgħa, li saret fi Brussell fit-18 ta' Mejju 2015, tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn l-Albanija u l-UE,

–  wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Albanija mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) fl-1 ta' April 2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tal-President tas-Summit dwar il-Balkani tal-Punent, li sar fi Vjenna fis-27 ta' Awwissu 2015, kif ukoll ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili għas-Summit ta' Vjenna 2015,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2015 dwar l-istrateġija ta' tkabbir tal-UE (COM(2015)0611), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport 2015 dwar l-Albanija (SWD(2015)0213),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet konġunti tal-ħames Djalogu ta' Livell Għoli dwar il-prijoritajiet ewlenin adottati f'Tirana fl-24 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet lokali tal-21 ta' Ġunju 2015, bid-data tat-8 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-disa' laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Albanija (SAPC) li saret fi Brussell fid-9 u l-10 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Albanija,

–  wara li kkunsidra l-ħidma ta' Knut Fleckenstein bħala r-rapporteur permanenti dwar l-Albanija tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Albanija għamlet progress sostnut fi triqtha lejn adeżjoni mal-UE;

B.  billi pajjiżi kandidati (potenzjali) jiġu ġġudikati fuq il-merti tagħhom stess, u l-kwalità tar-riformi meħtieġa jiddeterminaw il-kalendarju għall-adeżjoni;

C.  billi għad fadal sfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod rapidu u effiċjenti ħalli jsir aktar progress fit-triq lejn l-adeżjoni mal-UE;

D.   billi, sabiex isir aktar progress fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE, huwa essenzjali li jkun hemm adozzjoni konsistenti u implimentazzjoni sħiħa tar-riformi dwar il-ħames prijoritajiet ewlenin, kif ukoll impenn politiku sostnut;

E.  billi l-protezzjoni tal-libertà reliġjuża, il-wirt kulturali u l-amministrazzjoni tal-proprjetà skont l-istat tad-dritt huma valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

F.  billi huwa essenzjali li jkun hemm djalogu politiku konstruttiv u sostenibbli dwar riformi relatati mal-UE bejn il-forzi politiċi, bil-ħsieb li jsir aktar progress fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE; billi l-fair play, id-djalogu kostruttiv, il-kooperazzjoni u r-rieda biex jintlaħaq kompromess bejn il-gvern u l-oppożizzjoni huma kruċjali għal proċess ta' riforma ta' suċċess u sostenibbli;

G.  billi fl-Albanija jeżisti kunsens politiku u appoġġ pubbliku wiesa' għall-proċess tal-adeżjoni mal-UE; billi s-suċċess tal-aġenda tar-riforma jiddependi bil-kbir fuq l-eżistenza ta' ambjent politiku demokratiku fil-pajjiż;

H.  billi progress sostnut, speċjalment fl-oqsma tal-istat tad-dritt, tar-riforma ġudizzjarja, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u tad-drittijiet fundamentali, huwa ta' importanza kruċjali fil-proċess ta' riforma; billi jeħtieġ li l-Albanija tintensifika l-isforzi ta' riforma f'dawn l-oqsma u fi prijoritajiet ewlenin oħrajn biex jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni u tikkonsolida t-tranżizzjoni demokratika tagħha; billi l-UE poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-proċess ta' tkabbir tagħha, u barra minn hekk enfasizzat il-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika u tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;

1.  Jilqa' l-progress sostnut li sar mill-Albanija fir-rigward tar-riformi meħtieġa dwar il-prijoritajiet ewlenin għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni; iħeġġeġ lill-gvern, lill-parlament u lill-partiti politiċi jżommu l-momentum tar-riforma u jaċċeleraw l-implimentazzjoni tar-riformi; jistedinhom jipproċedu malajr b'riforma sostanzjali tal-ġudikatura; jinsisti fuq l-importanza ta' implimentazzjoni adatta u f'waqtha ta' dawn ir-riformi;

