MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
1.6.2016 - (2016/2699(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Javier Couso Permuy, Marina Albiol Guzmán, João Pimenta Lopes, Neoklis Sylikiotis, Miguel Viegas, João Ferreira, Eleonora Forenza, Paloma López Bermejo, Takis Hadjigeorgiou, Sofia Sakorafa f'isem il-Grupp GUE/NGL
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Kapitolu 1, Artikolu 1(2) tal-Karta tan-NU tal-1945, bil-għan iddikjarat tiegħu "li jiġu żviluppati relazzjonijiet ta' ħbiberija fost in-nazzjonijiet ibbażati fuq ir-rispett għall-prinċipju tad-drittijiet ugwali u l-awtodeterminazzjoni tal-popli, u li jittieħdu miżuri xierqa oħra biex tissaħħaħ il-paċi universali",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li t-tnejn li huma jiddikkjaraw li "l-popli kollha għandhom id-dritt ta' awtodeterminazzjoni" u li "bis-saħħa ta' dak id-dritt, huma jiddeterminaw liberament l-istatus politiku tagħhom u jsegwu liberament l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom",
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit tal-Kapijiet ta' Stat u Gvern tal-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u l-Karibew (CELAC) u l-UE tas-27 ta' Jannar 2013, fejn il-firmatarji tennew mill-ġdid l-impenn tagħhom lejn il-finijiet u l-prinċipji kollha mnaqqxa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-appoġġ tagħhom għall-isforzi kollha biex titħares l-ugwaljanza sovrana tal-istati kollha u biex jiġu rispettati l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni tal-Amerika Latina u l-Karibew bħala Żona ta' Paċi, maqbula waqt is-summits tas-CELAC li saru f'Havana (Kuba) fl-2014, Belén (il-Kosta Rika) fl-2015 u Quito (l-Ekwador) fl-2016,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Politika u d-Dikjarazzjoni ta' Brussell tas-Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-UE u tas-CELAC tal-10 u l-11 ta' Ġunju 2015, fejn il-firmatarji tennew l-impenn tagħhom lejn il-finijiet u l-prinċipji kollha mnaqqxa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tennew ukoll id-deċiżjoni tagħhom li jappoġġaw l-isforzi kollha favur l-ugwaljanza sovrana tal-Istati kollha, li jirrispettaw l-integrità territorjali tagħhom u l-indipendenza politika tagħhom, u li jippromwovu s-soluzzjoni tat-tilwim b'mezzi paċifiċi u f'konformità mal-ġustizzja u d-dritt internazzjonali, u jinnota li s-CELAC iddikjarat l-Amerika Latina u l-Karibew bħala Żona ta' Paċi,
– wara li kkunsidra l-prinċipju ta' noninterferenza stabbilit fil-Karta tan-NU,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra r-rielezzjoni tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela bħala membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ottubru 2015 u l-konklużjonijiet tal-aħħar Eżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi tal-1961,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preċedenti tat-23 ta' Mejju 2015 mis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR) wara ż-żjara tal-UNASUR fil-Venezwela.
