Proċedura : 2016/2662(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0491/2016

Testi mressqa :

B8-0491/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 18
CRE 27/04/2016 - 18

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.65
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0201

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 438kWORD 100k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0488/2016
20.4.2016
PE582.503v01-00
 
B8-0491/2016

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0361/2016

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali (2016/2662(RSP))


Heidi Hautala, Judith Sargentini, Molly Scott Cato, Michel Reimon, Barbara Lochbihler, Jean Lambert f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali (2016/2662(RSP))  
B8-0491/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti l-oħra tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-istrumenti ġuridiċi l-oħra fil-qasam tad-dritt umanitarju internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-8 ta' Diċembru 2009 dwar il-Promozzjoni ta' Konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida aġġornati tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali (IHL) (minn hawn 'il quddiem ''il-Linji Gwida tal-UE'')(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Summit Umanitarju Dinji, intitolat "One humanity, shared responsibility" ("Umanità waħda, responsabilità kondiviża"), tat-2 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, 1998 (2011), adottata fit-12 ta' Lulju 2011, u 2143 (2014), adottata fis-7 ta' Marzu 2014, li jindirizzaw il-protezzjoni tat-tfal milquta minn kunflitt armat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/RES/64/290 tad-9 ta' Lulju 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-jedd għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri ta' Mejju 2015, li nfetħet biex tiġi approvata waqt il-Konferenza ta' Oslo dwar Skejjel Sikuri kif ġiet imlaqqgħa mill-Ministeru Norveġiż għall-Affarijiet Barranin f'Mejju 2015, u l-Linji Gwida relatati għall-Protezzjoni tal-Iskejjel u l-Universitajiet minn Użu Militari waqt Kunflitt Armat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-10 ta' Diċembru 2015 tat-32 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar dwar it-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja(4),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kunsill dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarja internazzjonali (O-000063/2016 – B8-0361/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-iżvilupp u t-tisħiħ tad-dritt umanitarju internazzjonali matul dawn l-aħħar 150 sena jikkostitwixxu kisba fundamentali għall-umanità; billi l-ewwel Summit Umanitarju Dinji se jsir' f'Istanbul fit-23 u l-24 ta' Mejju 2016; billi, fir-rapport tiegħu għas-Summit Umanitarju Dinji intitolat "One humanity, shared responsibility" ("Umanità waħda, responsabilità kondiviża"), is-Segretarju Ġenerali tan-NU jiġbed l-attenzjoni għal dak li jsejjaħ "l-erożjoni sfaċċata u brutali tar-rispett għall-jeddijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali" f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat, li qed thedded li tikkawża r-ritorn għal era ta' gwerra mingħajr rażan; billi r-rapport jinnota li n-nuqqas ta' eżiġenza u promozzjoni tar-rispett għan-normi kondiviżi u ta' għoti ta' appoġġ għall-mekkaniżmi eżistenti ta' infurzar, monitoraġġ u responsabilità jikkontribwixxi għal din l-erożjoni;

B.  billi d-dritt umanitarju internazzjonali huwa maħsub biex itaffi l-effetti tal-kunflitt armat billi jipproteġi lil dawk li m'humiex, jew li m'għadhomx, jilagħbu parti diretta fl-ostilitajiet u billi jirregola l-mezzi u l-metodi tal-gwerra;

C.  billi l-komunità internazzjonali rat b'għajnejja xejra tal-biża' ta' attakki fuq sptarijiet u skejjel f'kunflitti armati madwar id-dinja, inkluż, l-aktar reċenti, fil-Jemen, l-Afganistan, is-Sirja u t-Territorji Palestinjani Okkupati; billi l-forzi Sirjana u Russi ġew irrapportati li mmiraw għal sptarijiet bħala strateġija ta' gwerra fil-kunflitt Sirjan;

D.  billi l-isptarijiet u l-persunal mediku huma speċifikament protetti taħt id-dritt umanitarju internazzjonali u billi kwalunkwe attakk intenzjonat kontra persuni ċivili u infrastruttura ċivili jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali, bħalma hu l-każ għal firxa ta' azzjonijiet oħra li jirrigwardaw il-kura tas-saħħa, inkluża ċ-ċaħda ta' aċċess;