2.  Jistieden lill-partiti politiċi kollha jagħmlu sforzi ulterjuri biex jidħlu fi djalogu politiku aktar kostruttiv u ġenwin li jippermetti l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi ewlenin; jemmen bis-sħiħ li kooperazzjoni sostenibbli bejn il-gvern u l-oppożizzjoni fil-parlament hija essenzjali għall-proċess ta' adeżjoni tal-Albanija mal-UE u biex din tissodisfa l-kriterji tal-adeżjoni; jenfasizza bil-qawwa l-importanza li dawn iżommu mal-impenn tagħhom li jibnu kultura politika demokratika li tinkludi d-disponibbiltà għad-djalogu, in-negozjati u l-kompromess u l-esklużjoni totali ta' bojkotts u radikaliżmu; jilqa' t-twaqqif u l-ħidma tal-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea (NCEI) li huwa mistenni jagħmel il-proċess ta' riforma relatat mal-UE aktar inklużiv; iħeġġeġ it-tisħiħ ulterjuri tal-kapaċità tal-parlament li jissorvelja l-implimentazzjoni u l-konformità mal-acquis;

3.  Ifaħħar lill-gvern kif ukoll lill-partiti tal-oppożizzjoni għall-kooperazzjoni kostruttiva tagħhom fir-rigward tal-leġiżlazzjoni b'rabta mal-esklużjoni ta' trasgressuri kriminali milli jinħatru u jiġu eletti għal kariga pubblika (''il-liġi tad-dekriminalizzazzjoni''), kif ukoll talli din ġiet adottata b'mod unanimu mill-parlament; jilqa' l-adozzjoni ta' liġijiet sussidjarji mill-parlament u jappella għal implimentazzjoni rapida u bir-reqqa ta' din il-leġiżlazzjoni fl-ispirtu u fl-ittra; iħeġġeġ bil-qawwa lill-parlament iservi ta' eżempju billi jimplimenta l-liġijiet biex b'hekk iqawwi l-fiduċja taċ-ċittadini u tal-komunità tan-negozju fir-rappreżentanti politiċi tagħhom u fl-istituzzjonijiet pubbliċi;

4.  Jilqa' l-impenn tal-Albanija għal riforma komprensiva u bir-reqqa fis-sistema ġudizzjarja u jħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet Albaniżi jkomplu malajr bit-tħejjijiet għal din ir-riforma kruċjali sabiex titrawwem il-fiduċja taċ-ċittadini u tal-komunità tan-negozju fis-sistema ġudizzjarja; ifaħħar il-ħidma tal-Kumitat Parlamentari Ad Hoc dwar ir-Riforma Ġudizzjarja fit-tħejjija tar-riforma; japprezza l-kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni ta' Venezja; iħeġġeġ ukoll attitudni kooperattiva fit-triq lejn l-adozzjoni ta' din ir-riforma; jistieden lill-partijiet kollha, b'kont meħud tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, jaħdmu lejn kompromess dwar il-bidliet essenzjali fil-ġudikatura li jirrigwardaw fost l-oħrajn l-indipendenza sħiħa u r-responsabbiltà tal-imħallfin u l-prosekuturi u l-imparzjalità tal-qrati, speċjalment il-Qorti Għolja u l-Qorti Kostituzzjonali, kif ukoll il-Kunsill Għoli tal-Ġustizzja;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet attwali fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja, inkluża l-indipendenza tagħha minn fergħat oħra tas-setgħa, indħil politiku, ġustizzja selettiva u responsabbiltà limitata, livell għoli ta' korruzzjoni, mekkaniżmi ta' kontroll ineffiċjenti, nuqqas ta' riżorsi, it-tul kumplessiv tal-proċeduri ġudizzjarji u n-nuqqas ta' kriterji professjonali ċari għall-ħatra u l-promozzjoni tal-imħallfin; jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied it-trasparenza u li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) fir-rapport ta' evalwazzjoni tar-raba' rawnd tiegħu dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni fir-rigward tal-imħallfin u l-prosekuturi;

