Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0493/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0493/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali

20.4.2016 - (2016/2662(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0361/2016
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Elena Valenciano, Linda McAvan, Enrique Guerrero Salom, Pier Antonio Panzeri, Norbert Neuser, Marlene Mizzi f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0488/2016

Proċedura : 2016/2662(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0493/2016
Testi mressqa :
B8-0493/2016
Testi adottati :

B8-0493/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali

(2016/2662(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti l-oħra tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-istrumenti ġuridiċi l-oħra fil-qasam tad-dritt umanitarju internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Istatut taʼ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10-11 ta' Diċembru 2015 dwar il-proċess preparatorju tas-Summit Umanitarju Dinji,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-8 ta' Diċembru 2009 dwar il-Promozzjoni ta' Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida aġġornati tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali (minn hawn 'il quddiem ''il-Linji Gwida tal-UE'')[1],

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Summit Umanitarju Dinji, intitolat "Umanità waħda, responsabilità kondiviża", tat-2 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, 1998(2011), adottata fit-12 ta' Lulju 2011, u 2143(2014), adottata fis-7 ta' Marzu 2014, li jindirizzaw il-protezzjoni tat-tfal milquta minn kunflitt armat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/RES/64/290 tad-9 ta' Lulju 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-jedd għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, 1502(2003), adottata fis-26 ta' Awwissu 2003, dwar il-vjolenza kontra l-ħaddiema umanitarji u 2175(2014), adottata fid-29 ta' Awwissu 2014, dwar il-protezzjoni tat-tfal milquta minn kunflitt armat,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri ta' Mejju 2015 u l-Linji Gwida relatati għall-Protezzjoni tal-Iskejjel u l-Universitajiet minn Użu Militari waqt Kunflitt Armat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-10 ta' Diċembru 2015 tat-32 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar dwar it-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar dwar il-proġett Kura tas-Saħħa fil-Periklu u r-rapport tiegħu dwar il-vjolenza kontra l-faċilitajiet u l-persunal tal-kura tas-saħħa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-edukazzjoni għal tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS[4],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja[5],

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kunsill dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali (O-000063/2016 – B8-0361/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-attakki fuq ħaddiema umanitarji huma issa "ħaġa ta' kuljum" u laħqu livelli allarmanti;

B.  billi l-komunità internazzjonali qed tkun xhud tat-tendenza atroċi ta' attakki fuq sptarijiet u skejjel waqt kunflitti armati madwar id-dinja, kif ukoll ta' żieda bla preċedent fiċ-ċaħda ta' għajnuna u aċċess umanitarji, l-eżekuzzjoni ta' ċivili u persunal umanitarju, id-detenzjoni f'kundizzjonijiet ħżiena, u l-persuni ċivili li jintużaw bħala ostaġġi jew imġiegħla jidħlu fl-iskjavitù;

C.  billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għandu rwol ċar fl-iżgurar tar-rispett għad-dritt internazzjonali relevanti għall-protezzjoni tal-ħaddiema umanitarji kollha;

D.  billi l-Istati għandhom ir-responsabilità primarja li jgħinu u jħarsu dawk li jirrisjedu fit-territorju tagħhom u għandhom jaħdmu lejn kollaborazzjoni aktar qawwija u aħjar bejn l-istati għal azzjonijiet ta' prevenzjoni qabel isir il-ksur;

E.  billi hemm distinzjoni artifiċjali bejn persunal internazzjonali u lokali fir-rigward tat-tisħiħ tal-protezzjoni għall-ħaddiema umanitarji; billi l-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja lokali rarament ikunu koperti bl-istess arranġamenti tas-sigurtà bħall-kollegi internazzjonali tagħhom;

F.  billi l-Istatut ta' Ruma ddefinixxa l-attakki kontra l-ħaddiema umanitarji bħala delitti tal-gwerra;

G.  billi, minn Marzu 2016, 124 stat huma partijiet tal-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (Statut ta' Ruma) iżda 31 pajjiż għadhom biss iffirmaw iżda ma rratifikawx l-Istatut u 41 stat membru tan-NU la ffirmaw u lanqas aderixxew mal-Istatut;

H.  billi tliet stati firmatarji – l-Iżrael, is-Sudan u l-Istati Uniti — infurmaw lis-Segretarju Ġenerali tan-NU li ma għadx għandhom ħsieb li jsiru stati partijiet u, bħala tali, ma għandhom ebda obbligu legali li jirriżulta mill-iffirmar tal-Istatut min-naħa tar-rappreżentanti preċedenti tagħhom;

