RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet tal-Parlament għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017
4.7.2016 - (2016/2773(RSP))
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea
João Pimenta Lopes, Tania González Peñas, Marina Albiol Guzmán, Javier Couso Permuy, Martina Anderson, Lynn Boylan, Matt Carthy, Liadh Ní Riada, Nikolaos Chountis, Paloma López Bermejo, Ángela Vallina, Takis Hadjigeorgiou, Rina Ronja Kari, Stelios Kouloglou, Merja Kyllönen, Maria Lidia Senra Rodríguez, Marisa Matias, Dimitrios Papadimoulis, Marie-Christine Vergiat, Fabio De Masi, Stefan Eck, Xabier Benito Ziluaga, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Miguel Urbán Crespo f'isem il-Grupp GUE/NGL
B8-0886/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Parlament għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea[1], b'mod partikolari l-Anness IV tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għadhom qegħdin jissieltu mal-aktar kriżi ekonomika u soċjali profonda minn mindu twaqqfet; billi, kif mistenni, il-politiki neoliberali tal-UE u l-politiki orjentati lejn l-awsterità imposti mill-UE fi ħdan il-qafas tal-governanza ekonomika kabbru l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi fl-Istati Membri u bejniethom, u l-għadd ta' persuni f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali (li fl-2015 kien jammonta għal 24,4 % fl-UE-28) żdied; billi d-deregolamentazzjoni tas-swieq tax-xogħol u s-sistemi fiskali rigressivi kkontribwew għat-trasferiment tar-rendiment mill-ħaddiema għall-kapitalisti l-kbar u ggravaw id-distakk fid-dħul u l-ġid;
B. billi l-istaġnar ekonomiku, il-livell għoli tal-qgħad, it-tnaqqir tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol u ż-żieda fl-inugwaljanzi soċjoekonomiċi jitolbu kambjament politiku fundamentali mill-politiki li qed issegwi bħalissa l-UE lejn politiki li jsaħħu l-isforzi tal-Istati Membri biex joħolqu tkabbir ekonomiku sostenibbli u livell massimu ta' impjiegi, u jiġġieldu l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi fl-introjtu, partikolarment permezz ta' politiki ridistributtivi u investiment pubbliku li joħloq l-impjiegi;
C. billi l-piż tad-dejn li rriżulta mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja huwa sproporzjonat għall-aħħar, peress li ċerti pajjiżi bbenefikaw filwaqt li oħrajn ġew imbuttati lejn depressjoni gravi; billi dan id-dejn serva bħala skuża biex jiġu imposti programmi ta' awsterità inaċċettabbli, li wassal għal żieda fid-dejn, permezz tal-konverżjoni tad-dejn privat f'dejn pubbliku, flimkien mal-konsegwenzi baġitarji tar-reċessjoni sussegwenti, waqt li fl-istess ħin ġew segwiti l-objettivi li jipprevedu l-impożizzjoni ta' riformi strutturali u l-eliminazzjoni tal-funzjonijiet soċjali tal-istat u d-drittijiet tal-ħaddiema; billi dawn il-politiki rriżultaw f'żieda fil-qgħad, faqar, tnaqqis drastiku fil-pagi, età pensjonabbli ogħla u nfiq pubbliku aktar baxx f'setturi bħall-edukazzjoni, il-kultura u s-saħħa; billi dawn il-politiki imponew it-twettiq ta' programmi ta' privatizzazzjoni radikali u se jkomplu jċekknu d-domanda;
D. billi r-risposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-kriżi ekonomika, soċjali u demokratika, bħall-qafas tal-governanza ekonomika, neħħiet darba għal dejjem l-għażliet politiċi minn idejn il-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali sovrani u eletti demokratikament, u dan impedixxa l-kontroll demokratiku mill-popli tal-Ewropa u stabbilixxa l-awsterità bħala xi ħaġa permanenti; billi qalb in-nies hemm oppożizzjoni dejjem akbar kontra dan il-proċess kapitalista ta' integrazzjoni Ewropea, li jirrifletti l-ħtieġa urġenti li jkun hemm proċess ta' integrazzjoni li jservi l-progress soċjali u demokratiku, soluzzjoni ġusta u paċifika għall-isfidi internazzjonali u djalogu kulturali mad-dinja kollha, filwaqt li jinqabad perkors ta' kooperazzjoni fost il-pajjiżi bi drittijiet ugwali;
E. billi s-sistemi fiskali huma mfassla b'mod li jiffavorixxu l-kapital il-kbir aktar milli l-klassi tal-ħaddiema; billi l-miżuri ta' awsterità u ta' dixxiplina fiskali ħarxa, flimkien mat-telf kbir fid-dħul tal-gvern minħabba l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, iqiegħdu pressjoni ulterjuri fuq il-baġits tal-Istati Membri u jippreġudikaw l-interessi tal-popli u tal-ħaddiema; billi l-politika tat-tassazzjoni tibqa' kompetenza tal-Istati Membri; billi l-ftehimiet sigrieti dwar it-taxxa, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fuq livell globali, u t-trasferiment tal-profitti lejn ir-rifuġji fiskali għadhom qed jitħallew isiru jew mhumiex qed jiġu indirizzati kif suppost fil-qafas legali;
F. billi l-għażliet baġitarji li għamlet l-UE ma jirriflettux il-prijoritajiet meħtieġa biex jiġi stimulat tkabbir sostenibbli, kwalitattiv u soċjalment ibbilanċjat, u lanqas ma jqisu l-ħtieġa ta' solidarjetà u koeżjoni ekonomika u soċjali fost l-Istati Membri;
G. billi llum l-UE qed tiffaċċja l-akbar kriżi umanitarja tar-rifuġjati mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn; billi l-UE u ċerti Stati Membri għandhom responsabbiltajiet diretti fil-kawżi ta' dan l-eżodu, li qed iġiegħel lin-nies jaħarbu minn djarhom bħala konsegwenza tal-gwerer, it-tibdil fil-klima, l-inugwaljanzi u l-politika ta' interferenza u aggressjoni imposta fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq, b'mod partikolari permezz ta' interventi militari u t-tqanqil tal-kunflitti reġjonali, f'koordinazzjoni sħiħa mal-interessi strateġiċi ġeopolitiċi tal-Istati Uniti u n-NATO; billi l-mod li bih qed tiġi indirizzata din il-kriżi umanitarja huwa prova ċara tan-natura klassista ta' din l-UE li qed tonqos milli tosserva l-obbligi tagħha, inkluż fil-qafas tad-dritt internazzjonali;
H. billi l-UE għandha diversi politiki li jwittu t-triq għall-ksenofobija u r-razziżmu, kif ukoll l-iżvilupp ta' partiti u movimenti ksenofobiċi u razzisti, peress li dawn huma diskriminatorji fil-konfront tal-ħaddiema, ir-rifuġjati u l-migranti abbażi tan-nazzjonalità tagħhom;
I. billi l-proposta għal soluzzjoni ġdida għar-Renju Unit fi ħdan l-UE, li kienet tiġi applikata li kieku l-eżitu tar-referendum Brittaniku kien differenti, issaħħaħ l-aġenda tad-deregolamentazzjoni u l-kompetittività, u tippreġudika l-moviment liberu u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni; billi din kienet prova tal-approċċ ta' standards doppji applikat għall-Istati Membri fi ħdan l-UE; billi l-interessi unilaterali tal-Istati Membri l-kbar m'għandhomx jegħlbu l-interessi ta' dawk iżgħar;
J. billi d-dritt ta' kull Stat Membru li joħroġ mill-UE għandu jiġi rikonoxxut;