6.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-progress li sar fir-riforma tal-ġudikatura u jħeġġiġha tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill malli l-Albanija tkun avvanzat biżżejjed f'din ir-riforma, u biex tieħu kont ta' dawn il-konklużjonijiet u l-progress tal-Albanija fl-implimentazzjoni tal-ħames prijoritajiet ewlenin meta tikkunsidra li tirrakkomanda l-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-istrateġija għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika għall-2015-2020 u l-pjan ta' azzjoni tagħha għall-2015-2017, kif ukoll l-istrateġija għar-riforma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika għall-2014-2020; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm servizz ċivili professjonali u trasparenti sabiex jaqdi l-interessi taċ-ċittadini, jingħataw servizzi aħjar liċ-ċittadini u ssir tħejjija sabiex in-negozjati ta' adeżjoni futuri jitwettqu b'mod effiċjenti; jieħu nota tal-isforzi lejn amministrazzjoni pubblika orjentata aktar lejn iċ-ċittadini; iħeġġeġ lill-gvern ikompli bl-isforzi tiegħu biex isaħħaħ il-kapaċitajiet amministrattivi, jiddepolitiċizza l-amministrazzjoni pubblika, jiġġieled il-korruzzjoni fis-servizz ċivili u jtejjeb il-proċeduri ta' reklutaġġ skont il-prinċipji tal-mertu u l-prestazzjoni; jitlob implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-Liġi dwar is-Servizz Ċivili u l-Liġi l-ġdida dwar il-Proċeduri Amministrattivi; jitlob li jissaħħu l-awtorità, l-awtonomija, l-effiċjenza u r-riżorsi tal-istrutturi tad-drittijiet tal-bniedem, bħal pereżempju l-Uffiċċju tal-Ombudsman; jitlob allokazzjonijiet baġitarji xierqa għad-disponibbiltà taż-żewġ Kummissarji ġodda għat-Tfal u għall-Prevenzjoni tat-Tortura; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija ta' deċentralizzazzjoni għall-2015-2020 u tal-liġi dwar il-governanza awtonoma lokali, li żżid il-kapaċitajiet amministrattivi u finanzjarji tal-unitajiet tal-gvern lokali u tipprevedi konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali u lokali; jieħu nota tal-ħtieġa li jkomplu jiġu ċċarati l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-gvern lokali u biex jitkompla d-djalogu mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti, inklużi r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

8.  Għadu mħasseb dwar il-korruzzjoni mifruxa, b'mod partikolari fl-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-ġudikatura, l-akkwist pubbliku, il-konċessjonijiet ta' sħubija pubblika privata, il-kostruzzjoni u l-ippjanar tal-ispazji, il-gvern lokali u s-servizz pubbliku; jitlob li l-gvernijiet lokali jissaħħu; jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni għall-2015-2020 u l-pjan ta' azzjoni għall-2015-2017; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw u jeżaminaw mill-ġdid il-pjan ta' azzjoni b'mod komprensiv, itejbu r-rekord rigward l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-kundanna ta' każijiet ta' korruzzjoni fil-livelli kollha, jinfurzaw b'mod strett il-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni u jsaħħu l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ta' kontra l-korruzzjoni u l-kooperazzjoni bejniethom; jilqa' l-proposta għal liġi dwar il-protezzjoni tal-informaturi u għat-titjib tat-trasparenza u l-kontroll tal-finanzjament tal-partiti politiċi; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex iwettqu investigazzjonijiet proattivi u effikaċi; jemmen bis-sħiħ li l-progress fir-riforma ġudizzjarja se jtejjeb sostanzjalment ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

9.  Jinnota l-impenn tal-gvern għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, li wassal għal għadd ta' operazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi fuq skala kbira ta' suċċess, inkluża kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiżi ġirien u mal-Istati Membri tal-UE; jibqa' mħasseb, madankollu, dwar l-għadd baxx ta' kundanni finali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata aktar il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-prosekuzzjoni u l-pulizija u li jiġi żgurat segwitu ġudizzjarju effikaċi; jitlob li jiġu allokati riżorsi adegwati lill-pulizija u s-servizzi tal-prosekuzzjoni sabiex jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata; jilqa' l-operazzjonijiet reċenti kontra t-traffikanti tad-droga, iżda jirrimarka li t-traffikar għadu problema sinifikanti għall-Albanija; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jsaħħu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-produzzjoni u t-traffikar tad-drogi u n-narkotiċi, inkluż billi tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali; jappella għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi dwar it-traffikar tal-bnedmin, protezzjoni aħjar u rimedju għall-vittmi u titjib fir-rekord tal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-kundanni; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jintensifikaw l-isforzi tagħhom kontra t-traffikar tal-armi;

