MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
1.6.2016 - (2016/2699(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Jannar 2016 mill-kelliem għas-SEAE dwar l-inawgurazzjoni tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida tal-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-Karta Demokratika Inter-Amerikana,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u b'mod partikolari l-Artikoli 72 u 233 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kriżi ekonomika tal-Venezwela li qed tmur għall-agħar, flimkien mal-impass politiku bejn il-gvern u l-parlament li għadu kif ġie elett, saru kriżi vera u proprja b'livelli ta' skuntentizza u vjolenza li qed jiżdiedu fil-pajjiż sħiħ;
B. billi, minkejja li għandha l-akbar riżervi taż-żejt fid-dinja, il-Venezwela tinsab fix-xifer ta' kollass ekonomiku minħabba l-kollass tal-ekonomija f'dawn l-aħħar snin u minħabba inflazzjoni li qed togħla mas-smewwiet; billi s-sitwazzjoni hija partikolarment gravi għall-popolazzjoni għax hemm nuqqas serju ta' bżonnijiet bażiċi bħall-ikel u l-mediċini, u l-elettriku wkoll ġie rrazzjonat;
C. billi s-sitwazzjoni diġà kritika ġiet aggravata minn waqgħa fil-prezzijiet taż-żejt u mill-agħar nixfa tal-pajjiż sa mill-1969;
D. billi r-Roundtable tal-Unità Demokratika (MUD), partit tal-oppożizzjoni taċ-ċentru-lemin, rebaħ l-elezzjonijiet leġiżlattivi tas-6 ta' Diċembru 2015 b'maġġoranza ta' żewġ terzi li tippermettilhom li jagħmlu tibdil fil-kostituzzjoni;
E. billi, fit-2 ta' Mejju 2016, MUD ressaq petizzjoni b'1.85 miljun firma, ħafna ogħla mill-200 000 firma meħtieġa skont il-kostituzzjoni, li titlob għal referendum revokatorju biex jitneħħa l-President fil-kariga, Nicolás Maduro; billi l-gvern jopponi r-referendum;
F. billi r-referendum revokatorju huwa proċess fuq tliet stadji; billi wara li kkonformat mal-ewwel stadju tal-proċess tal-petizzjoni, l-oppożizzjoni qed tistenna lill-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) biex jipprovdi d-dokumenti meħtieġa ħalli jinbeda t-tieni stadju, li fih huma meħtieġa l-firem ta' 20 % tal-popolazzjoni; billi l-Kunsill Elettorali Nazzjonali ddenunzja li kien hemm irregolaritajiet fil-ġbir tal-firem;
G. billi, fit-18 ta' Mejju 2016, l-oppożizzjoni Venezwaljana organizzat marċ f'Caracas bħala sapport għar-referendum revokatorju, fejn appellat lill-Kunsill Elettorali Nazzjonali biex ma jwaqqafx deliberatament il-proċess tar-referendum; billi seħħew diversi inċidenti meta l-Gwardja Nazzjonali Venezweljana użat il-gass tad-dmugħ f'konfrontazzjonijiet mad-dimostranti; billi ma ġewx irrappurtati vittmi;
H. billi, fit-13 ta' Mejju 2016, il-President Maduro ħareġ digriet li jimponi stat ta' emerġenza għal 60 jum; billi, minkejja l-protesti tal-oppożizzjoni, il-Qorti Suprema Venezwelana ddeċidiet li tali stat ta' emerġenza hija kostituzzjonali minħabba "ċ-ċirkustanzi soċjali, ekonomiċi, politiċi, naturali u ekoloġiċi straordinarji li qed jolqtu serjament l-ekonomija nazzjonali";
I. billi l-miżuri adottati mill-gvern jippermettu lill-forzi armati u l-kumitati lokali li jqassmu u jbiegħu l-ikel u li jnaqqsu l-ħin tax-xogħol fis-settur privat – miżura li diġà ttieħdet fis-settur pubbliku – bħala mezz biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-elettriku; billi l-miżuri l-ġodda jippermettu wkoll lill-gvern li jieħu kontroll ta' prodotti u servizzi bażiċi;
