Proċedura : 2016/2773(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0885/2016

Testi mressqa :

B8-0885/2016

Dibattiti :

PV 06/07/2016 - 5
CRE 06/07/2016 - 5

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2016 - 6.12
CRE 06/07/2016 - 6.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0312

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 573kWORD 150k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0885/2016
4.7.2016
PE585.324v01-00
 
B8-0885/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea


dwar il-prijoritajiet tal-Parlament għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017 (2016/2773(RSP))


Sophia in ‘t Veld f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Parlament għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017  (2016/2773(RSP))  
B8-0885/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(1), b'mod partikolari l-Anness IV tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tas-Sommarju tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, li jipprovdi input addizzjonali għal din ir-riżoluzzjoni min-naħa tal-kumitati parlamentari u li l-Kummissjoni għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni meta tkun qed tabbozza u tadotta l-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-rwol tal-Kummissjoni huwa li tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni, li tieħu inizjattivi xierqa għal dak l-għan, li tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati, li tissorvelja l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni, li timpenja ruħha biex tapplika l-istat tad-dritt li huwa bbażat fuq valuri ċentrali Ewropej u li huwa l-bażi ta' Ewropej li jgħixu flimkien fil-paċi, li teżerċita funzjonijiet ta' koordinazzjoni, eżekuttivi u ta' ġestjoni, u li tniedi l-leġiżlazzjoni;

B.  billi l-UE esperjenzat kriżi ekonomika twila, b'livell ta' tkabbir baxx u nuqqas ta' ħolqien ta' impjiegi u ta' investiment, li mhux se tingħeleb mingħajr aktar approfondiment sinifikanti tal-integrazzjoni Ewropea kulfejn dan ikun iġġustifikat, b'mod partikolari fis-suq intern u fil-kuntest tal-unjoni ekonomika u monetarja, b'kontroll demokratiku u responsabbiltà msaħħa;

C.  billi s-sostenibbiltà u t-tkabbir ekonomiku huma kompatibbli u jistgħu jsaħħu 'l xulxin b'mod reċiproku, u billi l-Kummissjoni hija mħeġġa tagħmel is-sostenibbiltà pedament tal-aġenda tagħha għall-impjiegi u t-tkabbir;

PARTI 1: Orizzontali

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet innegozjat, b'mod partikolari l-impenji tal-istituzzjonijiet dwar valutazzjonijiet tal-impatt imtejba, l-użu ta' regolamenti aktar milli direttivi u l-inklużjoni ta' klawżoli ta' estinzjoni (sunset clauses) biex ikun żgurat li l-liġijiet tal-UE jkunu rieżaminati perjodikament; għalhekk jistenna b'interess ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u b'mod partikolari l-valutazzjoni tagħha tat-traspożizzjoni tad-direttivi f'liġi nazzjonali, inkluż l-obbligu fuq l-Istati Membri biex jagħmlu kwalunkwe element addizzjonali ("gold-plating") identifikabbli b'mod ċar permezz ta' tabelli ta' valutazzjoni tal-UE, u biex jiġu indirizzati b'mod aktar attiv każijiet ta' direttivi trasposti mhux kif suppost u biex issegwi bir-reqqa l-infurzar u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

2.  Jitlob għar-REFIT tal-leġiżlazzjoni eżistenti, filwaqt li jenfasizza li l-leġiżlazzjoni teħtieġ tiġi adattata b'mod diġitali;

PARTI 2: Speċifiku għas-settur

Politika Ewropea dwar l-asil u l-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri

3.  Jitlob li jkun hemm proposta separata dwar viżi umanitarji għaż-żona ta' Schengen;

4.  Jitlob għal politika ta' migrazzjoni ekonomika xierqa tal-UE li tibni fuq l-istrumenti eżistenti għal studenti u riċerkaturi u ħaddiema kwalifikati permezz tal-ħolqien ta' permess tax-xogħol u ta' residenza ta' Schengen għal ċittadini ħaddiema mhux tas-sengħa jew dawk bi ħiliet baxxi;

5.  Jitlob biex ir-rapporti ta' implimentazzjoni u monitoraġġ dwar il-funzjonament tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta u taż-żona ta' Schengen;

Żona ta' ġustizzja, sigurtà u drittijiet fundamentali

Il-ġustizzja

6.  Jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva dwar il-liġi amministrattiva tal-UE li tiggarantixxi amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti, u biex tikkunsidra l-proposta tal-Parlament għal regolament tal-UE f'dan ir-rigward;

7.  Jilqa' l-proposta li ġejja għar-rieżami tar-Regolament FII ta' Brussell, u jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-iskeda ta' żmien stabbilita; jisħaq fuq l-importanza assoluta ta' din il-leġiżlazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet dwar il-kunflitt ta' liġijiet fil-liġi tal-familja bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari fil-qafas tal-kustodja tat-tfal u s-sekwestru internazzjonali tat-tfal;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas leġiżlattiv Ewropew għall-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli biex tarmonizza miżuri nazzjonali differenti għal persuni fiżiċi inkapaċi li jiġġestixxu l-affarijiet personali jew il-proprjetà tagħhom; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, li r-rakkomandazzjoni tal-Parlament tal-2008(2) għall-protezzjoni legali transkonfinali ta' adulti vulnerabbli ma wasslet għall-ebda azzjoni konkreta;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistudja l-possibbiltà li tiġi armonizzata l-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE;

