Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0610/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0610/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina u l-istatus ta' ekonomija tas-suq

10.5.2016 - (2016/2667(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Helmut Scholz, Eleonora Forenza, Fabio De Masi, Stelios Kouloglou, Paloma López Bermejo, Barbara Spinelli, Merja Kyllönen, Patrick Le Hyaric, Lola Sánchez Caldentey, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Miguel Urbán Crespo f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2016/2667(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0610/2016
Testi mressqa :
B8-0610/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0610/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina u l-istatus ta' ekonomija tas-suq

(2016/2667(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-antidumping (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea)[1],

–  wara li kkunsidra l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 11) li saret f'Pariġi, Franza, mit-30 sal-11 ta' Diċembru 2015, kif ukoll il-Ftehim ta' Pariġi,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Marzu 2016 bl-isem "Azzar: iż-żamma tal-impjiegi sostenibbli u t-tkabbir fl-Ewropa" (COM(2016)0155),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE dwar il-Kummerċ "Kummerċ għal Kulħadd", u b'mod partikolari l-orjentament tagħha lejn il-kummerċ ġust,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu taċ-Ċina dwar it-13-il Pjan ta' Ħames Snin taċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina huma tnejn mill-akbar ekonomiji u qawwiet kummerċjali fid-dinja, fejn iċ-Ċina hija t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE u l-UE hija l-akbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina, b'volum ta' kummerċ li jisboq sewwa EUR 1 biljun kull jum;

B.  billi, anki mingħajr ma ċ-Ċina jkollha l-istatus ta' ekonomija tas-suq (MES), ir-relazzjoni kummerċjali maċ-Ċina mhijiex bilanċjata, u d-defiċit kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina laħaq quċċata rekord ta' EUR 180 biljun fl-2015;

C.  billi fl-2015 l-investiment ġej miċ-Ċina lejn l-UE għall-ewwel darba qabeż l-investiment sejjer mill-UE lejn iċ-Ċina; billi s-suq Ċiniż ilu għal xi żmien il-mutur ewlieni tal-profitti għal għadd ta' industriji u marki Ewropej;

D.  billi kwalunkwe deċiżjoni dwar kif nittrattaw l-importazzjonijiet miċ-Ċina u kif nesportaw lejn iċ-Ċina wara Diċembru 2016 għandha tiżgura l-konformità tad-dritt tal-UE mad-dritt internazzjonali, kif ukoll mad-difiża tal-impjiegi u tal-industriji tal-UE, fil-qies tal-iżviluppi kurrenti lejn dinja multipolari;

E.  billi l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles u d-WTO servew ta' għodod essenzjali għad-deregolamentazzjoni tar-relazzjonijet kummerċjali u għal-liberalizzazzjoni tal-ekonomiji, għad-detriment tal-ħaddiema u tal-popli; billi dawn iż-żewġ għodod mhux biss ipperpetwaw l-eġemonija tal-pajjiżi sinjuri u żviluppati, iżda wkoll l-isfruttament tal-aktar reġjuni foqra tad-dinja u, għaldaqstant, tal-inugwaljanzi bejn il-pajjiżi u bejn il-popli;

F.  billi, meta ċ-Ċina ssieħbet fid-WTO, arranġament tranżitorju għall-adeżjoni tagħha ppreveda metodoloġija speċifika għall-kalkolu tad-dumping, li ddaħħlet fit-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina u li sservi ta' bażi għat-trattament differenti li jingħata lill-importazzjonijiet miċ-Ċina;

G.  billi l-kumplament tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO tirrappreżenta r-rikonoximent mid-WTO li regoli speċjali jistgħu jiġu applikati għaċ-Ċina fil-qasam ta' investigazzjonijiet tal-anti-dumping, u għadu jipprovdi l-bażi legali għall-applikazzjoni ta' metodoloġija mhux standard għall-importazzjonijiet miċ-Ċina wara l-2016; billi, jekk jagħti l-każ li ċ-Ċina tiddeċiedi li tirreġistra lment kontra miżuri tal-anti-dumping applikati unilaterlment minn membu ieħor tad-WTO wara Diċembru 2016, dan ikun jirrikjedi deċiżjoni tal-panel tad-WTO biex tistabbilixxi ċ-ċarezza fl-interpretazzjoni tat-test;

