MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
1.6.2016 - (2016/2699(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Gesine Meissner, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Paavo Väyrynen, Cecilia Wikström, Enrique Calvet Chambon, Martina Dlabajová, José Inácio Faria, Marian Harkin, Johannes Cornelis van Baalen, Matthijs van Miltenburg, Hilde Vautmans f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0700/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti u preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[2], tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela u tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Ottubru 2014 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-detenzjoni ta' dimostranti u politiċi fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Diċembru 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' April 2016 mill-Kelliem għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Ravina Shamdasani,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, bħal fi kwalunkwe pajjiż demokratiku ieħor, is-sovranità nazzjonali hija f'idejn il-poplu tal-Venezwela, irrappreżentat mill-Assemblea Nazzjonali, kif rikonoxxut fl-Artikolu 5 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;
B. billi fit-30 ta' Marzu 2016 l-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela għaddiet liġi li tagħti amnestija lil aktar minn 90 priġunier politiku fil-Venezwela, u b'hekk twittiet it-triq għal djalogu u rikonċiljazzjoni nazzjonali tant meħtieġa; billi din il-liġi hija kostituzzjonali, peress li tipprojbixxi b'mod kategoriku l-maħfra ta' atti kriminali relatati ma' delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem, kif meħtieġ mill-Artikolu 29 tal-Kostituzzjoni;
C. billi kemm il-qorti eżekuttiva kif ukoll il-Qorti Suprema xekklu s-setgħat leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali minn mindu infetħet f'Diċembru 2015 wara r-rebħa tal-maġġoranza tal-oppożizzjoni; billi l-Qorti Suprema ddikjarat l-liġi dwar l-amnestija bħala antikostituzzjonali;
D. billi 96 priġunier politiku għadhom il-ħabs u 2 000 huma fuq probazzjoni; billi mill-2014 'l hawn saru aktar minn 4 029 detenzjoni b'motivazzjoni politika, b'aktar minn 168 f'Mejju 2016 biss, kif indikat mill-NGO Foro Penal Venezolano; billi l-mexxejja tal-oppożizzjoni, fosthom Leopoldo López u s-sindki eletti demokratikament Antonio Ledezma u Daniel Ceballos, għadhom ukoll priġunieri;
E. billi l-eżekuttiv tal-Venezwela għandu kontroll sħiħ fuq il-ġudikatura tal-pajjiż u fuq il-kummissjoni elettorali, bi ksur ċar tal-prinċipju ta' indipendenza u ta' separazzjoni tal-poteri, prinċipju li huwa karatteristika ta' stati demokratiċi ggvernati mill-istat tad-dritt;
F. billi l-eżekuttiv tal-Venezwela għandu kontroll sħiħ fuq l-istampa u l-midja, bi ksur ċar tad-dritt fundamentali tal-libertà ta' espressjoni li huwa rispettat f'kull stat demokratiku;
G. billi Zeid Ra’ad Al Hussein, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, stqarr pubblikament li l-li[i dwar l-amnestija u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali kienet konformi mad-dritt internazzjonali u esprima d-diżappunt tiegħu dwar ir-rifjut tagħha; billi s-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, Luis Almagro, talab lill-President Nicolás Maduro jgħaddi l-liġi dwar l-amnestija u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali;
H. billi s-sena 2015 intemmet b'rata ta' inflazzjoni ta' 180.9 %, l-ogħla fid-dinja, skont iċ-ċifri ppubblikati mill-Bank Ċentrali tal-Venezwela, u billi ġew milquta l-agħar prodotti tal-ikel u xorb mhux alkoħoliku, b'rata ta' inflazzjoni ta' 315 %; billi għall-2016, il-Fond Monetarju Internazzjonali qed jipprevedi rata ta' inflazzjoni ta' madwar 700 %;
I. billi l-Venezwela qed tħabbat wiċċha ma' kriżi umanitarja serja, ikkawżata minn nuqqasijiet ta' ikel u mediċina; billi l-Assemblea Nazzjonali ddikjarat 'kriżi umanitarja tas-saħħa u tal-ikel' minħabba n-nuqqas ġenerali ta' mediċini, tagħmir u provvisti mediċi, u talbet lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għal għajnuna umanitarja u żjara teknika biex jiġu ċertifikati l-kundizzjonijiet deskritti hawn fuq;
J. billi l-gvern qed jimpedixxi d-dħul tal-għajnuna umanitarja fil-pajjiż, u qed jibbojkottja d-diversi inizjattivi internazzjonali ta' assistenza lis-soċjetà ċivili, kif seħħ fil-każ tal-Caritas u NGOs oħra;