I.  billi l-awturi tal-attakki fuq ħaddiema umanitarji għandhom jinżammu responsabbli;

J.  billi l-ewwel Summit Umanitarju Dinji se jittella' f'Istanbul bejn it-23 u l-24 ta' Mejju 2016; billi, fir-rapport tiegħu għas-Summit Umanitarju Dinji intitolat "Umanità waħda, responsabilità kondiviża", is-Segretarju Ġenerali tan-NU jiġbed l-attenzjoni għal dak li jsejjaħ "l-erożjoni sfaċċata u brutali tar-rispett għall-jeddijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali" f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat, li qed thedded li tikkawża rigress għal era ta' gwerra mingħajr rażan; billi r-rapport jinnota li l-fatt li l-falliment biex jintalab u jitħeġġeġ ir-rispett għan-normi kondiviżi tagħna kif ukoll biex jappoġġja tal-mekkaniżmi eżistenti ta' infurzar, monitoraġġ u responsabilità jikkontribwixxi għal din l-erożjoni;

K.  billi d-dritt umanitarju internazzjonali – magħruf ukoll bħala d-dritt dwar il-kunflitt armat – hu maħsub biex itaffi l-effetti ta' kunflitt armat billi jipproteġi lil dawk li mhumiex, jew li m'għadhomx, qed jieħdu sehem dirett fl-ostilitajiet u billi jirregola l-mezzi u l-metodi kif issir il-gwerra;

L.  billi l-isptarijiet u l-persunal mediku huma speċifikament protetti taħt id-dritt umanitarju internazzjonali u billi kwalunkwe attakk intenzjonat kontra persuni u infrastruttura ċivili hu kkunsidrat ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali;

M.  billi l-Istatut ta' Ruma jenfasizza li attakki intenzjonati fuq bini ddedikat għar-reliġjon, l-edukazzjoni, l-arti, l-iskopijiet ta' xjenza jew ta' karità, jew il-monumenti storiċi, jikkostitwixxu delitt tal-gwerra;

N.  billi l-invjolabilità tal-bini u l-assi tan-NU, inklużi skejjel u ċentri tas-saħħa, hija protetta skont il-Konvenzjoni tal-1946 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti;

O.  billi l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA) reġa' ddikjara li l-obbligu li jinvestiga każijiet suspettati ta' delitti tal-gwerra huwa regola tad-dritt umanitarju internazzjonali konswetudinarju applikabbli kemm għal kunflitti internazzjonali kif ukoll mhux internazzjonali;

P.  billi, sal-14 ta' Marzu 2016, 52 stat, inklużi diversi Stati Membri tal-UE għalkemm mhux kollha kemm huma, approvaw id-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri b'segwitu għall-Konferenza ta' Oslo dwar Skejjel Sikuri li saret f'Mejju 2015;

Q.  billi l-Kunsill Affarijiet Barranin, meta adotta l-Linji Gwida tal-UE, enfasizza l-importanza li l-effetti ta' ksur serju jiġu ttrattati b'mod effikaċi permezz ta' appoġġ għall-mekkaniżmi xierqa ta' responsabilità, u ssottolinja r-rwol importanti li tista' tiżvolġi l-Qorti Kriminali Internazzjonali fil-każijiet fejn l-istat jew l-istati kkonċernati ma jkunux jistgħu jew ma jkunux jixtiequ jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom. billi l-Linji Gwida tal-UE jimpenjaw lill-"Gruppi ta' Ħidma tal-Kunsill xierqa" biex jimmonitorjaw is-sitwazzjonijiet fejn jista' jkun li japplika d-dritt umanitarju internazzjonali u, fit-tali każijiet, biex jirrakkomandaw azzjoni għall-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali (paragrafu 15(a));

R.  billi, bejn l-2012 u l-2015, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar organizza proċess ta' konsultazzjoni importanti dwar kif tista' tissaħħaħ il-protezzjoni ġuridika għall-vittmi ta' kunflitt armat u kif tista' tissaħħaħ l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta' konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-inizjattiva Kura tas-Saħħa fil-Periklu tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA) fittxet li tindirizza l-kwistjoni ta' vjolenza kontra pazjenti, ħaddiema tal-kura tas-saħħa, faċilitajiet u vetturi, u tiżgura aċċess sikur u t-twassil tal-kura tas-saħħa f'kunflitti armati u emerġenzi oħrajn;

S.  billi l-istati parteċipanti fit-32 Konferenza Internazzjonali tal-Moviment tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar, f'Diċembru 2015, finalment ma setgħux jaqblu dwar mekkaniżmu ġdid propost mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Gvern tal-Iżvizzera biex tissaħħaħ il-konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali; billi l-mekkaniżmu ġdid propost seta' jinvolvi t-twaqqif ta' laqgħa annwali tal-istati partijiet għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra; billi l-istati parteċipanti qablu li jniedu proċess intergovernattiv ġdid biex isibu modi kif isaħħu l-implimentazzjoni tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali bil-għan li l-eżitu tiegħu jiġi ppreżentat fil-Konferenza Internazzjonali li jmiss fl-2019;

