Proċedura : 2016/2770(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0805/2016

Testi mressqa :

B8-0805/2016

Dibattiti :

CRE 22/06/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 23/06/2016 - 8.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 519kWORD 101k
17.6.2016
PE585.235v01-00
 
B8-0805/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-massakri fil-Lvant tal-Kongo  (2016/2770(RSP))


Maria Lidia Senra Rodríguez, Marie-Christine Vergiat, Malin Björk, Paloma López Bermejo, Jiří Maštálka, Ángela Vallina, Helmut Scholz, Barbara Spinelli, Javier Couso Permuy, Xabier Benito Ziluaga, Tania González Peñas, Estefanía Torres Martínez, Miguel Urbán Crespo, Lola Sánchez Caldentey f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-massakri fil-Lvant tal-Kongo (2016/2770(RSP))  
B8-0805/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tal-10 ta' Marzu 2016 u tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar in-nuqqasijiet fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (1948) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (1966),

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u, b'mod partikolari, l-Artikolu 56 tagħha li tgħid: "Kull att, kull ftehim, kull konvenzjoni, kull arranġament jew kull fatt ieħor, li bħala konsegwenza għandu l-għan li jċaħħad lin-nazzjon, lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, parzjalment jew totalment, mill-mezzi ta' sussistenza tagħhom li jirriżultaw mir-riżorsi tagħhom jew mir-rikkezzi naturali tagħhom, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet internazzjonali dwar id-deliti ekonomiċi, jitqies bħala infrazzjoni ta' sakkeġġ ikkastigat mil-liġi.",

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 u l-Protokoll II tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949, li jipprojbixxu l-eżekuzzjoniijet sommarji, l-istupri, ir-reklutaġġ furzat u atroċitajiet oħra,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3 u l-Protokoll II tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949, li jipprojbixxu l-eżekuzzjoniijet sommarji, l-istupri, ir-reklutaġġi furzati u atroċitajiet oħra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2211 ta' Marzu 2015 tal-Kunsill tas-Sigurtà li pprorogat sal-31 ta' Marzu 2016 il-mandat tal-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO),

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-premju Sakharov fl-2014 lid-Dott. Denis Mukwege, ġinekologu Kongoliż, għall-ġlieda tiegħu favur il-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa fil-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni adottata mill-Parlament Ewropew, ivvotata fl-20 ta' Mejju 2015, dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-importaturi ta' ċerti minerali u metalli oriġinarji minn żoni ta' kunflitt jew ta' riskju għoli,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) tal-15 ta' April 2015 dwar l-isfruttament u l-kummerċ illegali tar-riżorsi naturali għall-benefiċċju tal-gruppi kriminali organizzati,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-tkattir tal-fazzjonijiet armati, id-diżorganizzazzjoni u l-assenza ta' Stat stabbli, l-inkapaċità tan-Nazzjonijiet Uniti li jagħtu tweġiba koerenti lill-ġenoċidju u lill-konsegwenzi tagħhom u l-kompliċità tal-pajjiżi li għandhom interessi fir-reġjun, bħall-Istati Uniti u Franza, ikkaġunaw sitwazzjoni drammatika li sa mill-1996 x'aktarx ħalliet bosta mijiet ta' eluf jekk mhux ta' miljuni ta' mwiet, fil-maġġor parti ċivili, vittmi partikolarment tal-malnutrizzjoni, mard u faqar minħabba l-gwerer tal-1996 u tal-1998; billi din is-sitwazzjoni għad għandha riperkussjonijiet illum fil-pajjiż;

B.  billi, skont il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF), il-mortalità perinatali niżlet bi 30 % bejn l-2007 u l-2014: minn 148 minn kull 1 000 tarbija li twieldet fl-2007 għal 104 fl-2014; billi l-mortalità fost l-ommijiet żgħażagħ niżlet b'35 %: minn 1 289 minn kull 100 000 tarbija mwellda fl-2007 għal 846 fl-2014;

C.  billi l-instabilità li tikkaratterizza mill-ġdid lir-Repubblika Demokratika tal-Kongo mill-2012, u li ħalliet bosta eluf ta' vittmi, marbuta mal-ġlied u mal-atroċitajiet, li jirrigwardaw partikolarment lill-provinċji tal-Kivu ta' Fuq u tal-Kivu t'Isfel, u lil-Lvant tal-pajjiż; billi, skont l-Uffiċċju għall-Koordinament tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), fil-31 ta' Lulju 2015, jingħaddu kważi 1,5 miljun ruħ spustati internament, jiġifieri 7 % tal-popolazzjoni totali tal-pajjiż; billi aktar minn 400 000 rifuġjat Kongoliż għadhom jgħixu fl-eżilju; billi r-rifuġjati li ħarbu mill-kriżi umanitarja gravi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, pajjiż ġar, jaslu fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

