Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0622/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0622/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-flussi ta' data transatlantiċi

17.5.2016 - (2016/2727(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Jan Philipp Albrecht, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE

Proċedura : 2016/2727(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0622/2016
Testi mressqa :
B8-0622/2016
Testi adottati :

B8-0622/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-flussi ta' data transatlantiċi

(2016/2727(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva Nru 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data[1] (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva"), u b'mod partikolari l-Artikolu 25 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE[2] (minn hawn 'il quddiem "Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data"), li daħal fis-seħħ fl-24 ta' Mejju 2016 u li sejjer japplika mill-25 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta") u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14 Maximillian Schrems vs Data Protection Commissioner,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Frar 2016 dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Privacy Shield UE-Stati Uniti, u l-annessi tagħha li jikkonsistu f'ittri mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti u mill-Federal Trade Commission tal-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-29 ta' Frar 2016 bit-titolu "Flussi ta' Dejta Transatlantiċi: Nirritornaw il-Fiduċja permezz ta' Salvagwardji Qawwija" (COM(2016)0117), il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Novembru 2013 dwar il-Funzjonament tal-Isfera ta' Sikurezza mill-Perspettiva taċ-ċittadini tal-UE u tal-kumpaniji stabbiliti fl-UE (COM(2013)0847) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Novembru 2013 dwar il-Bini mill-Ġdid tal-Fiduċja fil-Flussi tad-Dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti (COM(2013)0846),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni dwar dan is-suġġett (WP 238) adottata fit-13 ta' April 2016 mill-Grupp ta' Ħidma stabbilit skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva, u l-opinjonijiet mogħtija preċedentement dwar l-istess kwistjoni (WP 12, WP 27 u WP 32),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[3], u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu dwar il-proċedura ta' eżami,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2000 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Prinċipji tal-Privatezza Safe Harbour u l-mistoqsijiet frekwenti (FAQs) maħruġa mid-Department of Commerce tal-Istati Uniti[4],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern[5], u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar isSegwitu għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar is-sorveljanza elettronika tal-massa taċ-ċittadini tal-UE[6],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni u tal-kummerċ elettroniku u l-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' interċettazzjoni minn aġenziji tal-intelligence, wasslu għal żieda esponenzjali, fil-livell globali, tal-moviment tad-data u tal-komunikazzjoni elettronika u tar-riskji involuti fl-abbuż minn din id-data u tal-interċettazzjoni ta' din il-komunikazzjoni;

B.  billi dan l-abbuż mhux biss irażżan l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku peress li jimmina l-fiduċja tal-konsumaturi, iżda ħafna drabi jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-persuni, u, b'mod partikolari, invażjoni tad-dritt tal-privatezza;

C.  billi l-protezzjoni tad-data tfisser il-protezzjoni tal-persuni li tirrigwardahom l-informazzjoni li tkun qed tiġi pproċessata, u billi din il-protezzjoni hija waħda mid-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Unjoni (l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea);

D.  billi d-Direttiva, li se tiġi ssostitwita bir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-2018, tistabbilixxi drittijiet għas-suġġett tad-data u l-obbligi korrispondenti għal dawk li jipproċessaw id-data jew dawk li jeżerċitaw kontroll fuq tali pproċessar;

E.  billi tali protezzjoni tkun inutli li kellha tillimita ruħha għat-territorju tal-Unjoni u ma tipprovdix ukoll protezzjoni adegwata, kif previst mid-Direttiva, f'pajjiżi terzi li lejhom tiġi ttrasferita d-data;

F.  billi l-adegwatezza tal-protezzjoni ta' data personali f'pajjiż terz trid tiġi vvalutata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż terz jew l-impenji internazzjonali tiegħu, u billi dawn il-mezzi jridu juru ruħhom effikaċi fil-prattika;

G.  billi l-Kummissjoni jeħtieġ li tiżgura, f'isem iċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, li jkun hemm livell adegwat ta' protezzjoni fil-pajjiżi terzi kkonċernati;

