MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit
24.6.2016 - (2016/2800(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Syed Kamall
f'isem il-Grupp ECR
<<<
B8-0841/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. Jinnota li r-referendum fir-Renju Unit dwar is-sħubija tiegħu fl-Unjoni Ewropea rriżulta f'vot ta' 51.9 % favur il-ħruġ; jirrispetta din id-deċiżjoni demokratika tal-poplu Brittaniku;
2. Jagħraf li r-relazzjoni bejn is-27 Stat Membru l-oħra tal-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit issa daħlet f'fażi ta' tranżizzjoni fi tħejjija għall-ħruġ formali tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea;
3. Jinnota li n-negozjati dwar il-ftehim dwar il-ħruġ għandhom jibdew f'qasir żmien u għandhom isiru skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jitlob li dawn in-negozjati jsiru b'rispett u attenzjoni bil-għan li jiġi żgurat li l-ftehim dwar il-ħruġ jipprevedi l-istabbiliment ta' sħubija pożittiva u kostruttiva bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit fil-futur;
4. Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri jħarsu lejn ir-riżultati tar-referendum fir-Renju Unit bħala sinjal importanti ta' skuntentizza ġenerali; jistedinhom jirriflettu dwar il-mod kif l-Unjoni għandha tiġi riformata sabiex din toqrob lejn iċ-ċittadini u tiggarantixxi konformità akbar mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill Ewropew, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.