10.  Jinnota l-valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR rigward il-proċess elettorali wara l-elezzjonijiet lokali ta' Ġunju 2015, meta osservaturi internazzjonali identifikaw għadd ta' irregolaritajiet; jilqa' t-twaqqif ta' kumitat parlamentari ad hoc dwar ir-riforma elettorali f'Jannar 2016 u jħeġġeġ l-implimentazzjoni effikaċi tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, b'mod partikolari bil-ħsieb li jitħejjew u jitwettqu l-elezzjonijiet li jmiss; jinsab imħasseb dwar il-politiċizzazzjoni globali tal-proċess elettorali, u jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw fost l-oħrajn in-nuqqasijiet proċedurali, inklużi t-tilwim elettorali, l-indipendenza tal-kummissjonijiet elettorali, it-trasparenza u l-effikaċja tal-finanzjament tal-partiti politiċi, l-allegati każijiet ta' xiri ta' voti u ta' intimidazzjoni tal-votanti u l-abbuż mir-riżorsi tal-istat, u dan sabiex tissaħaħ il-fiduċja pubblika fil-proċess elettorali; jinnota li l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali (CEC) jeħtiġilha tistabbilixxi responsabbiltajiet interni ċari biex tissorvelja l-finanzi tal-partit u tmur lil hinn mis-sempliċi stħarriġ formali dwar id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-partiti politiċi;

11.  Jilqa' l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni parlamentari dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż, u jinnota titjib fil-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-istat u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluża l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-NCEI; ifaħħar l-adozzjoni tal-pjan direzzjonali dwar is-soċjetà ċivili u jinkoraġġixxi li dan jiġi implimentat mingħajr xkiel; jirrakkomanda li jittieħdu passi biex tiġi istituzzjonalizzata l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex tissaħħaħ id-demokrazija u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili permezz tal-parteċipazzjoni pubblika u biex tiżdied it-trasparenza fil-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jnaqqsu l-piż amministrattiv fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jeżaminaw mill-ġdid ir-regoli fiskali u regolamenti rilevanti oħra, bil-ħsieb li jiffaċilitaw id-donazzjonijiet privati; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jinkoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipparteċipaw b'mod attiv fis-superviżjoni tal-proċess elettorali u jkunu involuti fil-forniment ta' informazzjoni komprensiva u f'waqtha lill-pubbliku dwar il-proċess tal-adeżjoni mal-UE;

12.  Iħeġġeġ lill-Gvern Albaniż jiddedika attenzjoni partikolari lit-titjib fil-prospetti għaż-żgħażagħ u jinvesti fil-modernizzazzjoni u r-riforma tas-sistema edukattiva sabiex tiżdied l-impjegabbiltà u l-prospetti professjonali, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa li l-eżodu ta' mħuħ attwali jinbidel f'ċirkolazzjoni ta' mħuħ li tappoġġa l-mobbiltà, filwaqt li fl-istess ħin jinħoloq potenzjal għoli għal prospetti adegwati ta' karriera fl-Albanija; jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ tal-IPA ddedikat għall-edukazzjoni, l-impjiegi u l-politiki soċjali;

13.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti biex jipproċedu ħalli ssir ġustizzja mal-vittmi tal-ġrajjiet tal-21 ta' Jannar 2011;

14.  Jikkundanna t-trattament ħażin tal-persuni suspettati fl-għases tal-pulizija, l-iffullar fil-ħabsijiet u l-inadegwatezza tal-kura medika u l-kundizzjonijiet ħżiena f'faċilitajiet ta' detenzjoni;

15.  Ifakkar li l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal għadhom insuffiċjenti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirriformaw is-sistema ġudizzjarja għall-minorenni b'mod li tikkonforma mal-istandards internazzjonali; jitlob żieda sinifikanti fl-allokazzjonijiet finanzjarji għas-sistema ta' protezzjoni tat-tfal, b'mod partikolari għall-unitajiet ta' protezzjoni tat-tfal (CPUs) fil-livell lokali u reġjonali; jiddeplora l-fatt li xi CPUs kellhom jieqfu minn ħidmithom minħabba nuqqas ta' riżorsi finanzjarji; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw l-aċċess tat-tfal għas-CPUs anke fiż-żoni rurali;

16.  Ifaħħar il-klima ta' tolleranza reliġjuża fil-pajjiż, il-kooperazzjoni tajba bejn il-komunitajiet reliġjużi u r-relazzjonijiet pożittivi tagħhom mal-Istat; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti u lill-komunitajiet reliġjużi kollha jaħdmu flimkien ħalli jippreservaw u jrawmu l-armonija reliġjuża;