Is-sigurtà

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura implimentazzjoni effiċjenti u koordinata tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà għall-perijodu 2015-2020 u l-prijoritajiet tagħha fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata transfruntiera u ċ-ċiberkriminalità, billi tiffoka fuq riżultati effettivi tas-sigurtà; itenni l-appell tiegħu għal evalwazzjoni dettaljata ffukata fuq l-effikaċja operattiva tal-istrumenti tal-UE eżistenti rilevanti u n-nuqqasijiet li fadal f'dan il-qasam, qabel il-preżentazzjoni ta' proposti ġodda leġiżlattivi bħala parti mill-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà; jiddeplora, f'dan ir-rigward, l-assenza sistematika ta' valutazzjoni tal-impatt għal diversi proposti ppreżentati bħala parti minn din l-aġenda;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strument leġiżlattiv orizzontali biex ittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi u għal żieda fil-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u mal-aġenziji tal-UE, li jibni fuq il-komunikazzjoni tagħha dwar sistemi tal-informazzjoni aktar b'saħħithom u aktar intelliġenti għall-fruntieri u s-sigurtà u bil-ħsieb li jiġi żgurat skambju obbligatorju ta' informazzjoni għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali serja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tressaq proposta leġiżlattiva biex temenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) bil-ħsieb li jiġu armonizzati l-kriterji ta' twissija u biex isir obbligatorju li jinħarġu allerti fir-rigward ta' persuni misjuba ħatja jew issuspettati b'terroriżmu jew delitti transnazzjonali serji oħrajn;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta mingħajr dewmien bla bżonn emenda għar-regolament tat-twaqqif tal-Europol il-ġdid, sabiex tiġi żviluppata kapaċità ta' investigazzjoni Ewropea ġenwina, tagħti kapaċita legali lill-Aġenzija biex titlob li tinbeda investigazzjoni kriminali, u tħeġġeġ il-qsim u l-ġbir flimkien ta' informazzjoni fil-livell tal-UE;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timmobilizza għarfien espert u riżorsi tekniċi u finanzjarji sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni fil-livell tal-UE u skambji tal-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u l-propaganda terroristika, in-netwerks radikali u r-reklutaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċi permezz ta' mezzi offlajn u onlajn, b'enfasi partikolari fuq strateġiji ta' prevenzjoni, integrazzjoni u reintegrazzjoni flimkien ma' integrazzjoni tas-sessi preċiża;

14.  Jenfasizza li kwalunkwe proposta għal miżura ta' infurzar tal-liġi li tillimita d-distribuzzjoni onlajn, jew inkella t-tqegħid għad-dispożizzjoni, ta' messaġġ lill-pubbliku, jew bl-għan li tinterċetta komunikazzjonijiet personali, għandhom ikunu limitati għal dak li hu neċessarju u proporzjonati u applikabbli fuq il-bażi ta' awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel; jistieden lill-Kummissjoni tkompli u tintensifika l-isforzi tagħha sabiex ittejjeb proċeduri ta' identifikazzjoni taċ-ċiberpredaturi u biex tipproteġi lit-tfal minnhom;

15.  Jilqa' l-adozzjoni tal-pakkett tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni rapida u armonizzata ta' dan tal-qafas leġiżlattiv il-ġdid tal-UE għall-protezzjoni tad-data personali; jilqa' t-tfassil ta' ftehim komprensiv dwar il-protezzjoni tad-data bejn l-UE u l-Istati Uniti, iżda huwa mħasseb li ma jikkonformax mad-dritt primarju u sekondarju tal-UE u jitlob għal opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE qabel il-konklużjoni tal-ftehim; jilqa' l-proposti għat-Tarka tal-Privatezza, li tissostitwixxi l-Isfera ta' Sikurezza, iżda jemmen li t-Tarka tal-Privatezza mhix kompletament "Schrems-proof" u li huma meħtieġa iktar passi għall-konformità sħiħa mad-dritt u l-każistika tal-UE;

Id-drittijiet fundamentali

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għal Patt ta' Demokrazija, Stat tad-Dritt u Drittijiet Fundamentali, fuq il-linji li għandhom jiġu stabbiliti mill-Parlament fir-rapport li jmiss tiegħu ta' inizjattiva leġiżlattiva;

17.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tagħmel kull sforz biex tiżblokka l-proposta għal direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex taġġorna l-Lista ta' Azzjonijiet tagħha dwar l-ugwaljanza għal-LGBTI għal rispons Ewropew għall-problemi relatati mad-drittijiet fundamentali li jaffaċċjaw persuni LGBTI, fil-forma ta' pjan direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali jew identità tal-ġeneru;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tagħmel progress favur l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni u tindirizza l-isfidi ġuridiċi li għad fadal; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti jinstabu soluzzjonijiet għaż-żewġ kwistjonijiet l-aktar problematiċi relatati mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), b'mod partikolari l-fiduċja reċiproka u r-rieżami ġudizzjarja;

19.  Jitlob għal strateġija b'saħħitha u awtonoma dwar id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, biex tissostitwixxi l-istrateġija 2010-2015 għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-ratifika mill-UE tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul), li għandha l-għan li tiżgura l-applikazzjoni xierqa u effettiva tal-Konvenzjoni u li tobbliga lill-Istati Membri biex jiġbru u jiskambjaw id-data meħtieġa biex tiġi żviluppata politika effettiva u kampanji ta' sensibilizzazzjoni;

L-unjoni ekonomika u monetarja, it-tkabbir u l-investiment

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Parlament fil-qasam tal-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli u ssaħħaħ dik il-prattika u biex tikkunsidra s-setgħat ta' kodeċiżjoni tal-Parlament dwar il-politika tal-kompetizzjoni, partikolarment fejn jidħlu l-prinċipji fundamentali u l-linji gwida vinkolanti;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ malajr bi proposti konkreti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji bl-imnut, filwaqt li jinnota li l-finanzjament bl-imnut fl-UE għandu jaħdem fl-interessi taċ-ċittadini u jipprovdu prodotti aħjar u aktar għażla fis-suq;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri effikaċi fil-qafas tas-Semestru Ewropew sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u riformi strutturali biex jimmodernizzaw l-ekonomiji tagħhom, iżidu l-kompetittività u jindirizzaw l-inugwaljanzi u l-iżbilanċi;