1.  Jiddispjaċih bil-kbir dwar it-telf ta' rispett għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali u jesprimi l-ħasda u t-tħassib serju tiegħu rigward l-attakki fatali kontra sptarijiet u skejjel li qed iseħħu b'rata dejjem iżjed allarmanti f'kunflitti armati madwar id-dinja, fejn pazjenti, studenti, persunal mediku u għalliema, ħaddiema fil-qasam tal-għajnuna umanitarja u qraba qed isiru bersalli u vittmi, filwaqt li l-kundanni internazzjonali rari jwasslu għal investigazzjonijiet indipendenti u responsabilità ġenwina; jistieden lill-Istati Membri tal-UE, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli biex jirrikonoxxu l-livell reali ta' din l-emerġenza u biex ifasslu mingħajr dewmien pjan ta' azzjoni konkret b'limitazzjoni ta' żmien sabiex jużaw l-influwenza tal-UE u l-Istati Membri sal-massimu possibbli ħalli jiżguraw l-implimentazzjoni ta' miżuri preventivi biex itemmu l-ksur u l-abbużi ta' dan it-tip;

2.  Jikkundanna l-attakki fuq sptarijiet u skejjel, li huma pprojbiti taħt id-dritt internazzjonali, filwaqt li jirrikonoxxi li atti ta' dan it-tip jistgħu jikkostitwixxu ksur serju tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u reati tal-gwerra taħt l-Istatut ta' Ruma; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-preżervazzjoni tal-faċilitajiet tas-saħħa u edukattivi bħala spazji newtrali u protetti waqt sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat tiddependi fuq l-eżitu ta' investigazzjonijiet trasparenti, indipendenti u imparzjali fl-attakki brutali li seħħew u fuq il-kisba ta' responsabilità ġenwina għar-reati kommessi;

3.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jdaħħlu fl-aġenda tan-NU u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU t-tneħħija tal-ġerarkija u d-distinzjoni artifiċjali bejn persunal internazzjonali u lokali fir-rigward tat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-ħaddiema umanitarji kollha;

4.  Jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħtu l-appoġġ kollu tagħhom lill-appell tas-Segretarju Ġenerali biex l-istati membri kollha tan-NU jaħtfu l-opportunità tas-Summit Umanitarju Dinji (WHS) biex jerġgħu jimpenjaw ruħhom favur il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-iżgurar tal-jeddijiet tal-bniedem ta' kulħadd billi jirrispettaw, jimplimentaw u jippromwovu r-regoli li diġà qablu dwarhom; jenfasizza l-importanza attribwita mis-Segretarju Ġenerali tan-NU għat-tisħiħ tas-sistemi investigattivi u ġudizzjarji internazzjonali, inkluża l-Qorti Kriminali Internazzjonali, sabiex jikkomplementaw l-oqfsa nazzjonali, b'mod li jtemmu l-impunità fir-rigward tal-ksur tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali;

5.  Jistieden lill-UE, l-Istati Membri tagħha u donaturi internazzjonali oħrajn biex jikkommettu ruħhom bis-sħiħ matul is-Summit Umanitarju Dinji għall-Impenji Ewlenin kollha proposti inklużi fl-Aġenda għall-Umanità, li jiffokaw fuq it-tnaqqis tal-impatt umanitarju tal-aġir tal-ostilitajiet u ħalli jippermettu azzjoni umanitarja;

6.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex iħeġġu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex juża l-għodod disponibbli kollha, bħal miżuri mmirati, it-twaqqif ta' missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni u kummissjonijiet ta' inkjesta, jew mekkaniżmi ġudizzjarji, bħal tressiq quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali, biex joqgħod lura milli juża l-veto f'deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar kwistjonijiet marbuta ma' azzjoni umanitarja u biex itejjeb ir-rispett għan-normi tal-liġi internazzjonali li jipprevedu l-protezzjoni ta' ħaddiema umanitarji, u biex jiżgura li l-atti li jistgħu jikkostitwixxu ksur ta' dawn in-normi jiġu investigati b'mod sistematiku u li dawk li jkunu ssuspettati li huma responsabbli għal atti bħal dawn jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

7.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jitolbu li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jfakkar lill-partijiet biex jikkonformaw mal-obbligi legali u jikkundannawhom meta ma jagħmlux dan, billi jimponi miżuri mmirati lejn trasgressuri persistenti filwaqt li jiżgura li l-linji bejn l-objettivi politiċi, militari u umanitarji ma jkunux imċajpra fin-negozjati għall-paċi u l-mandati għaż-żamma tal-paċi;

8.  Jirrikonoxxi l-importanza u n-natura unika tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali, peress li l-ebda stat jew organizzazzjoni oħra ma adottaw dokument ekwivalenti; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, rigward l-effikaċja tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE mill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tagħha;