K. billi r-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit juri li hija meħtieġa Ewropa oħra u li din għandha tinbena bi qbil mal-popli, li jistennew deċiżjonijiet konkreti dwar kwistjonijiet soċjali bħall-impjiegi, it-trasparenza u l-protezzjoni soċjali, u jirrifjutaw il-miżuri ta' awsterità;
L. billi d-deċiżjonijiet kollha rigward ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit, wara l-ħruġ tar-Renju Unit, għandhom ikunu r-riżultat ta' proċess demokratiku li għandu jinvolvi kemm lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali; billi l-Istati Membri kollha għandhom id-dritt u d-dmir li jiżviluppaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u kulturali tal-għażla tagħhom mar-Renju Unit, abbażi tal-prinċipji ta' interessi reċiproċi, ħbiberija bejn il-popli u kooperazzjoni bejn Stati sovrani;
M. billi r-referendum fir-Renju Unit wera l-ħtieġa li jsir progress fil-proċess tar-riunifikazzjoni Irlandiża permezz ta' referendum dwar il-fruntieri, kif previst fil-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira; billi l-eżistenza ta' fruntiera internazzjonali bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar ikollha konsegwenzi negattivi serji għall-Irlanda; billi l-UE għandha tkompli tappoġġja b'mod proattiv il-proċess ta' paċi fl-Irlanda u tiżgura li dan ikompli fi kwalunkwe negozjati dwar l-irtirar tar-Renju Unit;
N. billi hemm defiċit demokratiku – li jirriżulta mill-politiki u l-għażliet tal-UE – li jikkostitwixxi problema enormi, u ħafna ċittadini jħossu li mhumiex rappreżentati mill-istituzzjonijiet; billi dan jista' jiġi indirizzat biss permezz tat-trasparenza, il-ftuħ u d-difiża tal-valuri tad-demokrazija, inkluża parteċipazzjoni aktar b'saħħitha miċ-ċittadini, il-paċi, it-tolleranza, il-progress, is-solidarjetà u l-kooperazzjoni bejn il-popli;
O. billi r-rieda sovrana tal-popli li jiddeċiedu l-perkors tal-iżvilupp tagħhom f'kull Stat Membru għandha tiġi mħarsa bħala dritt assolut;
P. billi l-kriżi klimatika għadha theddida għall-istabbiltà, is-saħħa u l-għajxien tas-soċjetajiet tad-dinja kollha, kif ukoll għall-benessri tal-annimali u l-bijodiversità; billi l-impenji fil-COP21, għalkemm jidhru ambizzjużi, għandhom jissaħħu bir-reqqa fid-direzzjoni t-tajba;
Il-politiki makroekonomiċi u ta' awsterità
1. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tressaq Programm ta' Ħidma li jindirizza l-isfidi ewlenin li l-popli u l-Istati Membri qed jiffaċċjaw illum, bħalma huwa l-istaġnar ekonomiku, id-deflazzjoni, iż-żieda fl-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u l-faqar, l-iżbilanċi fl-investiment u t-tkabbir ekonomiku, ir-rati għolja tal-qgħad u ż-żieda fil-prekarjetà tax-xogħol, it-tnaqqir tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol, il-piż kbir tad-dejn, ħtieġa akbar ta' protezzjoni internazzjonali kif ukoll il-kriżi klimatika; jinsab imħasseb ħafna dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tkompli bil-politiki ta' konsolidament fiskali, privatizzazzjoni, riformi strutturali u deregolamentazzjoni, kontra l-interess tal-popli; isostni li l-isfidi soċjali, ekonomiċi, klimatiċi u politiċi jistgħu jingħelbu biss permezz ta' bidla profonda lejn politiki progressivi li fil-qalba tal-istrateġiji tal-iżvilupp iqiegħdu lin-nies u lill-ambjent, minflok l-interessi tas-swieq finanzjarji u l-kapitalisti kbar;
2. Jiddeplora bil-qawwa t-tkomplija tal-impożizzjoni ta' miżuri ta' awsterità fuq l-Istati Membri min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE u, b'mod partikolari, ir-rikatt tal-istituzzjonijiet tal-UE fil-konfront ta' ċerti pajjiżi li jesprimu l-għażliet tagħhom għat-tkabbir u l-iżvilupp; jinsisti li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jirrispettaw is-sovranità nazzjonali ta' kull Stat Membru u d-deċiżjoni magħmula mill-popli li javvanzaw lejn l-iżvilupp, it-tkabbir u l-koeżjoni soċjali, u li l-ebda pajjiż m'għandu jiġi ppenalizzat talli jkun ta spinta lill-ekonomija tiegħu, sew permezz ta' pjanijiet ta' investiment pubbliku u sew permezz ta' politiki fiskali ridistributtivi u politiki progressivi f'dak li għandu x'jaqsam mat-taxxa;
3. Jitlob li jintemmu immedjatament l-hekk imsejħa "memoranda ta' qbil" u l-politiki neoliberali u ta' awsterità kontroproduċenti u soċjalment devastanti li imponew; huwa tal-fehma li dawn il-memoranda imponew politiki fiskali inġusti li jiksru l-prinċipju ta' ugwaljanza proporzjonali u ta' tassazzjoni progressiva; jitlob li jinħoloq pjan ta' emerġenza għas-sostenn tal-ekonomija ta' dawk il-pajjiżi li ġew soġġetti għall-intervent tat-Trojka;
4. Jiddeplora n-nuqqas ta' reazzjoni fl-UE għall-iskandli marbuta mat-tassazzjoni; jiddefendi l-obbligu li jiġu ppubblikati kemm id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa kif ukoll ir-rappurtar għal kull pajjiż, biex tiġi żgurata trasparenza u skrutinju; jiddefendi l-abolizzjoni tal-off-shores u ta' rifuġji fiskali oħra, id-difiża tal-kooperazzjoni għat-tneħħija tas-sigriet bankarju għal finijiet ta' taxxa, il-promozzjoni ta' miżuri ta' kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-frodi tat-taxxa, u l-penalizzazzjoni ta' tranżazzjonijiet spekulattivi permezz ta' miżuri ta' politika fiskali kif ukoll l-assigurazzjoni li t-taxxi jitħallsu fejn jinħoloq il-valur; jitlob summit internazzjonali fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti bil-għan li jiġi definit pjan direzzjonali u Pjan ta' Azzjoni Konġunt biex jintemmu r-rifuġji fiskali u d-dumping tat-taxxa;
5. Jitlob li l-proċess tal-ħolqien ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali jitwaqqaf immedjatament; itenni l-ħtieġa li jkun hemm separazzjoni bejn l-attivitajiet tal-banek tal-investiment u l-attivitajiet bankarji bl-imnut u li jissaħħaħ il-kontroll pubbliku fis-settur finanzjarju; jenfasizza li d-deregolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji, il-proċess ta' privatizzazzjoni devastanti li għadda minnu s-settur finanzjarju, il-fenomenu konsegwenti tal-fużjonijiet u l-akkwisti li wassal għal żieda kbira fil-konċentrazzjoni tal-industrija u ħoloq l-hekk imsejħa banek "kbar wisq biex ifallu", kif ukoll il-finanzjalizzazzjoni tal-ekonomija, kienu responsabbli għat-taqlib fl-ekonomiji tal-pajjiżi; jirrifjuta l-Unjoni Bankarja;
6. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura l-implimentazzjoni effikaċi u f'waqtha tal-investimenti li jagħtu prijorità lill-pajjiżi li qed jibbenefikaw minn assistenza finanzjarja, b'attenzjoni partikolari għar-reġjuni fi kriżi ekonomika u f'reċessjoni, u li għandhom livelli għoljin ta' qgħad u faqar, filwaqt li tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi u jissaħħu l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs) u jiġu żgurati l-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni soċjali;