23.  Jappella għall-istabbiliment ta' fond Ewropew ta' tifdija tad-dejn ibbażat fuq il-kondizzjonalità;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni, skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji(3), biex tissimplifika u tikkodifika r-rappreżentanza tal-UE f'organizzazzjonijiet u korpi multilaterali bl-għan li żżid it-trasparenza, l-integrità u r-responsabbiltà tal-involviment tal-Unjoni f'dawn il-korpi, l-influwenza tagħha u l-promozzjoni tal-leġiżlazzjoni li tkun adottat permezz ta' proċess demokratiku;

Reviżjoni tal-QFP

25.  Billi, wara biss sentejn ta' implimentazzjoni, il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) laħaq il-limiti tiegħu; billi mingħajr reviżjoni komprensiva ta' nofs il-perjodu tal-QFP il-baġit tal-Unjoni mhux se jkun jista' la jindirizza aktar il-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali u l-prijoritajiet politiċi l-ġodda, u lanqas jevita l-qawmien mill-ġdid ta' kriżi ta' pagament;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni, minħabba l-obbligu legali tagħha li tippreżenta rieżami tal-funzjonament tal-QFP sal-aħħar tal-2016; iħeġġiġha biex takkumpanja dan ir-rieżami baġitarju bi proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-QFP għas-snin 2014-2020, sabiex tevita l-qawmien mill-ġdid ta' kriżijiet ġodda ta' pagament u timmobilizza riżorsi finanzjarji addizzjonali sabiex l-Unjoni tkun tista' taffronta l-isfidi l-ġodda, kemm interni kif ukoll esterni;

27.  Iqis li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) hija essenzjali biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ, li għadu bl-ogħla rati li qatt eżistew fl-UE; ifakkar li ma ġie allokat l-ebda impenju ġdid għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fil-baġit tal-UE għall-2016, filwaqt li l-kapaċità ta' assorbiment hija kompluta; Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi estensjoni ta' dan il-programm fil-baġit tal-UE għall-2017;

28.  Jinnota l-impatt konsiderevoli fuq tul ta' żmien twil tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) fuq il-baġit tal-UE, inkluż it-tnaqqis sinifikanti fil-finanzjament għall-Orizzont 2020 u għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li proġetti ffinanzjati mill-FEIS jiffokaw aktar fuq l-SMEs, jinvolvu riskju ogħla u jkunu ta' interess strateġiku qakbar; huwa mħasseb dwar ir-rata baxxa ta' suċċess ta' proġetti taħt l-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa minħabba finanzjament insuffiċjenti, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li terġa' tistabbilixxi l-livell tagħhom ta' finanzjament;

29.  Jinsisti li l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali li jirriżultaw mill-kriżi tal-migrazzjoni u dik tar-refuġjati, (intestaturi 3 u 4) m'għandhomx ikunu ffinanzjati għad-detriment tal-programmi eżistenti, u jitlob li l-istrument ta' appoġġ ta' emerġenza l-ġdid fil-livell tal-UE jiġi appoġġjat fil-forma ta' mekkaniżmu ta' flessibbiltà ġdid tal-QFP; jistenna li l-Kummissjoni tressaq proposti adatti f'dan ir-rigward;

Il-politika ta' koeżjoni

30.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-allokazzjoni tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fil-livell deċiż fil-QFP fl-2013; iqis, għalhekk, li l-aġġustament tekniku għandu jevita kwalunkwe tnaqqis fil-baġit tal-politika ta' koeżjoni, minħabba l-importanza tiegħu għall-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi, billi jiżgura koeżjoni fl-UE, u, b'mod partikolari, jappoġġja l-SMEs u l-innovazzjoni u r-riċerka, kif ukoll l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u l-politiki urbani;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina l-Aġenda Urbana tal-UE u b'hekk jiġu żgurati s-soluzzjonijiet tal-politika koerenti u integrata li jeħtieġu l-ibliet fil-livell Ewropew, kif ukoll biex tiġi żgurata r-rabta mal-aġenda ta' Regolamentazzjoni Aħjar; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-koordinazzjoni interna tagħha ta' kwistjonijiet relatati ma' żoni urbani u, pereżempju, tespandi l-istrument tal-valutazzjonijiet tal-impatt sabiex jinkludi d-dimensjoni urbana b'mod aktar sistematiku;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u timplimenta azzjonijiet li ġenwinament ineħħu l-ostakoli li qed jipprevjenu l-progress lejn l-indirizzar tal-isfidi urbani ewlenin tal-lum; jemmen li l-ankrar trasversali ġenwin tad-dimensjoni urbana fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE ("integrazzjoni tad-dimensjoni urbana") hija meħtieġa, għandha tiġi applikata għall-politiki u l-leġiżlazzjoni Ewropej rilevanti kollha permezz ta' approċċ minn isfel għal fuq;