17.  Ifakkar, fost il-prijoritajiet ewlenin, il-ħtieġa għal miżuri leġiżlattivi u ta' politika effikaċi biex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-minoranzi u l-politiki antidiskriminatorji; jinnota li r-Rom u l-Eġizzjani jgħixu f'kundizzjonijiet diffiċli u spiss iħabbtu wiċċhom ma' esklużjoni soċjali u diskriminazzjoni; ifaħħar l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni nazzjonali għall-2015-2020 għall-integrazzjoni tar-Rom u tal-Eġizzjani u l-implimentazzjoni aktar effikaċi tal-politiki dwar l-inklużjoni tar-Rom; jinnota li r-reġistrazzjoni u t-tluq bikri mill-iskola fost it-tfal Rom u s-sitwazzjoni tat-tfal tat-triq Rom u Eġizzjani, inklużi każijiet ta' tkeċċija furzata ta' dawn it-tfal mingħajr proċess ġust jew l-għoti ta' akkomodazzjoni alternattiva, jibqgħu ta' tħassib; jitlob li titjieb il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u s-sistema ġudizzjarja għall-minorenni; jilqa' r-riżoluzzjoni parlamentari dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni li jagħmlu parti mill-komunità LGBTI; jinnota li t-tieni attività magħrufa bħala "Tirana Pride" saret mingħajr inċidenti kbar f'Ġunju 2015; jirrakkomanda li d-dispożizzjonijiet li jiddiskriminaw kontra l-persuni transġeneru u intersesswali jitneħħew mil-leġiżlazzjoni eżistenti; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jkomplu jtejbu l-klima fir-rigward tal-inklużjoni u t-tolleranza tal-minoranzi kollha fil-pajjiż, inkluż billi jissaħħaħ ir-rwol tal-Kumitat tal-Istat għall-Minoranzi;

18.  Jirrakkomanda li l-inugwaljanza bejn is-sessi, id-diskriminazzjoni bejn is-sessi u l-vjolenza domestika jiġu indirizzati permezz ta' mekkaniżmi xierqa; jilqa' l-emendi lill-Kodiċi Elettorali, adottati f'April 2015, li jipprevedu kwota ta' 50 % ta' rappreżentanza bejn is-sessi fil-listi tal-kandidati għall-kunsilli muniċipali;

19.  Jirrimarka li l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà għad irid jiġi żgurat; iħeġġeġ it-tlestija tal-proċess ta' reġistrazzjoni, restituzzjoni u kumpens tal-proprjetà kif ukoll l-implimentazzjoni effikaċi tal-istrateġija 2012-2020 dwar id-drittijiet tal-proprjetà; jirrimarka li infurzar aħjar tad-drittijiet tal-proprjetà se jinfluwenza b'mod pożittiv l-investiment lokali u barrani;

20.  Jenfasizza mill-ġdid l-importanza kritika li s-servizz tax-xandir pubbliku u l-midja privata jkunu professjonali, indipendenti u pluralistiċi; jinsab imħasseb dwar l-awtoċensura mifruxa fost il-ġurnalisti, li xi drabi jiġu ostakolati fiżikament milli jkopru avvenimenti speċifiċi, jiġu attakkati jew mhedda minħabba xogħolhom, u dwar każijiet ta' interferenza diretta fl-awtonomija editorjali; jiddeplora, f'dan il-kuntest, li n-Netwerk Reġjonali Investigattiv tal-Balkani ġie mhedded b'kawża ta' malafama wara l-investigazzjonijiet tiegħu dwar il-passat kriminali ta' kandidat għall-kariga ta' sindku matul l-elezzjonijiet lokali fl-2015; jitlob li jittieħdu miżuri ħalli jissaħħu l-istandards etiċi u professjonali tal-ġurnalisti; jitlob li titjieb l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Midja Awdjoviżiva; jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ it-trasparenza tar-reklamar tal-gvern fil-midja u biex isiru sforzi addizzjonali biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-Awtorità tal-Midja Awdjoviżiva (AMA) u tax-xandir pubbliku; jinsab imħasseb dwar it-tibdil fil-proċeduri għall-elezzjoni tad-Direttur Ġenerali tax-xandar pubbliku Albaniż tar-radju u t-televiżjoni (RTSh); jistieden kemm lill-gvern kif ukoll lill-oppożizzjoni jiżguraw il-funzjonament tajjeb tax-xandar nazzjonali billi jidentifikaw kandidat kunsenswali għall-pożizzjoni ta' direttur; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi ffinalizzat il-proċess tardiv tad-diġitalizzazzjoni;

