MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali
20.4.2016 - (2016/2662(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Cristian Dan Preda, Andrzej Grzyb, Davor Ivo Stier, Anna Záborská f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0488/2016
B8-0489/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti l-oħra tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-istrumenti ġuridiċi l-oħra fil-qasam tad-dritt umanitarju internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-8 ta' Diċembru 2009 dwar il-Promozzjoni ta' Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida aġġornati tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali[1] (minn hawn 'il quddiem ''il-Linji Gwida tal-UE''),
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Summit Umanitarju Dinji, intitolat "Umanità waħda, responsabilità kondiviża", tat-2 ta' Frar 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1998 (2011), adottata fit-12 ta' Lulju 2011, u 2143 (2014), adottata fis-7 ta' Marzu 2014, tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jindirizzaw il-protezzjoni tat-tfal milquta minn kunflitt armat,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/RES/64/290 tad-9 ta' Lulju 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-jedd għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri ta' Mejju 2015, li nfetħet biex tiġi approvata waqt il-Konferenza ta' Oslo dwar Skejjel Sikuri li tlaqqgħet mill-Ministeru Norveġiż għall-Affarijiet Barranin f'Mejju 2015, u l-Linji Gwida relatati dwar il-Protezzjoni tal-Iskejjel u l-Universitajiet minn Użu Militari waqt Kunflitt Armat,
– wara li kkunsidra n-Nota ta' Gwida dwar attakki fuq skejjel u sptarijiet biex tassisti lil dawk kollha involuti fil-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-promozzjoni, li tnediet fil-21 ta' Mejju 2014 mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitt Armat,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-10 ta' Diċembru 2015 tat-32 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar dwar it-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja[4],
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kunsill dwar attakki fuq l-isptarijiet u l-iskejjel bħala ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali (O-000063/2016 – B8-0361/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, tul dawn l-aħħar għaxar snin, il-komunità internazzjonali osservat xejra li qed tiżdied ta' attakki fuq sptarijiet u skejjel f'kunflitti armati madwar id-dinja, bħall-attakki li twettqu fit-2 ta' April 2015 fil-Kenja, attakki fuq eluf ta' skejjel fit-Tramuntana tan-Niġerja bejn l-2009 u l-2015, fit-3 ta' Ottubru f'Kunduz (l-Afganistan), fl-10 ta' Jannar 2016 f'Razah (il-Jemen), u fil-15 ta' Frar 2016 fil-Provinċja ta' Idlib fit-Tramuntana tas-Sirja; billi l-attakki f'Kunduz tqiesu bħala r-riżultat dirett ta' żbalji umani mhux intenzjonati, intensifikati min-nuqqasijiet fil-proċess u t-tagħmir, u tnedew investigazzjonijiet li wasslu għal sanzjonijiet kontra min kien responsabbli;
B. billi l-għadd ta' persuni fil-bżonn żdied b'aktar mid-doppju mill-2004 għal iżjed minn 100 miljun fl-2015; billi 250 miljun persuna huma affettwati minn kriżijiet umanitarji; billi l-għadd ta' persuni spostati b'mod furzat laħaq l-ogħla punt tiegħu mit-Tieni Gwerra Dinjija f'livell ta' kważi 60 miljun, inklużi kważi 40 miljun spostati f'pajjiżhom stess; billi iżjed minn nofs ir-rifuġjati tad-dinja huma tfal;
C. billi l-ewwel rispons fil-kriżijiet umanitarji jiġi mill-familji, li jipprovdu kenn, ikel u l-kura u s-solidarjetà neċessarja għall-membri affetwati kollha; billi l-benessri tat-tfal u l-ommijiet hija l-akbar prijorità għal kull familja, li huma lesti jagħmlu l-akbar sagrifiċċji;