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Mejjuu 2016 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tal-Venezuela dwar il-kostituzzjonalità tad-Digriet Nru 2323 dwar l-istat ta' emerġenza u ta' emerġenza ekonomika approvat mill-gvern,
– wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-President Nicolás Maduro li tinħoloq u tkun promossa l-Kummissjoni ta' Verità u Riparazzjoni għall-Vittmi tal-Vjolenza, f'konformità mal-istat tad-dritt u r-rispett tal-qafas kostituzzjonali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela mill-Mercosur, UNASUR u CELAC, u b'mod partikolari d-dikjarazzjonijiet tat-tliet organizzazzjonijiet li jiċħdu l-miżuri unilaterali koerċittivi tal-Istati Uniti kontra r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar il-Venezwela mir-rebbieħ Arġentin tal-Premju Nobel għall-Paċi Adolfo Pérez Esquivel u mill-Papa Franġisku,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), b'mod partikolari l-aktar dikjarazzjoni reċenti mill-kelliem tagħha, tal-24 ta' Frar 2015,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Mejju 2007[1], it-23 ta' Ottubru 2008[2], is-7 ta' Mejju 2009[3], il-11 ta' Frar 2010[4], it-8 ta' Lulju 2010[5], l-24 ta' Mejju 2012[6], is-27 ta' Frar 2014[7], it-18 ta' Diċembru 2014[8] u d-9 ta' Marzu 2015[9],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni uffiċjali mis-Segretarju Ġenerali tal-UNASUR tat-28 ta' Mejju 2016 u d-dikjarazzjonijiet preċedenti minn Leonel Fernández, ex-President tar-Repubblika Dominikana, waqt żjara ta' tim ekonomiku mill-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi twettqet gwerra ekonomika minn xi setturi fil-Venezwela u aktar u aktar f'dawn l-aħħar xhur, b'żieda fil-prezzijiet, kuntrabandu ta' merkanzija u ħżin; billi l-Venezwela qed taffaċċja theddidiet interni kif ukoll esterni għall-paċi u s-sovranità tagħha fl-istess ħin li fih qed tħabbat wiċċha ma' problemi straordinarji politiċi, soċjali, ekonomiċi, naturali u ambjentali;
B. billi l-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela kemm-il darba ddenunzja l-azzjonijiet ta' destabbilizzazzjoni promossi mill-oppożizzjoni kontra l-paċi u l-istabbiltà demokratika fil-pajjiż u kontra l-poplu tal-Venezwela, kif seħħ fit-12 ta' Frar 2014 permezz tal-"Operazzjoni Jericho", jiġifieri attentat ta' kolp ta' stat kontra l-gvern elett demokratikament, ippjanat mill-oppożizzjoni tal-lemin estrem u ffinanzjat u appoġġat mill-Gvern tal-Istati Uniti bl-appoġġ ta' għadd ta' uffiċjali militari għolja Venezwelani, kif ukoll l-intensifikazzjoni f'dawn l-aħħar xhur tal-gwerra ekonomika, il-promozzjoni ta' atti vjolenti kontra persuni ċivili, l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-armata u l-pulizija u ssabotaġġar tas-servizzi pubbliċi, li involvew mexxejja tal-oppożizzjoni, fosthom is-Sindku ta' Caracas Antonio Ledezma, María Corina Machado u Leopoldo López, li wettqu delitti serji u issa qed jipprovaw jimmanipulaw l-opinjoni pubblika internazzjonali sabiex jiġu meqjusa "priġunieri politiċi";
C. billi Antonio Ledezma ġie arrestat b'mandat maħruġ mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u akkużat b'konfoffa u assoċjazzjoni b'intenzjoni kriminali għall-involviment allegat tiegħu fil-komplott; billi ż-żewġ delitti li hu mixli bihom huma definiti u penalizzati taħt il-Kodiċi Kriminali tal-Venezwela u l-Liġi Organika kontra l-Kriminalità Organizzata u l-Finanzjament tat-Terroriżmu;