J. billi bosta kumpaniji temmu l-attivitajiet tagħhom fil-Venezwela bħala riżultat tas-sitwazzjoni ekonomika; billi l-President Maduro heddet li jinnazzjonalizza l-impriżi li jtemmu l-operazzjonijiet;
K. billi, fit-28 ta' Mejju 2016, l-oppożizzjoni tal-Venezwela u l-ogħla uffiċjali tal-gvern iltaqgħu taħt l-awspiċi tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel, fil-preżenza ta' grupp ta' medjaturi sabiex iwittu t-triq għal djalogu; billi kien hemm rapporti li ma kien hemm l-ebda kuntatt dirett bejn il-gvern u l-oppożizzjoni peress li d-djalogu tmexxa permezz tal-medjaturi;
L. billi, fil-31 ta' Mejju 2016, l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) invokat il-karta demokratika tagħha biex tirrevedi s-sitwazzjoni politika fil-Venezwela waqt laqgħa tal-Kunsill Permanenti li fiha ser "jiġu indirizzati l-ksur tal-ordni kostituzzjonali u l-effett gravi fuq l-ordni demokratika fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela";
1. Jappoġġa l-poplu tal-Venezwela f'dawn il-mumenti diffiċli; ifakkar lill-atturi politiċi kollha li, f'sitwazzjoni ta' kriżi ekonomika li dejjem sejra għall-agħar, ir-responsabbiltà primarja tagħhom hija lejn il-poplu tagħhom u li jipproteġi l-benessri tagħhom;
2. Iħeġġeġ lill-gvern biex ma jużax l-istat ta' emerġenza ħalli jrażżan id-dissens u jimblokka l-proċess tar-referendum, iżda biex minflok jużah bħala strument ġenwin ħalli jgħin il-popolazzjoni ddisprata tissodisfa l-bżonnijiet bażiċi tagħha, u b'mod partikolari biex ikun hemm aċċess għal mediċini, kura medika u prodotti meħtieġa għas-soppravivenza;
3. Jappoġġja l-azzjonijiet ta' medjazzjoni meħuda mill-komunità internazzjonali għall-Venezwela u jilqa' t-tnedija ta' djalogi ta' medjazzjoni fir-Repubblika Dominikana bħala opportunità biex jingħeleb l-impass politiku; jemmen bis-sħiħ li, għalkemm it-taħditiet ta' medjazzjoni huma punt ta' tluq, taħditiet diretti bejn il-partijiet ikunu ta' benefiċċju għall-futur tal-pajjiż;
4. Iqis li d-djalogu nazzjonali huwa l-uniku mod biex tingħeleb l-emerġenza fil-Venezwela; jemmen li l-prijorità għall-forzi politiċi kollha għandha tkun li jingħataw tweġibiet konkreti lil nies li qed ibatu minħabba n-nuqqas ta' aċċess għal prodotti bażiċi bħall-ikel u l-mediċini;
5. Jistieden lill-komunità internazzjonali biex tappoġġja djalogu sinċier u miftuħ bejn l-atturi ewlenin tal-gvern u tal-oppożizzjoni u biex ma taġixxix b'xi mod li jkun jista' jiggrava, saħansitra aktar, is-sitwazzjoni; jitlob lill-Unjoni Ewropea biex tkun lesta tagħti l-kontribut tagħha għal dan il-proċess;
6. Jistieden kemm lill-gvern kif ukoll l-oppożizzjoni biex ma jinvolvux lill-armata fil-ġlieda politika, u jisħaq fuq ir-riskji inerenti ta' tali azzjoni;
7. Jemmen li l-klassi politika ma tistax tinjora r-rieda tal-poplu iżda jenfasizza li kwalunkwe inizjattiva, inkluż il-proċess mibdi mill-oppożizzjoni bit-talba għal referendum revokatorju, għandha tikkonforma għal kollox mal-proċeduri stabbiliti fil-Kostituzzjoni;
8. Jistieden lill-Kunsill Elettorali Nazzjonali biex ikompli r-rwol indipendenti tiegħu li jissorvelja u jiggarantixxi t-trasparenza tar-referendum b'konformità mal-Kostituzzjoni, biex ma jfixkilx il-proċess tar-rieżami tal-firem u biex jippermetti t-tieni stadju tal-proċess li jwassal għall-bidu ta' referendum revokatorju; jistieden lill-partiti politiċi biex ma jinfluwenzawx il-proċess kostituzzjonali tar-referendum revokatorju;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.