D.  billi, fost il-belliġeranti hemm il-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda (milizzji Hutu), ir-Raggruppament Kongoliż għad-Demokrazija (RCD-Goma) sostnut mir-Rwanda kontra l-gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-Armata ta' Reżistenza tal-Mulej (LRA) li nibtet minn irvell fl-Uganda, il-Mai-Mai tal-Katanga, il-Moviment Popolari ta' Awtodifiża (MPA); billi, jekk ċerti fazzjonijiet ġew żmobilitati mill-2010, u f'ċerti każijiet, parzjalment integrati fl-armata Kongoliża (FARDC), l-insigurtà tippersisti; billi l-istrumentalizzazzjoni tal-"kwistjoni etnika" fir-reġjun kebbset bil-kbir il-kunflitti u għadha tifred it-territorji;

E.  billi l-vjolenzi, mill-bidu tas-sena 2016, komplew jiżdiedu; billi nhar it-Tnejn 13 ta' Ġunju, l-armata Kongoliża ħabbret il-mewt ta' sitt ribelli Ugandiżi tal-Forzi Demokratiċi Alleati (ADF) u ta' militari Kongoliż matul ġlied fir-reġjun ta' Beni, fil-Lvant tal-Kongo; billi wara perjodu ta' kalma relattiva, il-vjolenzi ssuktaw wara l-bidu ta' Mejju 2016; billi, matul il-lejl bejn it-3 u l-4 ta' Mejju, skont rapporti, inqatlu 17-il persuna b'arma bjanka fil-villaġġ ta' Eringeti, 60 kilometru fil-Grigal ta' Beni u 200 metru bogħod miż-żewġ kampijiet tal-MONUSCO; billi l-massakri fir-reġjun ta' Beni x'aktarx għamlu mijiet ta' vittmi bejn Frar u Mejju 2016;

F.  billi l-Gvern Kongoliż u l-MONUSCO jattribwixxu dawn il-massakri lill-ADF iżda għadd ta' esperti u NGOs huma iktar "prudenti" peress li l-forzi "uffiċjali setgħu kienu involuti"; billi f'nofs Mejju 2016, f'rapport kunfidenzjali tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, il-grupp ta' esperti awtur tar-rapport jipponta sebgħu lejn il-militari Kongoliżi u lejn ġeneral qrib Kabila għall-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-atroċitajiet; billi l-attivisti tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni jiddenunzjaw in-nuqqas ta' reazzjoni u l-kompliċità tal-MONUSCO u tal-Gvern f'dawn l-attakki; billi saru bosta manifestazzjonijiet wara dawn l-attakki biex jesiġu ġustizzja, li wħud minnhom ġew sfrattati bil-forza; billi r-repressjoni kontra l-membri tal-oppożizzjoni għadha għaddejja;

G.  billi, fl-1 u fit-2 ta' Ġunju 2016, xi membri tal-Front Ċittadin 2016 (oppożizzjoni) telgħu L-Aja biex jitolbu lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) tagħmel inkjesta dwar dawn il-massakri u dwar l-involviment ta' suldati tal-armata uffiċjali; billi l-Qorti ntalbet ukoll tippronunzja ruħha dwar l-atti ta' repressjoni tal-manifestanti tal-oppożizzjoni fil-qafas tal-proċess elettorali;

H.  billi ġew kommessi bosta delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, ksur enormi tad-drittijiet tal-bniedem, taħrix tar-repressjoni kontra l-oppożituri, stupri tal-massa kontra n-nisa u l-bniet, spustamenti tal-massa tal-popolazzjonijiet; billi l-istupri fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo jafu ħallew uffiċjalment, tal-anqas, 200 000 vittma mill-1996 u, ċertament ħafna aktar, peress li ħafna stupri ma ġewx reġistrati; billi l-istupru huwa arma tal-gwerra użata mill-belliġeranti kollha, inkluż il-forzi armati uffiċjali; billi r-reklutaġġ furzat, speċjalment fost it-tfal, biex isiru ġellieda huwa fatt komuni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

