MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istatus ta' ekonomija tas-suq taċ-Ċina
10.5.2016 - (2016/2667(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Reinhard Bütikofer, Yannick Jadot, Ska Keller, Philippe Lamberts, Claude Turmes, Bas Eickhout f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0607/2016
B8-0612/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istatus ta' ekonomija tas-suq taċ-Ċina
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-antidumping (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1]),
– wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-11 ta' Diċembru 2001,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn l-UE u ċ-Ċina,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina huma tnejn mill-akbar qawwiet kummerċjali fid-dinja, fejn iċ-Ċina hija t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE u l-UE hija l-akbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina, b'volum ta' kummerċ li jisboq sewwa l-EUR 1 biljun kuljum;
B. billi kwalunkwe deċiżjoni dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-importazzjonijiet miċ-Ċina wara Diċembru 2016 għandha tiżgura l-konformità tad-dritt tal-UE mar-regoli tad-WTO;
C. billi, meta ċ-Ċina ssieħbet fid-WTO, arranġament tranżitorju għall-adeżjoni tagħha ta lok għal metodoloġija speċifika għall-kalkolu tad-dumping, prevista fit-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni, kif ukoll bażi għat-trattament differenti tal-importazzjonijiet miċ-Ċina;
D. billi wara l-11 ta' Diċembru 2016 il-paragrafu (a)(i) u partijiet mill-paragrafu (d) tat-Taqsima 15 se jibqgħu fis-seħħ;
E. billi, fid-dawl tal-livell attwali ta' influwenza tal-istat fuq l-ekonomija Ċiniża, id-deċiżjonijiet tad-ditti dwar il-prezzijiet, il-kostijiet, l-outputs u l-inputs ma jirrispondux għas-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda;
F. billi s-sovrakapaċitajiet ta' produzzjoni taċ-Ċina diġà qed ikollhom konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali qawwija fl-UE, kif intwera dan l-aħħar bl-impatt negattiv attwali tagħhom fuq is-settur tal-azzar tal-UE, u billi l-impatt soċjali tal-għoti ta' status ta' ekonomija tas-suq (MES) jaf ikun wieħed sostanzjali f'termini ta' impjiegi tal-UE;
G. billi 56 mit-73 miżura ta' antidumping attwalment fis-seħħ fl-UE japplikaw għall-importazzjonijiet Ċiniżi;
H. billi l-konsultazzjoni pubblika konkluża reċentement dwar l-għoti possibbli ta' status ta' ekonomija tas-suq (MES) liċ-Ċina tista' tipprovdi informazzjoni addizzjonali li taf tkun utli biex tiġi indirizzata l-kwistjoni;
I. billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea Aktar b'Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" tistabbilixxi l-objettiv li, sal-2020, is-sehem tal-industrija fil-PDG tal-UE jiżdied għal 20 %;
1. Itenni l-importanza tas-Sħubija Strateġika tal-UE maċ-Ċina, fejn il-kummerċ u l-investiment għandhom rwol importanti;
2. Jisħaq fuq il-fatt li ċ-Ċina mhijiex ekonomija tas-suq u li l-ħames kriterji stabbiliti mill-UE biex jiġi ddeterminat tali status għadhom ma ġewx issodisfati;
3. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoordina mas-sħab kummerċjali ewlenin tagħha, inkluż fil-kuntest tas-Summit tal-G7 li ġej, dwar kif l-aħjar li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO, minbarra s-subparagrafu 15(a)(ii), jingħataw tifsira legali sħiħa skont il-liġijiet domestiċi tagħhom;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif xieraq it-tħassib espress mill-industrija, mit-trejdjunjins u minn partijiet ikkonċernati oħra tal-UE, dwar il-konsegwenzi għall-impjiegi tal-UE u għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fis-setturi kollha tal-manifattura milquta u għall-industrija tal-UE kollha kemm hi, u tiżgura l-kompetittività tal-UE f'kuntest globali;
5. Iqis li jekk wieħed joqgħod sempliċement fuq il-metodoloġija standard dan ma jkunx biżżejjed biex l-industrija tal-UE titħares minn prattiki kummerċjali inġusti;
6. Huwa konvint li, sakemm iċ-Ċina ma tissodisfax il-ħames kriterji tal-UE meħtieġa biex tikkwalifika bħala ekonomija tas-suq, l-UE għandha tkun tista' tuża metodoloġija mhux standard, fejn ikun xieraq, fl-investigazzjonijiet ta' antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet Ċiniżi għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-komparabilità tal-prezzijiet; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposta b'konformità ma' dan il-prinċipju;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura strumenti għad-difiża tan-negozju effikaċi li jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni maċ-Ċina għall-industrija tal-UE b'konformità mar-regoli tad-WTO;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.