MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
1.6.2016 - (2016/2699(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Ernest Urtasun, Molly Scott Cato, Bronis Ropė, Igor Šoltes, Ernest Maragall, Barbara Lochbihler f'isem il-Grupp Verts/ALE
<<<
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-Venezwela hemm sitwazzjoni ta' tensjoni estrema minħabba għadd ta' fatturi differenti ħafna;
B. billi l-implożjoni tal-prezz taż-żejt, li ftit jew wisq jirrappreżenta l-introjtu ewlieni tal-pajjiż, wassal għal tiċkin qawwi tal-ekonomija nazzjonali,
C. billi l-inflazzjoni sparat sa 700 %, l-ogħla rata fid-dinja;
D. billi l-provvista ta' oġġetti tal-konsum bażiċi, inklużi l-ikel u l-mediċini, hija għalkollox defiċjenti, filwaqt li sa 40 % tal-prodotti bażiċi prodotti fil-pajjiż jew importati, li l-prezzijiet tagħhom jinżammu rħas għal raġunijiet soċjali, jogħsfru fis-suq illegali mal-pajjiżi ġirien;
E. billi ż-żieda li tant ilha mitluba fil-prezz eċċessivament baxx tal-petrol u l-liberalizzazzjoni tar-rata tal-kambju wkoll kellhom effetti ħżiena fuq id-dħul u fuq l-aċċess għall-prodotti;
F. billi nixfa bla preċedent, dovuta għall-fenomenu El Niño, qed tkompli tgħakkes il-pajjiż; billi l-għażla li l-pajjiż jipproduċi 70 % tal-ħtiġijiet nazzjonali tal-enerġija abbażi ta' impjanti idroelettriċi, b'mod li sorsi oħra tal-enerġija rinnovabbli sfaw skartati, illum wasslet għal skarsezza estrema tal-enerġija u għall-għeluq sew ta' kumpaniji privati kif ukoll ta' uffiċċji pubbliċi;
G. billi, fit-30 ta' Mejju 2016, il-President tal-Venezwela Nicolás Maduro estenda l-istat ta' emerġenza b'60 jum addizzjonali;
H. bili l-elezzjonijiet parlamentari ta' Diċembru 2015 wasslu għar-rebħa tal-oppożizzjoni, mhux l-anqas minħabba rata kbira ta' astensjoni minn dawk li dari kienu jivvutaw favur il-PSUV, bir-riżultat ta' koabitazzjoni bla preċedent f'dak li jirrigwarda s-setgħa eżekuttiva, dik ġudizzjarja u dik leġiżlattiva;
I. billi l-oppożizzjoni bdiet proċess ta' referendum għar-revoka tal-mandat tal-President tal-Venezwela, kif permess mill-Kostituzzjoni tal-Venezwela tal-1999, li tistipula l-possibbiltà tar-revoka tal-mandati tal-persuni fil-karigi kollha f'kull livell wara li jkun skada nofs il-mandat tagħhom;
J. billi dan il-mekkaniżmu huwa uniku fid-dinja, u fih diversi kundizzjonijiet, inkluż dik li jeħtieġ li tal-anqas 1 % tal-elettorat f'kull stat federali jitolbu li jinbeda l-proċess, li 20 % ta' dawk eliġibbli għall-vot jitolbu li jsir referendum, li tal-anqas 25 % tal-votanti eliġibbbli jixħtu l-vot tagħhom, u fl-aħħar nett, li aktar nies jivvotaw favur ir-revoka tal-mandatarju milli jivvotaw kontra dik ir-revoka;
K. billi s-soluzzjoni tal-kunflitti b'mezzi vjolenti kienet karatteristika saljenti tar-reġjun kollu kemm hu matul is-seklu 20; billi dan il-grad għoli ta' vjolenza f'kull livell tal-ħajja pubblika għadu jeżisti u jhedded li jeqred il-Venezwela, li ma ġarrbitx gwerer ċivili bħalma għamlu l-parti l-kbira tal-pajjiżi fir-reġjun;
L. billi l-impunità għandha storja twila fil-Venezwela, filwaqt li għadu ma ġiex stabbilit min kien responsabbli għal każijijet ta' qtil u massakri, bħal dik li seħħet fil-ħabs ta' Catia fl-1992;
M. billi l-ġrajjiet vjolenti tal-2014, li ħallew tal-anqas 43 ruħ mejta, għadhom fl-impunità, filwaqt li kummissjoni tal-verità għandha tixħet dawl fuq delitti tal-aħħar deċennji u twitti t-triq għal proċessi u sanzjonijiet ordinarji;
N. billi l-UNASUR u l-OAS bħalissa qed imexxu inizjattiva ta' medjazzjoni bil-għan li jerġgħu jistabbilixxu djalogu politiku fil-qafas tal-Kostituzzjoni; billi l-eks President Spanjol José Luis Rodriguez Zapatero qed imexxi sforzi diplomatiċi bl-appoġġ tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti John Kerry;
1. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti biex ma jkomplux jaggravaw l-instabbiltà fil-pajjiż, jevitaw kwalunkwe vjolenza u ma jirrepetux it-tixrid tad-demm li kkawżaw id-dimostrazzjonijiet vjolenti tal-bidu tal-2015, jirrispettaw il-legalità, u jibdew djalogu kostruttiv, fi ħdan il-qafas tal-istat tad-dritt u tal-Kostituzzjoni nazzjonali;
2. Jissottolinja li sta għall-poplu tal-Venezwela li jidddeċiedi demokratikament dwar il-mudell soċjali u ekonomiku tal-pajjiż;
3. Jinsisti li s-sitwazzjoni kurrenti m'għandhiex tinuża minn stati barra l-Venezwela għal finijiet nazzjonali fil-pajjiżi rispettivi;
4. Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe appell għal intervent intiż biex iwaqqa' l-gvern, fl-agħar każ b'intervent militari, kif esprima ruħu f'diskors f'Miami l-eks President tal-Kolombja, Alvaro Uribe, fit-12 ta' Mejju 2016; jinsisti li bidla politika ta' kwalunkwe tip tista' titwettaq biss b'mezzi legali u elettorali;
5. Jistieden lill partijiet kollha konċernati biex jiżviluppaw pjan għall-għajnuna umanitarja u jġibu fi tmiemhom is-suq illegali, il-kuntrabandu u tipi oħra ta' ċaħda tal-aċċess għall-prodotti bażiċi, b'mod partikolari għas-sezzjonijiet l-aktar foqra tas-soċjetà Venezwelana;
6. Jilqa' l-isforzi tal-UNASUR u tas-Segretarju Ġenerali tagħha, il-Ġeneral Ernesto Samper, u tal-eks Presidenti ta' Spanja José-Luis Rodríguez Zapatero, tar-Repubblika Dominicana, Leonel Fernández, u tal-Panama, Martín Torrijos, bil-għan li jippromwovu djalogu nazzjonali ma' rappreżentanti tal-Gvern ta' Venezwela u tal-oppożizzjoni rrappreżentata mill-MUD,
7. Jitlob li l-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tappoġġja dawk l-isforzi bil-għan li l-partijiet jerġgħu lura għan-negozjati paċifiċi u jevitaw li l-kunflitt ikompli jiggrava ruħu;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, llill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-awtoritajiet tal-Venezwela u lill-Assemblea EuroLat.