Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0492/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0492/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali

20.4.2016 - (2016/2662(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0361/2016
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Stelios Kouloglou, Kateřina Konečná, Lola Sánchez Caldentey, Paloma López Bermejo, Patrick Le Hyaric, Tania González Peñas, Miguel Urbán Crespo, Estefanía Torres Martínez, Xabier Benito Ziluaga, Kostas Chrysogonos, Dimitrios Papadimoulis, Jiří Maštálka, Marina Albiol Guzmán, Merja Kyllönen, Stefan Eck, Kostadinka Kuneva, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou, Marie-Christine Vergiat, Ángela Vallina, Lidia Senra Rodríguez, Javier Couso Permuy, Barbara Spinelli, Marisa Matias f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0488/2016

Proċedura : 2016/2662(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0492/2016
Testi mressqa :
B8-0492/2016
Testi adottati :

B8-0492/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali

(2016/2662(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti l-oħra tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-istrumenti ġuridiċi l-oħra fil-qasam tad-dritt umanitarju internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-8 ta' Diċembru 2009 dwar il-Promozzjoni ta' Konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida aġġornati tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali[1],

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Sħubija (kif approvati mill-Pjattaforma Umanitarja Globali) tat-12 ta' Lulju 2007,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Summit Umanitarju Dinji, intitolat "Umanità waħda, responsabilità kondiviża", tat-2 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1998 (2011), adottata fit-12 ta' Lulju 2011, u 2143 (2014), adottata fis-7 ta' Marzu 2014, tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jindirizzaw il-protezzjoni tat-tfal milquta minn kunflitt armat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/RES/64/290 tad-9 ta' Lulju 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-jedd għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri ta' Mejju 2015, li nfetħet biex tiġi approvata waqt il-Konferenza ta' Oslo dwar Skejjel Sikuri li tlaqqgħet mill-Ministeru Norveġiż għall-Affarijiet Barranin f'Mejju 2015, u l-Linji Gwida relatati dwar il-Protezzjoni tal-Iskejjel u l-Universitajiet minn Użu Militari waqt Kunflitt Armat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-10 ta' Diċembru 2015 tat-32 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar dwar it-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja[4],

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kunsill dwar attakki fuq l-isptarijiet u l-iskejjel bħal ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali (O-000063/2016 – B8-0361/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-komunità internazzjonali qed tkun xhud tat-tendenza atroċi ta' attakki fuq sptarijiet u skejjel waqt kunflitti armati madwar id-dinja;

B.  billi d-dritt umanitarju internazzjonali mhux qed jinkiser biss fil-kunflitti li għaddejjin fl-Afganistan, il-Jemen u s-Sirja, imma anke fil-kunflitti li ilhom għaddejjin fil-Palestina u s-Saħara tal-Punent; billi f'Awwissu 2014 l-Iżrael ibbumbardjat skola tan-NU li kienet qed tagħti kenn lil aktar minn 3000 ruħ spostjati fil-belt ta' Rafah f'Gaża, att li ġie kkundannat bħala wieħed kriminali mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon;

C.  billi l-ewwel Summit Umanitarju Dinji se jittella' f'Istanbul bejn it-23 u l-24 ta' Mejju 2016; billi, fir-rapport tiegħu għas-Summit Umanitarju Dinji intitolat "Umanità waħda, responsabilità kondiviża", is-Segretarju Ġenerali tan-NU jiġbed l-attenzjoni għal dak li jsejjaħ "l-erożjoni sfaċċata u brutali tar-rispett għall-jeddijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali" f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat, li qed thedded li tikkawża ritorn għal era ta' gwerra mingħajr rażan; billi r-rapport jinnota li l-fatt li fallew l-eżiġenza u r-rispett għal dawn il-jeddijiet u liġijiet, kif ukoll l-appoġġ tal-mekkaniżmi eżistenti ta' infurzar, monitoraġġ u responsabilità jikkontribwixxi għal din l-erożjoni;

D.  billi l-prinċipji umanitarji ta' umanità, newtralità, imparzjalità u indipendenza, u r-regoli bażiċi tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem previsti fil-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-protokolli addizzjonali għalihom, għandhom ikunu fil-qalba tal-azzjonijiet umanitarji kollha; billi l-protezzjoni tal-persuni spostati trid tiġi ggarantita mingħajr kundizzjonijiet, u billi l-indipendenza tal-għajnuna, i.e. għajnuna li tkun ħielsa minn kwalunkwe kunsiderazzjonijiet politiċi, ekonomiċi jew ta' sigurtà jew kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni, trid tipprevali;

