Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0490/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0490/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali

20.4.2016 - (2016/2662(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0361/2016
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Mark Demesmaeker, Nirj Deva, Eleni Theocharous f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0488/2016

Proċedura : 2016/2662(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0490/2016
Testi mressqa :
B8-0490/2016
Testi adottati :

B8-0490/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali

(2016/2662(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti l-oħra tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-istrumenti ġuridiċi l-oħra fil-qasam tad-dritt umanitarju internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-8 ta' Diċembru 2009 dwar il-promozzjoni tal-konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida aġġornati tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali (minn hawn 'il quddiem ''il-Linji Gwida tal-UE'')[1],

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Summit Umanitarju Dinji, intitolat "Umanità waħda, responsabbiltà kondiviża", tat-2 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, 1998(2011), adottata fit-12 ta' Lulju 2011, u 2143(2014), adottata fis-7 ta' Marzu 2014, li jindirizzaw il-protezzjoni tat-tfal milquta minn kunflitt armat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/RES/64/290 tad-9 ta' Lulju 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar id-dritt għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri ta' Mejju 2015 u l-Linji Gwida relatati għall-Protezzjoni tal-Iskejjel u l-Universitajiet minn Użu Militari waqt Kunflitt Armat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-10 ta' Diċembru 2015 tat-32 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar dwar it-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS[3],

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kunsill dwar attakki fuq l-isptarijiet u l-iskejjel bħala ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali (O-000063/2016 – B8-0361/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-komunità internazzjonali fis-snin reċenti qed tkun xhud ta' għadd kbir ta' attakki fuq sptarijiet u skejjel waqt kunflitti armati madwar id-dinja; billi l-iskejjel u l-isptarijiet jeħtieġ li jibqgħu żoni ta' paċi fejn il-persuni ċivili jingħataw protezzjoni fi żminijiet ta' kunflitt;

B.  billi l-iskejjel u l-isptarijiet kienu fil-mira ta' attakki li jinvolvu l-użu ta' armi b'saħħithom; billi s-sigurtà tal-persunal umanitarju u tal-persuni midruba li huma jkunu qegħdin jikkuraw hija ta' spiss mhedda, u billi dawn l-attakki jikkostitwixxu ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, kif ukoll periklu serju għall-ġejjieni tal-għoti ta' għajnuna umanitarja; billi, wara attakki fuq il-faċilitajiet tagħhom, f'xi drabi l-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja kienu mġiegħla jitilqu minn żoni ta' kunflitt;

C.  billi l-ewwel Summit Umanitarju Dinji, li se jsir f'Istanbul fit-23 u l-24 ta' Mejju 2016, għandu jirriżulta fi tfassil mill-ġdid tal-arkitettura umanitarja biex issir aktar effikaċi u globali, sabiex twieġeb għaż-żidiet previsti fil-ħtiġijiet umanitarji marbuta mal-isfidi attwali u futuri, bħall-kunflitti armati, id-diżastri naturali, il-kriżijiet tar-rifuġjati u s-sigurtà tal-ikel;

D.  billi, fir-rapport tiegħu għas-Summit Umanitarju Dinji intitolat "Umanità waħda, responsabbiltà kondiviża", is-Segretarju Ġenerali tan-NU jiġbed l-attenzjoni għal dak li jsejjaħ "l-erożjoni sfaċċata u brutali tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali" f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat, li qed thedded li tikkawża rigressjoni għal era ta' gwerra mingħajr rażan; billi r-rapport jinnota li l-falliment biex jintalab u jitħeġġeġ ir-rispett għan-normi kondiviżi tagħna kif ukoll biex jiġu appoġġati l-mekkaniżmi eżistenti ta' infurzar, monitoraġġ u responsabbilità, jikkontribwixxi għal din l-erożjoni;

E.  billi d-dritt umanitarju internazzjonali, magħruf ukoll bħala d-dritt dwar il-kunflitt armat, huwa maħsub biex itaffi l-effetti ta' kunflitt armat billi jipproteġi lil dawk li ma jkunux qegħdin jieħdu sehem fil-kunflitt u billi jirregola l-mezzi u l-metodi ta' kif issir gwerra;

F.  billi l-isptarijiet u l-persunal mediku huma espliċitament protetti taħt id-dritt umanitarju internazzjonali u billi kwalunkwe attakk intenzjonat kontra persuni u infrastrutturi ċivili huwa meqjus bħala ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali;

G.  billi, sal-14 ta' Marzu 2016, 52 Stat, inklużi diversi Stati Membri tal-UE, għalkemm mhux kollha kemm huma, approvaw id-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri b'segwitu għall-Konferenza ta' Oslo dwar Skejjel Sikuri li saret f'Mejju 2015;