H.  billi l-kriżi li diġà qed inħabbtu wiċċna magħha f'bosta Stati Membri l-ewwel nett hija kkawżata l-ewwel nett minn nuqqas ta' domanda minħabba l-pressjonijiet fuq id-dħul tal-ħaddiema u r-rati għoljin tal-qgħad, u t-tieni nett minn deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi żbaljati bħalma huma d-deregolamentazzjoni u l-liberalizzazzjoni imposti, minn naħa waħda, mis-suq uniku u minn mekkaniżmi Ewropej oħra u, min-naħa l-oħra, mill-parteċipazzjoni f'istituzzjonijiet bħad-WTO;

I.  billi kemm il-kapaċità żejda tal-produzzjoni fiċ-Ċina u kemm it-tnaqqis drammatiku fid-domanda interna fl-UE minħabba l-kriżi ekonomika li għaddejja diġà qed ikollhom konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali gravi fl-UE, kif wera dan l-aħħar l-impatt negattiv fuq is-settur tal-azzar tal-UE; billi l-impatt soċjali tal-għoti ta' MES, f'termini ta' impjiegi fl-UE, jaf ikun sostanzjali;

J.  billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea Aktar b'Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" tistabbilixxi l-objettiv li, sal-2020, is-sehem tal-industrija fil-PDG tal-UE jiżdied għal 20 %,

K.  billi l-awsterità u l-politiki neoliberali li l-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE jimponi fuq l-Istati Membri u fuq il-popli tagħhom qed jaffettwaw ukoll lill-industriji tal-Istati Membri, b'tali mod li jikkawżaw staġnar ekonomiku u depressjoni għal żmien twil, ħafna qgħad u sensji, kif ukoll tbaxxija tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol; billi jeħtieġ b'urġenza li ninqatgħu mill-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE, inkluż is-suq uniku, u b'mod partikolari mill-politiki industrijali, tal-investiment u fiskali tal-lum, bil-għan li nippromwovu u nirfdu l-irkupru ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli permezz tal-implimentazzjoni ta' pjan reali ta' investiment pubbliku;

1.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-konsultazzjoni pubblika mfassla mill-Kummisssjoni Ewropea ma kkunsidratx l-aktar partijiet interessati fis-settur tal-azzar;

2.  Itenni li s-sħubija strateġika tal-UE maċ-Ċina, imsejsa fuq kooperazzjoni reċiproka u ġusta, hija importanti;

3.  Jitlob li l-Kummissjoni tħejji abbozz ta' mandat għal negozjati bejn l-UE u ċ-Ċina rigward ftehim bilaterali dwar regoli ta' kompetizzjoni ġusta u dwar miżuri komuni kontra d-dumping ekonomiku, soċjali u ambjentali;

4.  Jenfasizza li ċ-Ċina għadha ma ssodisfatx il-ħames kriterji stabbiliti mill-UE għad-definizzjoni tal-MES;

5.  Jenfasizza li ċ-Ċina tiddefinixxi lilha nfisha bħala ekonomija tas-suq soċjalista; ifakkar li, f'kull ekonomija tas-suq, il-libertà tas-swieq għandha tkun limitata u l-gvernijiet responsabbli għandu jkollhom il-kompetenza regolatorja u d-dritt li jintervjenu, tal-anqas kultant, għall-ġid tal-popolazzjoni u biex jinkoraġġixxu jew irażżnu d-domanda, jew biex jippromwovu l-kompetizzjoni bil-għan li jfixklu l-iżvilupp ta' monopolji; jenfasizza li l-ħames kriterji stabbiliti mill-UE għad-definizzjoni ta' ekonomija tas-suq jistgħu jiddevjaw minn dak il-grad ta' involviment statali fl-ekonomija li l-aktar jaqdi lill-poplu fl-ekonomija tas-suq taċ-Ċina;