E.  billi d-dritt umanitarju internazzjonali - magħruf ukoll bħala d-dritt dwar il-kunflitt armat jew id-dritt dwar il-gwerra - hu maħsub biex itaffi l-effetti ta' kunflitt armat billi jipproteġi lil dawk li mhumiex qed jieħdu sehem fil-kunflitt u billi jirregola l-mezzi u l-metodi kif issir il-gwerra;

F.  billi l-isptarijiet u l-persunal mediku huma espliċitament protetti taħt id-dritt umanitarju internazzjonali u billi kwalunkwe attakk intenzjonat kontra persuni u infrastruttura ċivili hu kkunsidrat ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali;

G.  billi n-nisa u t-tfal jaffaċċaw riskji aktar akuti b'riżultat tal-ispostament u l-falliment tal-istrutturi normali ta' protezzjoni u appoġġ; billi d-dritt umanitarju internazzjonali jirrikjedi li l-kura medika kollha meħtieġa tiġi pprovduta mingħajr diskriminazzjoni lill-bniet u n-nisa stuprati fil-gwerra; billi l-abort mhux sikur huwa elenkat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bħala waħda minn tliet kawżi ewlenin ta' mwiet marbuta mal-maternità; billi s-saħħa materna, l-assistenza psikoloġika għan-nisa vittmi ta' stupru, u l-edukazzjoni u t-tagħlim tat-tfal spostati huma sfidi kbar fil-kampijiet tar-rifuġjati;

H.  billi, sal-14 ta' Marzu 2016, 52 stat, inklużi diversi Stati Membri tal-UE għalkemm mhux kollha kemm huma, approvaw id-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri b'segwitu għall-Konferenza ta' Oslo dwar Skejjel Sikuri li saret f'Mejju 2015;

I.  billi l-Kunsill Affarijiet Barranin, meta adotta l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali, enfasizza l-importanza li l-effetti ta' ksur serju jiġu ttrattati b'mod effikaċi permezz ta' appoġġ għall-mekkaniżmi xierqa ta' responsabilità, u ssottolinja r-rwol importanti li tista' tiżvolġi l-Qorti Kriminali Internazzjonali fil-każijiet fejn l-istat jew l-istati kkonċernati ma jkunux jistgħu jew ma jkunux jixtiequ jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom. billi l-Linji Gwida tal-UE jimpenjaw lill-"Gruppi ta' Ħidma tal-Kunsill xierqa" biex jissorveljaw is-sitwazzjonijiet fejn jista' jkun li japplika d-dritt umanitarju internazzjonali u, fit-tali każijiet, biex jirrakkomandaw azzjoni għall-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali (paragrafu 15a);

J.  billi, bejn l-2012 u l-2015, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar organizza proċess ta' konsultazzjoni importanti dwar kif tista' tissaħħaħ il-protezzjoni ġuridika għall-vittmi ta' kunflitt armat u kif tista' tissaħħaħ l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta' konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;

K.  billi l-istati li ħadu sehem fit-32 Konferenza Internazzjonali tal-Moviment tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar f'Diċembru 2015 finalment ma setgħux jaqblu dwar mekkaniżmu ġdid propost mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Gvern tal-Isvizzera għat-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-mekkaniżmu ġdid propost kieku kien jinvolvi t-twaqqif ta' laqgħa annwali tal-istati firmatarji għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra; billi l-istati parteċipanti qablu li jniedu proċess intergovernattiv ġdid biex isibu modi kif isaħħu l-implimentazzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali bil-għan li l-eżitu tiegħu jiġi ppreżentat fil-Konferenza Internazzjonali li jmiss fl-2019;

1.  Jesprimi l-ħasda u t-tħassib serju tiegħu rigward l-attakki fatali kontra sptarijiet u skejjel li qed iseħħu b'rata dejjem iżjed allarmanti f'kunflitti armati madwar id-dinja, fejn pazjenti, studenti, persunal mediku u għalliema, ħaddiema fil-qasam tal-għajnuna umanitarja u qraba qed isiru bersalli u vittmi, filwaqt li l-kundanni internazzjonali rari jwasslu għal investigazzjonijiet indipendenti u responsabilità ġenwina; jappella lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli biex jirrikonoxxu l-livell reali ta' din l-emerġenza u biex ifasslu mingħajr dewmien pjan ta' azzjoni konkret b'limitazzjoni ta' żmien sabiex jużaw l-influwenza tal-UE u l-Istati Membri sal-massimu possibbli biex itemmu l-ksur u l-abbużi ta' dan it-tip;