D. billi tul dawn l-aħħar tmien snin il-bżonnijiet u l-isfidi li qed jiżdiedu, in-nuqqas ta' impenji sostnuti u ż-żieda fl-ispiża tal-assistenza umanitarja kkontribwixxew biex is-sistema umanitarja attwali laħqet il-limiti tagħha, u billi dan ġiegħel lil għadd ta' organizzazzjonijiet jissospendu b'mod temporanju l-għajnuna alimentari, il-kenn u operazzjonijiet umanitarji oħra ta' salvataġġ;
E. billi l-ewwel Summit Umanitarju Dinji se jsir f'Istanbul bejn it-23 u l-24 ta' Mejju 2016; billi, fir-rapport tiegħu għas-Summit Umanitarju Dinji intitolat "Umanità waħda, responsabilità kondiviża", is-Segretarju Ġenerali tan-NU jiġbed l-attenzjoni għal dak li jsejjaħ "l-erożjoni sfaċċata u brutali tar-rispett għall-jeddijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali" f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat, li qed thedded li tikkawża ritorn għal era ta' gwerra mingħajr rażan; billi r-rapport jinnota li l-fatt li fallew t-talba u l-promozzjoni tar-rispett għan-normi kondiviżi tagħna kif ukoll l-appoġġ tal-mekkaniżmi eżistenti ta' infurzar, monitoraġġ u responsabilità jikkontribwixxi għal din l-erożjoni;
F. billi l-partijiet kollha f'kunflitt, inklużi partijiet armati statali u mhux statali, jeħtieġ jiggarantixxu lill-atturi umanitarji l-aċċess neċessarju biex jgħinu lill-popolazzjonijiet ċivili vulnerabbli u milquta minn kunflitti;
G. billi d-dritt umanitarju internazzjonali, magħruf ukoll bħala d-dritt dwar il-kunflitt armat, hu maħsub biex itaffi l-effetti ta' kunflitt armat billi jipproteġi lil dawk li mhumiex qed jieħdu sehem fil-kunflitt u billi jirregola l-mezzi u l-metodi kif issir il-gwerra;
H. billi l-isptarijiet u l-persunal mediku huma espliċitament protetti taħt id-dritt umanitarju internazzjonali u billi kwalunkwe attakk intenzjonat kontra persuni u infrastruttura ċivili hu kkunsidrat ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali;
I. billi xi gruppi armati jopponu l-edukazzjoni sekulari u tal-bniet, jew li l-bniet jiġu ttrattati minn persunal mediku tas-sess maskil, u dan jostakola l-aċċess għal dawn is-servizzi; billi klima ġenerali ta' nuqqas ta' sigurtà b'riżultat tal-kunflitt jipprevjeni wkoll lit-tfal, l-għalliema u l-persunal mediku milli jattendu l-iskola jew ifittxu assistenza medika;
J. billi, sal-14 ta' Marzu 2016, 52 stat, inklużi 13-il Stati Membru tal-UE kienu approvaw id-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri b'segwitu għall-Konferenza ta' Oslo dwar Skejjel Sikuri li saret f'Mejju 2015;
K. billi l-Kunsill Affarijiet Barranin meta adotta l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, enfasizza l-importanza li l-ksur serju jiġi ttrattat b'mod effikaċi permezz ta' appoġġ għall-mekkaniżmi xierqa ta' responsabilità, u ssottolinja r-rwol importanti li tista' tiżvolġi l-Qorti Kriminali Internazzjonali fil-każijiet fejn l-istat jew l-istati kkonċernati ma jkunux jistgħu jew ma jkunux jixtiequ jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom. billi l-Linji Gwida tal-UE jimpenjaw ukoll lill-"Gruppi ta' Ħidma tal-Kunsill xierqa" biex jimmonitorjaw is-sitwazzjonijiet fejn jista' jkun li japplika d-dritt umanitarju internazzjonali u, f'tali każijiet, biex jirrakkomandaw azzjoni għall-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali (paragrafu 15(a));
L. billi l-Linji Gwida tal-UE jirreferu għal għadd ta' mezzi ta' azzjoni differenti għad-dispożizzjoni tal-UE fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi f'dan ir-rigward, inkluż id-djalogu politiku, dikjarazzjonijiet pubbliċi ġenerali, miżuri restrittivi, kooperazzjoni ma' korpi internazzjonali oħra, operazzjonijiet għall-i maniġġar ta' kriżijiet, responsabbiltà individwali, taħriġ u kontroll tal-esportazzjoni ta' armi (paragrafu 16)