Il-governanza ekonomika u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja
7. Huwa tal-fehma li t-Trattat dwar l-Istabbiltà Fiskali, il-Patt Fiskali u s-Semestru Ewropew għandhom jiġu revokati, peress li dawn jikkostitwixxu reġim restrittiv ekonomiku antidemokratiku li għandu effett negattiv fuq l-investiment, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-Istati Membri jerġgħu jiksbu l-kapaċità li jiddeċiedu dwar il-politiki ekonomiċi li jindirizzaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet rispettivi tagħhom;
8. Jisħaq fuq il-fatt li l-livell ta' dejn pubbliku u estern fil-pajjiżi periferiċi tal-UE hu fost l-akbar fid-dinja – konsegwenza tan-natura asimmetrika tal-proċess ta' integrazzjoni; iqis bħala essenzjali – u kwistjoni urġenti u ta' ġustizzja elementari – li jitnaqqas il-piż tad-dejn, permezz ta' negozjar mill-ġdid tad-dejn (l-ammonti, il-maturità u r-rati tal-imgħax) u l-annullament tal-komponent spekulattiv u illeġittimu tiegħu, u b'hekk jinġieb f'livelli sostenibbli; jitlob li ssir konferenza intergovernattiva għar-revoka tat-Trattat dwar l-Istabbiltà Fiskali;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippermetti – sakemm jitħassar definittivament it-Trattat dwar l-Istabbiltà Fiskali – spazju għal manuvrar mil-lat fiskali sabiex ikun hemm aktar likwidità għall-investiment, għall-iżvilupp fl-edukazzjoni, il-kultura u s-saħħa, u għal żvilupp soċjali olistiku, li għandu jiffaċilita l-kwalità u s-sikurezza tal-impjiegi u jsaħħaħ l-istat soċjali;
10. Iħeġġeġ il-ħolqien ta' pjan ta' emerġenza biex tiġi sostnuta l-ekonomija tal-pajjiżi li sofrew minħabba l-intervent tat-Trojka;
11. Jitlob li jinħoloq programm ta' appoġġ għall-Istati Membri li jkunu jixtiequ jinnegozjaw it-tluq tagħhom miż-żona tal-euro minħabba li s-sħubija tagħhom tkun saret insostenibbli u insopportabbli; jenfasizza li programm bħal dan għandu jipprevedi kumpens adegwat għall-ħsara soċjali u ekonomika kkawżata;
12. Jirrifjuta bil-qawwa, għaldaqstant, ir-rapport tal-Ħames Presidenti peress li ma joffri l-ebda alternattiva għan-narrattiva prevalenti favur l-awsterità iżda minflok jipproponi li jkunu approfonditi l-politiki eżistenti, inkluż permezz ta' kompetittività u konverġenza strutturali akbar u bl-impożizzjoni ta' politiki fiskali rigorużi u awsterità;
Id-drittijiet soċjali u tax-xogħol
13. Jikkritika bil-qawwa l-politiki ta' awsterità – l-hekk imsejħa politiki tal-kompetittività, il-liberalizzazzjoni u d-deregolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol – li dgħajfu d-drittijiet bażiċi soċjali u tax-xogħol fl-Istati Membri; jiddefendi d-dritt li jsiru negozjati kollettivi, bl-involviment dirett tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, bħala strument ewlieni biex jitħarsu u jittejbu d-drittijiet għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, id-dumping soċjali, ix-xogħol prekarju u frawdolenti, id-deregolamentazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol, ix-xogħol atipiku, it-tkabbir tas-settur tal-pagi baxxi, il-kompetizzjoni fuq pagi aktar baxxi, il-fenomeni tal-ħaddiema foqra, l-esklużjoni soċjali, il-pensjonanti foqra u l-fastidju u l-vjolenza fuq il-post tax-xogħol, u li l-ħaddiema jkunu protetti mill-awtosfruttament f'forom ġodda ta' xogħol, inkluż ix-xogħol diġitali u l-esternalizzazzjoni miftuħa, bil-protezzjoni tad-dritt li wieħed jagħmel waqfa;
14. Jirrifjuta u jikkundanna l-kritika, min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, fil-konfront ta' politiki li jfittxu l-valutazzjoni tal-pagi u r-ridistribuzzjoni tal-introjtu u l-ġid favur il-ħaddiema; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu introdotti miżuri effikaċi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-pagi fi ħdan qafas ta' politika dwar il-pagi li jikkunsidra l-kunċett ta' paga ugwali għal xogħol ugwali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati politiki tal-iżvilupp li jippromwovu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u li jindirizzaw ir-rati għolja tal-qgħad, li jolqtu l-aktar lin-nisa u ż-żgħażagħ;
15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea ma tkomplix tirrakkomanda r-riorganizzazzjoni u t-tnaqqis fid-dipartimenti tal-gvern tal-Istati Membri, u ma tkomplix tappoġġja u tippromwovi l-flessigurtà fl-impjiegi u l-privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, peress li dawn l-approċċi servew, bla dubju, biex jiddgħajfu d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema u jitjieb it-trasferiment tal-ġid lejn il-kapitalisti l-kbar;
16. Ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea fl-impenn tagħha favur l-adeżjoni mal-Karta Soċjali Ewropea l-ġdida, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għall-adeżjoni mal-Karta mingħajr dewmien; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tressaq proposta għal Protokoll Soċjali li jpoġġi l-interessi kollettivi u soċjali f'livell ogħla mil-libertajiet ekonomiċi;
17. Jesprimi tħassib li d-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, fil-forma attwali tagħha, ma tindirizzax il-problemi ewlenin tal-mobilità tal-ħaddiema fi ħdan l-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tipproċedi bir-rieżami ta' din id-Direttiva, tiġġieled kontra d-dumping soċjali fil-forom kollha tiegħu u tiżgura li l-ħaddiema stazzjonati jkollhom aċċess għall-istess benefiċċji soċjali bħall-ħaddiema tal-pajjiż li jkunu ntlaqgħu fih, inkluża l-garanzija tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post; jiddikjara li ħaddiem ma għandu fl-ebda sitwazzjoni jiffaċċja rigress fil-pagi jew fid-drittijiet soċjali; jitlob ukoll li fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament 883/2004 tissaħħaħ il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-infurzar tal-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol fis-setturi kollha;
18. Jitlob li l-UE jkollha lista sewda ta' kumpaniji, inklużi kumpaniji tal-isem, responsabbli minn ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol tal-UE u tal-Istati Membri, u li għal xi żmien dawn il-kumpaniji ma jitħallewx jieħdu kuntratti pubbliċi u sussidji, inklużi fondi mill-UE;
19. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kuntest tad-diskussjoni u r-rakkomandazzjonijiet dwar l-oqfsa nazzjonali tal-insolvenza, tiżgura l-parteċipazzjoni u l-informazzjoni tal-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, matul l-istadji kollha tal-proċedura, u timpedixxi l-użu stateġiku tal-proċeduri ta' insolvenza sabiex jitnaqqru l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema jew jiġu ffaċilitati t-tkeċċijiet fuq skala kbira; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, f'dan il-kuntest, tiffaċilita l-akkwist ta' kumpaniji li jkunu qed jiffaċċjaw l-insolvenza min-naħa tal-ħaddiema tagħhom, sabiex l-attività ekonomika tagħhom tinżamm għaddejja u jitnaqqas kemm jista' jkun it-telf ta' impjiegi;
