Proċedura : 2016/2770(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0804/2016

Testi mressqa :

B8-0804/2016

Dibattiti :

CRE 22/06/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 23/06/2016 - 8.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0290

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 420kWORD 84k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0801/2016
17.6.2016
PE585.234v01-00
 
B8-0804/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-massakri fil-Lvant tal-Kongo

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-massakri fil-Lvant tal-Kongo (2016/2770(RSP))


Maria Arena, Cécile Kashetu Kyenge, Norbert Neuser, Elena Valenciano, Marlene Mizzi f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-massakri fil-Lvant tal-Kongo (2016/2770(RSP))  
B8‑0804/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Lulju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), u tal-kelliem tagħha, dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tat-23 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2014, adottat mill-Kunsill fit-22 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-ittra miftuħa mibgħuta minn gruppi tas-soċjetà ċivili fit-territorji ta' Beni, Butembo u Lubero lill-President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo fl-14 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet ta' Nairobi ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Reġjun, li ġie ffirmat f'Addis Ababa fi Frar 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2198 (2015) dwar it-tiġdid tar-reġim ta' sanzjonijiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-mandat tal-Grupp ta' Esperti, u 2277 (2016), li ġeddet b'sena l-mandat tal-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tat-12 ta' Jannar 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivitajiet tal-Uffiċċju Konġunt tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, tas-27 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa konġunta tat-2 ta' Settembru 2015 tat-Tim ta' Mibgħuta u Rappreżentanti Internazzjonali għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani dwar l-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tad-9 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Reġjun,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija rivedut ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza ta' Jannar 2007,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Kongoliża tat-18 ta' Frar 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo qed tkompli tiddeterjora fil-parti tal-Grigal tal-pajjiż, b'diversi rapporti ta' massakri, ta' reklutaġġ u użu ta' tfal minn gruppi armati, u ta' vjolenza mifruxa kemm sesswali kif ukoll abbażi tal-ġeneru;

B.  billi fit-territorji ta' Beni, Lubero u Butembo aktar minn 1 160 ruħ inqatlu brutalment bejn Ottubru 2014 u Mejju 2016, aktar minn 1 470 ruħ sparixxew, bosta djar, ċentri tas-saħħa u skejjel ingħataw in-nar u ħafna nisa, irġiel u tfal sfaw vittmi ta' vjolenza sesswali;

C.  billi ħafna villaġġi f'dawn it-territorji issa huma okkupati minn gruppi armati;

D.  billi r-responsabbiltà għal dan il-qtil għandha tiġi attribwita lill-gruppi armati preżenti fir-reġjun, li joriġinaw mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo jew minn pajjiżi tal-viċinat;

E.  billi f'xi okkażjonijiet twettaq qtil partikolarment vjolenti qrib ħafna ta' pożizzjonijiet miżmuma mill-armata nazzjonali (FARDC) u ta' bażijiet tal-missjoni għaż-żamma tal-paċi tan-NU fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO);

F.  billi dawn il-massakri ntlaqgħu b'indifferenza mill-komunità internazzjonali u bi skiet mill-media;

G.  billi l-President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo huwa l-garanti tal-integrità nazzjonali, l-indipendenza nazzjonali, is-sikurezza tal-persuni u tal-merkanzija, u l-funzjonament regolari tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż, u huwa l-Kap Kmandant tal-forzi armati tal-pajjiż;

H.  billi l-armata Kongoliża u l-MONUSCO huma preżenti fir-reġjun biex iżommu l-istabbiltà, jiġġieldu kontra l-gruppi armati u jipproteġu liċ-ċivili;

I.  billi l-mandat tal-MONUSCO ġie mġedded u msaħħaħ;

J.  billi l-kunflitt u l-operazzjonijiet militari li għaddejjin ikkawżaw ukoll l-ispostament intern ta' 1.5 miljun ruħ, u 500 000 ruħ kienu sfurzati jaħarbu mill-pajjiż;

K.  billi l-aċċess għal, u l-isfruttament ta', riżorsi naturali għad għandhom rwol importanti fl-eskalazzjoni tal-kunflitti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fir-reġjun;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward l-eskalazzjoni tal-vjolenza u s-sitwazzjoni umanitarja allarmanti u li qed tiddeterjora fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ikkawżata b'mod partikolari mill-kunflitti armati fil-provinċji tal-Lvant, li issa ilhom għaddejjin għal aktar minn 20 sena; jiddeplora t-telf ta' ħajjiet u jesprimi s-solidarjetà tiegħu lill-poplu tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