H.  billi, fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Ottubru 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea invalidat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Prinċipji tal-Privatezza Safe Harbour u l-Mistoqsijiet Frekwenti relatati maħruġa mid-Department of Commerce tal-Istati Uniti;

I.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkjarifikat fis-sentenza li livell adegwat ta' protezzjoni minn pajjiż terz jrid jinftiehem li jkun "sostanzjalment ekwivalenti" għall-protezzjoni mogħtija fl-Unjoni;

Introduzzjoni

1.  Jilqa' l-isforzi li saru mill-Kummissjoni u mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti sabiex jiksbu titjib sostanzjali fil-Privacy Shield meta mqabbel mad-deċiżjoni dwar is-Safe Harbour;

2.  Jissottolinja l-importanza li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali, inkluż id-drittijiet għall-protezzjoni tad-data u għall-privatezza;

3.  Jissottolinja l-importanza tal-kummerċ u tal-kooperazzjoni transatlantiċi;

4.  Jissottolinja l-importanza taċ-ċertezza legali għas-suġġetti tad-data kif ukoll għall-kontrolluri tad-data;

5.  Jinsab imħasseb li l-arranġament dwar il-Privacy Shield jista' ma jissodisfax għalkollox ir-rekwiżiti tal-Karta, tad-Direttiva, tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, u ta' sentenzi rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

Is-Settur privat

6.  Jinnota li l-Prinċipji tal-Privacy Shield (Anness II) ma jipprovdux sett ta' prinċipji sostanzjalment ekwivalenti, peress li ma jirrikjedux il-kunsens tas-suġġett tad-data, ma jinkludux il-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data, u jippermettu l-ipproċessar ta' data personali għal skopijiet inkompatibbli mal-iskop li għalih tkun inġabret id-data;

7.  Jirrimarka li l-Prinċipji tal-Privacy Shield jagħtu permess ġenerali għal kull tip ta' pproċessar ta' data personali mingħajr il-ħtieġa ta ' kunsens mis-suġġett tad-data jew id-dritt sħiħ li wieħed joġġezzjona; jinsab imħasseb li anke l-esklużjonijiet fakultattivi ("avviż u għażla") huma previsti biss fl-eventwalità ta' bidla materjali tal-iskop jew ta' divulgazzjoni lil parti terza; jinsab imħasseb li, anke fil-każ ta' data sensittiva, il-kunsens tas-suġġett tad-data huwa rikjest biss f'dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet;

8.  Jirrimarka li l-prinċipju supplimentari 2(a) huwa inkonsistenti mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Google Spain/Costeja tat-13 ta' Mejju 2014 (C-131/12) u mad-dritt għat-tħassir tad-data ("id-dritt li wieħed ikun minsi") skont id-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

9.  Jinsab imħasseb li l-infurzar skont il-Prinċipji tal-Privacy Shield ikun ferm esiġenti, minħabba li s-suġġett tad-data jkun jeħtieġlu jieħu ħames passi konsekuttivi (ilment lill-kontrollur; soluzzjoni alternattiva għat-tilwim; ilment lid-Department of Commerce jew lill-Federal Trade Commission permezz ta' awtorità ta' superviżjoni Ewropea tal-protezzjoni tad-data; Panel tal-Privacy Shield, qorti tal-Istati Uniti); ifakkar li, skont id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993, soluzzjoni alternattiva għat-tilwim hija pprojbita għal-kuntratti konklużi minn konsumatur;

10.  Jirrimarka li l-unika sanzjoni għal kontrollur li jaġixxi bi ksur tal-Prinċipji tal-Privacy Shield hija li jitħassar mil-lista tal-Privacy Shield; din is-sanzjoni ma jistax iqisha sostanzjalment ekwivalenti għas-sanzjonijiet amministrattivi u penali oħra previsti fid-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, b'mod speċjali ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