Il-ħolqien ta' impjiegi u ambjent tax-xogħol sikur u b'saħħtu

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-infiq tal-fondi tal-Istati Membri biex tingħata spinta lill-impjieg taż-żgħażagħ u l-ħolqien tal-impjiegi, sabiex jiġu żgurati l-effiċjenza, b'mod partikolari f'reġjuni b'livelli għoljin ta' qgħad permezz ta' investiment taħt il-YEI u l-FEIS u l-applikazzjoni ta' programmi ffinanzjati mill-BEI; jitlob li jkun hemm miżuri speċifiċi sabiex jiġi promoss taħriġ bażiku għal dawk li mhumiex fl-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETs); barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni biex talloka biżżejjed fondi biex titħeġġeġ il-mobbiltà tal-apprendisti u studenti tal-ETV (edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali), u biex tressaq proposti ħalli tiffaċilita l-impjieg tan-nies li għandhom aktar minn 50 sena;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq Green Paper dwar l-inugwaljanza u kif din qed tostakola l-irkupru ekonomiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza u tivvaluta din il-kwistjoni bħala l-ewwel pass biex tipproponi soluzzjonijiet politiċi, u biex tieħu azzjoni immedjata biex treġġa' lura din it-tendenza;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkapitalizza fuq il-kisbiet pożittivi tal-Istati Membri s'issa u tkompli bil-ħidma tagħha lejn mudell Ewropew possibbli għal Parteċipazzjoni Finanzjarja tal-Impjegati, bħala mezz sabiex jiġi evitat il-qgħad u titħeġġeġ l-intraprenditorija;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tavvanza l-inklużjoni soċjali tar-rifuġjati u l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari permezz tat-tagħlim tal-lingwa u mekkaniżmu għar-rikonoxximent ta' ekwivalenza tal-kwalifiki u l-ħiliet; iqis li dawn il-miżuri għandhom jiġu estiżi wkoll għal migranti regolari fl-Istati Membri;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu passi ulterjuri fil-qafas ta' Aġenda għall-Ħiliet Ġodda, jiġifieri obbligu ta' tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u djalogu koordinat bejn l-Istati Membri u l-partijiet interessati tas-suq tax-xogħol, partikolarment is-setturi tan-negozju u tal-edukazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-enfasi titqiegħed fuq l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet futuri fir-rigward tal-ħiliet u t-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-impjiegi fis-suq tax-xogħol tal-UE;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-mekkaniżmi xierqa kollha għal aktar mobbiltà fost iż-żgħażagħ, inklużi apprendistati, bħala mezz biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol u biex ittejjeb l-aċċess għal opportunitajiet ta' impjieg;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-progress inizjali li sar mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-direttiva ta' infurzar dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema;

Strateġija biex jiġi indirizzat l-impatt tal-bidliet demografiċi

40.  Jappella għal strateġija tal-UE strutturata u fit-tul li tindirizza l-isfidi li jirriżultaw mill-bidla demografika, peress li l-Istati Membri kollha qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' popolazzjoni li qiegħda dejjem tixjieħ; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, teżamina b'mod estensiv in-nuqqasijiet u l-iskwilibriji futuri fis-suq tax-xogħol tal-UE, u teżamina f'aktar dettall kif dawn il-problemi jistgħu jiġu indirizzati madwar l-UE, fost oħrajn permezz ta' antiċipazzjoni mmirata tal-bżonnijiet tal-ħiliet futuri, u b'bilanċ aħjar bejn il-ħiliet u l-impjiegi disponibbli fis-suq tax-xogħol u aktar tisħiħ tal-mobbiltà tax-xogħol;

Suq uniku diġitali konness

41.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi online fis-suq intern, bħala l-ewwel pass importanti biex iċ-ċittadini jkollhom aċċess għal kontenut onlajn miksub legalment ikunu fejn ikunu fl-Ewropa;

42.  Jilqa' l-isforzi biex jiġu żviluppati u mmodernizzati l-liġijiet tal-UE dwar il-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, sabiex isiru tajbin għall-era diġitali u jiġi ffaċilitat l-aċċess transkonfinali għal kontenut kreattiv, biex b'hekk tinħoloq iċ-ċertezza legali filwaqt li jiġu mħarsa d-drittijiet tal-awturi u tal-artisti; jistieden lill-Kummissjoni tibbaża kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva biex timmodernizza d-drittijiet tal-awtur fuq evidenza indipendenti dwar l-impatt fuq it-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari fir-rigward tal-SMEs f'dan is-settur, l-aċċess għall-għarfien u l-kultura, u l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali, kif ukoll l-iżgurar ta' remunerazzjoni adegwata u l-indirizzar tal-piraterija diġitali dwar il-valur u l-impjieg fis-setturi kulturali u kreattivi; iqis li d-drittijiet tal-awtur għandhom iżommu l-funzjoni primarja tagħhom, jiġifieri li jippermettu li l-awturi jiġu kkumpensati għall-isforzi tagħhom permezz ta' persuni oħrajn li jużaw xogħolhom; jenfasizza l-fatt li l-kontribut importanti ta' metodi tradizzjonali li jħeġġu l-kultura reġjonali u Ewropea m'għandux ikun imxekkel mill-modernizzazzjoni ta' proposti ta' riforma;

43.  Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kuntratti dwar il-kontenut diġitali u dwar il-bejgħ ta’ oġġetti onlajn u bejgħ mill-bogħod ieħor ; jistenna b’ħerqa r-riżultati tal-eżerċizzju REFIT, b’mod partikolari għad-Direttiva dwar il-bejgħ u l-garanziji, u jissottolinja l-intenzjoni tiegħu li jallinja r-regoli li jirregolaw il-bejgħ onlajn u offlajn;