E.  billi, mill-14 ta' Marzu 2016 'il hawn, 52 stat, inklużi xi Stati Membri tal-UE iżda mhux kollha kemm huma, approvaw id-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri b'segwitu għall-Konferenza ta' Oslo dwar Skejjel Sikuri, li saret f'Mejju 2015;

F.  billi l-Kunsill Affarijiet Barranin, meta kien qed jadotta l-Linji Gwida tal-UE, enfasizza l-importanza li l-effetti ta' ksur serju jiġu ttrattati b'mod effikaċi permezz ta' appoġġ għall-mekkaniżmi xierqa ta' responsabilità, u ssottolinja r-rwol ewlieni li tista' twettaq il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) fil-każijiet fejn l-istat jew l-istati in kwistjoni ma jkunux jistgħu jew ma jkunux jixtiequ jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom. billi l-Linji Gwida tal-UE jimpenjaw lill-gruppi ta' ħidma xierqa tal-Kunsill li jimmonitorjaw is-sitwazzjonijiet fejn jista' japplika d-dritt umanitarju internazzjonali u, f'tali każijiet, li jirrakkomandaw azzjoni għall-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali jitwettqu wkoll minn forzi armati ta' stati li m'humiex partijiet għall-QKI;

G.  billi, bejn l-2012 u l-2015, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA) organizza proċess ta' konsultazzjoni maġġuri dwar kif tista' tissaħħaħ il-protezzjoni ġuridika għall-vittmi tal-kunflitt armat u kif tista' tissaħħaħ l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta' konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;

H.  billi l-istati li ħadu sehem fit-32 Konferenza Internazzjonali tal-Moviment tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar f'Diċembru 2015 finalment ma setgħux jaqblu dwar mekkaniżmu ġdid propost mill-KISA u l-Gvern tal-Isvizzera għat-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-mekkaniżmu ġdid propost kien kieku jinvolvi t-twaqqif ta' laqgħa annwali tal-istati firmatarji għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra; billi l-istati parteċipanti qablu li jvaraw proċess intergovernattiv ġdid biex isibu modi kif isaħħu l-implimentazzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali bil-għan li l-eżitu tiegħu jiġi ppreżentat fil-Konferenza Internazzjonali li jmiss fl-2019;

1.  Jafferma mill-ġdid il-kontribut fundamentali tad-dritt umanitarju internazzjonali għall-istorja moderna tal-umanità u jistieden lill-istati membri kollha tan-NU jaħtfu l-opportunità tas-Summit Umanitarju Dinji biex jaffermaw mill-ġdid iċ-ċentralità tad-dritt umanitarju internazzjonali u l-ħarsien li dan joffri;

2.  Jikkundanna l-attakki kontra l-isptarijiet u l-iskejjel u miri ċivili oħra li qed ikomplu jseħħu b'rata allarmanti fil-kunflitti armati madwar id-dinja; ifakkar lill-partijiet kollha li l-isptarijiet u l-persunal mediku huma espliċitament protetti taħt id-dritt umanitarju internazzjonali u li t-tqegħid fil-mira intenzjonat ta' ċivili u infrastruttura ċivili jammonta għal delitt tal-gwerra;

3.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jirrikonoxxu l-kobor reali ta' din l-emerġenza, u jfasslu mingħajr dewmien pjan ta' azzjoni marbut biż-żmien, konkret, jużaw l-influwenza tagħhom biex iwaqqfu tali vjolazzjonijiet u abbużi, u jappoġġjaw investigazzjonijiet imparzjali u indipendenti tal-vjolazzjonijiet allegati tad-dritt umanitarju internazzjonali;

4.  Ifaħħar il-kuraġġ u d-dedikazzjoni ta' min jammirahom tal-persunal mediku, tal-istaff tal-għalliema u tal-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja, internazzjonali u lokali, li joperaw fiż-żoni ta' kunflitt;

5.  Jinsisti fuq il-ħtieġa vitali li l-faċilitajiet tas-saħħa u dawk edukattivi jiġu ppreservati bħala spazji protetti, newtrali, matul sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' ċarezza fid-distinzjoni bejn l-atturi umanitarji u dawk militari u kooptazzjoni tal-azzjoni umanitarja għal finijiet politiċi jew militari, fatt li jdgħajjef u jitfa' fil-periklu l-operazzjonijiet umanitarji ġenwini u l-persunal tagħhom; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, li r-rwol tal-militar b'rabta mal-għajnuna umanitarja ma ġiex indirizzat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Summit Umanitarju Dinji;