2.  Jikkundanna l-attakki fuq sptarijiet u skejjel, li huma pprojbiti taħt id-dritt internazzjonali, filwaqt li jirrikonoxxi li l-atti ta' dan it-tip jistgħu jikkostitwixxu ksur serju tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u reati tal-gwerra taħt l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-preżervazzjoni tal-faċilitajiet tas-saħħa u edukattivi bħala spazji newtrali u protetti waqt sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat tiddependi fuq l-eżitu ta' investigazzjonijiet trasparenti, indipendenti u imparzjali fl-attakki brutali li seħħew u fuq il-kisba ta' responsabilità ġenwina għar-reati kommessi;

3.  Ifakkar li kwalunkwe ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, bħall-attakki kontra sptarijiet, hu reat tal-gwerra u għalhekk għandu jiġi investigat b'mod komprensiv u indipendenti;

4.  Jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-appell tas-Segretarju Ġenerali biex l-istati membri kollha tan-NU jaħtfu l-opportunità tas-Summit Umanitarju Dinji biex jerġgħu jimpenjaw ruħhom favur il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-jeddijiet tal-bniedem ta' kulħadd billi jirrispettaw ir-regoli li diġà qablu dwarhom; jenfasizza l-importanza attribwita mis-Segretarju Ġenerali tan-NU għat-tisħiħ tas-sistemi investigattivi u ġudizzjarji internazzjonali, inkluża l-Qorti Kriminali Internazzjonali, sabiex jikkomplementaw l-oqfsa nazzjonali, b'mod li jġibu l-impunità għal ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali fi tmiemha;

5.  Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża u s-Saħara tal-Punent okkupata; jisħaq fuq il-fatt li l-ġustizzja u r-rispett għall-istat tad-dritt huma l-bażijiet indispensabbli għall-paċi u jisħaq fuq il-fatt li l-impunità sistemika u dewwemija prevalenti għall-ksur tad-dritt internazzjonali għandha tintemm;

6.  Jirrikonoxxi l-importanza u n-natura unika tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali, peress li l-ebda stat jew organizzazzjoni oħra ma adotta dokument ekwivalenti; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, rigward l-effikaċja tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE mill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tagħha;

7.  Jappella lill-UE biex tippromwovi "Kunsens Globali dwar l-Azzjoni Umanitarja" li jafferma mill-ġdid il-prinċipji tal-għajnuna umanitarja u l-obbligi u l-intitolamenti taħt id-dritt umanitarju internazzjonali, filwaqt li jiżgura li r-reazzjonijiet ta' protezzjoni jkunu ffokati fuq il-persuna u bbażati fuq il-jeddijiet tal-bniedem, u li jobbliga lill-gvernijiet jassumu r-responsabilità għar-rwoli u r-responsabilitajiet tagħhom fil-protezzjoni tan-nies; jindika l-impatti negattivi tal-politiċizzazzjoni tal-assistenza umanitarja, u jfakkar li r-rispett għall-prinċipji umanitarji ċentrali, u l-impenn kontinwu favurihom, huma elementi kritiċi biex jiġi żgurat spazju umanitarju fl-inħawi ta' kunflitt;

8.  Jappella lill-Kunsill Affarijiet Barranin u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli biex, b'mod li jiżguraw li l-politiki u l-azzjonijiet tal-UE relatati mad-dritt umanitarju internazzjonali jiġu żviluppati b'mod koerenti u effikaċi, jeżaminaw mill-ġdid l-allokazzjoni attwali tar-responsabilitajiet li tqiegħed l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar il-Liġi Umanitarja Internazzjonali prinċipalment fil-qasam ta' responsabilità tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Dritt Internazzjonali Pubbliku, li hu ppresedut mill-Presidenza tal-Kunsill; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-Linji Gwida tal-UE jimpenjaw lill-"Gruppi ta' Ħidma tal-Kunsill xierqa" biex jissorveljaw is-sitwazzjonijiet fejn jista' jkun li japplika d-dritt umanitarju internazzjonali u, fit-tali każijiet, biex jirrakkomandaw azzjoni għall-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali (paragrafu 15a); jappella lill-Gruppi ta' Ħidma rilevanti tal-Kunsill biex jużaw dan il-mandat sabiex jindirizzaw il-kriżi urġenti attwali ta' nonkonformità;

