MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
1.6.2016 - (2016/2699(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Andrew Lewer, Ashley Fox, Angel Dzhambazki f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0700/2016
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela[2] u tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Novembru 2015 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hija parti għalih,
– wara li kkunsidra l-ittra tas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani tat-18 ta' Mejju 2016,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi sew il-Gvern tal-Venezwela kif ukoll il-Qorti Suprema tal-Venezwela qed ifixklu s-setgħat leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali inawgurata f'Diċembru 2015 bl-oppożizzjoni demokratika fil-maġġoranza, u b'hekk qed jipperikolaw il-bilanċ tas-setgħat meħtieġ fi stat iggvernat bl-istat tad-dritt;
B. billi deċiżjonijiet bħal dawk li ħarġu u kkonfermaw id-Digriet ta' Stat ta' Eċċezzjoni u ta' Emerġenza Ekonomika, eliminaw is-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali rigward l-iskrutinju tal-politiki, irrifjutaw li jirrikonoxxu s-setgħa kkonferita mill-kostsiuzzjoni lill-Assemblea Nazzjonali li din tal-aħħar tirrevoka l-ħatra ta' mħallfin tal-Qorti Suprema, iddikjaraw mhux kostituzzjonali r-riforma tal-Liġi dwar il-Bank Ċentrali tal-Venezwela, issospendew l-artikoli tar-Regoli dwar d-Dibattiti Interni tal-Assemblea Nazzjonali, fost l-oħrajn, ittieħdu bi ksur tas-setgħat leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali, bl-ebda rispett għall-bilanċ tas-setgħat li huwa essenzjali fi stat iggvernat bl-istat tad-dritt;
C. billi, fid-29 ta' Marzu 2016, l-Assemblea Nazjonali għaddiet il-Liġi dwar Amnistija u Rikonċiljazzjoni Nazzjonali, bil-ħsieb li jinħelsu l-priġunieri politiċi, li l-parti l-kbira minnhom kienu miżmuma l-ħabs mingħajr ma sarilhom proċess jew instabu ħatja, u billi, fil-11 ta' April 2016, il-Qorti Suprema ddikjarat li dik il-liġi ma kenitx kostituzzjonali;
D. billi l-gvern tal-Venezwela għandu kontroll sħiħ fuq il-ġudikatura tal-pajjiż u fuq il-kummissjoni elettorali, bi ksur ċar tal-prinċipju tal-indipendenza u s-separazzjoni tas-setgħat li hija karatteristika ta' stati demokratiċi ggvernati bl-istat tad-dritt;
E. billi l-oppożizzjoni demokratika bdiet proċess li jgawdi rikonoxximent kostituzzjonali li jippermetti li uffiċjali pubbliċi jitwarrbu mill-kariga wara li jkunu kkompetaw 50 % tal-mandat tagħhom, u ġabret u għaddiet lill-Kunsill Elettorali Nazzjonali 1,8 miljun firma, bil-wisq aktar mill-198 000 meħtieġa biex il-proċess jiġi aċċettat kostituzzjonalment;
F. billi Luis Almagro, is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, ħeġġeġ lill-President tal-Venezwela biex ma jibqax jimmina l-parlament immexxi mill-oppożizzjoni, jeħles "lin-nies li qed iżżommfil-ħabsijiet minħabba l-ideat tagħhom" u jħalli r-referendum dwar ir-revoka jsir din is-sena;
G. billi l-konfrontazzjonijiet politiċi qed isiru fuq sfond ta' inċertezza ekonomika dejjem tikber għall-parti l-kbira tal-Venezwelani, li qed ibatu minn skarsezzi ta' oġġetti tal-ikel u mediċini bażiċi, sptarijiet li sejrin lura, qtugħ tal-provvista tal-ilma u tal-elettriku, korruzzjoni massiċċa u inflazzjoni li qed tispara 'l fuq, kif ukoll minn vjolenza (politika) li qed tikber;
1. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-deterjorament gravi tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tas-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-Venezwela;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' setgħat tal-istat, b'mod partikolari ta' dawk tal-ġudikatura u tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali, għat-tagħwiġ u t-twarrib ta' leġiżlazzjoni adottata leġittimament mill-parlament, l-Assemblea Nazzjonali, b'mod li b'hekk jimmina r-rieda tal-poplu tal-Venezwela kif espressa fl-elezzjonijiet tas-6 ta' Dċembru2015;
3. Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jirrispetta l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt li dak li jkun jieħu sehem f'dimostrazzjonijiet paċifiċi, u l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat li hija karatteristika tad-demokraziji;
4. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Venezwela biex jeħles minnufih il-priġunieri politiċi kollha;
5. Iħeġġeġ lill-gvern u lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Venezwela biex jirrispettaw il-kostituzzjoni, inklużi l-mekkaniżmi u l-proċeduri leġittimi u rikonoxxuti għall-attivazzjoni tal-proċess stabbilit fil-kostituzzjoni tal-Venezwela għad-destituzzjoni tal-president qabel tmiem l-2016;
6. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati biex jegħlbu s-sitwazzjoni attwali kritika tal-Venezwela permezz ta' soluzzjoni kostituzzjonali, paċifika u demokratika bbażata fuq id-djalogu;
7. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ tikkoopera mal-pajjiżi tal-Amerika Latina u ma' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali bil-għan li tiżgura li fil-Venezwela jiġu implimentati mekkaniżmi għad-djalogu, għar-rikonċiljazzjoni u għall-medjazzjoni nazzjonali ħalli jirfdu soluzzjoni paċifika, demokratika u kostituzzjonali għall-kriżi li l-pajjiż qed iġarrab bħalissa;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2014)0176.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2014)0106.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2015)0080.