H.  billi l-Kunsill Affarijiet Barranin, meta adotta l-Linji Gwida tal-UE, enfasizza l-importanza li l-effetti ta' ksur serju jiġu ttrattati b'mod effikaċi permezz ta' appoġġ għall-mekkaniżmi xierqa ta' responsabbiltà, u ssottolinja r-rwol importanti li tista' tiżvolġi l-Qorti Kriminali Internazzjonali fil-każijiet fejn l-istat jew l-istati kkonċernati ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom; billi l-Linji Gwida tal-UE jimpenjaw lill-"gruppi ta' ħidma tal-Kunsill xierqa" biex jimmonitorjaw is-sitwazzjonijiet fejn jista' jkun li japplika d-dritt umanitarju internazzjonali u, f'każijiet bħal dawn, jirrakkomandaw azzjoni li tippromwovi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali (il-paragrafu 15(a));

I.  billi, bejn l-2012 u l-2015, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar organizza proċess ta' konsultazzjoni importanti dwar kif tista' tissaħħaħ il-protezzjoni ġuridika għall-vittmi ta' kunflitt armat u kif tista' tissaħħaħ l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta' konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;

J.  billi l-istati parteċipanti fit-32 Konferenza Internazzjonali tal-Moviment tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar li saret f'Diċembru 2015 finalment ma setgħux jaqblu dwar mekkaniżmu ġdid propost mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u mill-Gvern tal-Iżvizzera għat-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-mekkaniżmu ġdid propost kien jinkludi li tiġi msejħa laqgħa annwali tal-istati firmatarji għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra; billi l-istati parteċipanti qablu li jniedu proċess intergovernattiv ġdid biex isibu modi kif isaħħu l-implimentazzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali bl-għan li l-eżitu tiegħu jiġi ppreżentat fil-Konferenza Internazzjonali li jmiss fl-2019;

1.  Jesprimi l-ħasda u t-tħassib serju tiegħu rigward l-attakki fatali kontra sptarijiet u skejjel li qed iseħħu b'rata allarmanti f'kunflitti armati madwar id-dinja, fejn pazjenti, studenti, persunal mediku u għalliema, ħaddiema fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, voluntiera u qraba qed isiru bersalli u vittmi, filwaqt li l-kundanni internazzjonali rari jwasslu għal investigazzjonijiet indipendenti u responsabbiltà ġenwina; jappella lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli biex jirrikonoxxu l-kobor reali ta' din l-emerġenza u jippreparaw mingħajr dewmien pjan ta' azzjoni konkret bi skadenzi definiti sabiex jużaw kemm jista' jkun l-influwenza tal-UE u tal-Istati Membri bl-għan li jintemmu l-ksur u l-abbużi ta' dan it-tip;

2.  Jikkundanna l-attakki fuq sptarijiet u skejjel, li huma pprojbiti taħt id-dritt internazzjonali, filwaqt li jirrikonoxxi li atti ta' dan it-tip jistgħu jikkostitwixxu ksur serju tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u delitti tal-gwerra taħt l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-preżervazzjoni tal-faċilitajiet tas-saħħa u dawk edukattivi bħala spazji newtrali u protetti waqt sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat tiddependi mill-eżitu ta' investigazzjonijiet trasparenti, indipendenti u imparzjali fir-rigward tal-attakki brutali li seħħew u minn responsabbiltà ġenwina għad-delitti mwettqa;

3.  Jemmen li l-ħaddiema umanitarji li jwettqu ħidma biex isalvaw il-ħajja f'kundizzjonijiet diffiċli ħafna jeħtieġ li dejjem jiġu protetti;

4.  Jikkundanna l-użu ta' sptarijiet u skejjel minn partijiet f'kunflitt armat, li effettivament ibiddluhom f'miri ta' attakki; ifakkar li dawk li jużaw lil persuni jew proprejtajiet li jkunu protetti bħala tarki umani jew kamuflaġ huma wkoll ħatja ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;

5.  Jenfasizza li minbarra l-ħsara diretta u materjali lill-iskejjel u lill-isptarijiet, l-attakki jirriżultaw f'għeluq furzat jew fi xkiel fil-funzjonament ta' dawn l-istituzzjonijiet u jikkawżaw ħsara lis-sistemi edukattivi u tas-saħħa b'mod ġenerali;

6.  Jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-appell tas-Segretarju Ġenerali biex l-istati membri kollha tan-NU jaħtfu l-opportunità tas-Summit Umanitarju Dinji biex jerġgħu jimpenjaw ruħhom favur il-protezzjoni tal-persuni ċivili u tal-ħaddiema umanitarji billi jirrispettaw ir-regoli li diġà qablu dwarhom; jenfasizza l-importanza mogħtija mis-Segretarju Ġenerali tan-NU għat-tisħiħ tas-sistemi investigattivi u ġudizzjarji internazzjonali, inkluża l-Qorti Kriminali Internazzjonali, sabiex jikkomplementaw l-oqfsa nazzjonali, b'mod li jġibu fi tmiemha l-impunità għal ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;

7.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu ftehim komprensiv matul is-Summit Umanitarju Dinji dwar mezzi prattiċi biex jissaħħaħ ir-rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali, bħat-tixrid tar-regoli dwar id-dritt umanitarju internazzjonali fost l-amministrazzjonijiet reġjonali u nazzjonali, il-forzi ta' sigurtà, l-awtoritajiet lokali u l-mexxejja tal-komunità, u biex jiġi appoġġat ir-rwol tal-Qorti Kriminali Internazzjonali biex tintemm l-impunità għall-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;

8.  Jirrikonoxxi l-importanza u n-natura unika tal-Linji Gwida tal-UE peress li l-ebda stat jew organizzazzjoni oħra ma adotta dokument ekwivalenti; jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jimplimentaw dawn il-Linji Gwida;

9.  Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli biex, b'mod li jiżguraw li l-politiki u l-azzjonijiet tal-UE relatati mad-dritt umanitarju internazzjonali jiġu żviluppati b'mod koerenti u effikaċi, jirrieżaminaw l-allokazzjoni attwali tar-responsabbiltajiet, li tqiegħed l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida prinċipalment fil-qasam ta' responsabbiltà tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Dritt Internazzjonali Pubbliku, li huwa ppresedut mill-Presidenza tal-Kunsill; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-Linji Gwida tal-UE jimpenjaw lill-"gruppi ta' ħidma tal-Kunsill xierqa" biex jimmonitorjaw is-sitwazzjonijiet fejn jista' jkun li japplika d-dritt umanitarju internazzjonali u, f'każijiet bħal dawn, jirrakkomandaw azzjoni li tippromwovi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali (paragrafu 15(a)); jistieden lill-gruppi ta' ħidma rilevanti tal-Kunsill biex jużaw dan il-mandat sabiex jindirizzaw il-kriżi urġenti attwali ta' nonkonformità;

10.  Ifakkar fil-pożizzjoni li ttieħdet fil-Linji Gwida tal-UE li, fejn ikun xieraq, jiġi kkunsidrat ukoll li jintużaw is-servizzi tal-Kummissjoni Internazzjonali Umanitarja li Tistabbilixxi l-Fatti (IHFFC), stabbilita skont il-Protokoll Addizzjonali I għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949, li tista' tassisti fil-promozzjoni tar-rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali permezz tal-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-fatti u l-funzjoni tagħha ta' medjazzjoni; jinnota li s-servizzi tal-IHFFC ma ntużawx, u jħeġġeġ lill-Kunsill tal-UE, lill-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jikkunsidraw serjament li jattivaw din il-kummissjoni, għall-ewwel darba minn mindu nħolqot, biex l-attakki fuq sptarijiet u skejjel jiġu indirizzati bħala sitwazzjoni ta' kriżi urġenti fir-rigward tar-rispett għall-istandards fil-qasam tad-dritt umanitarju internazzjonali;

11.  Jinnota bi tħassib li, fil-preżent, l-ispazju istituzzjonali fejn il-komunità internazzjonali tista' tindirizza t-tħassib komuni relatat mal-implimentazzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali huwa limitat; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li l-istati parteċipanti għat-32 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u n-Nofs Qamar l-Aħmar ta' Diċembru 2015 ma rnexxilhomx jilħqu qbil dwar mekkaniżmu ġdid li kien se jsaħħaħ is-sistema ta' governanza tad-dritt umanitarju internazzjonali permezz ta' laqgħa annwali tal-istati biex jissaħħaħ id-djalogu u l-introduzzjoni ta' rapportar perjodiku dwar il-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jaħdmu sabiex jinkiseb riżultat aħjar fil-proċess intergovernattiv li jmiss;

12.  Jenfasizza li jeħtieġ li ssir aktar ħidma biex titjieb is-sigurtà tal-organizzazzjonijiet umanitarji u tal-ħaddiema tagħhom; jappoġġa l-inklużjoni sistematika fid-dritt internazzjonali ta' klawżoli speċifiċi li jsaħħu r-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-ħaddiema umanitarji, kif ukoll monitoraġġ aktar rigoruż u sistematiku tal-attakki kontra l-ħaddiema umanitarji;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.