44.  Itenni s-sejħa tiegħu għal proposti biex jiġi żviluppat il-potenzjal tas-settur kulturali u kreattiv bħala għajn ta’ impjiegi u tkabbir; jenfasizza, f’dan ir-rigward, kemm hu importanti l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI), u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi l-pjan ta’ azzjoni tagħha għall-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI, inkluż rieżami tad-Direttiva dwar l-Infurzar tad-DPI, li ma timxix mal-era diġitali u hija inadegwata biex tiġġieled kontra l-ksur onlajn, u wkoll tagħti segwitu lill-ħidma fuq il-Green Paper dwar iċ-ċaħda tad-debitu u skemi relatati fil-kuntest ta' dritt potenzjali fl-UE kollha li jiġu rkuprati flus li jkunu ntużaw, intortament, għax-xiri ta’ oġġetti ffalsifikati; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ aktar il-mandat tal-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, u jilqa’ l-ħolqien mill-Kummissjoni ta’ grupp ta’ esperti dwar l-infurzar tad-DPI;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-preservazzjoni tal-internet bħala pjattaforma miftuħa, newtrali, sikura u inklużiva għall-komunikazzjoni, il-produzzjoni, il-parteċipazzjoni u l-ħolqien, u bħala fornitur tad-diversità kulturali u l-innovazzjoni; ifakkar li dan huwa fl-interessi taċ-ċittadini u l-konsumaturi kollha tal-UE u se jikkontribwixxi għas-suċċess tal-kumpaniji Ewropej b’mod globali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni rigoruża tal-prinċipju tan-newtralità tal-internet kif adottat fil-"pakkett Kontinent Konness”;

46.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tirregolax l-ekonomija kollaborattiva għalxejn b'xejn; ifakkar li rimedji ex post spiss huma iktar effiċjenti minn regolament ex ante fil-kuntest tal-ekonomija kollaborattiva; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tipproteġi l-istat ta' ftuħ tal-internet, id-drittijiet fundamentali, iċ-ċertezza ġuridika u l-innovazzjoni, issostni r-reġim ġuridiku eżistenti tar-responsabbiltà limitata tal-intermedjarji, u tippromwovi l-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat bil-għan li jiġu indirizzati l-ostakli eżistenti fl-ekonomija kollaborattiva;

47.  Ifakkar fl-impenji li ngħataw fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku li jimplimenta fix-xogħol tiegħu stess il-prinċipju ta' “diġitali b'mod awtomatiku” u dak ta’ "darba biss"; jitlob, barra mill-proġett pilota dwar il- “prinċipju ta’ darba biss” għan-negozju, li ssir preżentazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini f’dan ir-rigward f’kuntest transfruntier;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposta għal portal diġitali uniku (mistenni fl-2017) u l-inizjattiva proposta biex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta’ kumpanija jkollhom fil-qalba tagħhom l-użu ta’ identifikazzjoni elettronika u firem elettroniċi f’forma li tkun interoperabbli u transfruntiera b’mod awtomatiku;

Is-suq uniku

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika Rapport annwali dwar l-Integrazzjoni u l-Kompetittività tas-Suq Uniku bħala parti mis-Semestru Ewropew, u toħroġ rakkomandazzjonijiet iffukati fuq it-tneħħija tal-ostakoli tas-suq uniku fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess transfruntier għall-kontenut diġitali, tirrevedi r-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku, u taġġorna s-"Small Business Act";

51.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqas il-għadd ta’ professjonijiet regolati fis-suq intern billi jitneħħew ir-rekwiżiti bla bżonn ta’ kwalifiki professjonali; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal Passaport tas-Servizzi;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-proċedura ta’ notifika skont id-Direttiva dwar is-Servizzi, u ttejjeb ukoll il-Punti ta’ Kuntatt għall-Prodotti u l-Punti ta’ Kuntatt Uniċi u tintegrahom mal-Portal Diġitali Uniku propost;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni sħiħa u rapida tad-Direttiva dwar is-Servizzi, id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku u d-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tardivi;

Orizzont 2020

54.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ta’ nofs it-term, b'mod sinifikattiv, tal-programm ta’ riċerka Orizzont 2020; jemmen li din il-valutazzjoni għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi tal-Parlament, tirrapporta dwar l-impatt usa’ tar-riċerka ffinanzjata mill-UE, u tikkunsidra sinerġiji ma’ strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE, bħalma huma l-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, il-programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) u l-programm Orizzont 2020; iqis li l-investiment fuq perjodu twil fl-infrastruttura kbira għandu jġib miegħu l-ħolqien tal-impjiegi;

L-Unjoni tal-Enerġija, il-politika dwar it-tibdil fil-klima, u l-ambjent

55.  Itenni kemm hu importanti li jiġi implimentat b'mod sħiħ is-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP) 2014–2020 li hu ġuridikament vinkolanti, u jistenna li l-Kummissjoni tiżgura li l-programm ta’ ħidma tal-2017 jirrifletti l-objettivi tal-Programm ta' Azzjoni Ambjentali billi tpoġġi s-sostenibbiltà fil-qalba tal-politika ekonomika u tinkludi intestatura speċifika ddedikata għall-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni Ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għall-inkorporazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-politiki tal-UE;

56.  Jemmen li l-Ftehim ta’ Pariġi li huwa ġuridikament vinkolanti, konkluż f’Diċembru 2015, jistabbilixxi għan fit-tul miftiehem fil-livell internazzjonali għal-limitazzjoni tat-tisħin globali liema għan se jmexxi l-investiment globali lejn tranżizzjoni għal enerġija nadifa u li, jekk ikun akkumpanjat minn miżuri effettivi, se jipprovdi opportunitajiet sinifikanti ta’ impjiegi u tkabbir sostenibbli fl-Ewropa;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri li japplikaw fl-Unjoni kollha li jkunu kumplementari għall-impenn tal-UE għal tnaqqis ta' 40 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serrafid-dawl tal-analiżi globali tal-2018 skont il-Ftehim ta’ Pariġi; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tħejji strateġija ta' nofs is-seklu ta’ żero emissjonijiet li jkun konsistenti mal-għanijiet stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi, inklużi l-punti ta’ riferiment intermedji biex jiġi żgurat it-twassil kosteffikaċi tal-ambizzjonijiet tal-UE fir-rigward tat-tibdil fil-klima; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-konsistenza tal-politiki attwali tal-UE fir-rigward tal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, inkluż il-baġit tal-UE u t-tneħħija gradwali tas-sussidji minn fuq il-fjuwils fossili; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri għal tranżizzjoni b'mod ordnat lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju bil-għan li jiġu mitigati r-riskji ekonomiċi sistematiċi assoċjati ma’ l-assi finanzjarji b’livell għoli ta’ karbonju;

