Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0608/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0608/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istatus ta' ekonomija tas-suq taċ-Ċina

10.5.2016 - (2016/2667(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Iuliu Winkler, Daniel Caspary, Tokia Saïfi, Krišjānis Kariņš, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Adam Szejnfeld, Fernando Ruas, Jarosław Wałęsa, Seán Kelly, Pablo Zalba Bidegain, Herbert Reul, Françoise Grossetête, Theodoros Zagorakis f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0607/2016

Proċedura : 2016/2667(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0608/2016
Testi mressqa :
B8-0608/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0608/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istatus ta' ekonomija tas-suq taċ-Ċina

(2016/2667(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-antidumping (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1]),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina huma tnejn mill-akbar qawwiet kummerċjali fid-dinja, fejn iċ-Ċina hija t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE u l-UE hija l-akbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina, b'volum ta' kummerċ li jisboq sewwa l-EUR 1 biljun kuljum;

B.  billi kwalunkwe deċiżjoni dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-importazzjonijiet miċ-Ċina wara Diċembru 2016 għandha tiżgura l-konformità tad-dritt tal-UE man-normi tad-WTO;

C.  billi d-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO li jibqgħu fis-seħħ wara l-2016 jipprovdu bażi ġuridika għall-applikazzjoni ta' metodoloġija mhux standard għall-importazzjonijiet miċ-Ċina wara l-2016;

D.  billi, fid-dawl tal-livell attwali tal-influwenza tal-Istat fuq l-ekonomija Ċiniża, id-deċiżjonijiet meħuda mill-kumpaniji rigward il-prezzijiet, il-kostijiet, l-output u l-inputs ħafna drabi ma jirrispondux għas-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda;

E.  billi s-sovrakapaċità tal-produzzjoni taċ-Ċina diġà qed ikollha konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali qawwija fl-UE, kif wera dan l-aħħar l-impatt negattiv fuq is-settur tal-azzar tal-UE; billi l-impatt soċjali tal-għoti ta' status ta' ekonomija tas-suq jaf ikun sostanzjali f'termini ta' impjiegi fl-UE;

F.  billi l-konsultazzjoni pubblika mibdija reċentement dwar l-għoti possibbli ta' status ta' ekonomija tas-suq liċ-Ċina tista' tipprovdi informazzjoni addizzjonali li taf tkun utli biex il-kwistjoni tiġi indirizzata;

G.  billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea Aktar b'Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" tistabbilixxi l-objettiv li, sal-2020, is-sehem tal-industrija fil-PDG tal-UE jiżdied għal 20 %;

1.  Itenni l-importanza ta' sħubija strateġika tal-UE maċ-Ċina, fejn il-kummerċ u l-investiment jiżvolġu rwol importanti u li għandha tkun ibbażata fuq ir-reċiproċità u fuq benefiċċji reċiproċi;

2.  Jisħaq fuq il-fatt li ċ-Ċina mhijiex ekonomija tas-suq u li l-ħames kriterji stabbiliti mill-UE għad-definizzjoni ta' tali pajjiżi għadhom ma ġewx issodisfati;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoordina ma' sħabha kummerċjali ewlenin, inkluż fil-kuntest tas-Summit tal-G7 mistenni dalwaqt, dwar kif l-aħjar jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Taqsima 15 tal-Protokoll tal-Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO li jibqgħu fis-seħħ wara l-2016 jingħataw tifsira ġuridika sħiħa skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom, u topponi kwalunkwe konċessjoni unilaterali ta' status ta' ekonomija tas-suq jew ta' bidliet metodoloġiċi liċ-Ċina;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont debitu tal-preokkupazzjonijiet espressi mill-industrija u l-persuni interessati differenti tal-UE dwar il-konsegwenzi għall-impjiegi fl-UE u għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fis-setturi kollha milquta tal-manifattura u għall-industrija tal-UE kollha kemm hi, u tiżgura l-kompetittività tal-UE f'kuntest globali;

5.  Jinsab konvint li, sakemm iċ-Ċina tibqa' ma tissodisfax il-ħames kriterji tal-UE meħtieġa biex tikkwalifika bħala ekonomija tas-suq, l-UE għandha tuża metodoloġija mhux standard f'investigazzjonijiet antidumping u antisussidji fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi b'rabta mal-istabbiliment tal-komparabbiltà tal-prezzijiet, b'rispett sħiħ għal dawk il-partijiet tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina li jħallu biżżejjed spazju għall-applikazzjoni ta' metodoloġija mhux standard;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ strument ta' difiża kummerċjali effikaċi sabiex tiggarantixxi li l-industrija tal-UE tgawdi kundizzjonijiet ekwi maċ-Ċina, b'rispett sħiħ għar-regoli tad-WTO, u tiżgura li kwalunkwe metodoloġija adottata se tipproteġi b'mod effikaċi l-industrija tal-UE minn importazzjonijiet li jkunu l-oġġett ta' dumping miċ-Ċina;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.