D. billi l-vjolenza li qed tiġi orkestrata mil-lemin estrem fil-Venezwela kienet fattur li kkontribwixxa fil-każijiet tal-qtil ta' għadd ta' esponenti ewlenin tal-Partit Soċjalista Magħqud tal-Venezwela (PSUV) – Omar Arcadio Guararima u Jhonny Rodríguez fl-2013; Juancho Montoya, Eliézer Otaiza, Efraín Enrique Larreal u Robert Serra fl-2014; Dimas Gómez Chirinos, César Cristóbal Grisel Salazar, José Coraspe u Jean Carlos Añanguren fl-2015; u ta' Alfredis José Escandela Sánchez, Ricardo Durán, César Vera u Marco Tulio Carrillo fl-2016, biex ma nsemmux, reċentement, fit-28 ta' Mejju ta' din is-sena, il-qtil vjolenti ta' Ġeneral Maġġur irtirat tal-armata u ex-kmandant tal-Milizja Nazzjonali Bolivarjana, Félix Velásquez, li miet f'Caracas minħabba ġrieħi ta' balal; billi l-Ministru tal-Intern, il-Ġustizzja u l-Paċi, Gustavo González López, irrapporta li tnejn minn dawk li ġew arrestati fuq suspett li wettqu l-qtil huma membri attivi tal-Pulizija ta' Chacao, forza li tobdi l-ordnijiet tas-sindku ta' Caracas li jappoġġja l-oppożizzjoni;
E. billi f'Diċembru 2014, il-President tal-Istati Uniti Barack Obama ħabbar liġi li timponi sanzjonijiet unilaterali u extraterritorjali kontra l-Venezwela, approvata mis-Senat tal-Istati Uniti, li testendi sal-2019 is-sanzjonijiet unilaterali u extraterritorjali applikati mill-Istati Uniti kontra l-poplu u l-Gvern Bolivarjan tal-Venezwela; billi kull wieħed mit-33 nazzjon tal-Amerika Latina u l-Karibew ikkundannaw u ċaħdu dawn is-sanzjonijiet unilaterali imponuti mill-Istati Uniti fuq il-Venezwela; billi fid-dikjarazzjoni ta' Brussell tat-Tieni Summit UE-CELAC, il-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-UE ħadu nota taċ-ċaħda min-naħa tas-CELAC tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti kontra r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela; billi l-Gvern tal-Venezwela rreaġixxa billi ħabbar sett ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-Artikoli tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi;
F. billi fl-10 ta' Mejju 2016 fi Strasburgu, il-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, talbet, b'manjiera intervenzjonista u allarmanti, għall-appoġġ tal-Parlament Ewropew biex tiġi implimentata "kwalunkwe soluzzjoni siewja" għas-sitwazzjoni fil-Venezwela;
G. billi fis-17 ta' Mejju 2016, fil-laqgħa tal-EuroLat f'Lisbona, il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani appella lill-UE biex tintervjeni fil-Venezwela;
H. billi wieħed mill-komponenti tad-destabbilizzazzjoni kontinwa fil-Venezwela kien, u għadu, il-finanzjament ta' miljuni kbar ta' dollari lill-organizzazzjonijiet u l-partiti politiċi ta' kontra l-gvern min-naħa ta' aġenziji tal-Istati Uniti bħall-USAID u l-National Endowment for Democracy, li ilu jingħata għal aktar minn 12-il sena; billi l-President Obama reċentament awtorizza fond speċjali ta' USD 5.5 miljuni biex jiffinanzja l-gruppi kontra l-gvern fil-Venezwela permezz tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istat Uniti;