I.  billi l-armata regolari (FARDC) hija regolarment akkużata b'atroċitajiet; billi l-Gvern, f'Ottubru 2012, adotta pjan ta' azzjoni biex iwaqqaf ir-reklutaġġ tat-tfal, il-vjolenzi sesswali u l-ksur gravi l-ieħor tad-drittijiet tat-tfal min-naħa tal-forzi armati u ta' sigurtà; billi, minn dak iż-żmien, il-problemi għadhom jeżistu u l-impunità għadha preżenti;

J.  billi l-bilanċ tal-MONUSCO (Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo), stabbilita fl-1999, hija falliment totali peress li ma rnexxilhiex ittejjeb ix-xorti tal-popolazzjoni ċivili milquta bil-kbir mill-gwerra u billi l-appoġġ tal-armata nazzjonali Kongoliża (FARDC) xejn ma għamel ħlief aggrava d-delitti ta' din tal-aħħar; billi wara sospensjoni tal-kooperazzjoni militari fi Frar 2015 bejn il-MONUSCO u l-FARDC, in-Nazzjonijiet Uniti ddeċidew, fit-2 ta' Marzu 2016, ikomplu l-appoġġ militari mogħti lill-forzi governattivi;

K.  billi r-Repubblika Demokratika tal-Kongo hija miżgħuda b'riżorsi naturali importanti (deheb, kassiterit, koltan, gass metan, eċċ.) u billi l-persistenza tal-isfruttament illegali ta' dawn ir-riżorsi li, speċjalment fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, spiss għadhom taħt il-kontroll tal-gruppi paramilitari armati, tikkontribwixxi għall-finanzjament u għas-sostenn tal-kunflitt u għadha għajn ta' insigurtà għat-totalità tar-reġjun;

L.  billi l-kumpaniji transnazzjonali jiffinanzjaw il-kunflitt armat biex ikomplu bl-isfruttament tas-sottoswol Kongoliż; billi dan il-fenomenu ġie kkundannat diversi drabi f'rapporti ppubblikati min-Nazzjonijiet Uniti; billi Ibrahim Thiaw, Viċi Direttur Eżekuttiv tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), f'April 2015, iddikjara li l-qligħ annwali minn dan l-isfruttament tar-riżorsi naturali qabeż il-USD 1 biljun u li l-biċċa l-kbira tal-profitti – sa 98% tal-profitti – spiċċa għand gruppi internazzjonali, filwaqt li t-2 % li baqa' ntuża għall-finanzjament tal-gruppi armati interni;

M.  billi l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, permezz tal-pjanijiet ta' aġġustamenti strutturali tagħhom, għamlu l-pajjiż aktar fraġli peress li biddluh f'rifuġju ġuridiku u fiskali għall-kumpaniji multinazzjonali, partikolarment fis-settur tal-minjieri; billi ż-żarmar tal-pilastri tal-ekonomija Kongoliża u t-tkeċċija ta' eluf ta' ħaddiema b'rabta mal-istituzzjonijiet internazzjonali, fosthom prinċipalment il-Bank Dinji, wassal għat-tiċħid tal-mezzi ta' sussistenza u d-deterjorament tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-popolazzjoni għall-benefiċċju tal-ħtif tar-riżorsi u tad-dominju fuq l-ekonomija min-naħa tal-gruppi industrijali l-kbar, prinċipalment tal-Punent;

N.  billi l-prezz tal-ikel żdied b'mod konsiderevoli mill-bidu tal-kunflitt, u dan qed ikompli jaggrava l-faqar u l-insigurtà tal-ikel tal-popolazzjonijiet lokali u l-instabilità fir-reġjun; billi s-sitwazzjoni hija aggravata wkoll mill-ħtif tal-art mill-kumpaniji multinazzjonali bil-kompliċità tal-Gvern;

O.  billi ż-żieda fil-qgħad, id-degrad tas-sitwazzjoni soċjali u t-tifqir tal-popolazzjoni huma fatturi determinanti tal-instabilità li jbati biha r-reġjun;

1.  Jikkundanna kull att ta' vjolenza, kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem u kull vjolenza sesswali; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-popolazzjonijiet kollha li għaddew minn snin ta' kunflitt; jiddenunzja l-istrumentalizzazzjoni l-ġdida tal-"kwistjoni etnika" li ħalliet miljuni ta' vittmi fir-reġjun u sservi biss biex tifred il-popolazzjoni;