58.  Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għa l-aġenda tal-ekonomija ċirkolari, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproċedi mingħajr dewmien bl-inizjattivi elenkati fil-Pjan ta’ Azzjoni, filwaqt li jitqiesu l-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali importanti li għandhom jinkisbu permezz ta’ azzjonijiet deċiżivi u kkoordinati tajjeb u f’dan il-qasam; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas solidu għall-monitoraġġ u r-rieżami tal-progress fit-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni u fil-mixja lejn ekonomija ċirkulari fl-Istati Membri, inkluż b’mod partikolari fil-qafas tas-Semestru tal-UE;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni sseġwi b’mod urġenti l-konklużjonijiet tar-rieżami ta’ nofs it-term tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020, u tindirizza n-nuqqasijiet tal-politiki attwali kif enfasizzat fir-rieżami bil-għan li jiġi evitat li l-istrateġija tfalli, filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri u l-ħtieġa li jingħata appoġġ lil implimentazzjoni aħjar u aktar komprensiva fil-livell tal-Istati Membri;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni, wara l-adozzjoni ta’ diversi proposti leġiżlattivi dwar l-Unjoni tal-Enerġija, l-effiċjenza enerġetika, it-tfassil tas-suq, l-enerġija rinnovabbli u proposti leġiżlattivi u komunikazzjonijiet oħra relatati mal-enerġija, tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq li tiżgura li l-Istati Membri dawn jimplimentawhom bis-sħiħ; iqis li fil-każijiet fejn ikun jidher b'mod ċar li l-obbligi ġuridiċi mhux qed jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni għandha tagħti bidu għal proċeduri ta’ ksur, bil-għan li tinbena Unjoni tal-Enerġija ġenwina;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ta’ nofs it-term, b'mod sinifikattiv, tal-programm ta’ riċerka Orizzont 2020, filwaqt li tqis ir-rakkomandazzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi tal-Parlament, tirrapporta dwar l-impatt aktar wiesa' tar-riċerka ffinanzjata mill-UE, u tikkunsidra s-sinerġiji ma’ strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonforma immedjatament mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-521/14 dwar l-identifikazzjoni ta’ sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, skont il-leġiżlazzjoni adottata tal-UE;

Settur tat-trasport integrat u effiċjenti

L-avjazzjoni

63.  Jistieden lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista’ jkun twettaq u tikkonkludi n-negozjati li għaddejjin bħalissa għal ftehim dwar it-trasport bl-ajru ma’ pajjiżi terzi, sabiex jiġi evitat l-imblukkar tas-settur tal-avjazzjoni Ewropew u jinħolqu kundizzjonijiet ekwi; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Kunsill bil-għan li jsir progress fuq għadd ta’ fajls li għadhom ibblukkati fil-Kunsill (id-drittijiet tal-passiġġieri, l-Ajru Uniku Ewropew, l-islots tal-ajruporti);

It-trasport ferrovjarju

64.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri ulterjuri biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni aħjar u xierqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti u ġdida tal-UE dwar it-trasport ferrovjarju, bil-għan li tingħeleb il-frammentazzjoni kontinwa tas-suq li qegħda tmajna ferm il-progress lejn żona ferrovjarja unika Ewropea xierqa u effettiva;

It-trasport bit-triq

65.  Jitlob li suq intern tat-trasport bit-triq li jiffunzjona jiġi żgurat permezz ta’ reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Eurovignette u tal-qafas assoċjat sabiex jiġu promossi reġim ta’ Pedaġġ Elettroniku Ewropew u ffissar ta' prezzijiet ġust u effiċjenti; jinsisti wkoll fuq ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar il-ħinijiet tal-mistrieħ u tas-sewqan għas-sewwieqa tat-trakkijiet u tal-karozzi tal-linja, ħalli r-regoli attwali jiġu adattati u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament jiġi armonizzat fl-Istati Membri differenti;

It-trasport multimodali

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinkoraġġixxi l-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni fil-modi kollha tat-trasport, bil-għan li jsir użu aktar effiċjenti tal-infrastruttura eżistenti, tiżdied is-sikurezza tal-operazzjoni, jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi (eż. Ċinturin Blu, e-CMR) u jingħata kontribut għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ propulsjoni alternattivi, fuq il-bażi ta’ standards ta’ effiċjenza tal-fjuwil ogħla u l-promozzjoni ta’ vetturi elettriċi u ta’ bijokarburanti avvanzati sostenibbli, filwaqt li jittieħed kont tal-iffrankar reali tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;

Il-finanzjament tat-trasport

67.  Jitlob, fid-dawl tar-rieżami tal-QFP, li ssir riflessjoni dwar il-finanzjament tal-infrastrutturi tat-trasport u dwar il-futur tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għejun oħra ta’ finanzjament, bħalma huma l-FEIS u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej; jinsisti li huwa tal-akbar importanza li jiġi żgurat li l-mezzi allokata lid-diversi aġenziji tat-trasport tal-UE permezz tal-proċedura tal-baġit annwali huma konsistenti mal-kompetenzi allokati mil-leġiżlatur;