I. billi fi Frar 2014, tnieda l-pjan magħruf bħala "La Salida" ("Il-Ħruġ"), b'dimostrazzjoni organizzata mill-istudenti wara sejħa mill-partiti politiċi tal-lemin u tal-lemin estrem, li żvolġa fi vjolenza li damet għal diversi xhur bl-għan ċar li jiġi destabbilit il-gvern elett demokratikament tal-Venezwela; billi bejn Frar u Ġunju 2014, 43 ruħ inqatlu u 878 indarbu; billi din ma kinitx strateġija ġdida, peress li dan ix-xenarju hu simili għal dak tal-kolp ta' stat tal-2002 u l-vjolenza li segwiet l-elezzjoni demokratika tal-President Maduro f'April 2013; billi l-mexxejja tal-oppożizzjoni dak iż-żmien irrifjutaw li jirrikonoxxu r-riżultat tal-elezzjoni u minn dak iż-żmien żiedu ripetutament il-livell ta' vjolenza; billi fil-lejl tal-elezzjonijiet, 11-il Venezwelan, inklużi żewġt itfal, mietu wara attakki fuq iċ-ċelebrazzjonijiet Bolvarjani;
J. billi l-"Comité de Víctimas de la Guarimba y el Golpe Continuado (il-Kumitat tal-Vittmi tal-Vjolenza fuq il-Barrikati fit-Toroq u l-Kolp ta' Stat li qed Ikompli), li hu magħmul mill-vittmi tal-vjolenza u l-qraba tagħhom, appellaw lill-komunità internazzjonali biex iżżomm lura milli tuża d-drittijiet tal-bniedem għal skopijiet politiċi u biex ma tikkooperax mal-atturi politiċi tal-Venezwela li qed jippruvaw isikktu jew jimmanipulaw l-azzjonijiet ta' vjolenza u mibegħda li l-Venezwela ġarrbet sa minn Frar 2014; billi l-qraba tal-vittmi talbu għall-prosekuzzjoni tal-persuni responsabbli u appellaw biex tintemm l-impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;
K. billi f'Mejju 2016, fuq it-talba u l-inizjattiva tal-President Maduro, , twaqqaf Kumitat tal-UNASUR biex javvanza l-isforzi għall-promozzjoni ta' djalogu bejn il-Gvern u l-oppożizzjoni tal-Venezwela sabiex jindirizzaw kwistjonijiet fundamentali għan-nazzjon; billi l-grupp li qed jaħdem fuq l-aġenda għad-djalogu jinkludi l-ex-Prim Ministru Spanjol José Luis Rodríguez Zapatero, l-ex-President Martín Torrijos tal-Panama u l-ex-President tar-Repubblika Dominikana Leonel Fernández; billi, f'dan ir-rigward, is-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, ħeġġeġ l-inizjattivi li għaddejjin min-naħa ta' ex-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern biex jippromwovu d-djalogu bejn il-Gvern tal-Venezwela u l-oppożizzjoni, taħt l-awspiċi tal-UNASUR;
L. billi maġġoranza tal-midja nazzjonali u internazzjonali qegħdin jippreżentaw is-sitwazzjoni fil-Venezwala min-naħa waħda biss; billi l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, b'mod partikolari permezz tan-netwerks soċjali, qiegħda ixxerred xnigħat u miżinformazzjoni dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dwar kriżi umanitarja allegata, sabiex tiġġustifika intervent kontra l-Venezwela;
M. billi r-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi Adolfo Pérez Esquivel appella diversi drabi biex id-demokrazija fil-Venezwela titħares kontra tentattivi ta' destabbilizzazzjoni tal-gvern, u wissa li t-tentattivi ta' kolp ta' stat qegħdin javvanzaw permezz ta' metodoloġiji ġodda fl-Amerika Latina, u ddenunzja lill-kumpaniji multinazzjonali tal-midja bħas-CNN u l-Fox News li qed ixandru propaganda tal-gwerra f'isem il-paċi, u l-mibegħda f'isem il-libertà;
N. billi fl-aħħar 15-il sena fil-Venezwela saru 20 elezzjoni differenti; billi l-aħħar elezzjonijiet parlamentari ntrebħu mill-oppożizzjoni, u dan juri li l-argument li d-demokrazija fil-Venezwela hija ineżistenti hu kompletament falz; billi, minkejja kull elezzjoni demokratika, parti mill-oppożizzjoni dejjem tirrifjuta li tirrikonoxxi l-leġittimità tal-gvern; billi fl-aħħar elezzjonijiet l-oppożizzjoni b'mod opportunistiku rrikonoxxiet ir-riżultat u appellat għar-rispett lejn il-kostituzzjoni tal-Venezwela minkejja li dejjem opponietha; billi l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Bolvarjana tal-Venezwela tinkludi mekkanimżi ta' demokrazija parteċipattiva, bħad-dispożizzjoni għal referendum li jirrevoka l-mandat tal-President;
