Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0515/2016/REV1Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0515/2016/REV1

RAKKOMANDAZZJONI GĦAL DEĊIŻJONI li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tat-8 ta' April 2016 li jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) Nru 2016/341 fir-rigward ta' regoli tranżizzjonali għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni fejn is-sistemi rilevanti għadhom ma sarux operazzjonali u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446

2.5.2016 - (2016/2656(DEA))

imressqa skont l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura

Vicky Ford f'isem il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Proċedura : 2016/2656(DEA)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0515/2016
Testi mressqa :
B8-0515/2016
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8-0515/2016

Abbozz ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tat-8 ta' April 2016 li jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) Nru 2016/341 fir-rigward ta' regoli tranżizzjonali għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni fejn is-sistemi rilevanti għadhom ma sarux operazzjonali u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446

(2016/2656(DEA))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2016)2002),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2016, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data tal-21 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 278, l-Artikolu 279 u l-Artikolu 284(5) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi wara l-adozzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2016/341[2], ġie identifikat li xi formoli, fil-parti li tikkonċerna s-simplifikazzjonijiet, bi żball tħallew barra mill-Anness 12, fatt li se jkollu impatt negattiv ħafna għall-awtoritajiet tad-dwana u għan-negozjanti jekk ma jiġux miżjuda qabel l-1 ta' Mejju 2016, meta jsiru applikabbli d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu;

B.  billi rigward dak l-istess Anness 12, fil-parti li tikkonċerna s-simplifikazzjonijiet, instabu wkoll ċerti żbalji li jikkonċernaw it-terminoloġija użata fil-formoli, u billi, jekk dawk l-iżbalji ma jiġux ikkoreġuti, se jaffettwaw iċ-ċarezza u l-adegwatezza ġuridika fir-rigward tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tagħhom;

C.  billi r-Regolament Delegat (UE) 2016/341 għandu għalhekk jiġi kkoreġut f'dan is-sens biex jinkludi fl-Anness 12, fil-parti li tikkonċerna s-simplifikazzjonijiet, il-formoli li huma nieqsa u, fl-istess parti ta' dak l-Anness, biex jiġu sostitwiti l-formoli eżistenti;

D.  billi bil-għan li jiġi żgurat li l-Unjoni Doganali tiffunzjona mingħajr intoppi u li ma jkun hemm l-ebda interruzzjoni tal-flussi tal-kummerċ, ir-regolament delegat jeħtieġ li jiġi applikat mill-1 ta' Mejju 2016;

E.  billi r-regolament delegat jista' jidħol fis-seħħ biss fi tmiem il-perjodu stabbilit għall-iskrutinju tal-Parlament u tal-Kunsill biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament u lanqas mill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw; billi l-perjodu ta' skrutinju huwa stabbilit skont l-Artikolu 284(5) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 bħala xahrejn mid-data tan-notifika, jiġifieri, jibqa' għaddej sad-9 ta' Ġunju 2016 u jista' jiġi estiż b'perjodu ieħor ta' xahrejn;

F.  billi, madankollu, għal raġuni ta' urġenza l-Kummissjoni, fil-11 ta' Marzu 2016, talbet konferma bikrija mill-Parlament Ewropew tar-regolament delegat qabel l-1 ta' Mejju 2016;

1.  Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament Delegat;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.