MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina u l-istatus ta' ekonomija tas-suq
10.5.2016 - (2016/2667(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
David Martin, Alessia Maria Mosca, Bernd Lange, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Nicola Danti, Nicola Caputo, Eric Andrieu, Maria Arena, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Pervenche Berès, Goffredo Maria Bettini, Vilija Blinkevičiūtė, Simona Bonafè, Andrea Cozzolino, Isabella De Monte, Enrico Gasbarra, Neena Gill, Michela Giuffrida, Maria Grapini, Karoline Graswander-Hainz, Sylvie Guillaume, Sergio Gutiérrez Prieto, Liisa Jaakonsaari, Agnes Jongerius, Miapetra Kumpula-Natri, Cécile Kashetu Kyenge, Javi López, Juan Fernando López Aguilar, Edouard Martin, Emmanuel Maurel, Sorin Moisă, Pier Antonio Panzeri, Pina Picierno, Tonino Picula, Miroslav Poche, Joachim Schuster, Pedro Silva Pereira, Siôn Simon, Monika Smolková, Marc Tarabella, Patrizia Toia, Martina Werner, Flavio Zanonato, Damiano Zoffoliau nom du groupe S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0607/2016
B8-0609/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina u l-istatus ta' ekonomija tas-suq
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-antidumping (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1]),
– wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina huma tnejn mill-akbar kummerċjanti fid-dinja, fejn iċ-Ċina hija t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE u l-UE hija l-akbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina, u bi flussi kummerċjali kwotidjani bejniethom li jisbqu sewwa l-EUR 1 biljun;
B. billi kwalunkwe deċiżjoni dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-importazzjonijiet miċ-Ċina wara Diċembru 2016 għandha tiżgura l-konformità tad-dritt tal-UE man-normi tad-WTO;
C. billi, meta ċ-Ċina ssieħbet mad-WTO, arranġament għall-adeżjoni tagħha ppreveda metodoloġija speċifika għall-kalkolu tad-dumping, li ddaħħlet fit-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina u jservi ta' bażi għal trattament differenti għall-importazzjonijiet miċ-Ċina;
D. billi l-bqija tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO tikkostitwixxi r-rikonoxximent mid-WTO li jistgħu jiġu applikati regoli speċjali għaċ-Ċina fl-investigazzjonijiet dwar l-antidumping u tipprovdi bażi ġuridika għall-applikazzjoni ta' metodoloġija mhux standard għall-importazzjonijiet miċ-Ċina wara l-2016;
E. billi, fid-dawl tal-livell kurrenti ta' influwenza tal-istat fuq l-ekonomija Ċiniża, id-deċiżjonijiet tal-intrapriżi li jirrigwardjaw il-prezzijiet, il-kostijiet, l-outputs u l-inputs ma jirrispondux għas-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda;
F. billi, fil-Protokoll ta' Adeżjoni tagħha, iċ-Ċina ntrabtet li, fost affarijiet oħra, tippermetti li l-prezzijiet kollha tagħha jiġu determinati mill-forzi tas-suq, u billi l-UE trid tiżgura li ċ-Ċina tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi tagħha tad-WTO;
G. billi s-sovrakapaċità taċ-Ċina diġà qed ikollha konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali qawwija fl-UE, kif wera dan l-aħħar l-impatt negattiv fuq is-settur tal-azzar tal-UE, b'mod partikolari fir-Renju Unit, u billi l-impatt soċjali fuq l-impjiegi fl-UE tal-għoti ta' status ta' ekonomija tas-suq jaf ikun sostanzjali;
H. billi l-konsultazzjoni pubblika konkluża reċentement dwar l-għoti possibbli ta' status ta' ekonomija tas-suq liċ-Ċina tista' tipprovdi informazzjoni addizzjonali li taf tkun utli biex tiġi indirizzata l-kwistjoni;
I. billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea Aktar b'Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" tistabbilixxi l-objettiv li, sal-2020, is-sehem tal-industrija fil-PDG tal-UE jiżdied għal 20 %,
1. Itenni l-importanza tas-sħubija strateġika tal-UE maċ-Ċina, fejn il-kummerċ ħieles u ġust u l-investiment għandhom rwol importanti;
2. Jisħaq fuq il-fatt li ċ-Ċina mhijiex ekonomija tas-suq u li l-ħames kriterji stabbiliti mill-UE biex tiddefinixxi ekonomiji tas-suq għadhom ma ġewx issodisfati;
3. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoordina mas-sħab kummerċjali l-kbar tagħha, inkluż fil-kuntest tas-Summit tal-G7 li ġej, dwar kif l-aħjar li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO, barra s-subparagrafu 15(a)(ii), jingħataw tifsira legali sħiħa skont il-liġijiet domestiċi rilevanti, u biex topponi kwalunkwe għoti unilaterali ta' status ta' ekonomija tas-suq liċ-Ċina;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tqis b'mod dovut it-tħassib espress mill-industrija tal-UE u mit-trejdjunjins u l-partijiet ikkonċernati differenti dwar il-konsegwenzi għall-impjiegi fl-UE u għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fis-setturi kollha tal-manifattura milquta u għall-industrija tal-UE b'mod ġenerali, u biex tiżgura l-kompetittività tal-UE f'kuntest globali;
5. Jinsab konvint li, sakemm iċ-Ċina ma tissodisfax il-ħames kriterji tal-UE meħtieġa biex tikkwalifika bħala ekonomija tas-suq, l-UE għandha tuża metodoloġija mhux standard fl-investigazzjonijiet antidumping u kontra s-sussidju dwar l-importazzjonijiet Ċiniżi sabiex tiddetermina l-paragunabilità tal-prezzijiet, f'konformità ma' u bl-għoti ta' effett sħiħ lil dawk il-partijiet tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina li ma jiskadux f'Diċembru 2016;
6. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-effettività tal-istrument tal-antidumping tagħha sabiex tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi għall-industrija tal-UE maċ-Ċina f'konformità sħiħa mar-regoli tad-WTO;
7. Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri
- [1] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.