MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
1.6.2016 - (2016/2699(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Francisco Assis, Ramón Jáuregui Atondo, Carlos Zorrinho, Marlene Mizzi, Doru-Claudian Frunzulică, Claudia Țapardel, Nicola Caputo, Nicola Danti, Pier Antonio Panzeri, Nikos Androulakis, Karoline Graswander-Hainz, Knut Fleckenstein, Enrique Guerrero Salom, Sergio Gutiérrez Prieto, Ana Gomes, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Jonás Fernández, Juan Fernando López Aguilar, Victor Boştinaru f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0700/2016
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela[2], u tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Karta Demokratika Inter-Amerikarna adottata fil-11 ta' Settembru 2001,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar id-detenzjoni ta' dimostranti u persunaġġi politiċi fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-ittra tas-16 ta' Mejju 2016 mill-Human Rights Watch lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, Luis Almagro, dwar il-Venezwela[4],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet uffiċjali tas-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR) maħruġa fit-23 ta' Mejju[5] u fit-28 ta' Mejju 2016[6] dwar il-laqgħat esploratorji biex jitnieda djalogu nazzjonali bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern Venezwelan u l-koalizzjoni tal-oppożizzjoni MUD (Mesa de la Unidad Democrática),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja li pparteċipaw fis-Summit tal-G7 li sar f'Ise-Shima fis-26 u s-27 ta' Mejju 2016[7],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju tal-Istati Uniti, John Kerry, tas-27 ta' Mejju 2016, dwar l-appell tiegħu lil ex Prim Ministru Spanjol, José Luis Rodríguez Zapatero[8],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Venezwela għandha 20 % tar-riżervi tal-ħażna taż-żejt tad-dinja, li tirrappreżenta 3 % biss tal-produzzjoni dinjija; billi ż-żejt jammonta għal 96 % tal-esportazzjoni tal-pajjiż; billi matul l-isplużjoni ekonomika, il-Venezwela ma akkumulatx tfaddil biex tagħmel tajjeb għal bidla fit-termini tal-kummerċ jew biex tilqa' għall-impatt ta' aġġustamenti makroekonomiċi meħtieġa;
B. billi skont il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), l-ekonomija tal-Venezwela hija mbassra li tiċkien bi 8 % fl-2016 wara t-tnaqqis ta' 5,7 % fl-2015; billi minkejja ż-żieda ta' 30 % tal-paga minima, ir-rata ta' inflazzjoni ta' 180,9 % ixxekkel kwalunkwe prospett li l-prodotti bażiċi jkunu għall-but tal-Venezwelani; billi l-FMI ibassar rata medja tal-inflazzjoni ta' 700 % sa tmiem l-2016 u ta' 2 200 % fl-2017;
C. billi, minkejja n-nuqqas ta' data uffiċjali, skont l-ENCOVI (Encuesta de Condiciones de Vida) ir-rata tal-faqar fil-Venezwela irdoppjat, minn 30 % fl-2013 għal 60 % fl-2016; billi 75 % tal-mediċini meqjusa bħala essenzjali mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa mhumiex disponibbli fil-Venezwela;
D. billi n-nuqqas ta' prospettiva fl-infrastruttura bażika u l-ineffiċjenza fil-governanza wasslu għal kriżi ekonomika u soċjali kbira, kif juru l-iskarsezzi, minn żmien twil, ta' riżorsi, materji primi, fatturi ta' produzzjoni, prodotti tal-ikel bażiċi u mediċini essenzjali, flimkien ma' produzzjoni żero, u billi l-pajjiż huwa f'xifer ta' taqlib soċjali kbir, li jista' jwassal għal kriżi umanitarja b'konsegwenzi imprevedibbli;
E. billi l-koalizzjoni tal-oppożizzjoni tal-Venezwela, l-MUD, rebħet 112 siġġu fl-Assemblea Nazzjonali, b'kamra leġiżlattiva waħda li għandha 167 Membru, b'maġġoranza ta' żewġ terzi meta mqabbla mal-55 siġġu tal-PSUV (Partido Socialista Unido de Venezuela); billi l-Qorti Suprema sussegwentement imblukkat erba' rappreżentanti tal-MUD li kienu għadhom kemm ġew eletti fl-Assemblea Nazzjonali milli jieħdu l-kariga, li b'hekk l-oppożizzjoni ċċaħħdet mill-maġġoranza tagħha ta' żewġ terzi;
F. billi l-mexxejja politiċi prominenti tal-oppożizzjoni ntbagħtu l-ħabs, flimkien ma' madwar mitt persuna oħra, għal raġunijiet ideoloġiċi u politiċi; billi fid-29 ta' Marzu 2016 l-Assemblea Nazzjonali għaddiet il-Liġi dwar l-Amnestija u r-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali, u fl-11 ta' April 2016 il-Qorti Suprema, għal darb'oħra, iddikjarat il-liġi bħala li tmur kontra l-kostituzzjoni ;
G. billi, sa minn mindu l-Assemblea Nazzjonali assumiet il-mandat tagħha f'Jannar 2016, il-Qorti Suprema ddikjarat illegali jew inapplikabbli l-erba' liġijiet li l-Assemblea għaddiet: fi Frar, il-Qorti Suprema ikkonfermat id-digriet ekonomiku tal-President Maduro, li ġie miċħud mill-Assemblea Nazzjonali f'Jannar; f'Marzu, il-Qorti ddeċidiet li l-leġiżlatur ma kellux id-dritt jeżamina l-ħatra ta' 13-il maġistrat lejn l-aħħar tal-2015; f'April il-Qorti ddikjarat il-Liġi dwar l-Amnestija li tmur kontra l-kostituzzjoni u rrevokat emenda kostituzzjonali li kellha tnaqqas iż-żmien tal-mandat presidenzjali minn sitta għal erba' snin;
H. billi, fil-qafas tal-UNASUR, dan l-aħħar ġew miżmuma laqgħat esploratorji fir-Repubblika Dominikana, immexxija mill-ex Prim Ministru Spanjol José Luis Rodríguez Zapatero, mill-ex President tar-Repubblika Dominikana Leonel Fernández u mill-ex President tal-Panama Martín Torrijos, bl-għan li jingħata bidu għal djalogu nazzjonali mar-rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u l-partiti fl-oppożizzjoni rrappreżentati mill-MUD;
I. billi ġlied għal kontroll ta' minjieri illegali huwa komuni fiż-żona li hija għanja fil-minerali qrib il-fruntieri mal-Guyana u mal-Brażil; billi fl-4 ta' Marzu 2016, seħħ massakru f'Tumeremo fl-istat Bolívar, li fih 28 minatur għebu u mbagħad wara ġew maqtula; billi għadha dovuta tweġiba sodisfaċenti min-naħa tal-awtoritajiet, u billi l-ġurnalista Lucía Suárez, li dan l-aħħar investigat il-każ, inqatlet b'arma tan-nar fit-28 ta' April 2016 f'darha f'Tumeremo;
J. billi, l-istat tad-dritt u l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat mhumiex irrispettati kif xieraq fil-Venezwela; billi ċerti fatti jindikaw influwenza u kontroll eċċessivi mill-gvern fuq is-setgħa ġudizzjarja u fuq il-Kunsill Elettorali Nazzjonali, li għandhom impatt detrimentali fuq is-setgħat tal-leġiżlatur u tal-oppożizzjoni, li huma l-pedamenti ta' kull sistema demokratika;
K. billi d-Digriet Nru 2294 tas-6 ta' April 2016 maħruġ mill-Gvern Venezwelan jistabbilixxi li l-ħaddiema tas-settur pubbliku se jaħdmu biss jumejn fil-ġimgħa sakemm jibqgħu jippersistu l-effetti ta' El Niño fuq l-Impjant Idroelettriku Simon Bolívar; billi t-tagħlim f'universitajiet u f'istituzzjonijiet oħra tat-tagħlim kienu wkoll temporanjament jew totalment sospiżi minħabba raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali jew l-iffrankar tal-enerġija; billi dan l-għeluq jaffettwa serjament id-drittijiet taċ-ċittadini;
L. billi r-rati ta' kriminalità għoljin ħafna tal-Venezwela u l-impunità totali biddlu lill-pajjiż f'wieħed mill-aktar perikolużi tad-dinja, b'Caracas għandha l-ogħla rata ta' kriminalità vjolenti fid-dinja, b'aktar minn 119,87 omiċidju għal kull 100 000 persuna;
M. billi l-oppożizzjoni demokratika bdiet proċess rikonoxxut mill-kostituzzjoni li titlob għal referendum ta' revoka; billi l-MUD ġabret u ppreżentat lill-Kunsill Elettorali Nazzjonali 1,8 miljun firma, ħafna aktar mill-198 000 firma meħtieġa primarjament biex il-proċess jitqies legali u kostituzzjonalment aċċettabbli;
1. Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni ta' deterjorament serju fir-rigward tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela;
2. Jilqa' l-isforzi ta' medjazzjoni mibdija mill-UNASUR sabiex jitnieda proċess ta' djalogu nazzjonali bejn l-eżekuttiv u l-oppożizzjoni ta' maġġoranza MUD; ifakkar li m'hemm l-ebda soluzzjoni vijabbli, paċifika u stabbli għall-Venezwela mingħajr djalogu nazzjonali, u jappella lill-partijiet kollha biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv għall-proċess orjentat lejn it-tfittxija ta' soluzzjoni; jenfasizza li soluzzjoni demokratika nnegozjata hija l-unika triq 'il quddiem;
3. Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u lill-organizzazzjonijiet reġjonali biex jiggarantixxu li l-mekkaniżmi għad-djalogu u għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali jkollhom rwol ta' medjazzjoni fil-Venezwela, bl-għan li tiġi appoġġata soluzzjoni paċifika, demokratika u kostituzzjonali għall-kriżi li l-pajjiż qiegħed għaddej minnha bħalissa;
4. Jieħu nota tad-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G7 dwar il-Venezwela; jitlob lill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju biex joħroġ dikjarazzjoni politika dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż u biex jappoġġa l-isforzi ta' medjazzjoni li ġew imnedija reċentement sabiex jagħtu lok li jiġu maqbula soluzzjonijiet politiċi demokratiċi għall-Venezwela;