9.  Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin u lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni biex jitolbu li l-Kapijiet ta' Missjoni tal-UE, u r-rappreżentanti xierqa tal-UE (Kapijiet tal-Operazzjonijiet Ċivili tal-UE, Kmandanti tal-Operazzjonijiet Militari tal-UE u Rappreżentanti Speċjali tal-UE) jistabbilixxu lista ta' każijiet ta' ksur serju tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali;

10.  Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli biex, b'mod li jiżguraw li l-politiki u l-azzjonijiet tal-UE relatati mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali, jiġu żviluppati b'mod koerenti u effikaċi, jeżaminaw mill-ġdid l-allokazzjoni attwali tar-responsabilitajiet li tqiegħed l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar id-Dritt Umanitarju Internazzjonali prinċipalment fil-qasam ta' responsabilità tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Dritt Internazzjonali Pubbliku, li hu ppresedut mill-Presidenza tal-Kunsill; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-Linji Gwida tal-UE jimpenjaw lill-"Gruppi ta' Ħidma tal-Kunsill xierqa" biex jissorveljaw is-sitwazzjonijiet fejn jista' jkun li japplika d-Dritt Umanitarju Internazzjonali u, f'tali każijiet, biex jirrakkomandaw azzjoni għall-promozzjoni tal-konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali (paragrafu 15a); jistieden lill-gruppi ta' ħidma rilevanti tal-Kunsill biex jużaw dan il-mandat sabiex jindirizzaw il-kriżi urġenti attwali ta' nonkonformità;

11.  Jistieden lill-Istati Membri tan-NU kollha li huma firmatarji tal-Istatut ta' Ruma biex jiffirmaw u/jew jirratifikaw dan l-Istatut sabiex jiżguraw li d-dritt kriminali internazzjonali jkun tassew globali u universali;

12.  Ifakkar fil-pożizzjoni li ttieħdet fil-Linji Gwida tal-UE li, fejn ikun xieraq, se jiġi kkunsidrat ukoll li jintużaw is-servizzi tal-Kummissjoni Internazzjonali Umanitarja li Tistabbilixxi l-Fatti (IHFFC) stabbilita skont il-Protokoll Addizzjonali I għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949, u li tista' tassisti fil-promozzjoni tar-rispett għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali permezz tal-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-fatti u l-funzjoni tagħha ta' medjazzjoni; jinnota li s-servizzi tal-IHFFC ma ntużawx, u jħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Istati Membri tal-UE u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jisponsorjaw inkjesta billi jagħmlu allegazzjonijiet sabiex jindirizzaw l-attakki fuq sptarijiet u skejjel bħala sitwazzjoni ta' kriżi urġenti fir-rigward tar-rispett għall-istandards fil-qasam tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali;

13.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE u lill-komunità internazzjonali biex isaħħu r-rwol tal-IHFFC billi jiffaċilitaw l-azzjoni tagħha kemm dwar kunflitti armati internazzjonali u mhux internazzjonali permezz tat-twessigħ tal-ġurisdizzjoni ad hoc tagħha; ifakkar li l-IHFFC formalment toffri l-medjazzjoni tajba tagħha lejn l-Afganistan u l-Istati Uniti wara l-attakk fuq l-Isptar Kunduz f'Ottubru 2015;

14.  Jinnota bi tħassib l-ambitu istituzzjonali li huwa attwalment limitat għall-komunità internazzjonali biex tindirizza t-tħassib komuni relatat mal-implimentazzjoni tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, dwar il-fatt li l-istati li pparteċipaw fit-32 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u n-Nofs Qamar l-Aħmar f'Diċembru 2015 ma rnexxilhomx jilħqu qbil dwar mekkaniżmu ġdid li kieku kien se jsaħħaħ is-sistema ta' governanza tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali billi jistabbilixxi laqgħa annwali tal-istati biex jissaħħaħ id-djalogu u jiġi introdott rappurtar perjodiku dwar il-konformità nazzjonali mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali; jitlob biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jaħdmu sabiex jiksbu riżultat aħjar fil-proċess intergovernattiv li jmiss;

15.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali tan-NU biex iħeġġeġ kampanji li jiżguraw li l-atturi kollha, inklużi gruppi armati mhux statali, ikunu konxji mill-obbligi tagħhom taħt id-dritt internazzjonali, iwettqu l-obbligi tagħhom biex jiffaċilitaw assistenza umanitarja u protezzjoni għal nies taħt l-influwenza tagħhom, pereżempju billi joħroġ direttivi lill-ġellieda tagħhom, u jxerred kodiċi ta' kondotta u ordnijiet permanenti li jirriflettu l-obbligi tagħhom tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.