Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0862/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0862/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-deċiżjoni tal-Ġappun li jerġa' jibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015-2016

29.6.2016 - (2016/2600(RSP))

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-0702/2016 u B8-0703/2016
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Marco Affronte, Piernicola Pedicini, Eleonora Evi, Rolandas Paksas, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0853/2016

Proċedura : 2016/2600(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0862/2016
Testi mressqa :
B8-0862/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0862/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjoni tal-Ġappun li jerġa' jibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015-2016

(2016/2600(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-moratorju internazzjonali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni, iddikjarat mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tal-31 ta' Marzu 2014 fil-kawża li tikkonċerna l-kaċċa għall-balieni fl-Antartiku (l-Awstralja vs il-Ġappun: New Zealand intervenjenti),

–  wara li kkunsidra il-Pjan ta' Riċerka Ġappuniż għall-Programm Ġdid ta' Riċerka Xjentifika dwar il-Balieni fl-Oċean Antartiku (NEWREP-A),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tal-Ġappun li jerġa' jibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015-2016 (O-000058/2016 – B8-0702/2016 u O-000059/2016 – B8-0703/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC) ipprojbixxiet il-kaċċa kummerċjali għall-balieni ta' kull speċi ta' baliena kbira fl-1982, u din il-projbizzjoni daħlet fis-seħħ fl-1986;

B.  billi fl-31 ta' Marzu 2014, il-QIĠ ordnat lill-Ġappun jwaqqaf il-kaċċa għall-balieni fl-Antartika, filwaqt li ċċarat li l-hekk imsejħa "kaċċa għall-balieni għal skopijiet xjentifiċi" ma hijiex kompatibbli mal-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolarizzazzjoni tal-Kaċċa għall-Balieni (ICRW), id-deċiżjonijiet tal-IWC u d-dritt internazzjonali;

C.  billi, minkejja din il-projbizzjoni internazzjonali li daħlet fis-seħħ fl-1986, il-Ġappun minn dak iż-żmien sal-2008-2009 qatel aktar minn 17 000 baliena[1], abbażi ta' pretesti foloz bħar-riċerka xjentifika;

D.  billi, bħala konsegwenza, fl-istaġun 2015-2016 il-kaċċaturi tal-balieni Ġappuniżi qabdu 333 balenottera żgħira fl-Oċean Antartiku, inklużi aktar minn 200 balena tqila, fil-qafas tal-programm speċjuż u psewdo-xjentifiku tal-kaċċa għall-balieni NEWREP-A u bi ksur tad-deċiżjoni tal-IWC u l-QIĠ;

E.  billi l-attività ta' kaċċa għall-balieni, li għadha awtorizzata fil-Ġappun, in-Norveġja u l-Iżlanda, tista' severament tipperikola l-bijodiversità, peress li tħalli impatt fuq l-istatus ta' konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-balieni fuq livell ġenerali filwaqt li fl-istess ħin tikkawża sofferenza inġusta u mhux neċessarja lill-mammiferi marini individwali;

F.  billi l-flotta Ġappuniża fit-Tramuntana tal-Paċifiku biss għandha l-kapaċità li toqtol sa 200 balenottera żgħira, 50 balenottera ta' Bryde, 100 balenottera tan-Nofsinhar, u 10 gabdolli bil-pretest ta' riċerka xjentifika;

G.  billi, fis-27 ta' Novembru 2015, il-Ġappun ħabbar li kien se jerġa' jibda l-hekk imsejħa kaċċa għall-balieni għal skopijiet xjentifiċi fl-Antartiku, minkejja d-deċiżjoni tal-QIĠ u wara li ma rnexxilux jikseb l-appoġġ tal-IWC għall-programm il-ġdid letali tiegħu NEWREP-A, li għandu bħala mira l-qtil ta' 4 000 balenottera żgħira fit-12-il sena li ġejjin;

H.  billi l-permessi xjentifiċi jippermettu l-bejgħ u l-għoti tal-laħam tal-balieni, filwaqt l-ħtiġijiet xjentifiċi jistgħu jiġu sodisfatti b'alternattivi perfettament innokwi; billi l-kampjuni tad-DNA u l-monitoraġġ remot jagħtu l-opportunità lix-xjentisti biex jitgħallmu dwar il-balieni mingħajr il-qtil tal-balieni, u l-kampjuni ta' balieni jistgħu jinġabru, pereżempju, mill-ġilda li jwaqqgħu l-balieni, ix-xaħam u l-ħmieġ tal-annimali sabiex jiġu identifikati patoġeni possibbli;

I.  billi l-Bord Espert tax-Xjentisti tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni ddikjarat li l-pjan NEWREP-A ma jurix il-bżonn ta' kampjuni letali biex jinkisbu l-objettivi ddikjarati;

J.  billi l-laħam tal-balieni m'għadux parti mid-dieta Ġappuniża; billi, skont l-Istitut Ġappuniż ta' Riċerka Ċetaċew fl-2014 sa 75 % mil-laħam tal-baliena għall-bejgħ baqa' mhux mibjugħ.

K.  billi l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, kif ukoll diversi pajjiżi u korpi internazzjonali, huma favur moratorju globali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni, u projbizzjoni fuq il-kummerċ internazzjonali tal-prodotti mill-balieni;

L.  billi hemm appoġġ internazzjonali globali għall-istabbiliment ta' santwarji fl-ibħra li fihom il-kaċċa kollha għall-balieni hija pprojbita għal dejjem;

1.  Iħeġġeġ lill-Ġappun iwaqqaf immedjatament l-attivitajiet ta' kaċċa għall-balieni min-naħa tiegħu;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ifakkru l-Ġappun fl-obbligi tiegħu fir-rigward tal-protezzjoni ta' mammiferi marini;

3.  Jistieden lill-Prosekutur tal-QIĠ iniedi investigazzjonijiet fir-rigward tal-ksur mill-Ġappun tad-dritt internazzjonali u tas-sentenza tal-QIĠ tal-2014;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tal-Ġappun, kif ukoll lill-Prosekutur tal-QIĠ.