6.  Jenfasizza l-importanza li jiġu msaħħa s-sistemi investigattivi u ġudizzjarji internazzjonali, inkluża l-Qorti Kriminali Internazzjonali, sabiex jikkomplementaw l-oqfsa nazzjonali bil-għan li l-impunità għall-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali tispiċċa; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jippromwovu l-universalità tal-Istatut ta' Ruma u jippreservaw l-integrità tiegħu, u jkomplu jappoġġjaw lill-QKI u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma impenjati fil-ġlieda globali kontra l-impunità;

7.  Jiddeplora l-fatt li għadd ta' sħab qrib tal-UE u l-Istati Membri tagħha huma involuti fi vjolazzjonijiet serji tad-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi attakki kontra sptarijiet u skejjel, kif intwera dan l-aħħar mill-attakki li saru mill-Istati Uniti kontra l-faċilitajiet tal-MSF (Tobba Mingħajr Fruntieri) fl-Afganistan, mill-koalizzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdija fil-Jemen u l-attakki Iżraeljani kontra Gaża fis-sajf tal-2014; jitlob li l-UE taqbad f'idejha l-għodod bilaterali kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tippromwovi b'mod effettiv il-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali min-naħa ta' sħabha, inkluż permezz tad-djalogu politiku tagħha u, fil-każ li dan id-djalogu ma jagħti l-ebda riżultat, tikkunsidra miżuri oħra skont il-Linji Gwida tal-UE; b'mod usa', jitlob li l-UE tappoġġja inizjattivi mmirati biex ixerrdu l-għarfien tad-dritt umanitarju internazzjonali u l-aħjar prattika fl-applikazzjoni tiegħu;

8.  Jistieden lir-RGħ/VP tvara inizjattiva mmirata biex jiġi impost embargo tal-armi tal-UE kontra l-pajjiżi li jiġu akkużati bi ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali, partikolarment fir-rigward tat-tqegħid fil-mira intenzjonat ta' infrastruttura ċivili; jenfasizza li l-fatt li qed ikompli jiġi liċenzjat il-bejgħ ta' armi lejn dawn il-pajjiżi jirrappreżenta ksur tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008(5);

9.  Jenfasizza li l-atturi mhux statali, inklużi kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, jistgħu jkunu responsabbli għal vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali; itenni, f'dan il-kuntest, il-kundanna assoluta tiegħu tal-attakki li saru dan l-aħħar kontra l-iskejjel u t-tfal minn gruppi terroristiċi fin-Niġerja u fil-Pakistan; jissuġġerixxi li tiġi esplorata l-possibbiltà li l-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armi tiġi applikata u estiża anke għat-trasferiment ta' servizzi li għandhom x'jaqsmu mal-esportazzjoni tal-armi bħalma huma l-konsulenza u attivitajiet oħra tal-kumpaniji militari privati bbażati fl-UE f'pajjiżi terzi; jappella għal approċċ unifikat tal-UE għall-kwistjoni tal-armeriji fuq il-baħar;

10.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-Linji Gwida tal-UE, iżda jiddispjaċih li l-implimentazzjoni tagħhom mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri u l-livell ta' għarfien fost l-uffiċjali pubbliċi għadhom inadegwati bil-kbir;

11.  Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin u lir-RGħ/VP jirrieżaminaw l-allokazzjoni attwali tar-responsabilitajiet, li permezz tagħhom l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tad-dritt umanitarju internazzjonali taqa' primarjament taħt l-awspiċi tal-grupp ta' ħidma tal-Kunsill dwar id-dritt internazzjonali pubbliku; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-Linji Gwida tal-UE jimpenjaw lill-"Gruppi ta' Ħidma tal-Kunsill xierqa" li jissorveljaw is-sitwazzjonijiet fejn jista' jkun li japplika d-dritt umanitarju internazzjonali u, f'tali każijiet, li jirrakkomandaw azzjoni għall-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; jistieden lill-gruppi ta' ħidma rilevanti tal-Kunsill, notevolment il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM), jużaw dan il-mandat sabiex jindirizzaw il-kriżi urġenti attwali ta' nonkonformità; jitlob li l-UE u l-Istati Membri jipprovdu aktar trasparenza dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt speċifiċi, notevolment fir-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