6.  Jitlob li l-Kummissjoni tikkoordina mas-sħab internazzjonali tagħha dwar l-aħjar mod kif jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet kollha tat-taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO, għajr is-subparagrafu 15(a)(ii), ikunu jistgħu jiksbu tifsira legali sħiħa fil-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom;

7.  Jitlob li l-Kummissjoni tqis kif jixraq il-preokkupazzjonijiet espressi mit-trejdunjins, l-industriji u l-partijiet interessati differenti fl-UE dwar il-konsegwenzi għall-impjiegi u għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Unjoni, fis-setturi tal-manifattura kollha milquta u għall-industrija tal-UE kollha kemm hi, u tiżgura d-difiża tal-impjiegi fl-UE kif ukoll tal-istandards soċjali u ambjentali tal-UE;

8.  Huwa konvint li l-UE m'għandhiex tagħti liċ-Ċina dan l-MES neoliberali, b'mod speċjali fis-sitwazzjoni kurrenti fejn l-UE ma żviluppatx leġiżlazzjoni modernizzata, trasparenti u ġusta dwar strumenti għad-difiża tal-kummerċ; jemmen li l-UE għandha tapplika metodoloġiji mhux standard f'investigazzjonijiet anti-dumping u kontra s-sussidji rigward kumpaniji Ċiniżi li jesportaw bi prezzijiet baxxi li jqajmu s-suspett, b'rispett sħiħ ta' dawk il-partijiet tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina li ma jiskadux f'Diċembru 2016;

9.  Jitlob li l-Kunsill iħabrek bil-ħeffa għal qbil mal-Parlament Ewropew dwar il-modernizzazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għad-difiża tal-kummerċ;

10.  Jitlob li l-Kummissjoni ssaħħaħ strument effikaċi għad-difiża tal-kummerċ biex tiggarantixxi li l-industrija tal-UE jkollha kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni maċ-Ċina, kif ukoll ma' pajjiżi terzi oħra;

11.  Jitlob li l-Kummissjoni tirrevedi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b'mod li dawn jippermettu intervent statali għat-tisħiħ ta' proġetti ta' benefiċċju soċjali u ambjentali, u li l-SMEs u l-industriji li jsibu ruħhom f'diffikultà jiġu megħjuna permezz ta' kontribuzzjoni għar-rikostruzzjoni tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni tagħhom, li ntlaqtu b'mod qawwi mill-kriżi; jitlob li, fi ħdan id-WTO, ikun hemm approċċ komprensiv għal-politika kummerċjali, li jippermetti l-parteċipazzjoni tas-settur pubbliku bil-għan li jitħarsu l-impjiegi u tintrifed il-politika industrijali;

12.  Itenni s-sejħa tiegħu biex issir riforma profonda tar-regoli tad-WTO, sabiex dawn jinkludu bis-sħiħ ir-rispett tal-istandards ċentrali tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll tal-istandards ambjentali u soċjali rilevanti fil-kummerċ internazzjonali;

13.  Jitlob l-inklużjoni ta' aġġustament għall-karbonju fil-fruntiera għal ċerti prodotti importati f'setturi strateġiċi bħalma huma dawk tal-azzar, taċ-ċeramika, ta' mettali oħra, tal-plastika u tal-forom, bħala miżura temporanja bi qbil mar-regoi tad-WTO, intiża biex tissodisfa l-Ftehim COP 21 u tappoġġja l-aktar fabbriki nodfa;

14.  Jitlob li jiġu żviluppati miżuri għat-tikkettar ta' sostenibbilltà tal-prodotti industrijali, bil-għan li jinċentivaw l-aktar fabbriki u prodotti industrijali nodfa;

15.  Jitlob li l-Kummissjoni tippromwovi ftehim f'fora internazzjonali bħalma huma d-WTO u l-UNCTAD dwar definizzjoni moderna ta' dumping ekonomiku, soċjali u ambjentali, bil-għan li tinstab soluzzjoni multilaterali li tkun tista' tittratta kemm il-mudelli kumplessi ta' sjieda ta' żmienna u kemm il-ħtiġijiet ta' protezzjoni tal-ħaddierma u tal-konsumaturi matul il-ktajjen ta' valur dinjija l-ġodda;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.