9.  Ifakkar fil-pożizzjoni li ttieħdet fil-Linji Gwida tal-UE li, fejn ikun xieraq, se jiġi kkunsidrat ukoll li jintużaw is-servizzi tal-Kummissjoni Internazzjonali Umanitarja li Tistabbilixxi l-Fatti (IHFFC) stabbilita skont l-Artikolu 90 tal-Protokoll Addizzjonali I għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949, u li tista' tassisti fil-promozzjoni tar-rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali permezz tal-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-fatti u l-funzjoni tagħha ta' servizz u għajnuna; jinnota li s-servizzi tal-IHFFC ma ntużawx, u jħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jikkunsidraw serjament li jattivaw din il-kummissjoni, għall-ewwel darba minn mindu nħolqot, sabiex tindirizza l-attakki fuq sptarijiet u skejjel bħala sitwazzjoni ta' kriżi urġenti fir-rigward tar-rispett għall-istandards fil-qasam tad-dritt umanitarju internazzjonali;

10.  Jinnota bi tħassib li l-ispazju istituzzjonali fejn il-komunità internazzjonali tista' tindirizza t-tħassib komuni relatat mal-implimentazzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali hu attwalment limitat; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, dwar il-fatt li l-istati parteċipanti fit-32 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u n-Nofs Qamar l-Aħmar f'Diċembru 2015 ma rnexxielhomx jilħqu qbil dwar mekkaniżmu ġdid li kieku kien se jsaħħaħ is-sistema ta' governanza tad-dritt umanitarju internazzjonali billi jistabbilixxi laqgħa annwali tal-istati biex isaħħaħ id-djalogu u billi jintroduċi rapportar perjodiku dwar il-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jaħdmu sabiex jiksbu riżultat aħjar fil-proċess intergovernattiv li jmiss;

11.  Jappella għal impenn globali sabiex jiġi żgurat li n-nisa u l-bniet ikunu sikuri sa mill-bidu ta' kull emerġenza jew kriżi billi jiġi indirizzat ir-riskju ta' vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneri, billi jitqajjem l-għarfien, billi jittieħdu passi biex min iwettaq vjolenza ta' dan it-tip jiġi mħarrek, u billi jiġi żgurat li n-nisa u l-bniet ikollhom aċċess għall-firxa sħiħa ta' servizzi fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi aborti sikuri, fi kriżijiet umanitarji, minflok ma jiġi pperpetwat dak li effettivament hu trattament inuman, kif rikjest mid-dritt umanitarju internazzjonali u kif previst fil-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-Protokolli Addizzjonali għalihom;

12.  Ifakkar li kienu l-politiki konkreti tal-gvernijiet, kif ukoll dawk tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-politiki kummerċjali, li wasslu għas-sitwazzjoni attwali ta' instabilità fl-Afganistan, fil-Jemen, fl-Iraq u fir-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; ifakkar li l-fundamentaliżmu u l-vjolenza huma r-riżultati ta' inugwaljanza u faqar;

13.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jirreaġixxu għall-impenji tagħhom fil-qasam tal-politiki dwar l-iżvilupp u jonoraw l-Artikolu 208 tat-TFUE li jgħid li, "l-Unjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw";

14.  Jiċħad il-kunċett ta' koperazzjoni ċivili-militari, peress li tinvolvi r-riskju inkalkolabbli li l-popolazzjoni ċivili u l-ħaddiema fil-qasam tal-għajnuna jintużaw biex jintlaħqu objettivi militari, tikkomprometti n-newtralità, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-organizzazzjonijiet ċivili, dawk fil-qasam tal-iżvilupp u dawk umanitarji, li huma kundizzjoni preliminari biex l-għajnuna titwassal b'mod effikaċi, u tista' twassal għal attakki fuq l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-organizzazzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna; jappella, għaldaqstant, biex l-operazzjonijiet ċivili u militari jinżammu strettament mifruda f'kull qasam, u jfakkar li l-maġġoranza vasta tal-organizzazzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna (umanitarja) jinsistu fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom, kif stabbilit fil-Kodiċi ta' Kondotta għall-Moviment Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar u għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi biex jagħtu l-Għajnuna fil-Każ ta' Diżastru;

15.  Jinnota bi tħassib kbir iż-żieda f'interventi militari u l-approċċ militari għall-kunflitti, u hu ferm kritiku tar-rwol li żvolġew id-diversi interventi tal-Punent f'dawn l-aħħar snin biex rawmu l-aggravazzjoni tal-kunflitti fiż-żona; jiddikjara li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitti fir-reġjun; jappella biex il-politika barranija tal-UE tkun waħda ta' natura purament ċivili u paċifika;

16.  Jiċħad l-użu tal-kunċett ta' "responsabilità ta' protezzjoni" bħala pretest għal użu unilaterali tal-forza;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.