Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0807/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0807/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI  dwar il-massakri fil-Kongo tal-Lvant

17.6.2016 - (2016/2770(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Laura Ferrara, Piernicola Pedicini, Laura Agea f'isem il-Grupp EFDD

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0801/2016

Proċedura : 2016/2770(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0807/2016
Testi mressqa :
B8-0807/2016
Testi adottati :

B8-0807/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-massakri fil-Kongo tal-Lvant

(2016/2770(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Lulju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-kelliem tagħha dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tat-23 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja, adottat mill-Kunsill fit-22 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u l-ordnijiet mogħtija mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fil-qafas tal-kawżi Attivitajiet Armati fit-Territorju tal-Kongo (Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo vs. l-Uganda), Attivitajiet Armati fit-Territorju tal-Kongo (Applikazzjoni Ġdida: 2002) (Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo vs. ir-Rwanda), Attivitajiet Armati fit-Territorju tal-Kongo (Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo vs. ir-Rwanda), u Attivitajiet Armati fit-Territorju tal-Kongo (Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo vs.il-Burundi),

–  wara li kkunsidra l-Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Reġjun, li ġie ffirmat f'Addis Ababa fi Frar 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 2198 (tal-2015) dwar it-tiġdid tar-reġim ta' sanzjonijiet fuq ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-mandat tal-Grupp ta' Esperti u 2277 (tal-2016),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tat-12 ta' Jannar 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivitajiet tal-Uffiċċju Konġunt tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, tas-27 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra d-dritt umanitarju internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra dwar il-kunflitti armati, u b'mod partikolari r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949, u l-Protokolli għalihom,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tad-9 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Reġjun,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija rivedut ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Kongoliża tat-18 ta' Frar 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi diversi sorsi rrapportaw dwar l-atroċitajiet, il-massakri, ir-reati tal-gwerra u r-reati kontra l-umanità fil-parti tal-Grigal tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, inklużi l-vjolenza sesswali mifruxa u r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal minn gruppi armati;

B.  billi, bejn Ottubru 2014 u Mejju 2016, fit-territorji ta' Beni, Lubero u Butembo ħafna ċivili ġew soġġetti għal vjolenza sesswali, inħarqu djar, sptarijiet u skejjel, inqatlu aktar minn 1 160 ruħ u għebu aktar minn 1 470,

C.  billi dan il-kunflitt storiku u li għadu ma ġiex riżolt ikkawża l-ispostament intern u estern ta' aktar minn 2 miljun persuna.

D.  billi ħafna territorji f'dik iż-żona huma issa okkupati minn diversi gruppi armati;

E.  billi r-responsabilità għal dan il-qtil għandha tiġi attribwita għall-gruppi armati li qed jaġixxu fir-reġjun; billi għadu mhux ċar kemm jestendi l-kontroll tal-gvern fuq dawn il-gruppi;

F.  billi f'xi okkażjonijiet twettqu reati qrib ħafna għal pożizzjonijiet miżmuma mill-armata nazzjonali (FARDC) u l-bażijiet tal-missjoni għaż-żamma tal-paċi tan-NU fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO);

G.  billi l-armata Kongoliża u l-MONUSCO (li l-mandat tagħha ġie mġedded u msaħħaħ) huma preżenti fir-reġjun biex iżommu l-istabilità, jiġġieldu kontra l-gruppi armati u jipproteġu liċ-ċivili;

H.  billi anke dawk l-entitajiet pubbliċi u privati li japprofittaw mill-instabilità u jimmiraw li jisfruttaw ir-riżorsi naturali tar-reġjun għandhom responsabilità sinifikanti u estensiva għal din is-sitwazzjoni mifruxa, kumplessa u b'għeruq fil-fond;

1.  Jinsab allarmat mis-sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora fil-parti tal-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u mill-kunflitti armati vjolenti li issa ilhom għaddejjin għal aktar minn 20 sena;

2.  Jiddeplora b'mod qawwi l-indifferenza tal-komunità internazzjonali u s-skiet medjatiku minkejja d-deċiżjonijiet u l-ordinanzi maħruġa mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u għadd ta' atti uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti u istituzzjonijiet internazzjonali oħra;

3.  Jikkundanna l-ksur li ilu u għadu jseħħ tal-aktar drittijiet tal-bniedem bażiċi, inkluż it-telf ta' ħajja, u jesprimi l-mogħdrija tiegħu mal-poplu tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

4.  Jappella b'mod qawwi lin-NU, lill-Unjoni Afrikana u lill-MONUSCO biex, b'mod urġenti u effikaċi, jindirizzaw is-sitwazzjoni, f'kooperazzjoni mal-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, sabiex jipprevjenu t-twettiq ta' reati ulterjuri fiż-żona;

5.  Iħeġġeġ biex titnieda investigazzjoni komprensiva, indipendenti u trasparenti mill-komunità internazzjonali dwar il-massakri;

6.  Jappella biex issir laqgħa ta' emerġenza tat-Tim tal-Mibgħuta u r-Rappreżentanti Internazzjonali għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar tal-Afrika rigward l-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u biex dawn jieħdu azzjoni xierqa għal dan l-għan, bħall-mobilizzazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

7.  Itenni li ma jista' jkun hemm l-ebda impunità għal min iwettaq reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità u jappella biex kull min ikun responsabbli għal atti ta' dan it-tip jiġi identifikat u soġġett għal prosekuzzjoni;

8.  Jistenna li l-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali jingħata r-responsabilità għal investigazzjoni dwar ir-reati kontra l-umanità u r-reati tal-gwerra mwettqa f'din iż-żona sabiex issir ġustizzja ma' min kien responsabbli għall-atroċitajiet li twettqu matul dawn l-aħħar ftit deċennji;

9.  Jikkundanna r-rwol tal-entitajiet privati u pubbliċi li japprofittaw mill-instabilità sabiex jisfruttaw ir-riżorsi lokali;

10.  Jikkundanna r-responsabilitajiet gravi ta' dawk li jipprovdu armi lill-gruppi armati b'mod dirett jew indirett;

11.  Jappella b'mod qawwi biex il-gruppi armati kollha fir-reġjun jiġu nnewtralizzati minnufih u jappella lill-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u lill-komunità internazzjonali biex dan jagħmluh prijorità;

12.  Jappella lill-UA u lill-UE biex jiżguraw djalogu politiku permanenti bejn il-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar sabiex jipprevjenu kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri; jiddispjaċih li sar biss progress limitat fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni ta' Frar 2013 u jappella lill-partijiet kollha biex jikkontribwixxu b'mod attiv għall-isforzi ta' stabilizzazzjoni;

13.  Jitlob b'urġenza li jitfassal rapport ta' evalwazzjoni dwar l-azzjonijiet tal-MONUSCO u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; jilqa' r-Riżoluzzjoni 2277 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (tal-2016), li ġeddet il-mandat tal-MONUSCO u saħħet il-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u d-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jiddeplora n-nuqqas ta' ċarezza fil-mandat tal-MONUSCO u jħeġġeġ lill-MONUSCO tisfrutta kompletament il-mandat tagħha għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili; iħeġġeġ biex il-mandat jiġi ġenwinament iċċarat, b'mod li l-MONUSCO tingħata minnufih il-possibilità li tipproteġi b'mod effikaċi lill-popolazzjoni li qiegħda taħt attakk mill-gruppi armati;

15.  Jirrikonoxxi l-isforzi mwettqa mill-awtoritajiet Kongoliżi fil-ġlieda kontra l-impunità u fil-prevenzjoni tar-reklutaġġ tat-tfal, tal-vjolenza sesswali u tal-vjolenza kontra t-tfal, iżda jinsab preokkupat minn kemm qed isir bil-mod il-progress;

16.  Jappella biex is-soċjetà ċivili tiġi involuta aktar fil-protezzjoni taċ-ċivili u fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-proċessi ta' medjazzjoni;

17.  Jappella għall-protezzjoni tal-attivisti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-uffiċjali tas-servizz pubbliku;

18.  Jissottolinja li din is-sitwazzjoni m'għandhiex tipprevjeni l-elezzjonijiet milli jseħħu kif inhu ppjanat kostituzzjonalment u jfakkar fl-importanza li jiġu rispettati l-limiti fuq it-tul tal-mandati, speċjalment meta jkunu stabbiliti mill-Kostituzzjoni;

19.  Jisħaq fuq id-dmir tal-UE u l-Istati Membri tagħha li jiżguraw il-koerenza u t-trasparenza fil-politiki kollha tagħhom, inkluż fir-rigward tal-kummerċ tal-armi u l-kummerċ tal-materja prima; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali biex jaqblu rigward regoli vinkolanti dwar dan is-suġġett, inkluż it-twaqqif ta' korpi ta' monitoraġġ, b'mod li jevitaw l-alimentazzjoni ta' kunflitti inumani permezz ta' attivitajiet kummerċjali;

20.  Jappella lill-UE biex tikkunsidra li timponi sanzjonijiet immirati fuq min hu responsabbli għar-ripressjoni vjolenti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, inklużi projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u iffriżar ta' assi, bil-għan li tipprevjeni vjolenza ulterjuri;

21.  Jistieden lill-UE u n-NU jaqblu b'mod urġenti rigward il-qafas biex jibagħtu osservatur biex jevalwa s-sitwazzjoni umanitarja u jirrapporta lill-komunità internazzjonali rigward il-firxa ta' dawn il-massakri;

22.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tiffoka fuq din il-kwistjoni u tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament rigward is-sitwazzjoni f'din iż-żona tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod li jiġi żgurat li l-UE tkompli bil-monitoraġġ mill-qrib tagħha tal-problema;

23.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iżommu l-assistenza tagħhom lill-poplu tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo b'mod li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-aktar partijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni, speċjalment min ikun ġie spostat fil-livell internazzjonali u f'dak intern;

24.  Jilqa' l-isforzi tal-awtoritajiet Kongoliżi biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-kummerċ u l-ipproċessar ta' minerali fiż-żoni fejn hemm sfruttament illegali ta' minerali, bħal dawk ikkontrollati mill-gruppi armati; jappella lill-awtoritajiet Kongoliżi biex jintensifikaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u jħeġġeġ lir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tkompli bl-isforzi tagħha biex tikkonforma mal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kunsill AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-President, il-Prim Ministru u l-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.