Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0855/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0855/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-deċiżjoni tal-Ġappun li jerġa' jibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015–2016

29.6.2016 - (2016/2600(RSP))

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8–0702/2016 u B8–0703/2016
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Renate Sommer f'isem il-Grupp PPE
Renata Briano f'isem il-Grupp S&D
Julie Girling, Angel Dzhambazki f'isem il-Grupp ECR
Frédérique Ries f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0853/2016

Proċedura : 2016/2600(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0855/2016
Testi mressqa :
B8-0855/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0855/2016

dwar id-deċiżjoni tal-Ġappun li jerġa' jibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015–2016

(2016/2600(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ftehim tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC) dwar limiti żero għall-qbid (il- moratorju) fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni li daħal fis-seħħ fl-1986,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2014–5 adottata mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-kaċċa għall-Balieni fil-65 laqgħa tagħha f'Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Miri tal-Bijodiversità Aichi miftiehma skont il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Diversità Bijoloġika,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-abitati naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (id-Direttiva dwar l-Abitati)[1],

–  wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-azzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni[2],

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tal-31 ta' Marzu 2014 fil-Kawża li tikkonċerna l-kaċċa għall-balieni fl-Antartiku (L-Awstralja vs il-Ġappun: New Zealand intervenjenti),

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva ffirmata mill-UE f'Diċembru 2015 dwar il-fatt li l-Ġappun reġa' beda l-kaċċa għall-balieni fl-Oċean Antartiku taħt il-Programm Ġdid ta' Riċerka Xjentifika dwar il-Balieni (NEWREP-A),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tal-Ġappun li jerġa' jibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015–2016 (O-000058/2016 – B8-0702/2016 u O-000059/2016 – B8-0703/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-1982 il-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni stabilixxiet moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali kollha għall-balieni, li għadu fis-seħħ, bil-għan li tipproteġi l-istokkijiet mill-estinzjoni u tippermettilhom jirkupraw; billi l-moratorju jippermetti biss eżenzjonijiet għall-kaċċa għall-balieni għal ammonti limitati ta' annimali għal skopijiet strettament xjentifiċi, magħrufa bħala 'kaċċa għall-balieni b'permess speċjali';

B.  billi, minkejja dan il-moratorju, il-kaċċa għall-balieni għal skopijiet kummerċjali għadha pprattikata f'bosta pajjiżi; billi, sa mill-introduzzjoni tal-moratorju, in-numru ta' balieni maqtula permezz tal-awtorizzazzjoni tal-permess speċjali allegatament għal riċerka xjentifika fil-fatt żdied; billi l-Ġappun ilu jwettaq din il-kaċċa għall-balieni b'permess speċjali għal għexieren ta' snin;

C.  billi l-kaċċa għall-balieni tikkawża tbatija enormi lil annimali individwali u thedded l-istatus ta' konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-balieni b'mod ġenerali;

D.  billi, fis-sentenza tagħha tal-31 ta' Marzu 2014, il-QIĠ ordnat il-waqfien tal-kaċċa għall-balieni annwali tal-Ġappun, abbażi tal-Programm JARPA II tiegħu, minħabba li kien hemm "nuqqas ta' mertu xjentifiku" u li l-permessi li ħareġ ma twettqux għal riċerka xjentifika kif sostna l-Ġappun;

E.  billi, f'Ottubru 2015, il-Ġappun għamel dikjarazzjoni man-NU fejn irrikonoxxa l-ġurisdizzjoni tal-QIĠ imma b'eċċezzjoni għal kwalunkwe tilwima li tinqala'minnha li tikkonċerna jew li jkollha x'taqsam mar-riċerka dwar, jew il-konservazzjoni, il-ġestjoni, jew l-isfruttament ta' riżorsi ħajjin tal-baħar, u b'dan il-mod eskluda effettivament l-oġġezzjonijiet futuri fil-QIĠ għall-programm tagħhom ta' permess speċjali għall-kaċċa għall-balieni;

F.  billi f'Novembru 2015, l-Aġenzija Ġappuniża tas-Sajd innotifikat lill-Kummissjoni Internazzjonali tal-Kaċċa għall-Balieni li kienet ser terġa' tibda l-Programm Ġdid ta' Riċerka Xjentifika dwar il-Balieni (NEWREP-A);