M. billi, bejn l-2012 u l-2015, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar organizza proċess ta' konsultazzjoni importanti dwar kif tista' tissaħħaħ il-protezzjoni ġuridika għall-vittmi ta' konflitt armat u kif tista' tissaħħaħ l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta' konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;
N. billi l-istati parteċipanti fit-23 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar, li saret f'Diċembru 2015, qablu li jniedu proċess intergovernattiv ġdid biex isibu modi kif isaħħu l-implimentazzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali bil-għan li l-eżitu tiegħu jiġi ppreżentat fil-Konferenza Internazzjonali li jmiss fl-2019;
O. billi l-kapitolu tal-għajnuna umanitarja tal-UE, li ammonta għal EUR 909 miljun fl-2015, jirrappreżenta inqas minn 1 % tal-baġit totali tal-UE; billi t-titjib tar-rabta bejn l-għajnuna u l-assistenza fit-tul huwa mod wieħed kif titnaqqas id-diskrepanza attwali bejn il-ħtiġijiet umanitarji enormi u r-riżorsi disponibbli;
1. Jesprimi l-ħasda u t-tħassib serju tiegħu rigward l-attakki fatali kontra sptarijiet u skejjel li qed iseħħu b'rata dejjem iżjed allarmanti f'konflitti armati madwar id-dinja, fejn pazjenti, studenti, persunal mediku u għalliema, ħaddiema fil-qasam tal-għajnuna umanitarja u qraba qed isiru bersalli u vittmi; jesprimi l-opinjoni tiegħu li l-kundanni internazzjonali jridu jkunu segwiti minn investigazzjonijiet indipendenti u minn responsabbiltà ġenwina; jitlob lill-UE u lill-istati membri tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli jirrikonoxxu l-livell reali ta' din l-emerġenza, u jużaw l-istrumenti kollha li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom;
2. Jikkundanna l-attakki fuq sptarijiet u skejjel, li huma pprojbiti taħt id-dritt internazzjonali, filwaqt li jirrikonoxxi li atti ta' dan it-tip jistgħu jikkostitwixxu ksur serju tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u reati tal-gwerra taħt l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-preżervazzjoni tal-faċilitajiet tas-saħħa u edukattivi bħala spazji newtrali u protetti waqt sitwazzjonijiet ta' konflitt armat trid tkun żgurata permezz ta' investigazzjonijiet trasparenti, indipendenti u imparzjali fl-attakki brutali li seħħew u bil-fatt li l-partijiet kollha involuti jassumu r-responsabilità ġenwina għar-reati kommessi;
3. Jenfasizza li l-jedd għas-saħħa hu jedd tal-bniedem, u jitlob lill-partijiet kollha involuti f'konflitt armat jiggarantixxu d-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-aċċettabbiltà u l-kwalità tas-servizzi mediċi matul konflitti armati;
4. Jirrikonoxxi r-rwol tal-familji fil-ħarsien u l-kura tal-persuni l-aktar vulnerabbli, speċjalment tfal u nisa, u jirrikonoxxi l-importanza li tiġi stabbilita sħubija mal-familji fi sforzi biex ir-relevanza u l-effiċjenza tal-assistenza umanitarja jiġu massimizzati;
5. Jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-appell tas-Segretarju Ġenerali biex l-istati membri kollha tan-NU jaħtfu l-opportunità tas-Summit Umanitarju Dinji (WHS) biex jerġgħu jimpenjaw ruħhom favur il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u d-drittijiet tal-bniedem ta' kulħadd billi jirrispettaw ir-regoli li diġà qablu dwarhom; jenfasizza l-importanza attribwita mis-Segretarju Ġenerali tan-NU għat-tisħiħ tas-sistemi investigattivi u ġudizzjarji internazzjonali, inkluża l-Qorti Kriminali Internazzjonali, sabiex jikkomplementaw l-oqfsa nazzjonali, b'mod li jtemmu l-impunità għal ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;