21.  Jirrimarka li l-Albanija hija mħejjija b'mod moderat fir-rigward tal-iżvilupp ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona; jilqa' s-sistema aħjar tal-ġbir tat-taxxa u l-kampanja tal-gvern kontra l-ekonomija informali; jinsab imħasseb, filwaqt li jinnota żieda fl-impjiegi, dwar il-livell għoli ta' qgħad, b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul, li huwa aktar minn 50 % tal-qgħad totali; iħeġġeġ li tingħata aktar attenzjoni lill-opportunitajiet indaqs u li jittieħdu aktar miżuri biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jibqa' mħasseb dwar nuqqasijiet persistenti u sinifikanti fl-istat tad-dritt, l-ambjent regolatorju, l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni li qed ifixklu l-isforzi biex jitjieb l-ambjent tan-negozju; iħeġġeġ lill-Albanija tindirizza b'mod komprensiv il-problema li għadha akuta tal-ekonomija moħbija kbira li għandha, marbuta ma' korruzzjoni mifruxa, u dan billi tfittex riformi ekonomiċi effikaċi; iħeġġeġ li jittieħdu passi ħalli jiġu indirizzati d-dgħufijiet fl-infurzar tal-kuntratti u fl-istat tad-dritt, tiġi ttrattata l-ekonomija informali li għadha mifruxa kif ukoll li tingħata prijorità lill-programm ta' konsolidazzjoni fiskali u t-tnaqqis fid-dejn pubbliku tagħha; iħeġġeġ aktar appoġġ dwar mekkaniżmi ta' protezzjoni tal-konsumatur;

22.  Jistieden lill-Gvern Albaniż jikkontrolla l-iżvilupp ta' impjanti idroelettriċi f'żoni ambjentalment sensittivi bħal pereżempju madwar ix-xmara Vjosa u f'żoni protetti, u biex tinżamm l-integrità ta' parks nazzjonali eżistenti; jirrakkomanda titjib fil-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, li jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istandards tal-UE kif stabbiliti mid-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; iħeġġeġ lill-Gvern Albaniż iżid it-trasparenza permezz ta' parteċipazzjoni u konsultazzjoni pubblika dwar proġetti ppjanati;

23.  Jistieden lill-Albanija twettaq il-miżuri rilevanti relatati mal-protezzjoni tal-ambjent u l-ġestjoni tal-iskart u tieħu miżuri addizzjonali kontra r-rimi ħażin tal-iskart u t-tneħħija tiegħu, b’mod partikolari l-iskart tal-baħar;

24.  Jistieden lill-gvern jadotta u jimplimenta strateġija nazzjonali tal-enerġija; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Albanija ma rnexxilhiex tressaq pjan ta' azzjoni għall-enerġija rinnovabbli lill-Komunità tal-Enerġija, u li dan wassal għal proċedura ta' ksur; jinsab imħasseb ukoll dwar il-fatt li l-Albanija ma laħqitx l-iskadenza tagħha tal-Komunità tal-Enerġija sabiex tallinja l-liġi tagħha mad-Direttiva tal-2006 dwar l-effiċjenza fl-utilizzazzjoni finali u s-servizzi tal-enerġija; iħeġġeġ lill-gvern jaħdem aktar fuq l-effiċjenza fl-enerġija billi jadotta liġi ġdida dwar l-effiċjenza fl-enerġija fil-bini;

25.  Ifaħħar lill-Albanija talli baqgħet sieħba kostruttiva fir-reġjun u proattiva fil-kooperazzjoni reġjonali; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati relazzjonijiet tajba mal-viċinat, li jibqgħu essenzjali; jirrimarka b'mod pożittiv l-impenn tal-Albanija għall-inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali li ħadet fis-Summit tal-Balkani tal-Punent tal-2014 f'Berlin u tal-2015 fi Vjenna; jilqa' r-rwol kostruttiv tal-Albanija fl-aġenda tal-konnettività; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u rapida tal-istandards tekniċi u miżuri flessibbli fis-settur tat-trasport li ntlaħaq qbil dwarhom matul is-Summit tal-Balkani tal-Punent tal-2015 fi Vjenna, qabel is-Summit li jmiss li se jsir f'Pariġi fl-2016;