G.  billi l-bord espert tax-xjentisti tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni, li kkunsidra u rreveda n-NEWREP-A, ikkonkluda li l-proposta ma turix il-ħtieġa għal kampjuni letali biex jinkisbu l-objettivi ddikjarati;

H.  billi l-objettiv primarju jrid ikun il-protezzjoni tal-bijodiversità, li tinkludi l-konservazzjoni tal-ispeċi, billi d-Direttiva dwar l-Abitati li tiddefinixxi l-pożizzjoni Komunitarja rigward il-balieni (u d-dniefel) ma tippermettix li l-kaċċa kummerċjali għall-balieni tkompli għall-ebda stokk ta' balieni fl-ibħra tal-UE;

I.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha kkritikaw lill-Ġappun talli kompla bl-attivitajiet u talli ma qiesx b'mod suffiċjenti l-gwida li tinsab fl-opinjoni tal-QIĠ tal-2014; billi f'Diċembru 2015 huma ngħaqdu man-New Zealand f'passi kontra l-Gvern tal-Ġappun;

J.  billi l-Ġappun huwa sieħeb strateġiku tal-UE u billi r-relazzjoni bilaterali hija bbażata fuq valuri komuni, inklużi t-twemmin ferm f'multilateraliżmu effettiv u f'ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli;

1.  Jappoġġja bil-qawwa ż-żamma ta' moratorju globali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni, u projbizzjoni fuq il-kummerċ internazzjonali tal-prodotti mill-balieni; iħeġġeġ li titwaqqaf 'il-kaċċa xjentifika għall-balieni' u jappoġġja l-għażla ta' reġjuni sostanzjali fl-oċeani u fl-ibħra bħala santwarji li fihom il-kaċċa għall-balieni hija pprojbita b'mod indefinit;

2.  Huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li d-deċiżjoni biex terġa' tibda l-kaċċa għall-balieni taħt il-programm il-ġdid NEWREP-A se tippermetti l-qtil ta' 333 balenottera żgħira fl-Oċean Antartiku matul l-istaġun tal-2015–2016, u total ta' kważi 4 000 baliena matul il-perjodu ta' 12-il sena b'mod ġenerali;

3.  Jiddeplora l-fatt li, billi jerġa' jibda l-kaċċa għall-balieni, il-Ġappun manifestament qed jinjora d-deċiżjoni tal-QIĠ; iqis li l-kaċċa għall-balieni, għalhekk, tikkostitwixxi ksur tal-istandards tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni u tad-dritt internazzjonali u ddgħajjef il-protezzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi tal-baħar; jenfasizza li riċerka xjentifika ġenwina ma teħtieġx il-qtil tal-balieni fuq skala kbira u regolari; jistieden lill-Ġappun iwaqqaf immedjatament l-attivitajiet tal-kaċċa għall-balieni tiegħu u josserva l-konklużjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni;

4.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-UE f'dawn il-passi bil-għan li tgħaddi lill-Ġappun t-tħassib serju tagħha; Jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kunsill iħeġġu lill-Ġappun josserva l-obbligi internazzjonali tiegħu fir-rigward tal-ħarsien tal-mammiferi tal-baħar;

5.  Jiddispjaċih li l-Ġappun s'issa għadu ma reġax ikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu minkejja l-passi diplomatiċi u l-protesti internazzjonali mifruxa; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu ħilithom kollha biex isolvu l-kwistjoni permezz ta' djalogu politiku u permezz tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jsibu l-mekkaniżmi xierqa biex kontinwament jimpenjaw ruħhom mal-Ġappun dwar il-kwistjoni tal-kaċċa xjentifika għall-balieni bil-ħsieb tal-abolizzjoni tal-prattika;

7.  Jilqa' r-Riżoluzzjoni 2014–5 tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni li tgħid li l-ebda permess ieħor ta' kaċċa għall-balieni m'għandu jinħareġ mingħajr ma jiġi revedut internazzjonalment minn qabel, inkluż mill-Kumitat Xjentifiku tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni tinkorpora d-deċiżjoni tal-QIĠ fil-prattiki ta' ħidma tagħha u tadotta r-regoli tagħha skont din; jenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni urġenti biex tissaħħaħ il-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni f'dan ir-rigward u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu pressjoni għad-deċiżjonijiet meħtieġa waqt il-laqgħa li jmiss tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni f'Ottubru;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tal-Ġappun.