11.  Jirrimarka li la l-Federal Trade Commission, la d-Department of Commerce u lanqas il-fornituri ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim ma għandhom setgħat investigattivi komparabbli mal-awtoritajiet ta' superviżjoni Ewropej; ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjarat li setgħat ta' superviżjoni effikaċi huma essenzjali għas-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data skont il-liġi primarja tal-UE;

12.  Ifakkar li deċiżjoni ta' adegwatezza tagħti aċċess privileġġat għas-suq tal-UE lill-kontrolluri tad-data mill-pajjiż terz ikkonċernat; jinsab imħasseb li r-rekwiżiti anqas b'saħħithom tal-Prinċipji tal-Privacy Shield meta mqabbla mad-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data jagħtu vantaġġ kompetittiv lill-kontrolluri u lill-proċessuri bbażati fl-Istati Uniti fuq dawk stabbiliti fl-Unjoni;

13.  Jiddeplora l-fatt li l-Istati Uniti għad ma għandhiex att komprensiv dwar il-protezzjoni tad-data tal-konsumatur, minkejja ċerti sforzi f'dawn l-aħħar snin;

Sorveljanza mill-Gvern

14.  Jinnota li l-Anness VI (ittra minn Robert S. Litt, ODNI) jikkjarifika li skont id-Direttiva dwar il-Politika Presidenzjali 28 (minn hawn 'il quddiem "PPD-28"), l-użu ta' data u komunikazzjonijiet personali ta' persuni li mhumiex Amerikani miġbura f'massa għadu permess f'sitt każijiet; jirrimarka li tali ġbir tal-massa jeħtieġ biss li jkun 'imfassal speċifikament kemm jista' jkun' u 'raġonevoli', rekwiżit li ma jissodisfax il-kriterji aktar rigorużi ta' neċessità u proporzjonalità stabbiliti fil-Karta; jirrimarka li s-sena l-oħra l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li, biex tiżgura li t-test ta' neċessità u proporzjonalità jkun ġie applikat kif suppost, awtorizzazzjoni għal interċettazzjoni trid tidentifika b'mod ċar "persuna speċifika li titqiegħed taħt sorveljanza jew sett wieħed ta' binjiet bħala l-post li fir-rigward tiegħu qiegħda tiġi ordnata l-awtorizzazzjoni" u li "tali identifikazzjoni tista' ssir permezz ta' ismijiet, indirizzi, numri tat-telefon jew informazzjoni rilevanti oħra" (Zakharov vs Russia (2015), paragrafu 264); jirrimarka li s-sena l-oħra l-istess qorti speċifikat ukoll li t-test ta' neċessità jirrikjedi li l-interfernza tkun "strettament meħtieġa, b'kunsiderazzjoni partikolari, għall-ksib ta' intelligence kruċjali f'operazzjoni individwali" (Szabó and Vissy vs Hungary (2015), paragrafu 73);

15.  Jinnota li l-Annes XI jikkjarifika wkoll li data u komunikazzjonijiet personali jistgħu jinżammu għal ħames snin u saħansitra aktar jekk jitqies li dan ikun "fl-interess tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti"; jinsab imħasseb dwar il-fatt li dan huwa fi ksur tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-2014 dwar iż-żamma tad-data (kawżi magħquda C-293/12 u C-594/12);

16.  Jinnota li PPD-28 jimponi regoli ġodda li jillimitaw l-użu u t-tixrid ta' data u komunikazzjoni personali ta' persuni li mhumiex ċittadini tal-Istati Uniti, iżda ma jillimitax il-ġbir tal-massa tagħhom; jinnota li n-nota ta' qiegħ il-paġna numru 5 tal-PPD-28 tikkjarifika li "l-ġbir tal-massa" skont il-fehim tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti ma jinkludix sorveljanza tal-massa u aċċess għad-data u l-komunikazzjonijiet personali, iżda jirrigwarda biss il-ħżin tal-massa ta' tali data jew komunikazzjonijiet; jinsab imħasseb li dan huwa fi ksur tas-sentenza Schrems tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li tiddikjara li leġiżlazzjoni li tippermetti aċċess "b'mod ġeneralizzat, għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandha titqies bħala li tikkawża preġudizzju għall-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata";