O. billi l-lemin estrem fil-Venezwela qed jipprova jqarraq l-opinjoni pubblika billi jiddikjara li l-Kunsill Elettorali Nazzjonali qed jostakola r-referendum ta' revoka; billi l-oppożizzjoni kellha l-opportunità li tibda l-proċess fl-10 ta' Jannar 2016 iżda għal xi raġuni ma għamlitx hekk, u minflok stenniet sal-aħħar mument biex tagħmel l-ordni, minkejja li kienet taf il-passi kollha li kien jeħtiġilha ssegwi; billi l-lemin estrem 'ma segwiex il-proċeduri u konsegwentement qed jikkritika l-Kunsill Elettorali Nazzjonali għar-raġuni waħdanija li b'mod opportunistiku jrid jadatta l-liġi skont l-aġenda tiegħu stess;
P. billi l-lemin estrem ipprova japprova liġi ta' amnestija li, kieku kienet teżisti f'xi pajjiżi Ewropej, tkun tfisser li jinħelsu persuni qattiela u terroristi; billi, madankollu, il-lemin estrem isostni li din il-liġi se tkun immirata lejn il-ħelsien ta' priġunieri politiċi; billi dawk miżmumin fil-ħabs fil-Venezwela huma responsabbli għal delitti kontra l-poplu tal-Venezwela u kontra l-gvern leġittimu tagħha, għall-qtil ta' nies komuni waqt il-Guarimbas, u għal atti terroristiċi oħra;
Q. billi r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ġiet eletta b'appoġġ wiesa' bħala membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; billi l-Venezwela aċċettat 97 % tar-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar Eżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-2011; billi 80 % tar-rakkomandazzjonijiet kienu direttament applikabbli u l-Istat tal-Venezwela impenja ruħu li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet l-oħra aċċettati; billi f'Ottubru 2014 il-Venezwela ġiet eletta wkoll f'wieħed mill-ħames siġġijiet li jalternaw fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għall-perjodu 2015–2016, b'181 vot favur minn total ta' 193 stat membru tan-NU; billi fis-6 u s-7 ta' Novembru 2014 l-Istat Venezwelan deher quddiem il-Kumitat kontra t-Torutra tan-NU, li skrutinizza l-konformità tal-Istat mal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti;
R. billi bejn l-2006 u l-2013 il-Venezwela telgħet 13-il post fl-Indiċi tal-Iżvilupp Uman tan-NU, u tinsab fil-71 post minn 187; billi matul l-aħħar għaxar snin il-Gvern tal-Venezwela żied l-infiq soċjali b'aktar minn 60.6 %; billi l-Venezwela issa huwa l-pajjiż bl-iktar rata baxxa ta' inugwaljanzi fir-reġjun;
S. billi skont il-Kummissjoni Ekonomika tan-NU għall-Amerika Latina (CEPAL), il-Venezwela naqqset b'mod sinifikanti r-rata ta' faqar tagħha u żiedet l-istennija tal-għomor; billi l-livell ta' faqar estrem niżel għal livell rekord ta' 5.4 % fl-2015, meta mqabbel ma' 21 % fl-1998; billi l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-NU ferħet lill-Gvern Venezwelan talli naqqas b'mod sinifikanti l-għadd ta' persuni jbatu minn malnutriment, u għaldaqstant laħaq wieħed mill-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju tan-NU;
T. billi l-Venezwela hi l-ħames l-akbar pajjiż esportatur taż-żejt fid-dinja, u għandha l-akbar riżervi evidenzjati ta' żejt fid-dinja; billi, skont l-abbozz ta' baġit għall-2015, 38 % tan-nefqa pubblika se tkun iffokata fuq l-investiment soċjali, fosthom fl-oqsma tal-edukazzjoni, id-djar u l-iżvilupp urban, il-kura tas-saħħa, is-sigurtà soċjali, il-kultura, il-komunikazzjoni u x-xjenza u t-teknoloġija, li jammontaw għal 8.2 % tal-PDG tal-Venezwela;