12.  Ifakkar fil-pożizzjoni li ttieħdet fil-Linji Gwida tal-UE li, fejn ikun xieraq, se jiġi kkunsidrat ukoll li jintużaw is-servizzi tal-Kummissjoni Internazzjonali Umanitarja li Tistabbilixxi l-Fatti (IHFFC), stabbilita skont il-Protokoll Addizzjonali I għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949, li tista' tassisti fil-promozzjoni tar-rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali permezz tal-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-fatti u l-funzjoni tagħha ta' servizzi u influwenza; jiddispjaċih li s-servizzi tal-IHFFC ma ntużawx, u jħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lis-SEAE jikkunsidraw serjament li jattivaw din il-kummissjoni, għall-ewwel darba minn mindu nħolqot, sabiex tindirizza l-attakki fuq l-isptarijiet u l-iskejjel bħala sitwazzjoni ta' kriżi urġenti li tikkonċerna r-rispett għall-istandards tad-dritt umanitarju internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE (u għaldaqstant lil Franza u l-Latvja) jirrikonoxxu l-kompetenza tal-IHFFC;

13.  Jinnota bi tħassib li l-ispazju istituzzjonali fejn il-komunità internazzjonali tista' tindirizza t-tħassib komuni relatat mal-implimentazzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali hu attwalment limitat; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li l-Istati parteċipanti fit-32 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u n-Nofs Qamar l-Aħmar f'Diċembru 2015 naqsu milli jilħqu ftehim dwar mekkaniżmu ġdid li kien isaħħaħ is-sistema ta' governanza tad-dritt umanitarju internazzjonali;

14.  Jilqa' l-pleġġ tal-UE u l-Istati Membri tagħha lill-KISA li jappoġġjaw bis-sħiħ l-istabbiliment ta' mekkaniżmu effettiv dwar it-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, iżda jistieden lir-RGħ/VP tirrapporta lill-Parlament dwar l-objettivi u l-istrateġija tagħha f'dik li hi r-realizzazzjoni ta' dan il-pleġġ fil-proċess intergovernattiv li se jsir dalwaqt; jinsisti f'dan ir-rigward fuq il-ħtieġa ta' mekkaniżmu internazzjonali għall-insegwiment u l-ġbir ta' data u għar-rappurtar dwar vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali, komparabbli mas-sistema elaborata tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU; f'dan ir-rigward, jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għal laqgħat pubbliċi regolari tal-Partijiet għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra – bħal fil-każ ta' Konvenzjonijiet oħra tan-NU – bil-għan li jivvalutaw it-twettiq tal-obbligi tagħhom mill-partijiet kontraenti;

15.  Jilqa' l-prattika tal-UE u l-Istati Membri tal-ħruġ ta' pleġġijiet lill-konferenza tal-KISA; jistieden lir-RGħ/VP tirrapporta regolarment dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-pleġġijiet, notevolment permezz tal-inklużjoni ta' taqsima dettaljata fil-kapitolu dwar id-dritt umanitarju internazzjonali fir-Rapport Annwali tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jmexxu bl-eżempju u jissodisfaw l-impenn tagħhom li jirratifikaw l-istrumenti priċipali tad-dritt umanitarju internazzjonali u strumenti ġuridiċi rilevanti oħra, li għandhom impatt fuq id-dritt umanitarju internazzjonali; b'mod partikolari, jiddeplora l-fatt li seba' Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet Dispersivi, 12 biss irratifikaw il-Konvenzjoni dwar l-Għajbien Sfurzat u Stat Membru wieħed għadu jrid jirratifika t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri urġenti biex jirrettifikaw din is-sitwazzjoni;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha japprovaw id-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri mingħajr aktar dewmien, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li saru fit-32 Konferenza Internazzjonali tal-Moviment tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar;

18.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw projbizzjoni globali fuq l-użu tal-fosforu abjad, b'mod partikolari permezz tal-konklużjoni ta' protokoll ġdid għall-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali li jipprojbixxi l-użu ta' tali armi;

19.  Iħeġġeġ lir-RGħ/VP u lill-Istati Membri jappoġġaw ir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-armi tal-uranju mfaqqar u jiżviluppaw pożizzjoni komuni tal-UE li tirrifletti aħjar it-talbiet ripetuti tal-Parlament għal moratorju globali prekawzjonarju u l-iżvilupp ta' kunsens globali dwar ir-riskji potenzjali għas-saħħa tal-persuni ċivili, il-piż kumpless tal-ġestjoni ta' wara l-kunflitt u l-ispejjeż finanzjarji assoċjati mal-użu ta' tali armi;

20.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma daħħlux projbizzjoni fuq l-investiment f'kumpaniji li jipproduċu, iwettqu kummerċ jew li jwettqu kwalunkwe forma oħra ta' negozjar kummerċjali fir-rigward tal-mini tal-art, biex jagħmlu dan bħala kwistjoni ta' prijorità;

21.  Jinsisti fuq l-importanza li tiġi żgurata l-koerenza tal-politika tal-UE fil-konfront tas-sitwazzjonijiet ta' okkupazzjoni jew annessjoni ta' territorju; ifakkar li d-dritt umanitarju internazzjonali għandu jiggwida l-politika tal-UE fir-rigward tas-sitwazzjonijiet kollha ta' din ix-xorta, inklużi l-każijiet ta' okkupazzjoni mtawla bħalma hu l-każ fil-Palestina, is-Saħara tal-Punent jew it-Tramuntana ta' Ċipru u l-bosta kunflitti ffriżati fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

22.  Itenni t-tħassib serju tiegħu fuq l-użu ta' drones armati barra mill-qafas ġuridiku internazzjonali, u jiddeplora l-fatt li l-istedina tiegħu lill-Kunsill biex jadotta pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati għadha mingħajr tweġiba; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jippromwovu trasparenza u obbligu ta' rendikont akbar fl-użu ta' drones armati; għal darba oħra jħeġġeġ lill-Kunsill jadotta politika li tipprojbixxi l-użu ta' sistemi ta' armi awtomatizzati;

23.  Jenfasizza li l-gwerra asimmetrika u l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma jistgħux jiġġustifikaw l-illaxkar jew it-twarrib tad-dritt umanitarju internazzjonali; jiddeplora l-impatt negattiv li għandhom il-miżuri ta' kontra t-terroriżmu fuq l-azzjoni umanitarja, inklużi proċeduri amministrattivi intensifikati għall-akkwist jew għall-iċċekkjar ta' sħab, li jista' jimpedixxi b'mod sinifikanti t-twassil tal-għajnuna lill-popolazzjonijiet fiż-żoni fejn gruppi armati identifikati bħala terroristi jistgħu jkunu attivi; jinsisti li l-miżuri ta' kontra t-terroriżmu m'għandhomx idgħajfu l-isforzi umanitarji u għandhom jikkonformaw strettament mad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

24.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' trasparenza u rappurtar pubbliku rigward l-attakki militari mwettqa minn Stati Membri tal-UE jew bl-involviment tagħhom fil-kuntest ta' koalizzjonijiet internazzjonali, inkluż kontra l-Istat Iżlamiku fis-Sirja u fl-Iraq; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni preċiża dwar l-involviment militari tagħhom f'tali koalizzjonijiet u l-miżuri meħuda biex tiġi żgurata konformità sħiħa mad-dritt umanitarju internazzjonali;

25.  Iħeġġeġ lir-RGħ/VP timmodifika u tadatta d-dokumenti u l-linji gwida rilevanti ta' ppjanar u implimentazzjoni fil-qasam tal-operazzjonijiet militari taħt il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), b'mod partikolari l-Kunċett tal-UE għall-Użu tal-Forza; iħeġġeġ lill-kmandanti militari jifformulaw regoli tal-ingaġġ li jkunu ċari u preċiżi biżżejjed ħalli s-suldati jistgħu faċilment jirrispettaw ir-regoli tad-dritt umanitarju internazzjonali;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.

 

(1)

ĠU C 303, 15.12.2009, p. 12.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0066.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0040.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2015)0459.

(5)

ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

Avviż legali - Politika tal-privatezza