20. Jenfasizza l-bżonn ta' strateġija integrata għall-ġlieda kontra l-faqar, li tiffoka, fost l-oħrajn, fuq it-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali; jitlob l-evalwazzjoni u l-ħolqien ta' skemi ta' introjtu minimu, fil-livell tal-Istati Membri, li jiggarantixxu perċentwal tal-introjtu medju fl-Istati Membri rispettivi, b'parametru referenzjarju minimu ta' mill-inqas 60 %, bħala pass importanti lejn il-qerda tal-faqar;
21. Jenfasizza l-ħtieġa li jitħarsu u jiġu żviluppati, fl-Istati Membri, il-funzjonijiet soċjali tal-Istat u l-offerta tas-servizzi pubbliċi, li għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, l-aċċess għall-ġustizzja u għal sistemi edukattivi u tas-saħħa pubbliċi universali, b'xejn u ta' kwalità, kif ukoll servizzi ta' indukrar għat-tfal, l-anzjani u l-morda, kif ukoll livell għoli ta' protezzjoni soċjali b'mod ġenerali;
22. Huwa tal-fehma li l-azzjonijiet u l-programmi kollha tal-UE dwar il-kultura u l-edukazzjoni għandu jkollhom dimensjoni sistematika u soċjalment inklużiva, jippromwovu politiki ta' edukazzjoni pubblika ta' kwalità u jikkontribwixxu għal aċċess sħiħ għall-kultura u r-rikreazzjoni għal kulħadd; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri, għalhekk, jeskludu n-nefqa pubblika marbuta mal-edukazzjoni u l-kultura mill-kalkolu tad-defiċit pubbliku, fil-kuntest tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;
23. Jiddispjaċih li l-programmi ta' mobilità tal-UE ma ssodisfawx għalkollox l-iskop tagħhom u imponew diskriminazzjoni inaċċettabbli fl-aċċess; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, għaldaqstant, issaħħaħ l-aċċess għall-programmi kollha ta' mobilità minn dawk kollha li jkunu jixtiequ japplikaw, b'mod partikolari l-gruppi żvantaġġati, u ttejjeb l-informazzjoni u l-aċċess għal programmi ta' mobilità fl-edukazzjoni vokazzjonali u skemi ta' taħriġ; jiddeplora t-tendenza, osservata dan l-aħħar f'ċerti programmi, li tipprevedi s-sostituzzjoni ta' sistemi ta' għotjiet bi skemi ta' garanzija għal self bħal Erasmus+ u Ewropa Kreattiva; jitlob, għalhekk, sistemi ta' għotjiet deċenti li jippermettu l-kopertura tal-perjodu kollu barra l-pajjiż tal-oriġini sabiex jiġi żgurat aċċess universali għal dawn il-programmi ta' mobilità;
24. Jenfasizza li s-servizzi online, il-kummerċ elettroniku, id-drittijiet tal-awtur (rigward mhux biss l-awturi iżda anke l-artisti, l-interpreti u l-produtturi), il-protezzjoni, il-ġestjoni u l-ħżin tad-data, kif ukoll in-newtralità tan-netwerk, jeħtieġu approċċ komunitarju u internazzjonali konġunt li bħala prinċipju gwida jkollu l-ħarsien tal-interessi pubbliċi, li għandu dejjem jieħu preċedenza fuq il-loġika tan-negozju u l-profitt; jenfasizza li l-internet jappartjeni għad-dominju pubbliku u li l-iżgurar tal-prinċipju tan-newtralità tiegħu huwa tal-akbar importanza;
Id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi
25. Jiddispjaċih ħafna li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tressaq strateġija ġdida dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi bejn in-nisa u l-irġiel għall-perjodu 2015-2020, u jitlob li titressaq strateġija bħal din;
26. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tressaq proposta għal strateġija komprensiva tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa li tindirizza l-forom differenti kollha ta' vjolenza; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-inizjattiva li titnieda kampanja ta' sensibilizzazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa fl-2017;
27. Jikkundanna l-irtirar tad-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposta ġdida li tirrispetta l-pożizzjoni tal-Parlament favur żieda fil-perjodu minimu ggarantit attwali tal-leave tal-maternità bi ħlas sħiħ minn 14 għal 20 ġimgħa, u favur id-dritt obbligatorju għal leave tal-paternità bi ħlas; jemmen li jeħtieġ jittieħdu miżuri speċifiċi fl-Istati Membri kollha biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għan-nisa u l-irġiel, u li jeħtieġ jittieħdu passi biex jiżdied it-tul tal-leave tal-ġenituri, bi ħlas ta' 100 %, u b'hekk nersqu lejn sistema aktar ugwali f'dak li għandu x'jaqsam mal-leave tal-ġenituri;
28. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea tiggarantixxi u tinkludi l-aċċess universali għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi fl-oqsma politiċi relatati kollha fl-UE u lil hinn minnha;
Id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet
29. Jikkundanna bil-qawwa l-ftehim bejn l-UE u t-Turkija kif ukoll il-proposti l-oħrajn kollha mmirati lejn l-esternalizzazzjoni tal-fruntieri tal-UE sabiex in-nies li jeħtieġu protezzjoni jinżammu barra l-UE, b'diżrispett assolut tal-impenji tal-UE u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tad-dritt internazzjonali, inkluż il-prinċipju ta' non-refoulement; jikkundanna l-enfasi qawwija fuq il-prevenzjoni u r-repressjoni tal-migrazzjoni irregolari, inkluż permezz tad-detenzjoni, mingħajr ma jingħata kas tal-għadd dejjem akbar ta' persuni li qegħdin ifittxu asil u li qed jaħarbu mill-gwerer, il-persekuzzjoni, il-ġuħ u d-diżastri klimatiċi; jikkundanna l-multiplikazzjoni tal-miżuri repressivi u l-interventi militari proposti mill-Kummissjoni Ewropea fl-2015 u l-2016 b'risposta għal dawn il-kriżijiet umanitarji, bħall-EUNAVFOR Med, l-operazzjoni tan-NATO fil-Baħar Eġew, il-proposta biex jissaħħu s-setgħat tal-Frontex permezz tat-twaqqif ta' Gwardja Ewropea tal-Fruntiera, il-ħolqien ta' ċentri ta' detenzjoni għar-rifuġjati, l-aċċelerazzjoni tar-ritorn, inkluż tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil, u l-pressjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiddikjara lit-Turkija (pajjiż b'passat medjokri fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem) bħala pajjiż terz bla periklu għal dawk kollha li jkunu qed ifittxu asil;
30. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrialloka l-fondi allokati għal kontrolli akbar fil-fruntiera, kif ukoll għat-tisħiħ tal-Fortizza Ewropa, favur l-akkoljenza tar-rifuġjati u l-migranti, b'mod partikolari permezz ta' programmi ta' risistemazzjoni u rilokazzjoni, attivitajiet ta' tiftix u salvataġġ proattivi, ċentri ta' akkoljenza miftuħin u dinjitużi u inklużjoni soċjali kemm għar-rifuġjati u kemm għall-migranti; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa proposti għal metodi sikuri u legali ta' aċċess għall-UE għan-nisa, l-irġiel u t-tfal kollha li jeħtieġu protezzjoni, kif ukoll għall-ħaddiema migranti, inkluż programm ta' risistemazzjoni immedjat, ambizzjuż u vinkolanti, u tappoġġja l-proposta tal-Parlament Ewropew għal viżi umanitarji fir-reviżjoni tal-kodiċi dwar il-viżi, sabiex il-persuni ma jibqgħux jiġu mġiegħla jissugraw ħajjithom fil-Mediterran jew fid-deżert fi triqithom lejn l-Ewropa;
31. Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja; jiddeplora n-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-Istati Membri biex jonoraw l-impenji tagħhom f'dan ir-rigward;
32. Jitlob l-implimentazzjoni tad-dritt għall-ħajja tal-familja kif minqux fil-KEDB, kemm jekk minn pajjiż terz jew fi ħdan l-UE, u l-ħtieġa urġenti biex titħaffef ir-rilokazzjoni, inkluż li tingħata prijorità lill-applikanti vulnerabbli; ifakkar li l-pajjiż ta' allokazzjoni għandu jkun ibbażat fuq ir-rabtiet familjari, lingwistiċi u kulturali tar-rifuġjati; jenfasizza l-ħtieġa li jsir progress fl-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tar-rifuġjati u l-migranti, billi jiġu rikonoxxuti u jitqiesu, favur tagħhom, il-ħiliet u l-kwalifiki li għandhom, u tiġi żgurata protezzjoni mill-isfruttament u d-diskriminazzjoni;
33. Jiddeplora n-nuqqas tal-Kummissjoni li tipproponi alternattiva għar-Regolament ta' Dublin dwar il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà; iqajjem tħassib importanti rigward l-obbligu tal-Istati Membri kollha li jeżaminaw jekk l-applikazzjoni ta' persuna tistax tiġi ddikjarata inammissibbli abbażi tal-kunċetti ta' pajjiż terz bla periklu jew tal-ewwel pajjiż ta' asil;
34. Jitlob l-adozzjoni immedjata tad-direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni sabiex isir progress fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, inklużi l-attakki fuq il-minoranzi, il-migranti, il-persuni li jfittxu asil u gruppi vulnerabbli oħra; huwa tal-fehma li ż-żieda fis-sentimenti u l-organizzazzjonijiet ksenofobiċi u razzisti hija marbuta maż-żieda fil-fenomeni faxxisti u tal-lemin estrem fl-Ewropa, li ma jistgħux jitqiesu b'mod iżolat mill-politiki li ġew infurzati fl-UE u fl-Istati Membri f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin;
35. Jiddeplora l-għadd dejjem akbar ta' atti, u każijiet ta' inċitament għall-mibegħda, fil-konfront tal-minoranzi etniċi u reliġjużi, il-persuni LGBTI, il-persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil u dawk li m'għandhomx saqaf fuq rashom;
36. Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom (NRIS) u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri għall-integrazzjoni effettiva tar-Rom fl-Istati Membri, u tipproponi miżuri addizzjonali, jekk ikun hemm bżonn, għall-inklużjoni effettiva tar-Rom;
37. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, li tiffoka b'mod unilaterali ħafna fuq politiki repressivi u fuq it-tisħiħ tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-UE; jikkritika ż-żieda dejjem akbar fl-importanza tas-sigurtà fil-politiki, inkluż il-ġbir ta' data personali u t-tfassil ta' profili taċ-ċittadini, billi filwaqt li jittieħed vantaġġ mill-biżgħat leġittimi tan-nies, il-ġlieda kontra t-terroriżmu tintuża biex jiġu attakkati d-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini u tiżdied is-sorveljanza min-naħa tal-Istat; jirrimarka li minkejja li fl-aħħar 12-il sena ġew adottati aktar minn 80 strument legali vinkolanti fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-attakki vjolenti reċenti wrew traġikament il-falliment tal-enfasi repressiva għamja tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-gvernijiet tal-Istati Membri; tikkundanna l-leġiżlazzjoni repressiva, li mhux talli kisret b'mod estensiv id-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-UE, iżda għenet attivament ukoll biex jiddgħajfu u jitnaqqru l-politiki ta' prevenzjoni eżistenti bħalma huma l-impjieg taż-żgħażagħ, il-politiki ta' koeżjoni soċjoekonomika u strumenti preventivi oħra li għandhom l-għan li jgħinu lin-nies li jkunu f'riskju ta' esklużjoni soċjali;
38. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal sforzi serji biex tipproteġi liċ-ċittadini mis-sorveljanza tal-Istat, li dejjem qed tiżdied; jesprimi, f'dan il-kuntest, it-tħassib serju tiegħu dwar is-setgħat estensivi li għandha l-Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet (IRU) tal-Europol biex twettaq monitoraġġ u sorveljanza tal-internet mingħajr ebda intervent ġudizzjarju; jirrimarka li r-Regolament il-ġdid dwar il-Europol ma jipprevedix bażi ġuridika espliċita għall-IRU;
39. Iqis li r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tmur 'il bogħod wisq fil-kriminalizzazzjoni ta' ċerti atti preparatorji potenzjali mingħajr il-bżonn ta' objettiv espliċitu li jitwettaq reat terroristiku volontarjament; jenfasizza l-fatt li dan imur kontra prinċipju tad-dritt kriminali li ilu jeżisti u li jgħid li l-intenzjoni volontarja hija element kruċjali ta' kwalunkwe definizzjoni kriminali;
40. Jitlob li d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika tiġi aġġornata sabiex tinġieb f'konformità mar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data adottat dan l-aħħar;
41. Jistieden lill-Kummissjoni tqis b'mod sħiħ id-deċiżjoni tal-QtĠ-UE fil-Kawżi Magħquda C 293/12 u C 594/12 tat-8 ta' April 2014; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex f'dan il-kuntest iżżomm lura milli tipproponi kwalunkwe miżura ulterjuri bbażata fuq iż-żamma ta' data b'mod ġeneriku;
42. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq pjan ta' azzjoni biex l-Istati Membri jtejbu l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni, speċjalment minħabba l-użu mifrux tad-detenzjoni preventiva, inkluż f'każijiet tal-Mandat ta' Arrest Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tqis b'mod sħiħ il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet;
43. Jinsab ferm diżappuntat bin-nuqqas ta' azzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva proprja dwar ir-reviżjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta ġdida, waqt li tqis ir-rapport tal-Parlament dwar din il-kwistjoni, b'mod speċjali l-kwistjoni tat-testijiet ta' proporzjonalità;
44. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma inkluditx fl-inizjattivi l-ġodda tagħha proposta aġġornata mġedda għal aċċess pubbliku għad-dokumenti, li tirrifletti l-qbil fl-ewwel qari milħuq mill-Parlament fl-2011;
45. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twieġeb it-talbiet tal-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-allegati trasport u detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA, b'mod partikolari wara r-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar it-tortura mwettqa mis-CIA;
