Proċedura : 2016/2695(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0861/2016

Testi mressqa :

B8-0861/2016

Dibattiti :

PV 05/07/2016 - 14
CRE 05/07/2016 - 14

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2016 - 6.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 423kWORD 86k
29.6.2016
PE585.298v01-00
 
B8-0861/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sinerġiji għall-innovazzjoni bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej oħra (2016/2695(RSP))


Younous Omarjee, Merja Kyllönen, Jiří Maštálka, Ángela Vallina, Martina Michels f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sinerġiji għall-innovazzjoni bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej oħra (2016/2695(RSP))  
B8-0861/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162 u 174 sa 178 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni")(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-ottimizzazzjoni tal-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi permezz tal-ħolqien ta' sinerġiji bejn il-fondi strutturali tal-UE u programmi oħra tal-UE(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni"(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015, "Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020"(10),

–  wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bl-isem "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi" tat-23 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-gwida ippubblikata mill-Kummissjoni fl-2014 dwar il-faċilitazzjoni ta' sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u programmi oħrajn tal-Unjoni għar-riċerka, l-innovazzjoni u relatati mal-kompetittività,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim COP21 li ġie ffirmat fl-2015 f'Pariġi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-politika ta' koeżjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja 2014-2020 għadha tirrappreżenta l-istrument ewlieni tal-UE li jkopri r-reġjuni kollha, u billi hi l-uniku fond li jqassam mill-ġdid il-ġid bejn ir-reġjuni tal-UE, u għandha l-għan li testendi l-prosperità u tnaqqas l-inugwaljanzi ekonomiċi, soċjali u territorjali, li ġew aggravati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-politiki ta' awsterità;

B.  billi l-politika ta' koeżjoni nbniet fuq l-artikolazzjoni tat-tliet fondi tagħha, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK), flimkien ma' koordinament aktar estensiv taħt Qafas Strateġiku Komuni (QSK) mal-fond għall-iżvilupp rurali, speċifikament il-il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u ma' dak għas-settur marittimu u tas-sajd, il-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew (FEMS);

C.  billi id-dispożizzjonijiet komuni għal dawn il-ħames fondi, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE), ġew stabbiliti taħt ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, waqt li r-regoli speċifiċi applikabbli għal kull Fond SIE u għall-objettiv ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea ġew soġġetti għal regolamenti separati;

D.  billi r-riforma riċenti tal-politika ta' koeżjoni introduċiet għadd limitat ta' objettivi u prijoritajiet biex ħolqot konċentrazzjoni tematika;

1.  Ifakkar li s-sinerġiji ma jistgħux jintużaw bħala mod biex il-Fondi SIE jiġu devjati mill-objettiv tagħhom ta' koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali;

2.  Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni hi mmirata biex testendi l-prosperità u tnaqqas l-inugwaljanzi ekonomiċi, soċjali u territorjali, li ġew aggravati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-politiki ta' awsterità; jikkundanna b'mod qawwi, f'dan ir-rigward, il-kollegament bejn il-governanza ekonomika u l-politika ta' koeżjoni

3.  Jiddikjara mill-ġdid li l-kollegamenti bejn il-politika ta' koeżjoni u politiki u inizjattivi oħra tal-UE ssaħħew fi ħdan il-Qafas Strateġiku Komuni introdott mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, u għaldaqstant, permezz tal-istrumenti u l-objettivi kollha tagħha, inklużi l-aġenda urbana, l-aġenda territorjali, l-investiment fl-impriżi żgħar u ta' daqs medju, speċjalment il-mikro impriżi, it-tkabbir intelliġenti u l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, u jeħtieġ li jikkontribwixxu għall-ksib tal-objettivi ta' koeżjoni;

4.  Jissottolinja li r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni relatati mal-Fondi SIE jinkludi għall-ewwel darba mandat ġuridiku għall-massimizzazzjoni tas-sinerġiji, mhux biss bejn dawn iż-żewġ strumenti, iżda anke ma' programmi oħra bħal COSME, Erasmus+ u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; ifakkar li l-qafas il-ġdid tal-politika ta' koeżjoni hu ffokat fuq għadd limitat ta' objettivi politiċi u erba' oqsma prijoritarji;

5.  Jissottolinja l-fatt li s-sinerġiji jinbnew direttament mil-livell tal-ippjanar strateġiku, u għaldaqstant jirrikjedu mill-bidu nett għażliet strateġiċi u ppjanar min-naħa tar-reġjuni u l-Istati Membri għall-identifikazzjoni u l-ġenerazzjoni ta' opportunitajiet; jindika li, fil-każ ta' Orizzont 2020, dan jikkonsisti fl-implimentazzjoni tal-programmi b'mod li jiffaċilita s-sinerġiji f'termini ta' sensibilizzazzjoni, il-forniment ta' informazzjoni, l-involviment f'kampanji ta' komunikazzjoni, u l-aktar kollegament strett possibbli tal-punti ta' kuntatt nazzjonali ma' min ifassal il-politiki u mal-awtoritajiet maniġerjali f'dak li għandu x'jaqsam mal-Fondi SIE fil-livelli nazzjonali u reġjonali;

6.  Jisħaq fuq il-fatt li l-iżvilupp ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti permezz tal-involviment tal-awtoritajiet maniġerjali u partijiet interessati, bħal universitajiet u istituzzjonijiet oħra ta' edukazzjoni għolja, kif ukoll is-sħab soċjali, fil-livelli nazzjonali u reġjonali, huma utli għar-reġjuni u l-Istati Membri li jixtiequ jinvestu r-riżorsi mill-FEŻR fir-riċerka u l-innovazzjoni;

7.  Jirrikonoxxi ż-żieda fl-użu tal-istrumenti finanzjarji fil-baġit tal-Unjoni bħala forma komplementari ta' finanzjament meta mqabbel mas-sussidji u l-għotjiet; jinnota li l-istrumenti finanzjarji jistgħu jipprovdu metodu alternattiv u komplementari ta' finanzjament, imma għandhom japplikaw biss fil-każ tal-proġetti li għalihom dan it-tip ta' finanzjament jirrappreżenta valur miżjud u jtejjeb il-ġestjoni tajba ta' fondi pubbliċi;

8.  Jappella lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi fil-fond dwar l-użu tal-istrumenti finanzjarji sa mill-bidu tal-perijodu ta' programmazzjoni attwali; jisħaq fuq il-fatt li, meta jkun qed jiġi vvalutat strument finanzjarju, id-dimensjoni tal-effett ta' ingranaġġ ma tistax tkun l-uniku kriterju ta' evalwazzjoni; ifakkar f'dan il-kuntest fl-importanza tal-kriterju ta' "addizzjonalità" u l-valutazzjoni tal-kontribut għall-ksib tal-objettivi tal-UE fil-qasam tal-koeżjoni, peress li l-bażi ġuridika tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) hi l-Artikolu 175(3) TFUE;

9.  Jiddispjaċih f'dan ir-rigward dwar in-nuqqas ta' kriterji ġeografiċi u ta' żvilupp fil-FEIS; jenfasizza li l-politiki dwar il-FEIS u l-Fondi SIE (inklużi l-koeżjoni, l-iżvilupp rurali u s-sajd) huma mmirati lejn oqsma politiċi u livelli istituzzjonali differenti; jisħaq fuq il-fatt li għandhom jiġu żgurati koerenza sħiħa u sinerġiji bejn l-istrumenti kollha tal-UE, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni jew il-kontradizzjonijiet bejniethom jew bejn il-livelli differenti ta' implimentazzjoni politika; jiddispjaċih f'dan ir-rigward li l-ħolqien tal-FEIS irriżulta fi tnaqqis tal-baġits tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u Orizzont 2020, biex b'hekk ġiet limitata l-kapaċità tagħhom li jiksbu l-objettivi tagħhom, u ntweriet l-inkompatibilità ta' dan il-fond mal-objettivi ta' koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali mnaqqxa fit-Trattati;

10.  Ifakkar li m'hemmx finanzjament suffiċjenti taħt Orizzont 2020, b'mod partikolari għar-reġjuni anqas żviluppati u r-reġjuni ultraperiferiċi, u li proġetti li jiġu evalwati bħala eċċellenti ma jiġux iffinanzjati; jisħaq fuq il-fatt li għandu jiġi żblokkat finanzjament alternattiv (pereżempju għotjiet taħt il-FEIS li jistgħu jkopru proġetti eċċellenti taħt Orizzont 2020); jipproponi li l-istatus tagħhom fir-rigward tal-livell ta' eċċellenza tagħhom kif ikun ġie evalwat minn Orizzont 2020 jiġi aċċettat ex ante peress li l-kriterji ta' evalwazzjoni jikkorrispondu ma' dawk previsti mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-objettiv tematiku rilevanti (i.e. "it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni;")

11.  Jiddispjaċih dwar il-konċentrazzjoni territorjali tal-fondi tal-UE għar-riċerka fi ftit pajjiżi u universitajiet; jappella għal politika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni li tiggarantixxi distribuzzjoni territorjali ġusta li effettivament tkun f'konverġenza mal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni;

12.  Jappella lill-Kummissjoni biex tipprovdi malajr qafas biex jitqawwew is-sinerġiji effiċjenti bejn il-FEŻR u l-FEŻ;

13.  Jappella lill-Kummissjoni biex tniedi qafas għas-sinerġiji bejn il-Fondi SIE, Orizzont 2020 u l-istrateġija għal Tkabbir Blu;

14.  Ifakkar li r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni hu bbażat fuq l-objettiv orizzontali ta' żvilupp sostenibbli, u jemmen f'dan ir-rigward li s-sinerġiji bejn il-Fondi SIE u l-politiki l-oħra tal-UE għandhom jitqawwew, b'mod partikolari bi qbil mal-objettivi tal-UE għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, l-objettivi tal-COP21, u mal-fondi kollha tal-UE li jsostnu l-protezzjoni tan-natura u l-bijodiversità;

15.  Jemmen li s-sinerġiji bejn il-politika ta' koeżjoni u Orizzont 2020 m'għandhomx jiġu mmirati lejn ir-riċerka militari;

16.  Jevidenzja l-problemi li jirrappreżentaw il-politiki ta' awsterità u r-restrizzjonijiet fiskali għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għall-ksib tal-proporzjon ta' kofinanzjament tal-fondi tal-UE; jappella lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid il-proporzjonijiet effettivi ta' kofinanzjament u tippermetti eżenzjonijiet temporanji għall-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE li qed jaffaċċjaw problemi ekonomiċi serji;

17.  Jappella għal sistema ta' monitoraġġ biex issegwi s-suċċess tas-sinerġiji b'mod li jixxerrdu l-aħjar prattiki u jinsiltu tagħlimiet qabel ir-rieżami tal-Istrateġija Ewropa 2020;

18.  Jappella lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-possibilità li tapplika "r-regola tad-deheb" għall-investiment pubbliku, biex b'hekk teżenta l-investiment pubbliku miċ-ċifri tad-defiċit pubbliku u tippermetti li l-Istati Membri jiżviluppaw investimenti pubbliċi, inklużi dawk sostnuti minn fondi tal-UE;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.

(4)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.

(5)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.

(6)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.

(7)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(8)

Testi adottati, P7_TA(2014)0133.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2015)0308.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2015)0419.

Avviż legali - Politika tal-privatezza