K. billi l-oppożizzjoni demokratika bdiet proċess rikonoxxut kostituzzjonalment li jippermetti li l-uffiċjali pubbliċi jitneħħew mill-kariga wara li jlestu 50 % tal-mandat tagħhom; billi l-Kunsill Elettorali Nazzjonali irċieva 1.8 miljun firma ta' ċittadini tal-Venezwela b'appoġġ għal dan il-proċess, ħafna aktar mill-198 000 inizjalment meħtieġa biex il-proċess ikun legali u aċċettat kostituzzjonalment;
L. billi l-introduzzjoni ta' kontrolli tal-kambju fl-2003 hija waħda mill-ħafna eżempji ta' ġestjoni ekonomika ħażina mill-Istat; billi l-istat ta emerġenza ddikjarat reċentement mill-President Maduro irnexxielu biss jaggrava l-kriżi ekonomika; billi soluzzjoni għall-kriżi tista' tinstab biss permezz ta' djalogu mal-livelli kollha tal-gvern u s-soċjetà;
M. billi fis-27 ta' Mejju 2016 il-pajjiżi tal-G7 ħarġu stqarrija sabiex iħeġġu l-Venezwela ''tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għal djalogu bejn il-gvern u ċ-ċittadini biex tissolva l-kriżi politika u ekonomika dejjem aktar serja'';
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kriżi politika, ekonomika, soċjali u umanitarja fil-Venezwela u l-klima ta' instabilità politika u soċjali dejjem akbar;
2. Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jadotta attitudni kostruttiva u jfittex soluzzjoni għal din il-kriżi serja bil-ftuħ ta' djalogu inklużiv u mill-qrib mas-setturi kollha tas-soċjetà, inkluża l-oppożizzjoni eletta demokratikament;
3. Jistieden lill-President Maduro u l-gvern tiegħu jimplimentaw riformi ekonomiċi urġenti f'kooperazzjoni mal- Assemblea Nazzjonali eletta demokratikament biex tinstab soluzzjoni kostruttiva għall-kriżi tal-enerġija, b'mod partikolari n-nuqqas ta' ikel u ta' mediċini;
4. Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-VP/RGħ Federica Mogherini, jħeġġu lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex jippermettu li l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż u biex jagħtu aċċess lil organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lis-setturi l-aktar milquta tas-soċjetà;
5. Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-VP/RGħ jħeġġu lill-Gvern tal-Venezwela biex jeħles immedjatament lill-priġunieri politiċi u lil dawk miżmuma b'mod arbitrarju, bi qbil mat-talbiet li għamlu diversi korpi tan-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali u mal-liġi dwar l-amnestija u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali;
6. Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-VP/RGħ jħeġġu lill-Gvern tal-Venezwela jirratifika l-li[i dwar l-amnestija u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali u jikkonforma mat-trattati internazzjonali li l-Venezwela trid tissodisfa l-impenji tagħha fir-rigward tagħhom;
7. Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-VP/HR jappoġġaw sforzi nazzjonali biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi għad-djalogu u r-rikonċiljazzjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UNASUR, biex tissaħħaħ il-preżenza ta' organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jaġevolaw dan il-proċess u jservu bħala garanti potenzjali u medjaturi;
8. Iħeġġeġ lill-Gvern Venezwelan u lill-awtoritajiet pubbliċi jirrispettaw il-kostituzzjoni u jaġevolaw u mhux jostakolaw il-mekkaniżmi u l-proċeduri ġuridiċi rikonoxxuti għall-attivazzjoni tal-proċess elettorali stabbilti fil-Kostituzzjoni Venezwelana għad-destituzzjoni tal-President, qabel tmiem l-2016; iħeġġeġ lill-Qorti Suprema tirrispetta s-separazzjoni tal-poteri u l-legalità kostituzzjonali;
9. Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli jesprimu ruħhom favur riforma tal-kontrolli tal-kambju introdotti fl-2003 mill-eks President Hugo Chávez;
10. Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod effettiv ir-rekwiżiti tal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jistudjaw il-possibilità li jiġu applikati sanzjonijiet immirati għall-uffiċjali tal-Venezuelan li jkunu ġew identifikati bħala li kisru d-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-iffriżar tal-assi ta' individwi u l-projbizzjoni milli jitħallew jidħlu fl-UE;
11. Itenni t-talba tiegħu li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Venezwela u li jkun hemm djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2014)0176.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2014)0106.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2015)0080.