Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0607/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0607/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istatus ta' ekonomija tas-suq taċ-Ċina

10.5.2016 - (2016/2667(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Alexander Graf Lambsdorff, Marietje Schaake, Marielle de Sarnez, Dita Charanzová, Hannu Takkula, Johannes Cornelis van Baalen f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0607/2016

Proċedura : 2016/2667(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0607/2016
Testi mressqa :
B8-0607/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0607/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istatus ta' ekonomija tas-suq taċ-Ċina

(2016/2667(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni tal-UE kontra d-dumping (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1]) u r-regolament tagħha kontra s-sussidji (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea[2]),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), b'mod partikolari t-Taqsima 15 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea Aktar b'Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" (COM(2012)0582), li tistabbilixxi l-objettivi biex is-sehem tal-industrija fil-PDG tal-UE jiżdied għal 20 % sal-2020,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina huma tnejn mill-akbar qawwiet kummerċjali fid-dinja, fejn iċ-Ċina hija t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE u l-UE hija l-akbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina, b'volum ta' kummerċ li jisboq sewwa l-EUR 1 biljun kuljum;

B.  billi kwalunkwe deċiżjoni dwar kif jittieħed kont tal-iskadenza tat-Taqsima 15(a)(ii) tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina u dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-importazzjonjiet oġġett ta' dumping illegali miċ-Ċina wara Diċembru 2016, bħala prinċipju essenzjali, trid tiżgura l-konformità tad-dritt tal-UE mad-dritt tad-WTO;

C.  billi, meta ċ-Ċina ssieħbet fid-WTO, arranġament tranżitorju għall-adeżjoni tagħha ppreveda metodoloġija speċifika għall-kalkolu tad-dumping, li ddaħħlet fit-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina u li sservi ta' bażi għat-trattament differenti li jingħata lill-importazzjonijiet miċ-Ċina;

D.  billi bħalissa ċ-Ċina ma tissodisfax il-kriterji tal-UE biex tingħata l-istatus ta' ekonomija tas-suq u ċertament mhijiex se tissodisfahom sa tmiem l-2016;

E.  billi trid issir valutazzjoni tal-konsegwenzi ġuridiċi eżatti li se jirriżultaw mill-iskadenza tat-Taqsima 15(a)(ii) f'termini tal-metodu kurrenti użat biex jiġi ddeterminat il-valur normali ta' oġġetti Ċiniżi esportati lejn l-UE għall-finijiet tad-determinazzjoni ta' miżuri anti-dumping, kif ukoll fir-rigward tal-effett ġuridiku tal-partijiet li jifdal tat-Taqsima 15;

F.  billi, fid-dawl tal-livell kurrenti ta' influwenza tal-istat fuq l-ekonomija Ċiniża, id-deċiżjonijiet tal-kumpaniji rigward il-prezzijiet, il-kostijiet, l-outputs u l-inputs ħafna drabi ma jirrispondux għas-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda;

G.  billi nuqqas ta' trasparenza u kooperazzjoni spiss jagħmilha diffiċli għall-UE li tivverifika sew asserzjonijiet ta' manipulazzjoni tal-prezzijiet u ta' intervent tal-gvern fis-settur industrijali taċ-Ċina;

H.  billi s-sovrakapaċità ta' produzzjoni taċ-Ċina f'xi setturi tbaxxi l-prezzijiet fid-dinja u l-esportazzjonijiet Ċiniżi bi prezzijiet tant baxxi għandhom impatt fuq ċerti industriji tal-UE, kif intwera b'mod ċar mill-impatt detrimentali reċenti fuq is-settur tal-azzar tal-UE;

I.  billi l-konsultazzjoni pubblika mibdija reċentement u l-istudju dwar il-konsegwenzi ta' bidliet possibbli fil-proċeduri anti-dumping tal-UE li jikkonċernaw iċ-Ċina jistgħu jipprovdu informazzjoni addizzjonali li tista' tkun utli biex il-kwistjoni tiġi indirizzata;

1.  Itenni l-importanza tas-sħubija strateġika tal-UE maċ-Ċina li fiha l-kummerċ u l-investiment għandhom rwol ewlieni, l-importanza taċ-Ċina fil-katini tal-valur globali u l-fatt li ħafna impjiegi fl-UE jiddependu fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali maċ-Ċina;

2.  Jinnota li d-data tal-iskadenza tat-Taqsima 15(a)(ii) tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO hija l-11 ta' Diċembru 2016; jistieden lill-Kummissjoni biex, kif xieraq, tikkunsidra x'bidliet ġuridiċi jistgħu jkunu meħtieġa biex jittieħed kont ta' din l-iskadenza;

3.  Jitlob b'insistenza li kwalunkwe proposta tal-Kummissjoni prevista tkun imsejsa bis-sod fuq l-erba' prinċipji essenzjali li ġejjin:

•  Il-ħtieġa li jkun żgurat li d-dritt tal-UE jibqa' konformi għalkollox mal-obbligi tal-UE li joriġinaw mid-dritt tad-WTO u mill-konsegwenzi ġuridiċi ta' bidliet f'ċerti partijiet tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina;

•  Il-ħtieġa li mhux biss jittieħed kont tal-effetti ġuridiċi speċifiċi tal-iskadenza tat-Taqsima 15(a)(ii) iżda li jiġi żgurat ukoll li tingħata interpretazzjoni ġuridika korretta lil dawk it-taqsimiet tal-Protokoll li jibqgħu fis-seħħ wara l-11 ta' Diċembru 2016;

•  Il-ħtieġa li jkun żgurat li l-UE, bħala kwistjoni ta' importanza kritika u kruċjali, iżżomm l-abbiltà sħiħa u kontinwa li tieħu miżuri f'waqthom, meħtieġa u effettivi biex tittratta l-prattiki ta' dumping, u biex ittejjeb l-abbiltà tagħha li tittratta s-sussidji u s-sovrakapaċitajiet mis-sħab kummerċjali tal-UE li jirriżultaw f'dannu għall-industrija tal-UE, kif ukoll biex tiżgura li l-kumpaniji tal-UE jibqgħu joperaw b'kundizzjonijiet ekwi f'livell globali;

•  Li kwalunkwe proposta leġiżlattiva tkun ibbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa u b'attenzjoni tal-impatt tal-aspetti ġuridiċi ta' kwalunkwe deċiżjoni, u tal-impatti ekonomiċi, soċjali, industrijali, politiċi u strateġiċi fuq perjodu medju u twil taż-żmien li jistgħu jirriżultaw b'konsegwenza ta' dan;

4.  Jitlob li tali riflessjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa imminenti tar-riforma aktar ġenerali tal-istrumenti ta' difiża kummerċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiddjaloga mas-setturi industrijali kkonċernati kollha tal-UE, bħall-industriji tal-azzar, taċ-ċeramika u tal-karta, fir-rigward tal-passi li jmiss li għandhom jittieħdu;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoordina mas-sħab kummerċjali ewlenin tagħha, anke fil-kuntest tas-Summit tal-G7 li jmiss, dwar il-passi li għandhom jittieħdu wara l-iskadenza ta' ċerti dispożizzjonijiet tat-Taqsima 15;

7.  Jitlob b'insistenza la ma ssir ebda proposta possibbli mill-Kummissjoni waqt li l-Parlament ikun aġġornat għall-vaganzi;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.