2.  Huwa partikolarment imħasseb bil-ħruxija tal-vjolenzi fil-Lvant tal-pajjiż u jitlob li ssir inkjesta internazzjonali u indipendenti biex tiddetermina r-responsabbiltajiet ta' kulħadd, inkluż tal-MONUSCO u tal-armata uffiċjali f'dawn il-massakri; jistieden lill-komunità internazzjonali tieħu finalment il-miżuri konkreti kollha neċessarji biex twaqqaf il-ġenoċidju u l-isfruttament tar-riżorsi u tikseb riżarċiment għall-vittmi tal-kunflitt;

3.  Huwa inkwetat ukoll bil-fatt li l-vjolenzi jiġu kommessi meta joqorbu l-elezzjonijiet; jagħmell appell għal-liberazzjoni immedjata, u inkundizzjonata, tal-persuni kollha detenuti arbitrarjament u l-waqfien tal-vessazzjonijiet ġudizzjarji u min-naħa tal-pulizija kontra l-membri tal-oppożizzjoni;

4.  Iqis li l-ġlieda kontra l-impunità, sew jekk fil-każ ta' ksur tad-dritt umanitarju sew jekk tal-infrazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, hija waħda mill-kundizzjonijiet indipensabbli għar-ristabbiliment tal-paċi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

5.  Huwa partikolarment imħasseb bis-sitwazzjoni tan-nisa fil-pajjiż u tad-delitti u tad-diskriminazzjonijiet li tagħhom huma vittmi; iqis li hija indispensabbli l-intensifikazzjoni tal-isforzi min-naħa tal-awtoritajiet u tal-komunità internazzjonali biex iwaqqfu l-istupri tal-massa bħala teknika tal-gwerra, jiggarantixxu l-aċċess għall-assistenza pubblika u bla ħlas fil-qasam tas-saħħa, partikolarment għas-saħħa riproduttiva, kontraċettiva u għall-abort u jippromwovu opportunitajiet tassew indaqs;

6.  Iqis bl-istess mod li t-tmiem tal-fenomenu tas-suldati tfal irid ikun prijorità tal-awtoritajiet u tal-komunità internazzjonali;

7.  Jiddenunzja l-fatt li l-bżonnijiet bażiċi tal-popolazzjoni Kongoliża huma sistematikament ssagrifikati għall-benefiċċju tal-interessi ekonomiċi u ġeopolitiċi tal-kumpaniji multinazzjonali u tal-potenzi barranin;

8.  Iqis, għaldaqstant, li s-sitwazzjoni drammatika fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo tkun tista' tiġi solvuta b'mod dejjiemi biss jekk tittieħed azzjoni biex il-popolazzjoni tislet finalment vantaġġ mir-riżorsi naturali; jenfasizza li biex jinkiseb dan, il-pajjiż irid jieħu lura s-sovranità tiegħu fuq l-beni naturali tiegħu billi jistabbilixxi kontroll fuq l-attività tal-kumpaniji transnazzjonali barranin u billi jiżviluppa infrastrutturi nazzjonali għall-isfruttament, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-materji primi tiegħu, u dan iġib miegħu r-reviżjoni u t-tħassir tal-kuntratti kollha li jirrigwardaw l-estrazzjoni u l-forestrija, b'mod konformi mal-Artikolu 56 tal-Kostituzzjoni Kongoliża, sabiex ikun żgurat li dawn ir-riżorsi jgawdu minnhom kemm jista' jkun nies u mhux biss minoranza;

9.  Itenni l-ħtieġa li jiġi żgurat id-dritt tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo għas-sovranità tal-ikel, li jinkludi d-dritt tal-bdiewa li jipproduċu l-ikel għal nieshom, billi jintemm il-ħtif tal-art u billi jiġi żgurat l-aċċess tal-bdiewa u tal-bdiewa nisa għall-art, għaż-żrieragħ u għall-ilma;

10.  Jitlob lill-komunità internazzjonali u, b'mod partikolari, lill-pajjiżi "kredituri" li fil-konfront tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (u, speċjalment, il-Belġju) ineħħu l-ostakli għall-iżvilupp tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u għalhekk għall-paċi, billi jħassru d-dejn u l-imgħax tad-dejn li l-pajjiż għadu jħallas u jattwaw kooperazzjoni internazzjonali vera u proprja li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem fundamentali u tas-sovranità tal-Istat Kongoliż minflok ftehimiet ta' kummerċ ħieles u pjanijiet ta' aġġustamenti strutturali; jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo jesiġu l-awditjar tad-dejn tagħhom u l-annullament tad-dejn illeġittimu kollu fil-konfront tal-kreduturi barranin invista tal-eliminazzjoni totali tad-dejn u bil-għan li tingħata tweġiba lill-bżonnijiet umani fundamentali tal-popolazzjoni tagħhom;