17.  Jinnota li PPD-28 mhuwiex ekwivalenti għal liġi tal-Istati Uniti u jista' jiġi rtirat b'mod unilaterali minn kwalunkwe President futur tal-Istati Uniti; iwissi li dan joħloq inċertezza legali għaċ-ċittadini tal-UE li jiddependu fuq il-Privacy Shield, b'mod li kwalunkwe data ttrasferita lejn l-Istati Uniti tista' fil-futur titlef il-protezzjoni mill-Privacy Shield, mingħajr possibbiltà ta' rimedji, proċess leġiżlattiv jew twissija minn qabel;

18.  Jinnota li d-diċitura tal-eċċezzjoni ġenerali għas-sigurtà nazzjonali fil-punt 5 tal-Anness II tal-Prinċipji tal-Privacy Shield hija kkupjata verbatim mill-Prinċipji Safe Harbour u mhijiex limitata ulterjorament;

19.  Jinnota l-ħatra ta' Ombudsman fid-Department of State tal-Istati Uniti bħala punt ta' kuntatt għall-awtoritajiet ta' superviżjoni tal-UE fir-rigward tas-sorveljanza mill-gvern; jirrimarka, madankollu, li skont l-Artikolu 47 tal-Karta jeħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà ta' rimedju legali għas-suġġett tad-data nnifsu; jinnota li l-Anness III (ittra mis-Segretarju tal-Istat John F. Kerry) jiddikjara li l-Ombudsman "la se jikkonferma u lanqas se jiċħad jekk l-individwu kienx fil-mira ta' sorveljenza" u lanqas sejjer "jikkonferma r-rimedju speċifiku" (paragrafu 4(e)); jirrimarka wkoll li l-Ombudsman ma għandux l-indipendenza meħtieġa mill-eżekuttiv, peress li huwa jirrapporta lis-Segretarju tal-Istat;

20.  Jinnota li, wara l-invalidazzjoni tad-deċiżjoni dwar Safe Harbour, l-Istati Uniti ma ħadet l-ebda miżura biex trażżan il-programmi ta' sorveljanza msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, iżda minflok adottat is-Cybersecurity Information Sharing Act tal-2015 u bħalissa qiegħda tiffinalizza t-tibdiliet għar-Regola 41 tar-Regoli tal-Proċedura Kriminali Federali li jkomplu jimminaw il-privatezza ta' persuni li mhumiex ċittadini tal-Istati Uniti;

21.  Jinnota li, minkejja dawn l-azzjonijiet, l-Istati Uniti tibqa' l-uniku pajjiż li ħa passi biex jipproteġi d-drittijiet fundamentali fid-dawl tar-rivelazzjonijiet dwar l-operazzjonijiet globali ta' sorveljanza, bl-adozzjoni tal-USA Freedom Act tal-2015, li jillimita s-sorveljanza tal-massa minn aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti ġewwa l-Istati Uniti; jinsab imħasseb, madankollu, li s-sitwazzjoni legali tas-sorveljanza tal-massa minn aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti barra mill-Istati Uniti u ta' persuni mhux ċittadini tal-Istati Uniti ġewwa l-Istati Uniti kif prevista fil-US Code (Titolu 50, §1881a ('Sezzjoni 702')) għadha ma nbidlitx; iqis li l-Istati Uniti għandha tadotta leġiżlazzjoni ulterjuri sabiex tirrimedja din is-sitwazzjoni;