U. billi l-Venezwela qiegħda tħabbat wiċċha ma' attakk serju min-naħa tal-Istati Uniti u l-UE – attakk politiku, diplomatiku, finanzjarju, ekonomiku u tal-mezzi tax-xandir – fl-istess ħin li qed taffaċċa l-fenomenu El Niño, li tul l-aħħar tliet snin ikkawża nuqqas ta' xita li wassal biex żdied l-għadd ta' nħawi milquta minn nixfa u temperaturi għoljin; billi din is-sitwazzjoni kkawżat tnaqqis fil-livell tal-ilma tad-diega Guri, u b'hekk kellha sehem fil-kriżi tal-enerġija fil-pajjiż; billi s-sitwazzjoni ekonomika tal-Venezwela qed tintlaqat mit-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt, u l-gvern qed jaħdem biex isostni l-mudell soċjali attwali u l-progress soċjali kollu milħuq;
V. billi, fid-dawl taż-żminijiet straordinarji li qed tesperjenza l-Venezwela, il-President Maduro ddeċieda li joħroġ id-Digriet Nru 2323 dwar l-istat ta' emerġenza u ta' emerġenza ekonomika, li diġà kellha xi riżultati pożittivi fid-difiża tad-drittijiet tal-ħaddiema, il-popli indiġeni u l-pensjonanti, fost gruppi oħrajn milquta miċ-ċirkustanzi straordinarja attwali;
W. billi nbeda djalogu bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u l-oppożizzjoni, immexxi minn José Luis Rodríguez Zapatero, Leonel Fernández u Martín Torrijos;
1. Jikkundanna b'qawwa l-kampanja permanenti ta' destabbilizzazzjoni mwettqa kontra r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, permezz ta' atti vjolenti mwettqa f'ambitu simili għal dak tal-attentat ta' kolp ta' stat preċedenti tal-2002; jinsisti li l-azzjonijiet ta' ndħil kontra s-sovranità tal-Venezwela, mhux talli ma joħolqux spazji għal djalogu u paċi, talli jinkoraġġixxu pożizzjonijiet estremi li jaqgħu barra l-ordni istituzzjonali u kostituzzjonali tal-pajjiż;
2. Jikkundanna d-dikjarazzjonijiet ta' kriżi umanitarja allegata fil-Venezwela, li huma maħsuba biex jippromwovu kampanja internazzjonali favur l-indħil;
3. Jiddispjaċih ħafna dwar it-telf ta' ħajjiet u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi tar-rabja tal-oppożizzjoni; jitlob li l-persuni responsabbli għat-twettiq jew tixwix tad-delitti konċernati jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom; jesprimi r-rispett tiegħu għas-sistema ġudizzjarja tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, u għaldaqstant jiċħad kwalunkwe indħil fil-proċedimenti ġudizzjarji li għaddejjin fil-livell nazzjonali;
4. Jiddispjaċih dwar il-fatt li wħud mill-membri tal-oppożizzjoni, bħal Antonio Ledezma, María Corina Machado u Leopoldo López, kienu involuti fl-attentat ta' kolp ta' stat, u li f'okkażjonijiet preċedenti poġġew lilhom infushom barra mill-qafas demokratiku billi ppruvaw jiksru l-ordni kostituzzjonali Venezwelan;
5. Jerġa' jfakkar fl-appoġġ sħiħ u s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Venezwelan, il-proċess Bolivarjan u l-President elett Nicolás Maduro; ifakkar fir-rispett sħiħ tiegħu għall-prinċipju ta' nonintervent fl-affarijiet interni tal-istati skont id-dritt internazzjonali; jiddeplora profondament kull indħil mill-UE jew kwalunkwe pajjiż ieħor fl-affarijiet interni ta' pajjiżi terzi, u jikkundanna wkoll l-aktar stqarrijiet riċenti minn Federica Mogherini u Antonio Tajani; jikkundanna wkoll, fid-dawl ta' dan, id-deċiżjoni tal-Istati Uniti li timponi sanzjonijiet kontra l-Venezwela;