Il-politiki fil-qasam tal-agrikoltura u tas-sajd

68.  Jenfasizza r-rwol importanti li s-setturi tal-agrikoltura, is-sajd u l-forestrija sostenibbli jaqdu fl-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel fl-UE, fil-fatt li jipprovdu postijiet tax-xogħol u fit-titjib tal-istandards ambjentali, u jenfasizza wkoll il-potenzjal li għandha l-agrikoltura Ewropea fil-kontribut għall-politiki dwar it-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-implimentazzjoni tal-PAK u tnaqqas il-burokrazija bil-għan li tiżdied l-effiċjenza tagħha, jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-imprendituri agrikoli, u jingħata lok għall-innovazzjonijiet li huma indispensabbli għal settur agrikolu Ewropew kompetittiv li jħares 'l quddiem; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti dwar kif il-PAK futura tista’ tipprovdi aktar inċentivi regolatorji u finanzjarji għall-innovazzjoni fl-agrikoltura f’konformità mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, bil-għan li jiġu żgurati proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’waqthom, effiċjenti u effettivi li jkunu jħeġġu l-iżvilupp teknoloġiku fl-UE;

69.  Itenni l-importanza li jinfetħu swieq ġodda għall-agrikoltura Ewropea, u jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tkompli bl-isforzi tagħha biex ittaffi l-kriżi agrikola billi tipprovdi aktar opportunitajiet għal esportazzjonijiet tal-bdiewa Ewropej;

70.  Jenfasizza kemm hu urġenti u importanti li tittieħed azzjoni kontra t-theddida li dejjem qiegħda tikber taż-żieda fir-reżistenza antimikrobika, billi din jista’ jkollu impatt enormi fuq is-saħħa u l-produttività taċ-ċittadini kif ukoll fuq il-baġits tas-saħħa tal-Istati Membri;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal pjan ta' azzjoni tal-UE dwar kif għandu jiġi implimentat fl-Unjoni l-Pjan ta' Azzjoni Globali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar ir-Reżistenza Antimikrobika;

72.  Itenni li, bil-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni f’waqtha u xierqa tal-Politika Komuni tas-Sajd adottata fl-2013, il-Kummissjoni għandha tkompli tressaq proposti leġiżlattivi għall-adozzjoni ta’ pjanijiet imġedda ta' ġestjoni pluriennali għall-istokkijiet tal-ħut;

73.  Jenfasizza l-importanza tas-sistema ta’ kontroll b’saħħitha stabbilita fir-Regolament dwar il-Kontroll (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009), li mmodernizzat l-approċċ tal-UE lejn il-kontroll tas-sajd skont il-miżuri adottati biex issir il-ġlieda lis-sajd illegali; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu ġuridiku tagħha li tippreżenta valutazzjoni ta’ dak ir-regolament sabiex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tiegħu u jiġi ddeterminat jekk il-miżuri ta’ kontroll humiex effettivi u adattati biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd; jistieden lill-Kummissjoni twettaq segwitu komprensiv u tipproponi, jekk neċessarju, ir-reviżjoni tagħhom bil-għan li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa;

74.  Iqis li s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (sajd IUU) huwa forma ta' kriminalità organizzata fuq l-ibħra, b'impatti ambjentali u soċjoekonomiċi diżastrużi madwar id-dinja kollha; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni kollha meħtieġa kontra l-pajjiżi li ma jikkooperawx u kontra l-organizzazzjonijiet kollha li jikkontribwixxu għas-sajd IUU;

Il-kummerċ ħieles

75.  Jenfasizza l-appoġġ tiegħu għal aġenda tal-kummerċ ambizzjuża u bbażata fuq il-valuri li se ssaħħaħ is-sistema globali bbażata fuq ir-regoli u tikkontribwixxi għall-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa; jilqa’ f’dan ir-rigward, l-isforzi tal-Kummissjoni biex tkompli tirsisti 'l quddiem fin-negozjati li għaddejjin bħalissa, kif ukoll il-mira tagħha li tibda oħrajn ġodda ma’, pereżempju, l-Awstralja u n-New Zealand u l-fatt li qed tipprova tiżblokka negozjati oħra, bħalma huma dawk mal-Mercosur u mal-Indja;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti spinta mill-ġdid lid-diskussjoni tad-WTO ta’ wara Nairobi, peress li n-negozjati kummerċjali multilaterali għandhom jibqgħu kwistjoni ta' prijorità għall-UE anki meta joħorġu diffiċli; iqis li jkun tajjeb li wieħed iħares lejn oqsma u kwistjonijiet ġodda fi ħdan il-qafas tad-WTO, bħalma huma l-kummerċ diġitali u l-investiment diġitali;

77.  Jenfasizza li l-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-istrumenti ta’ difiża kummerċjali tal-Unjoni bħala kwistjoni ta’ urġenza huma tal-akbar importanza;

78.  Itenni li huwa meħtieġ b’mod urġenti aġġornament tal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tevita kwalunkwe dewmien ieħor hi u tmexxi 'l quddiem bi proposta bħal din;

79.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex modi li bihom iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jiġu involuti aktar mill-qrib fil-politika kummerċjali tal-UE, inkluż permezz tat-tisħiħ tat-trasparenza f’kooperazzjoni mas-sħab tan-negozjar u mal-Istati Membri li jifformulaw id-direttivi tan-negozjar għall-Kummissjoni u li jistgħu jaqdu rwol billi jinvolvu l-popolazzjonijiet tagħhom stess;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssostni l-konċentrazzjoni fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fin-negozjati kollha li għahom għaddejja, kif ukoll f'dawk li għad iridu jiġu varati, peress li l-SMEs ħafna drabi ma jkollhomx il-mezzi biex jaċċessaw is-swieq ta’ pajjiżi terzi;