26.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieda politika kontinwa biex jitjiebu r-relazzjonijiet mas-Serbja u jħeġġeġ lill-Albanija u lis-Serbja jieħdu aktar azzjonijiet biex jippromwovu l-istabbiltà u l-kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet tajbin mal-viċinat; iħeġġeġ lill-Albanija, fid-dawl ta' dawn l-isforzi, tkompli bl-iżvilupp tal-Uffiċċju Reġjonali ta' Kooperazzjoni għaż-Żgħażagħ, bil-kwartieri ġenerali f'Tirana, li huwa ta' importanza kbira għal aktar ir-rikonċiljazzjoni fir-reġjun, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ; jirrakkomanda li titħaffef il-kostruzzjoni ta' proġetti infrastrutturali kbar bħal dak tal-konnessjoni ferrovjarja u l-awtostrada moderna bejn Tirana u Skopje bħala parti minn Kuritur VIII; ifaħħar lill-Albanija talli allinjat bis-sħiħ mad-dikjarazzjonijiet rilevanti kollha tal-PESK u mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, kif ukoll għar-rieda tagħha li tikkontribwixxi għall-għajnuna Ewropea u l-iskemi ta' risistemazzjoni għar-rifuġjati Sirjani; iħeġġeġ lill-gvern jagħmel aktar sforzi ħalli jindirizza l-għadd kbir ta' applikazzjonijiet għall-asil manifestament mingħajr bażi ppreżentati fl-Istati Membri, u jħeġġu jieħu azzjoni determinata permezz tal-mekkaniżmu ta' monitoraġġ wara l-liberalizzazzjoni tal-viża sabiex jimpenja ruħu għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-operat u għal skambju ta' informazzjoni mal-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien; jistieden lill-gvern jikkunsidra wkoll jieħu aktar miżuri biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien soċjoekonomiċi; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi stabbilita lista komuni tal-UE ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri u jappoġġa l-fatt li l-Albanija ġiet inkluża f'dik il-lista;

27.  Jilqa' l-impenn tal-Albanija fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu u l-adozzjoni ta' strateġiji ta' sigurtà u pjan ta' azzjoni rilevanti; jilqa' l-fatt li l-qafas strateġiku aġġornat jinkludi strateġija dwar il-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Albanija, kif ukoll pajjiżi oħra, hija milquta mill-fenomenu tar-ritorn ta' ġellieda barranin, ir-radikalizzazzjoni Iżlamika u l-estremiżmu vjolenti; jilqa' f'dan ir-rigward, il-miżuri meħuda mill-Gvern Albaniż biex jiġi evitat il-ħruġ ta' ġellieda barranin biex jingħaqdu mal-ISIS fl-Iraq u s-Sirja; iqis li huwa essenzjali li titkompla l-implimentazzjoni ta' politika effikaċi li tipprevjeni r-radikalizzazzjoni Iżlamika, tiġġieled kontra l-estremiżmu vjolenti anke bl-inklużjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet reliġjużi, timpedixxi u tisfratta l-fluss ta' ġellieda terroristi barranin, tiġġieled kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u tiżviluppa approċċ speċifiku msejjes fuq l-istat tad-dritt għall-aġenziji tal-intelligence u tal-infurzar tal-liġi kif ukoll politika ġudizzjarja koerenti dwar it-trasgressuri; jirrakkomanda, barra minn hekk, l-intensifikazzjoni ta' kooperazzjoni reġjonali effikaċi u kooperazzjoni mas-servizzi rilevanti tal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni, inkluż dwar l-iskambju ta' informazzjoni; huwa tal-fehma li l-miżuri kollha li ttieħdu f'dan ir-rigward għandhom jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali skont l-istandards u l-istrumenti internazzjonali;

28.   Jiddispjaċih li, minħabba nuqqas ta' spirtu ta' kooperazzjoni u kompromess fi ħdan id-delegazzjoni Albaniża, bħalissa ma jista' jsir l-ebda dibattitu sinifikanti fl-SAPC u li ma setgħet tiġi adottata l-ebda rakkomandazzjoni fid-disa' laqgħa tiegħu; jappella sabiex jittieħdu passi għat-tisħiħ tal-SAPC biex dan ikun jista' jikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-proċess ta' adeżjoni tal-Albanija mal-UE;

29.  Jitlob li l-Kummissjoni tinkludi informazzjoni dettaljata dwar l-appoġġ tal-IPA għall-Albanija u l-implimentazzjoni tal-miżuri fir-rapporti futuri tagħha, b'mod partikolari l-appoġġ tal-IPA allokat għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin u l-proġetti rilevanti, fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Djalogu Strateġiku mal-Parlament Ewropew;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Albanija.