6. Jikkundanna l-użu qarrieqi tad-drittijiet tal-bniedem għal skopijiet politiċi mill-Parlament Ewropew, b'mod partikolari fil-każ tal-Venezwela; ifakkar li din hi l-għaxar riżoluzzjoni dwar dan il-pajjiż mill-2007 'l hawn, u li ħafna mir-riżoluzzjonijiet preċedenti ġew adottati qabel l-elezzjonijiet jew fl-istess żmien li kien għaddej proċess ta' destabbilizzazzjoni; iwissi, u jinsab konvint ħafna, li teżisti l-intenzjoni li l-Parlament Ewropew jintuża bħala arena ta' manipulazzjoni fejn il-kwistjonijiet domestiċi tal-Venezwela jiġu sfruttati fis-servizz tal-kampanja elettorali Spanjola, b'rispons għall-interessi partikulari ta' ċerti partiti politiċi f'dak il-pajjiż u li ma għandhomx x'jaqsmu mal-prijoritajiet tal-UE, li għandha tidderieġi l-isforzi tagħha biex tindirizza l-problemi soċjali u politiċi ewlenin li jolqtu liċ-ċittadini u lit-territorju tagħha stess;
7. Jiddenunzja l-għanijiet mhux demokratiċi u ribellużi tal-kampanja ta' destabbilizzazzjoni; jiġbed l-attenzjoni dwar l-interessi imperjali tal-Istati Uniti fl-iżgurar tal-aċċess tagħhom għar-riżorsi taż-żejt tal-Venezwela u l-għan politiku tagħhom li jxekklu l-pajjiżi tal-Alleanza Bolivarjana għall-Popli tal-Amerka Tagħna – Ftehim Kummerċjali Popolari (ALBA-TCP);
8. Jaqbel mal-prinċipji stabbiliti fil-Proklamazzjoni tal-Amerika Latina u l-Karibew bħala Żona ta' Paċi, u jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali kollha biex tirrispetta bis-sħiħ din il-proklamazzjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi tas-CELAC, inkluż impenn biex ma tintervjenix direttament jew indirettament fl-affarijiet interni ta' kwalunkwe stat ieħor u biex tosserva l-prinċipji tas-sovranità nazzjonali, id-drittijiet indaqs u l-awtodeterminazzjoni tal-popli;
9. Jenfasizza li djalogu ma' pajjiżi terzi m'għandux taħt l-ebda ċirkostanza jirriżulta f'restrizzjonijiet li jiġu imposti fuq id-dritt tal-popli għal awtodeterminazzjoni; jiddeplora l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha ħafna drabi jagħtu prijorità lill-kunsiderazzjonijiet diplomatiċi, politiċi u ekonomiċi minflok id-drittijiet tal-bniedem, approċċ li, barra minn hekk, jagħti lok għal politika kkaratterizzata minn standards doppji, li tmur kontra viżjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem; jiċħad kwalunkwe xenarju bħal dawk fl-Iraq, l-Afganistan, is-Sirja u l-Libja li, bl-iskuża li "jitwasslu d-demokrazija u drittijiet tal-bniedem", wasslu biex reġjuni sħaħ jikkollassaw "fil-qerda, il-gwerra, il-kaos u l-kriżi umanitarja;
10. Jiddeplora r-rwol tal-midja internazzjonali fit-tixrid ta' xnigħat u d-diżinformazzjoni bil-għan li tiġi ġġenerata atmosfera ta' vjolenza u destabbilizzazzjoni li timmina l-Gvern tal-Venezwela; ifakkar li l-libertà tal-informazzjoni hija dritt tal-bniedem fundamentali, u jitlob lill-midja internazzjonali taġixxi b'mod responsabbli u tkopri l-avvenimenti b'mod ġust, preċiż u bbilanċjat, li bħalissa mhuwiex il-każ;
11. Jikkundanna l-abbozz ta' liġi ta' amnestija proposta mil-lemin estrem fil-Venezwela, li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jinħelsu qattiela, terroristi u persuni responsabbli għall-imwiet ta' persuni innoċenti;