11.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-appoġġ finanzjarju u l-għajnuna umanitarja biex tingħata tweġiba lill-bżonnijiet urġenti ta' dawn il-popolazzjonijiet; jitlob li l-għajnuna tal-Unjoni u tal-Istati Membri ssir fil-forma ta' għotjiet u mhux ta' self sabiex ma jkomplux iżidu mal-piż tad-dejn; jiddeplora l-fatt li ħafna Stati Membri tal-Unjoni ma laħqux l-objettiv ta' 0,7 % tal-ING tagħhom u li xi wħud minnhom baxxew il-perċentwal tagħhom ta' għajnuna għall-iżvilupp; jiddeplora t-tnaqqis fil-parteċipazzjoni ta' Stati Membri fil-programmi ta' għajnuna għall-ikel; iħeġġeġ li l-għajnuna għall-iżvilupp ma tkunx strumentalizzata sabiex tillimita jew tikkontrolla l-fruntieri jew tiżgura r-riammissjoni tal-migranti; jitlob li l-għajnuna fornuta mill-Unjoni u mill-Istati Membri fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo sservi, bħala prijorità, għall-problemi marbuta mal-inugwaljanzi profondi, mal-faqar, mal-malnutrizzjoni kronika, mal-aċċess għas-saħħa u għas-servizzi pubbliċi, partikolarment għas-saħħa sesswali u riproduttiva, kif ukoll mat-twettiq tal-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli; jitlob bl-istess mod li l-għajnuna għall-ikel tiżdied u tkun iddestinata, bħala prijorità, għax-xiri tal-ikel lill-bdiewa lokali;

12.  Itenni li l-attivitajiet tal-impriżi Ewropej preżenti fil-pajjiżi terzi għandhom jirrispettaw kompletament l-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jappella, għalhekk, lill-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali tagħhom ma jinjorawx id-drittijiet tal-bniedem jew l-istandards fl-oqsma soċjali, tas-saħħa u ambjentali li għalihom ikunu soġġetti meta jiċċaqilqu lejn Stat terz jew jagħmlu attività kummerċjali fih; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jieħdu l-azzjoni meħtieġa kontra l-kumpaniji Ewropej li ma jirrispettawx dawn l-istandards jew li ma jagħtux riżarċiment b'mod sodisfaċenti lill-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jaqgħu direttament jew indirettament taħt ir-responsabbiltà tagħhom;

13.  Jistieden lill-Kunsill jilħaq malajr kompromess mal-Parlament fit-trilogu li għaddej dwar regolament vinkolanti rigward il-minerali ta' kunflitti u jesiġi mill-funderiji, mir-raffineriji u mill-importaturi ta' metalli Ewropej, inklużi l-produtturi ta' prodotti lesti bħall-karozzi u l-ismartphones, japplikaw regoli stretti fil-katini tal-provvista tagħhom bil-għan li jwaqqfu l-finanzjament tal-gruppi armati u tal-vjolenzi fir-reġjuni f'kunflitt;

14.  Jitlob b'mod partikolari, fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, it-twaqqif ta' inkjesta indipendenti dwar ir-rispett tal-istandards soċjali u ambjentali min-naħa tal-impriżi Ewropej b'mod partikolari fis-settur tar-riżorsi naturali u dwar ir-rabtiet li dawn l-impriżi jista' jkollhom mal-finanzjament tal-gruppi armati; jitlob, bl-istess mod, it-twaqqif ta' inkjesta internazzjonali sabiex tixħet dawl fuq l-allegazzjonijiet ta' kompliċità bejn il-pjanijiet ta' aġġustamenti strutturali, l-appoġġi finanzjarji tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u d-delitti kommessi fil-pajjiż;

15.  Jopponi kull tentattiv ta' esternalizzazzjoni tal-politiki migratorji tal-Unjoni lejn pajjiżi terzi; jiddenunzja l-fatt li l-proċess ta' Rabat, li tiegħu r-Repubblika Demokratika tal-Kongo hija parti kkonċernata, ma jippermettix bl-ebda mod li jiġu ttrattati l-kawżi profondi tal-migrazzjoni iżda sempliċement li jiġu promossi l-politiki ta' ritorn u riammissjoni; iqis li dawn il-politiki jmorru kontra d-dritt għall-moviment liberu u d-dritt għall-asil; jappella f'dan ir-rigward għall-waqfien immedjat tan-negozjati mar-Repubblika Demokratika tal-Kongo fil-qafas tal-proċess ta' Rabat;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza