Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0733/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0733/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-interferenti endokrinali: sitwazzjoni attwali wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 2015

1.6.2016 - (2016/2747(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
 

Matthias Groote f'isem il-Grupp S&D
Bas Eickhout f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0733/2016

Proċedura : 2016/2747(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0733/2016
Testi mressqa :
B8-0733/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0733/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-interferenti endokrinali: sitwazzjoni attwali wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 2015

(2016/2747(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali[1],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE[2],

–  wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni biex tiddefinixxi kriterji għall-identifikazzjoni ta' interferenti endokrinali fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti u r-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali[3],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi[4],

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Diċembru 2015 fil-kawża T-521/14 (kawża mressqa mill-Iżvezja kontra l-Kummissjoni, l-Iżvezja appoġġata mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza u l-Olanda)[5],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 265 u 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-ittra tat-22 ta' Marzu 2016 mill-President Jean-Claude Juncker lill-President tal-Parlament Ewropew ((2016)1416502),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Kummissjoni kienet rikjesta li, sa mhux aktar tard mit-13 ta' Diċembru 2013, tadotta atti delegati li jispeċifikaw il-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet ta' interferenti endokrinali ta' sustanzi attivi u prodotti bijoċidali;

B.  billi l-istess rekwiżit kien diġà stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u għalhekk il-Kummissjoni kellha erba' snin sabiex tadotta l-imsemmija kriterji xjentifiċi;

C.  billi, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, is-sustanzi attivi li jitqiesu li għandhom proprjetajiet ta' interferenti endokrinali li jistgħu jikkawżaw effetti negattivi fil-bnedmin, jew abbażi ta' kriterji xjentifiċi li jiġu speċifikati jew, sakemm jiġu adottati dawk il-kriterji, abbażi ta' kriterji interim, m'għandhomx jiġu approvati, ħlief jekk waħda mid-derogi msemmija fl-Artikolu 5(2) hija applikabbli;

D.  billi skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent;

E.  billi l-Kummissjoni għadha ma adottatx il-kriterji xjentifiċi, li issa huma aktar minn sentejn u nofs tard;

F.  billi skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 dwar il-prodotti kożmetiċi, il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fir-rigward ta' sustanzi bi proprjetajiet ta' interferenti endokrinali meta jkunu disponibbli kriterji maqbulin fil-livell Komunitarju jew internazzjonali għall-identifikazzjoni ta' proprjetajiet ta' interferenti endokrinali, jew sa mhux aktar tard mill-11 ta' Jannar 2015; billi l-Kummissjoni għadha ma wettqitx dik ir-reviżjoni, kuntrarjament għall-obbligu legali mingħajr kundizzjonijiet tagħha u rabtet, indebitament, il-kwistjoni man-nuqqas tagħha li tadotta l-kriterji xjentifiċi;

G.  billi r-rapport tal-UNEP/WHO dwar "l-istat tax-xjenza fir-rigward tal-kimiċi ta' interferenza endokrinali 2012" ("State of the science of endocrine disrupting chemicals 2012") sejjaħ l-interferenti endokrinali (EDCs) theddida globali, u jirreferi inter alia għall-inċidenza għolja u x-xejriet li qed jiżdiedu ta' bosta mard relatat mal-endokrina fil-bnedmin, kif ukoll jinnota l-osservazzjoni tal-effetti relatati mal-endokrina fil-popolazzjoni tal-organiżmi u l-annimali selvaġġi;

H.  billi fl-aktar studju riċenti dwar "L-ispejjeż tas-saħħa li jistgħu jiġu assoċjati ma' kimiċi ta' interferenza endokrinali" ("Health costs that may be associated with Endocrine Disrupting Chemicals") instab li, fil-valutazzjoni ta' ħames effetti fuq is-saħħa potenzjalment relatati mal-EDC, skont il-letteratura attwalment disponibbli, il-piż soċjoekonomiku tal-effetti fuq is-saħħa assoċjati mal-EDC għall-UE jista' jkun sostanzjali, filwaqt li jistqarr li jvarja minn EUR 46 biljun sa EUR 288 biljun kull sena[6];

I.  billi l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ddikjarat fis-sentenza tagħha tas-16 ta' Diċembru 2015 fil-Kawża T-521/14 li l-Kummissjoni kienet qed tikser il-liġi tal-Unjoni meta kienet qed tonqos milli taġixxu biex tadotta atti delegati li jispeċifikaw kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet ta' interferenti endokrinali;

J.  billi l-Qorti sabet li l-kriterji interim stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala miżuri li jwasslu għal-livell ta' protezzjoni li jkun għoli biżżejjed (il-paragrafu 77 tas-sentenza);

K.  billi l-kawża ewlenija għan-nuqqas li taġixxi tal-Kummissjoni kienet id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tagħha fit-2 ta' Lulju 2013 biex iwettaq valutazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku għall-possibilità ta' kriterji xjentifiċi, fosthom l-introduzzjoni ta' bidliet regolatorji għal-leġiżlazzjoni settorjali (jiġifieri l-introduzzjoni ta' iktar elementi ta' valutazzjoni tar-riskju u ta' aktar kunsiderazzjonijiet soċjoekonomiċi biex jitnaqqas jew jiġi evitat l-impatt soċjoekonomiku - ara t-taqsima C tal-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni); billi proposta sħiħa għall-kriterji xjentifiċi kienet lesta fil-ħin wara tliet snin ta' ħidma mis-servizzi;

L.  billi l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza tagħha li l-Kummissjoni kellha obbligu ċar, preċiż u mingħajr kundizzjonijiet li tadotta atti delegati li jistabbilixxu l-kriterji xjentifiċi msemmija hawn fuq sa mhux aktar tard mit-13 ta' Diċembru 2013;

M.  billi l-Qorti ddikjarat li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 528/2012 ma teħtieġ valutazzjoni tal-impatt ta' kriterji xjentifiċi bbażati fuq il-periklu, u anke kieku l-Kummissjoni kienet tqis li tali valutazzjoni tal-impatt kienet meħtieġa, din ma kinitx teżentaha milli tirispetta l-iskadenza stabbilita fir-Regolament (il-paragrafu 74 tas-sentenza);

N.  billi, barra minn hekk, il-Qorti ddeċidiet li l-ispeċifikazzjoni ta' kriterji xjentifiċi jistgħu biss jitwettqu b'mod oġġettiv abbażi ta' data xjentifika rigward is-sistema endokrinali, indipendentement minn kwalunkwe konsiderazzjoni oħra, b'mod partikolari dawk ekonomiċi (punt 71 tas-sentenza); billi, b'hekk, il-Qorti ċċarat li valutazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku mhijiex adattata biex tittieħed deċiżjoni dwar kwistjoni xjentifika;

O.  billi, barra minn hekk, il-Qorti ddeċidiet li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-setgħat delegati lilha mil-leġiżlatur, ma tistax tikkontesta l-bilanċ regolatorju stabbilit mil-leġiżlatur bejn it-titjib tas-suq intern u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent (punt 72 tas-sentenza); billi, f'dan il-kuntest, il-Qorti ċċarat li mhux xieraq li l-Kummissjoni tivvaluta l-bidliet regolatorji tal-leġiżlazzjoni settorjali bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt relatata mal-adozzjoni ta' att delegat;

P.  billi, skont l-Artikolu 266 tat-TFUE, l-istituzzjoni li n-nuqqas tagħha li taġixxi tiġi ddikjarata kuntrarju għat-Trattati għandha tkun marbuta li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

Q.  billi fi Frar 2016, il-Kummissarju Andriukaitis qal lill-Parlament waqt il-plenarja li l-Kummissjoni, madankollu, tixtieq tipproċedi fil-valutazzjoni tal-impatt, minħabba li tqis li hi "għodda utli u saħansitra essenzjali biex tiggwida d-deċiżjoni futura tagħha dwar il-kriterji";

R.  billi l-President Juncker ikkonferma, fl-ittra tiegħu tat-22 ta' Marzu 2016 lill-President Schulz, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq, fl-ewwel istanza, l-opinjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju dwar il-valutazzjoni tal-impatt qabel ma tiddeċiedi fuq il-kriterji xjentifiċi, u b'hekk ġiet ikkonfermata t-tkomplija ta' valutazzjoni tal-impatt li la hija meħtieġa u lanqas xierqa u li ma tirrispettax il-limitu tas-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni, u b'hekk tkompli ddewwem l-adozzjoni ta' kriterji xjentifiċi;

S.  billi, għaldaqstant, ma hemm l-ebda dubju li l-Kummissjoni għadha ma ħaditx azzjoni biex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti, iżda, pjuttost, baqgħet tikser il-liġi tal-UE kif iddikjarata mill-Qorti, u għalhekk hija wkoll fi ksur tal-Artikolu 266 tat-TFUE;

T.  billi huwa assolutament inaċċettabbli li l-Kummissjoni, bħala l-Gwardjana tat-Trattati, ma tikkonformax mat-Trattati;

1.  Jaqbel mal-Qorti Ġenerali li mhuwiex xieraq li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku għad-determinazzjoni ta' kwistjoni xjentifika, u li l-Kummissjoni ma tistax tbiddel il-bilanċ regolatorju stipulat f'att bażiku permezz tal-applikazzjoni tas-setgħat delegati lilha skont l-Artikolu 290 tat-TFUE, aspett li, madankollu, il-Kummissjoni tevalwa fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha;

2.  Jikkundanna lill-Kummissjoni mhux biss għan-nuqqas tagħha li tikkonforma mal-obbligu tagħha li tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012, iżda barra minn hekk, talli naqqset milli tikkonforma mal-obbligi istituzzjonali tagħha kif stabbiliti fit-Trattati infushom, b'mod partikolari fl-Artikolu 266 tat-TFUE;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonforma immedjatament mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 266 tat-TFUE u biex minnufih tadotta kriterji xjentifiċi bbażati fuq il-periklu għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet ta' interferenti endokrinali;

4.  Iqis din ir-riżoluzzjoni bħala avviż ta' tqegħid fil-mora lill-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 265 tat-TFUE;

5.  Jirriserva d-dritt tiegħu skont l-Artikolu 265 tat-TFUE li jressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 266 tat-TFUE, jekk il-Kummissjoni ma tiddefinixxix il-pożizzjoni tagħha fix-xahrejn li ġejjin;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill u lill-President tal-Kummissjoni, kif ukoll biex jinnotifika r-riżultat tal-votazzjoni dwarha fis-seduta plenarja.