12. Jesprimi s-solidarjetà kbira tiegħu mal-Venezwela u l-Amerika Latina fir-rigward tal-fenomenu El Niño u l-effetti enormi tiegħu fil-Venezwela; jibgħat sejħa qawwija għal solidarjetà internazzjonali biex ikunu megħjuna u appoġġati r-reġjuni li jsofru minn dan il-fenomenu naturali;
13. Jilqa' l-implimentazzjoni tal-politiki tal-inklużjoni soċjali fil-Venezwela bbażati fuq ir-responsabbiltà u l-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza, is-solidarjetà u d-drittijiet tal-bniedem, li għenu sabiex titnaqqas l-inugwaljanza fil-pajjiż, b'mod partikolari f'termini ta' miżuri ta' żvilupp soċjali u l-progress sinifikanti li sar fit-tnaqqis tal-faqar u fil-qasam tal-edukazzjoni, inklużi l-qerda tal-illitteriżmu fl-2005 u ż-żieda fl-għadd ta' studenti b'edukazzjoni għolja;
14. Ifakkar fl-importanza tar-rwol tal-Venezwela fil-ħolqien u t-tisħiħ ta' proċess ta' kooperazzjoni u ta' integrazzjoni għall-benefiċċju tal-popli tal-Amerika Latina; jenfasizza l-progress sinifikanti li sar fl-integrazzjoni reġjonali u l-kooperazzjoni favur il-popli tal-Amerika Latina; jilqa' l-kisbiet sinifikanti tal-ALBA-TCP u s-CELAC fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-kultura u l-integrazzjoni finanzjarja;
15. Jirrikonoxxi li l-pajjiżi membri tal-ALBA-TCP huma konxji mill-ħidma iebsa tal-gvern Venezwelan favur il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja u l-paċi u l-isforzi tiegħu li jrażżan il-pjanijiet ta' intervent internazzjonali kontra l-Venezwela, li jheddu l-istabbiltà mhux biss tan-nazzjon fratern iżda wkoll wkoll tar-reġjun;
16. Japprova d-dikjarazzjoni tal-EuroLat, maħruġ f'Lisbona waqt is-summit li sar bejn is-16 u t-18 ta' Mejju 2016, li, b'referenza għall-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom ċerti pajjiżi membri tal-assoċjazzjoni bireġjonali, tesprimi "tħassib dwar il-konsegwenzi politiċi, ekonomiċi u soċjali tal-kriżi ekonomika li qed tolqot lil ħafna pajjiżi tal-UE u tal-Amerika Latina" u, barra minn hekk, "fir-rigward tal-kriżi tal-Venezwela", tirrakkomanda "tfittxija ta' punt komuni li minnu r-rappreżentanti tal-gvern, l-Assemblea u l-partiti politiċi jistgħu jaħdmu flimkien biex isibu soluzzjonijiet fil-qafas tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela";
17. Jilqa' l-inizjattiva promossa mill-President Maduro, bl-għajnuna ta' UNASUR, bl-għan ta' djalogu bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u l-oppożizzjoni, u jappoġġa r-rwol li qed tiżvolġi l-UNASUR, li tiddefendi bħala prijoritajiet għal dan id-djalogu l-benessri taċ-ċittadini kollha, il-paċi, il-ġustizzja, il-verità, ir-relazzjonijiet istituzzjonali tajba, it-tisħiħ tal-ekonomija, id-difiża tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u r-rispett għas-sovranità nazzjonali, li l-ewwel laqgħa tagħha saret fir-Repubblika Dominikana fil-preżenza tal-ex-Prim Ministri / Presidenti José Luis Rodríguez Zapatero (Spanja), Leonel Fernández (ir-Repubblika Dominikana) u Martín Torrijos (il-Panama);
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Parlament ta' Mercosur, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, u lill-korpi reġjonali Latin-Amerikani inklużi l-UNASUR, l-ALBA-TCP u s-CELAC.
- [1] ĠU C 120 E, 24.4.2008, p. 484.
- [2] ĠU C 15 E, 21.1.2010, p. 85.
- [3] ĠU C 212 E, 5.8.2010. p. 113.
- [4] ĠU C 341 E, 16.12.2010. p. 69.
- [5] ĠU C 351 E, 2.12.2011. p. 130.
- [6] ĠU C 264 E, 13.9.2013. p. 88.
- [7] Testi adottati, P7_TA(2014)0176.
- [8] Testi adottati, P8_TA(2014)0106.
- [9] Testi adottati, P8_TA(2015)0080.