46. Jiddikjara n-natura profondament antidemokratika ta' din l-UE, hekk kif jixhed il-mod kif l-istituzzjonijiet Ewropej jittrattaw il-konsegwenzi tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u t-taqbida tal-ħaddiema; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni Ewropea tieħu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini bis-serjetà fl-espressjonijiet demokratiċi differenti tagħha, tirrispetta kwalunkwe referendum ulterjuri dwar kwistjonijiet tal-UE, u jitlob li jitħares id-dritt inaljenabbli tal-poplu li jidħol f'dibattitu u jesprimi r-rieda tiegħu; jiċħad, f'dan ir-rigward, l-argument tal-inevitabilità;
47. Ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenn tagħha li tippreżenta proposta għal ftehim interistituzzjonali dwar reġistru obbligatorju ta' trasparenza għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tissaħħaħ id-demokrazija rappreżentattiva u parteċipattiva;
48. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta proposta għal reviżjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ibbażata fuq il-konklużjonijiet fir-rapport ta' implimentazzjoni tal-Parlament;
49. Jemmen li jinħtieġ li tittejjeb il-kwalità tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE; jinsisti, madankollu, li l-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar u l-programm REFIT ma għandhomx jintużaw bħala pretest għal deregolamentazzjoni li ddgħajjef il-protezzjoni soċjali, il-ħarsien tal-konsumatur, l-istandards ambjentali, l-istandards għall-benesseri tal-annimali u d-djalogu soċjali; jinsisti, għaldaqstant, li l-valutazzjonijiet tal-impatt u d-deċiżjonijiet kollha tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju jsiru pubbliċi;
50. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiggarantixxi minflok li l-leġiżlazzjoni futura kollha tkun soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt soċjali u tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll tinkludi klawsoli ta' estinzjoni biex tiżgura li d-dritt tal-UE jiġi rieżaminat b'mod regolari;
Is-suq intern u l-kummerċ internazzjonali
51. Huwa tal-fehma li s-suq uniku, fl-approċċi settorjali varji tiegħu, aċċentwa/iffaċilita ż-żarmar ta' strumenti sovrani ta' regolamentazzjoni ekonomika, id-dominanza ekonomika, id-diverġenza u l-iżvilupp mhux uniformi, u ppromwova l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti lejn rifuġji fiskali, il-privatizzazzjoni, id-deregolamentazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali u l-konċentrazzjoni tal-kapital; permezz tas-suq uniku u f'isem il-kompetittività, l-UE sponsorizzat/appoġġjat u ppromwoviet attakki fuq id-drittijiet tal-ħaddiema, u dan wassal għal inugwaljanzi soċjali, deregolamentazzjoni tax-xogħol, devalwazzjoni tal-pagi u impjiegi dejjem aktar prekarji, filwaqt li politiki fiskali aktar ridistributtivi u aktar ġusti, tkissru jew ġew ostakolati; jinnota li, għall-kuntrarju ta' dak li huwa ddikjarat b'mod sistematiku, is-suq uniku wassal għal żieda fl-ispejjeż għall-konsumaturi u għad-degradazzjoni tas-servizzi pprovduti;
52. Jiddeplora d-dewmien tal-Kummissjoni biex tinnotifika lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-atti korrettorji għall-atti delegati u atti delegati tranżitorji tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU); iqis li hu inaċċettabbli li dawn in-notifiki tardivi għamluha diffiċli għall-Parlament li juża s-setgħa ta' skrutinju tiegħu; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tiżgura kooperazzjoni aħjar tas-servizzi tagħha mal-Parlament u informazzjoni bikrija dwar il-finalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-KDU;
53. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tkompli ddgħajjef il-protezzjoni tal-informaturi, il-ġurnalisti, il-konsumaturi u l-ħaddiema permezz tad-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-informaturi jkunu protetti mil-lat ġuridiku u materjali meta dawn jistgħu raġonevolment jiġu preżunti li qegħdin iħarsu l-interessi pubbliċi; jinnota, madankollu, li l-istandards ta' protezzjoni għadhom mhux uniformi madwar l-UE u ma joffrux biżżejjed protezzjoni, kif juru każijiet prominenti riċenti; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva għall-protezzjoni minima tal-informaturi;
54. Jenfasizza li kull pajjiż għandu jkollu d-dritt li jiddefinixxi l-politiki kummerċjali tiegħu u jidħol f'dawk il-ftehimiet kummerċjali li huma l-aktar konformi mal-interessi tiegħu u l-karatteristiċi u l-ħtiġijiet ekonomiċi tiegħu, filwaqt li jqis il-livelli rispettivi tiegħu ta' komplementarjetà ma' pajjiżi terzi;
55. Huwa tal-fehma li l-eżitu tar-referendum Britanniku jżid mar-raġunijiet li jiġġustifikaw li r-ratifika ta' kwalunkwe ftehim kummerċjali tal-UE ma' partijiet terzi li magħhom qed isiru negozjati għandhom jiġu sospiżi b'mod provviżorju; jopponi l-approċċ ta' politika kummerċjali ta' liberalizzazzjoni, deregolamentazzjoni u privatizzazzjoni promoss mill-Kummissjoni Ewropea ma' bosta sħab madwar id-dinja, kif ukoll il-loġika dommatika ta' kummerċ ħieles li tiddetermina din il-politika tal-kummerċ, u jiddenunzja, b'mod partikolari, il-megareġjonali bħat-TTIP, ic-CETA u t-TiSA u, b'mod differenti, il-ftehimiet ta' sħubija ekonomika; jiddeplora l-fatt li l-orjentazzjoni kummerċjali ġenerali tal-UE, li tippreġudika s-sovranità tal-Istati Membri u sservi l-interessi ġeopolitiċi tal-pajjiżi l-aktar sinjuri, u tal-korporazzjonijiet multinazzjonali, tikkontrolla u tisfrutta l-assi ta' pajjiżi terzi, iżżid l-iżbilanċi intrareġjonali u interreġjonali, u tipperpetwa d-dipendenzi tal-pajjiżi anqas żviluppati (ġewwa u barra l-UE); jiddikjara li dan il-ftehim jikkontribwixxi għall-qerda u d-deregolamentazzjoni tax-xogħol, għaż-żieda fil-faqar, għal spekulazzjoni msaħħa (speċjalment fuq l-ikel) u l-qerda tas-servizzi pubbliċi, u huwa theddida għas-saħħa u l-benesseri tal-annimali, l-agrikoltura sostenibbli u l-ambjent, u d-diversità kulturali; jitlob kummerċ internazzjonali regolat, ibbażat fuq komplementarjetà b'mod reċiproku;
56. Jitlob kummerċ internazzjonali regolat, ibbażat fuq komplementarjetà b'mod reċiproku; jopponi, b'mod partikolari, l-inklużjoni ta' kwalunkwe klawsola tal-ISDS fil-ftehimiet kummerċjali jew fil-qafas tal-UE, kemm jekk fil-forma tradizzjonali kif ukoll jekk fil-forma ICS, peress li ma jqis li hemm l-ebda raġuni biex l-investituri jingħataw ġurisdizzjonijiet speċjali li jobbligaw lill-istati jħallsu ammonti kbar ta' flus, u jnaqqsu l-ispazju politiku tagħhom; jinsisti li kull dokument ta' negozjar għandu jsir pubbliku, u li l-parlamenti nazzjonali għandhom jiġu konsultati qabel l-adozzjoni ta' tali ftehimiet, li jaffettwaw ħafna l-ħajja tal-popli;
L-iżvilupp reġjonali, produzzjoni u setturi strateġiċi