2.  Jinsisti li din is-sitwazzjoni m'għandhiex timpedixxi milli jsiru l-elezzjonijiet kif ippjanati kostituzzjonalment;

3.  Jitlob lill-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u lill-MONUSCO jwettqu investigazzjoni dwar in-nuqqasijiet tal-forzi Kongoliżi u tal-MONUSCO li jipproteġu liċ-ċivili fir-reġjun ta' Beni;

4.  Iħeġġeġ biex titnieda investigazzjoni komprensiva, indipendenti u trasparenti mill-komunità internazzjonali dwar il-massakri; jitlob li ssir laqgħa ta' emerġenza tat-Tim ta' Mibgħuta u Rappreżentanti Internazzjonali għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani rigward l-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo bl-għan li tittieħed azzjoni xierqa f'din id-direzzjoni, bħall-mobilizzazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

5.  Ifakkar li n-newtralizzazzjoni tal-gruppi armati kollha fir-reġjun tikkontribwixxi bil-qawwa għall-paċi u l-istabbiltà, u jitlob lill-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo biex din issir prijorità u biex terġa' tiġi stabbilita s-sikurezza għaċ-ċittadini kollha tiegħu u l-istabbiltà fit-territorji ta' Beni, Lubero u Butembo; iħeġġeġ lill-Unjoni Afrikana (UA) u lill-pajjiżi tal-viċinat biex jagħtu l-appoġġ militari meħtieġ lill-armata Kongoliża;

6.  Itenni li ma jista' jkun hemm l-ebda impunità għal min iwettaq ksur tad-drittijiet tal-bniedem, delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u vjolenza sesswali kontra n-nisa u l-bniet, jew għal dawk responsabbli għar-reklutaġġ ta' suldati tfal; jenfasizza li l-persuni responsabbli għal tali atti jridu jiġu rrappurtati, identifikati, imtella' l-qorti u kkastigati skont id-dritt kriminali nazzjonali u internazzjonali;

7.  Jappella lill-UA u lill-UE biex jiżguraw djalogu politiku permanenti bejn il-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar sabiex jipprevjenu kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri; jiddispjaċih li sar biss progress limitat fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni ta' Frar 2013, u jappella lill-partijiet kollha biex jikkontribwixxu b'mod attiv għall-isforzi ta' stabbilizzazzjoni;

8.  Jitlob li jsir rapport ta' evalwazzjoni dwar l-azzjonijiet tal-MONUSCO u li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; jilqa' r-riżoluzzjoni 2277 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li ġeddet il-mandat tal-MONUSCO u saħħet il-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u d-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-MONUSCO biex tagħmel użu sħiħ minn dan il-mandat biex tipproteġi lill-popolazzjoni ċivili;

9.  Jinsisti li s-soċjetà ċivili trid tkun involuta f'kull azzjoni biex jiġu protetti ċ-ċivili u jiġu solvuti l-kunflitti, u li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu protetti u offruti pjattaforma mill-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-komunità internazzjonali;

10.  Jirrikonoxxi l-isforzi mwettqa mill-awtoritajiet Kongoliżi fil-ġlieda kontra l-impunità u fil-prevenzjoni tal-vjolenza sesswali u tal-vjolenza kontra t-tfal, iżda jqis li l-progress qed isir bil-mod;

11.  Ifakkar lill-UE li jrid ikun hemm koerenza bejn il-politiki tagħha, u li n-negozjati għal ftehimiet fir-reġjun iridu jippromwovu l-paċi, l-istabbiltà, l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem;

12.  Jistieden lill-UE tibgħat osservatur biex jevalwa s-sitwazzjoni umanitarja u jiġbed l-attenzjoni tal-komunità internazzjonali għall-massakri;

13.  Jitlob lill-UE tikkunsidra li timponi sanzjonijiet immirati, inklużi projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi, kontra dawk responsabbli għat-trażżin vjolenti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, sabiex tgħin fil-prevenzjoni ta' aktar vjolenza;

14.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jibqgħu jagħtu l-assistenza tagħhom lill-poplu tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo b'mod li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-aktar partijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni, b'mod partikolari min ikun ġie spostat internament;

15.  Jilqa' l-isforzi tal-awtoritajiet Kongoliżi biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-kummerċ u l-ipproċessar ta' minerali fiż-żoni fejn hemm sfruttament illegali ta' minerali, bħal dawk ikkontrollati mill-gruppi armati; jappella lill-awtoritajiet Kongoliżi biex jintensifikaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u jħeġġeġ lir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tkompli bl-isforzi tagħha biex tikkonforma mal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kunsill AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-President, il-Prim Ministru u l-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Avviż legali - Politika tal-privatezza