22.  Jirrimarka li bosta Stati Membri, inklużi Franza, ir-Renju Unit u n-Netherlands, qegħdin jikkunsidraw li jadottaw jew diġà adottaw leġiżlazzjoni li żżid b'mod sinifikanti s-setgħat u l-kapaċitajiet ta' sorveljanza tagħhom, iżda naqsu milli jkunu konformi mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tniedi proċedimenti ta' ksur kontra dawn l-Istati Membri;

Kwistjonijiet oħra

23.  Jirrimarka li ma saret l-ebda valutazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet u l-protezzjoni ta' ċittadini tal-UE meta d-data personali tagħhom tiġi ttrasferita minn kontrollur tad-data Amerikan permezz tal-Privacy Shield lil awtorità Amerikana tal-infurzar tal-liġi; jirrimarka li l-Anness VII (ittra minn Bruce C. Swartz, Dipartiment tal-Ġustizzja) dwar l-aċċess tal-infurzar tal-liġi għal data jirreferi biss għal aċċess għal data miżmuma minn kumpaniji, iżda ma jindirizzax is-suġġett tad-data u d-drittijiet ta' rimedju ġudizzjarju ta' individwi li d-data tagħhom qiegħda tiġi aċċessata;

24.  Jilqa' l-fatt li, skont l-Artikolu 3 tal-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet superviżorji tal-UE għall-protezzjoni tad-data xorta waħda jistgħu jissospendu t-trasferimenti ta' data personali lil kontrolluri ta' data li jipparteċipaw fl-arranġament Privacy Shield; jirrimarka li dan huwa f'konformità mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/497/KE dwar klawżoli standard kuntrattwali għat-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi;

25.  Jenfasizza l-prinċipju ta' lokalizzazzjoni tas-suq introdott mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data; jirrimarka li, ladarba jiġi applikat dan ir-Regolament, ħafna mill-kontrolluri tad-data Amerikani li użaw l-arranġement Safe Harbour u li jistgħu jużaw l-arranġament Privacy Shield se jkollhom jikkonformaw direttament mar-Regolament meta joffru servizzi fis-suq tal-UE jew jissorveljaw persuni li jinsabu fl-Unjoni;

Konklużjonijiet

26.  Jikkonkludi li l-arranġament Privacy Shield u s-sitwazzjoni fl-Istati Uniti ma jipprovdux titjib sostanzjali biżżejjed meta mqabbla mal-arranġament Safe Harbour;

27.  Jirrimarka li huwa probabbli ħafna li l-abbozz ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza, ladarba jiġi adottat, għal darb'oħra se jiġi kkontestat quddiem il-Qorti; jirrimarka li dan joħloq sitwazzjoni ta' inċertezza legali għall-intrapriżi u għall-individwi; jinnota li esperti tal-protezzjoni tad-data u assoċjazzjonijiet tan-negozju diġà qegħdin jagħtu pariri lill-kumpaniji biex jużaw mezzi oħra biex jittrasferixxu data personali lejn l-Istati Uniti;

28.  Jinsab imħasseb li l-Kummissjoni tista' teċċedi s-setgħa ta' implimentazzjoni tagħha fil-każ li tiddeċiedi li l-arranġament Privacy Shield jipprovdi livell adegwat ta' protezzjoni fl-Istati Uniti mingħajr ma twettaq valutazzjoni sħiħa tas-sistema tal-Istati Uniti, filwaqt li ma tikkunsidrax il-kwistjonijiet imqajma f'din ir-riżoluzzjoni;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli d-djalogu mal-Istati Uniti sabiex tinsisti għal aktar titjib fl-arranġament Privacy Shield fid-dawl tad-dgħufijiet attwali, sabiex tnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju li d-deċiżjoni ta' adegwatezza tiġi kkontenstata b'suċċess quddiem il-qorti;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni, biex tal-inqas tinkludi klawsola ta' estinzjoni ta' sentejn għall-validità tad-deċiżjoni dwar l-adegwatezza, u tibda negozjati ġodda mal-Istati Uniti dwar qafas imtejjeb abbażi tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Kungress tal-Istati Uniti.