6. Jistieden lid-WHS jimpenja lilu nnifsu lejn approċċ sistematiku u parteċipatorju abbażi tar-riżultati billi jistabblixxi indikaturi speċifiċi u metodoloġija ta' ħidma, li jiġu msaħħa u kondiviża mid-donaturi u l-aġenziji implimentattivi, u biex jaħdem favur l-istituzzjonalizzazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni mtejba tal-qafas tan-NU ta' Responsabbiltà lejn Popolazzjonijiet Milquta;
7. Jenfasizza l-fatt li l-indirizzar ta' diżastri ġodda jew li ilhom jeżistu u l-vulnerabilitajiet jesiġi li jkunu evitati sistemi paralleli, it-twessigħ tal-bażi ta' finanzjament, investimenti prevedibbli fuq terminu twil, u konformità mal-aġenda ta' żvilupp sostenibbli ġdida, l-aktar billi jiġi promoss approċċ konġunt mill-atturi umanitarji u ta' żvilupp lejn valutazzjoni tar-risjku u l-ħtiġijiet, l-ippjanar u l-finanzjament; jenfasizza li biex ikunu indirizzati l-kwistjonijiet tal-effikaċja u l-lakuni tal-finanzjament umanitarju hi meħtieġa kumplimentarjetà akbar bejn l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna tal-iżvilupp, u li dawn għandhom jimxu id f'id ma' żieda fl-għajnuna għall-iżvilupp u l-finanzjament umanitarju; ifakkar, f'dan il-kuntest, l-impenn internazzjonali li ilu jeżisti biex tintlaħaq il-mira ta' 0.7 % ta' ING;
8. Jirrikonoxxi l-importanza u n-natura unika tal-Linji Gwida tal-UE peress li l-ebda stat jew organizzazzjoni oħra ma adotta dokument ekwivalenti; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod effikaċi l-Linji Gwida tal-UE;
9. Jappella lill-Kunsill Affarijiet Barranin u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli jiżguraw li l-politiki u l-azzjonijiet tal-UE relatati mad-dritt umanitarju internazzjonali jiġu żviluppati b'mod koerenti u effikaċi, u li l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar il-Liġi Umanitarja Internazzjonali prinċipalment fil-qasam ta' responsabilità tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Dritt Internazzjonali Pubbliku, li hu ppresedut mill-Presidenza tal-Kunsill; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-Linji Gwida tal-UE jimpenjaw lill-"Gruppi ta' Ħidma tal-Kunsill xierqa" biex jimmonitorjaw is-sitwazzjonijiet fejn jista' jkun li japplika d-dritt umanitarju internazzjonali u, fit-tali każijiet, biex jirrakkomandaw azzjoni li tippromovi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali (paragrafu 15(a));
10. Ifakkar fil-pożizzjoni li ttieħdet fil-Linji Gwida tal-UE li, fejn ikun xieraq, se jiġi kkunsidrat ukoll li jintużaw is-servizzi tal-Kummissjoni Internazzjonali Umanitarja li Tistabbilixxi l-Fatti (IHFFC) stabbilita skont il-Protokoll Addizzjonali I għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949, li tista' tassisti fil-promozzjoni tar-rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali permezz tal-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-fatti u l-funzjoni tagħha ta' servizz u għajnuna; jinnota li s-servizzi tal-IHFFC ma ntużawx u jistieden lill-partijiet kollha involuti biex jikkunsidraw li jattivawha;
11. Jitlob għal spazju internazzjonali msaħħaħ li fih il-komunità internazzjonali tindirizza t-tħassib komuni relatat mal-implimentazzjoni u t-tisħiħ tad-djalogu politiku tad-dritt umanitarju internazzjonali bil-għan li tissaħħaħ il-prevenzjoni tal-konflitt u jintemmu l-kunflitti armati fid-dinja malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu biex jilħqu riżultat aħjar fil-proċess intergovernattiv li jmiss sabiex isibu modi li bihom isaħħu l-implimentazzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali, kif maqbul fit-32 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar f'Diċembru 2015;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.
- [1] ĠU C 303, 15.12.2009, p. 12.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2016)0066.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2015)0040.
- [4] Testi adottati, P8_TA(2015)0459.