5. Jesprimi tħassib kbir rigward id-deterjorament li qiegħed jiżdied tat-tensjoni soċjali kkawżata mill-iskarsezza ta' prodotti bażiċi bħall-ikel u l-mediċini; jistieden lill-VP/RGħ tħejji pjan ta' kooperazzjoni għall-pajjiż bil-ħsieb li jindirizza l-ħtiġijiet l-aktar urġenti u bażiċi tal-popolazzjoni; jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jaċċetta din il-kooperazzjoni u jiffaċilita t-twettiq tagħha;
6. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impass istituzzjonali attwali u l-kontroll eżekuttiv fuq il-Qorti Suprema u l-Kunsill Elettorali Nazzjonali bl-għan li jimpedixxi l-applikazzjoni ta' liġijiet u inizjattivi adottati mill-Assemblea Nazzjonali; jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jirrispetta l-istat tad-dritt u l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat; ifakkar li s-separazzjoni u n-nuqqas ta' interferenza bejn is-setgħat li huma ugwalment leġittimi huwa prinċipju essenzjali ta' Stati demokratiċi mmexxija mill-istat tad-dritt;
7. Jitlob lill-Gvern tal-Venezwela jbiddel is-sentenzi ta' priġunerija għal arrest domiċiljari għal dawk il-priġunieri politiċi li bħalissa jinsabu l-ħabs; ifakkar li l-ħelsien ta' priġunieri politiċi huwa prerekwiżit stabbilit mill-oppożizzjoni għat-taħdidiet ta' negozjati, u jistieden liż-żewġ naħat jaqblu dwar soluzzjoni ta' kompromess bl-għan li tappoġġa l-isforzi ta' medjazzjoni li bħalissa huma fis-seħħ; ifakkar li dan il-ġest se juri r-rieda tas-setgħa eżekuttiva li tiffaċilita d-djalogu nazzjonali;
8. Jitlob lill-awtoritajiet jirrispettaw u jiggarantixxu d-dritt kostituzzjonali għal dimostrazzjonijiet paċifiċi; jitlob, bl-istess mod, lill-mexxejja tal-oppożizzjoni biex jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b'responsabbiltà u rażan; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jiggarantixxu sigurtà u l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet taċ-ċittadini kollha, partikolarment tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti, tal-attivisti politiċi u tal-membri tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti;
9. Iqis bħala prijorità assoluta t-tnaqqis tal-livelli għoljin attwali ta' impunità, li jżidu u jrawmu l-vjolenza u l-insigurtà, dejjem akbar, fil-pajjiż, u l-garanzija tar-rispett tas-sistema ġuridika fis-seħħ, li tesiġi ġustizzja għall-vittmi tas-sekwestri, tal-qtil u ta' delitti oħra kommessi kuljum, kif ukoll għall-familji tagħhom;
10. Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jinvestigaw il-massakru ta' Tumeremo, li fih 28 minatur ġew maqtula b'mod despikabbli, u li l-awturi u l-instigaturi jinġiebu quddiem il-ġustizzja, inklużi dawk li huma wara l-qtil reċenti tal-ġurnalista Lucía Suárez, li seħħ fl-istess post u li hemm suspett li huwa konness;
11. Iħeġġeġ lill-gvern u lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Venezwela jirrispettaw il-kostituzzjoni, u biex jiffaċilitaw aktar milli jxekklu l-mekkaniżmi u l-proċeduri legali u rikonoxxuti biex jattivaw il-proċess elettorali stabbilit fil-Kostituzzjoni tal-Venezwela;
12. Iħeġġeġ lill-Gvern Venezwelan jagħmel l-almu tiegħu biex jirregolarizza l-ħin tax-xogħol u tal-iskejjel bl-għan li jġib lill-pajjiż f'sitwazzjoni ta' normalità u biex jiżgura rispett tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol kif ukoll tad-dritt universali għall-edukazzjoni;
13. Ifakkar li l-Parlament f'diversi okkażjonijiet wera s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Venezwela; jirrimarka li l-maġġoranza tal-forzi politiċi fil-pajjiż talbu bil-qawwa u ripetutament għall-preżenza u l-appoġġ tagħna; ifakkar, f'dan il-kuntest, li diġà ġiet approvata u għadha pendenti żjara min-naħa ta' delegazzjoni parlamentari; jappella, għaldaqstant, biex din iż-żjara ssir biex tkun tista' tissodisfa l-mandat tagħha, jiġifieri li tgħarbel is-sitwazzjoni politika u soċjali tal-Venezwela;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2014)0176.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2014)0106.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2015)0080.
- [4] https://www.hrw.org/news/2016/05/16/letter-human-rights-watch-secretary-general-almagro-about-venezuela
- [5] http://www.unasursg.org/es/node/719
- [6] http://www.unasursg.org/es/node/779
- [7] http://www.mofa.go.jp/files/000160266.pdf
- [8] http://www.state.gov/r/pa/prs/ps/2016/05/257789.htm