Attriċi globali aktar b'saħħitha

81.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti prova ta’ ambizzjoni fl-Istrateġija Globali tal-UE aġġornata tagħha u tqiegħed lill-UE f'pożizzjoni aħjar f’dinja li qed tinbidel b’rata mgħaġġla; jitlobha wkoll tikkomunika dwar il-pjan għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, is-segwitu u l-inkorporazzjoni tal-Aġenda 2030 fil-politika interna u esterna tal-UE;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti impetu attiv u effikaċi lill-politika esterna tal-UE; jenfasizza li l-UE għandha tkun attriċi ewlenija li tipprovdi risponsi effiċjenti għall-isfidi li l-Ewropa qed tiffaċċja;

83.  Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi rieżaminat ir-Regolament dwar l-Għajnuna Umanitarja (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta’ Ġunju 1996) bil-għan li l-assistenza umanitarja ssir aktar effiċjenti u jiġi żgurat futur sostenibbli għall-miljuni ta’ nies milquta minn kunflitti jew minn diżastri naturali jew minn diżastri kkawżati mill-bniedem;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-involviment tagħha mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u mal-pajjiżi ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar, bil-ħsieb ta' stabilità politika fit-tul u bil-ħsieb tal-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-kunflitti attwali;

85.  Ifaħħar lill-Kummissjoni għall-enfasi tagħha fuq il-Politika tal-Viċinat, iżda jenfasizza li din il-politika għandha tikseb aktar kontenut politiku, notevolment permezz ta’ kombinazzjoni ta’ għajnuna finanzjarja akbar, appoġġ imsaħħaħ għad-demokrazija, aċċess għas-suq u mobbiltà mtejba;

86.  Jenfasizza li l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-dritt internazzjonali u tal-libertajiet fundamentali għandhom ikunu denominatur komuni ċentrali fil-politiki kollha tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni sabiex ma twarrabx fil-ġenb l-importanza li jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-miżuri kontra t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex b’mod attiv tkompli tirsisti u tagħfas biex id-drittijiet tal-bniedem jiġu implimentati b’mod effettiv permezz tal-ftehimiet kollha, b’mod partikolari l-ftehimiet ta' kummerċ, ta' djalogu politiku u ta' kooperazzjoni u ta’ assoċjazzjoni li l-UE tkun firmatarja tagħhom, b’mod partikolari l-hekk imsejħa ‘klawżola tad-demokrazija’ u l-Artikolu 8 tal-Ftehima ta’ Cotonou;

87.  Jenfasizza li t-theddid kontinwu u dejjem jikber għas-sigurtà matul il-fruntieri tal-Unjoni jista’ jiġi indirizzat b'mod deċiżiv u b'suċċess biss permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa għas-sigurtà bejn l-Istati Membri, inkluża l-kooperazzjoni fil-qafas tan-NATO;

88.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex ikun jista' jkun hemm suq Ewropew ġenwin, b'saħħtu u mhux kumpless tat-tagħmir ta’ difiża, bil-għan li jsir aktar faċli biex l-Istati Membri jilħqu l-massimizzazzjoni tal-baġit tad-difiża u tas-sigurtà u tinbeda ħidma konkreta għall-ħolqien ta’ Unjoni ta’ Difiża Ewropea;

89.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-komunikazzjoni tagħha dwar il-pjan għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, is-segwitu u l-inkorporazzjoni tal-Aġenda 2030 fil-politika interna u esterna tal-UE;

90.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposti ambizzjużi rigward ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp;

91.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tvara l-Programm għall-Azzjoni dwar is-Saħħa Globali, filwaqt li tqis epidemiji bħalma huma l-Ebola; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tieħu inizjattivi biex ittejjeb l-aċċess għall-mediċini għall-pajjiżi l-anqas żviluppati;

Unjoni taċ-ċittadinanza, tal-involviment demokratiku u tal-inklużjoni

92.  Jenfasizza li bosta ċittadini tal-Unjoni Ewropea jħossu li m'humiex qed jiġu mismugħa mill-istituzzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini bis-serjetà billi tirrispondi b’mod adegwat għat-talbiet tal-petizzjonanti;

93.  Jiġbed l-attenzjoni lejn livell li qed dejjem jiżdied tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadin permezz tal-petizzjonijiet, tal-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej (IĊE) u r-referendi dwar kwistjonijiet Ewropej; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tivvaluta l-impatt tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-ħtieġa ta' tali parteċipazzjoni;

94.  Jenfasizza li fit-30 ta’ April 2014 l-UE ffirmat it-Trattat ta’ Marrakesh, li jagħmel ix-xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur disponibbli għall-persuni b’vista batuta; jenfasizza li, madankollu, l-UE għadha ma rratifikatux; jistieden lill-Kummissjoni tqanqal lill-Istati Membri jiffirmaw dan it-trattat;

Il-kultura u komunikazzjoni aħjar

95.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta u tiffinanzja bis-sħiħ il-programm Ewropa Kreattiva u l-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini, li waqgħu lura f’dawk li huma l-impenji stabbiliti mill-QFP;

96.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iġġib id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (AVMS) sa livell li japprova uffiċjalment s-soluzzjonijiet diġitali li għandhom jiddaħħlu fis-seħħ biex jingħalqu l-lakuni teknoloġiċi li hemm f’dan il-qasam;

97.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, bil-għan li jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet edukattivi li nqalgħu bil-kriżijiet tar-rifuġjati u umanitarji attwali; jinnota li dan jirrkjedi li jiġu żviluppati, flimkien mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki għar-rifuġjati bil-għan li jkunu jistgħu jibdew jikkontribwixxu għas-suq tax-xogħol u għas-soċjetà kemm jista’ jkun malajr wara l-wasla tagħhom fl-UE, kif ukoll programmi ta’ taħriġ tal-għalliema li jistgħu jiggarantixxu aċċess għal sitemi ta' edukazzjoni multikulturali, non-diskriminatorji u inklużivi;

_____________________

98.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

 

(1)

ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

(2)

2008/2123(INI).

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0108.

Avviż legali - Politika tal-privatezza