57. Jiċħad l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea li jissubordina l-politika ta' koeżjoni għall-governanza ekonomika tal-UE; jenfasizza li l-politika reġjonali hija għodda importanti għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, u li l-objettivi ewlenin tagħha huma t-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali, partikolarment tal-ifqar reġjuni u tar-reġjuni ultraperiferiċi, il-promozzjoni tal-konverġenza reali u ż-żieda tat-tkabbir u tal-impjiegi; jinsisti li l-politika ta' koeżjoni ma għandhiex tintuża bħala strument ta' penalizzazzjoni finanzjarja meta reġjun jew Stat Membru jirrifjuta politiki ta' deregolamentazzjoni u ta' privatizzazzjoni;
58. Jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta' miżuri urġenti rigward is-setturi produttivi li huma ta' importanza vitali għal kull ekonomija u li għaldaqstant għandhom rwol essenzjali fl-iżvilupp potenzjali ta' kull pajjiż; jitlob il-promozzjoni ta' proġetti pubbliċi u appoġġ għall-intrapriżi mikro, żgħar u medji, u għall-kooperattivi u l-gvernijiet lokali, u li l-fondi tal-Komunità jissaħħu u jiġu orjentati f'dik id-direzzjoni;
59. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti prijorità lil dawk l-Istati Membri l-aktar milquta mill-kriżi ekonomika u, b'mod partikolari, biex timmira lejn reġjuni f'reċessjoni b'livelli għoljin ta' qgħad u ta' faqar;
60. Jemmen li l-finanzjament eżistenti tal-UE u r-riżorsi finanzjarji attwali tal-UE għall-politika ta' koeżjoni mhumiex suffiċjenti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' konverġenza reali, u biex jegħlbu d-disparitajiet reġjonali, il-livelli għolja ta' qgħad, l-inugwaljanzi fl-introjtu u l-faqar fl-Istati Membri; jinnota l-bżonn li l-baġit tal-UE jissaħħaħ fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-ġestjoni u l-ippjanar territorjali jibqgħu ir-responsabilità tal-Istati Membri individwali; jinnota li sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni b'suċċess tal-politika ta' koeżjoni tal-UE huwa kruċjali li fil-futur jiġu evitati ħlasijiet b'lura;
61. Jinnota l-investiment dgħajjef propost fil-baġit tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ma tikkonċentrax l-allokazzjoni tal-finanzjament tar-riċerka fuq ftit universitajiet, ċentri ta' riċerka u kumpaniji korporattivi;
62. Jafferma mill-ġdid li l-ilma huwa dritt universali u għandu jiġi garantit lil kull bniedem, u ma għandux ikun soġġett għall-privatizzazzjoni;
63. Jitlob Politika Komuni tas-Sajd (PKS) deċentralizzata li tippromwovi l-modernizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd, fejn tiġi żgurata l-vijabilità soċjoekonomika tagħha, is-sostenibilità tar-riżorsi, iż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib fil-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-ħaddiema tas-sajd; jitlob li jittieħdu miżuri biex tiġi żgurata s-sovranità nazzjonali fuq iż-żoni ekonomiċi esklussivi tal-Istati Membri u r-riżorsi tas-sajd tagħhom;
64. Jitlob li tiġi salvagwardjata l-bijodiversità f'ambjenti marini, billi jiġu żgurati kundizzjonijiet favorevoli biex il-popolazzjonijiet tal-ħut jiġu rikostitwiti permezz tal-implimentazzjoni ta' prattiki ta' ġestjoni sostenibbli adegwati; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-PKS tirrikonoxxi l-karatteristiċi speċifiċi tas-sajd fuq skala żgħira u kostali, u x-xerqin ta' l-istrumenti attwali għall-ħtiġijiet tas-settur;
65. Huwa tal-fehma li 30 sena ta' Politika Agrikola Komuni (PAK) għamlu ħsara kbira lis-settur agrikolu fl-Istati Membri, u kkontribwew għall-kriżi fis-settur agrikolu; jitlob li jsir enfasi mill-ġdid fuq wieħed mill-prinċipji ta' finanzjament tal-PAK (Artikolu 39, punt 2), "li tassigura b'dan il-mod livell ġust ta' għajxien għall-popolazzjoni agrikola", biex tiġi evitata konċentrazzjoni akbar ta' produzzjoni u l-livell miżjud ta' biedja intensiva, it-tnaqqis ta' bdiewa fuq skala żgħira u l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, kif ukoll iż-żieda fl-asimmetriji reġjonali u d-dipendenza barranija esterna fuq l-oġġetti, li jiffavorixxi l-akbar ekonomiji Ewropej; jiddispjaċih li dan il-fenomenu qed ipoġġi fir-riskju patrimonji agrikoli u rurali ta' importanza dinjija, filwaqt li, fl-istess ħin, il-kumpaniji agrokummerċjali kbar qed jespandu l-marġini tagħhom u jimponu l-mudell tagħhom għal sistema ta' ikel globali li għandha effetti ambjentali distruttivi; jissottolinja l-fatt li l-bdiewa, u mhux in-negozji l-kbar, għandhom ikunu fiċ-ċentru ta' kwalunkwe politika agrikola u tal-ikel, sabiex is-sostenibilità, it-tkabbir u l-impjiegi verament jingħataw spinta fir-reġjuni kollha;
66. Jiddispjaċih li l-politiki attwali qed iwasslu għad-deċimazzjoni tal-azjendi agrikoli tradizzjonali b'ġestjoni familjari madwar l-UE u sussegwentement għat-tnaqqis tal-attivitajiet soċjali u ekonomiċi fiż-żoni rurali;
67. Jopponi bil-qawwa l-ħtif tal-art, d-dominanza tas-suq u l-iffissar inġust tal-prezzijiet minn kumpaniji agroalimentari kbar, li jisfruttaw il-bdiewa u jinfurzaw produzzjoni żejda għad-detriment tal-kwalità tal-ikel, il-benesseri tal-bniedem u tal-annimali, kif ukoll l-ambjent;
68. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipprojbixxi kull forma ta' għoti ta' privattivi ta' żrieragħ sabiex tipproteġi l-bdiewa mill-pressjoni u s-setgħa tal-kumpaniji multinazzjonali li jipproduċu ż-żrieragħ, u biex tipproteġi l-varjetajiet lokali kif ukoll il-wirt kulturali u ġenetiku tagħna; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tipprojbixxi l-awtorizzazzjoni, il-kultivazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' GMOs u biex tieħu azzjoni biex jitrażżan l-użu mifrux tal-pestiċidi;
69. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta, mingħajr dewmien, il-punti pendenti tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali 2012-2015; jistieden lill-Kummissjoni tfassal strateġija ġdida u ambizzjuża għall-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali għall-perjodu 2016–2020, bl-għan li jingħelbu n-nuqqasijiet u l-lakuni attwali, sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u biex jitjieb il-benesseri tal-annimali fl-UE kollha;
70. Huwa tal-fehma li l-finanzjament tal-UE għall-agrikoltura għandu jkollu l-għan li jiżviluppa s-sistemi agrikoli tal-Istati Membri b'mod li jnaqqas id-dipendenza tagħhom fuq il-provvisti esterni, u li jissalvagwardja l-patrimonji agrikoli u rurali;
71. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tistudja l-ħtieġa tal-ħolqien ta' strumenti pubbliċi għar-regolazzjoni tal-produzzjoni u tas-swieq fis-settur tal-ħalib, kif ukoll f'setturi oħra, li jiggarantixxi prezzijiet ġusti għall-produzzjoni, waqt li jqis kemm l-ispejjeż tal-inputs kif ukoll il-prezzijiet tal-konsumaturi, sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-valur miżjud matul il-katina ta' valur miżjud tas-settur, filwaqt li tiġi evitata l-konċentrazzjoni u l-intensifikazzjoni tal-produzzjoni, u jiġi żgurat id-dritt ta' kull Stat Membru li jiżra u jipproduċi, kif ukoll biex tkun salvagwardjata s-sovranità tal-ikel;
72. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ u tiġi żviluppata bażi industrijali diversifikata fl-Istati Membri u r-reġjuni kollha, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet reġjonali, billi dan huwa essenzjali biex jiġu garantiti livelli għoljin ta' impjiegi, attività ekonomika u żvilupp;
73. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-problema tar-rilokazzjoni tal-produzzjoni industrijali f'katini ta' valur globali u tipproponi projbizzjoni fuq finanzjament tal-UE għar-rilokazzjoni tal-produzzjoni lejn pajjiżi terzi, sabiex jinżammu l-impjiegi industrijali fl-Istati Membri;
74. Jiċħad l-Unjoni Ewropea tal-Enerġija, proġett ta' monopolji ewlenin Ewropej f'dan is-settur; jitlob kontroll pubbliku ta' dan is-settur strateġiku, peress li t-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija, u l-iżgurar tad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, l-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli, l-użu sostenibbli tal-potenzjal endoġenu ta' kull pajjiż u s-sigurtà tal-provvista, fost affarijiet oħra, jirrikjedu ppjanar u kontroll pubbliku u demokratiku, fuq is-settur tal-enerġija; jenfasizza l-ħtieġa li jitressqu kriterji ta' sostenibilità vinkolanti għall-użu tal-enerġija u l-bijomassa;
75. Itenni li l-enerġija hija beni pubbliku u li l-aċċess ugwali għall-enerġija bi prezzijiet aċċessibbli tal-enerġija għandu jiġi żgurat għall-benefiċċju tal-konsumaturi; jenfasizza li l-UE għandha tiffoka mill-qrib fuq il-kwistjoni tal-faqar fl-enerġija, minħabba li l-faqar fl-enerġija jolqot madwar 11 % tal-popolazzjoni tal-UE; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-miżuri biex itaffu l-faqar fl-enerġija fil-proposti leġiżlattivi li ġejjin u biex tippreżenta pjan ta' azzjoni dedikat sa nofs l-2017;
76. Jemmen li t-tranżizzjoni tal-enerġija għandha twassal għal sistema tal-enerġija aktar effiċjenti, trasparenti, sostenibbli, deċentralizzata u demokratika, ibbażata fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli, li tibbenefika lis-soċjetà fit-totalità tagħha, filwaqt li fl-istess ħin tipproteġi dawk l-aktar vulnerabbli u tiżgura li l-benefiċċji tal-miżuri tal-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli jkunu disponibbli għalihom;
77. Itenni l-appell tal-Parlament għal mira vinkolanti ta' sehem ta' 30 % tal-konsum f'enerġija rinnovabbli u ta' 40 % fl-iffrankar tal-enerġija għall-2030; jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex tirrifletti dan fir-rieżami li jmiss tad-direttivi dwar is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u sabiex tippromwovi dawn il-miri vinkolanti matul in-negozjati tad-direttivi; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tressaq kriterji ta' sostenibilità vinkolanti għall-użu tal-enerġija u l-bijomassa;
78. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea b'mod speċifiku biex tipproponi kriterji ta' sostenibilità għall-prodotti industrijali u biex tintegra bis-sħiħ l-ekonomija ċirkolari fil-politiki rilevanti kollha, b'kunsiderazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodotti; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' implimentazzjoni sħiħa tal-azzjonijiet identifikati fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, inkluża t-tneħħija gradwali tas-sussidji li għandhom impatt negattiv fuq l-ambjent; huwa tal-fehma li l-approċċ tas-suq għall-ekonomija ċirkolari għandu konsegwenzi ta' periklu għall-interess pubbliku, u li hija meħtieġa responsabilità qawwija tal-Istati Membri u tal-politiki pubbliċi;
79. Jiċħad mudelli ta' liberalizzazzjoni imposti fuq l-Istati Membri fis-settur tat-trasport; jitlob, għall-kuntrarju, għar-revoka immedjata tagħhom, skont il-ħtieġa għas-salvagwardja tal-obbligi ta' servizz pubbliku, filwaqt li titqies il-promozzjoni ta' politiki tat-trasport li jirrispettaw is-sovranità tal-Istati Membri kif ukoll l-approċċ strateġiku tagħhom stess għall-koeżjoni territorjali u l-iżvilupp nazzjonali; jitlob li jiġi promoss id-djalogu soċjali fost il-ħaddiema kollha kkonċernati, flimkien ma' kooperazzjoni biex ikun hemm integrazzjoni u interoperabbiltà aħjar bejn in-netwerks tat-trasport nazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa għall-promozzjoni tat-trasport pubbliku, soluzzjonijiet ta' mobilità komuni u mixi u ċikliżmu, b'mod partikolari f'żoni urbani;
80. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta r-regolamenti tal-UE dwar it-trasport u tadattahom, fejn xieraq, għall-era diġitali; jitlob lill-Kummissjoni biex taġġusta l-qafas regolatorju ta' mezzi ta' trasport differenti sabiex tippromwovi innovazzjonijiet u servizzi ġodda għall-mobilità u l-loġistika, filwaqt li jiġu żgurati standards tas-sikurezza, kundizzjonijiet tax-xogħol u protezzjoni tal-konsumatur għoljin, kif ukoll tassazzjoni ġusta u l-prevenzjoni ta' effetti ambjentali ta' ħsara;
81. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa biex is-settur tat-trasport jiġi dekarbonizzat;
82. Jappella għal pjan ambizzjuż għat-tnaqqis tal-imwiet fit-toroq, li jinkludi miri ċari ta' tnaqqis;
L-Ambjent
83. Jemmen li l-kriżi klimatika, kif rikonoxxuta fir-rapport AR5 tal-IPCC li ġie aċċettat u approvat mill-aħħar COP 21, huwa kkawżat mill-attività dannuża tal-bniedem, l-abbuż ta' sistemi ta' produzzjoni intensivi fl-enerġija, u l-użu u l-isfruttar ta' karburanti fossili;
84. Jenfasizza, għaldaqstant, li s-soluzzjoni biex jiġi ttrattat it-tibdil fil-klima għandha prinċipalment tiġi segwita b'impenji biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-pajjiżi kollha kkonċernati skont ir-responsabilitajiet storiċi tagħhom, u, minħabba li din ma għandhiex titħalla għal strumenti bbażati fuq is-suq, jeħtieġ li tinqata' minn ma' politiki ta' żvilupp kapitalisti, peress li mingħajr din il-miżura ma jkunx possibbli li jinbidlu l-metodi ta' produzzjoni jew ta' distribuzzjoni u ta' konsum;
85. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-impenji tal-COP 21, minn naħa, ma jiggarantixxux it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra – u, għaldaqstant, ma jiżgurawx tnaqqis fil-konċentrazzjoni ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-atmosfera għal livell kompatibbli ma' żieda fit-temperaturi medji ta' mhux aktar minn 2°C – u, min-naħa l-oħra, żammew u saħħew il-mekkaniżmi tas-suq li jwasslu għal forma ta' approprjazzjoni privata tan-natura u r-riżorsi tagħha;
86. Jiddefendi żieda fil-fondi allokati għall-politiki ta' ħarsien ambjentali; jitlob żieda sostanzjali fil-Programm LIFE li tammonta, mill-inqas, għal 1 % tal-baġit tal-UE; jiċħad id-dgħajfien tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħabitats u l-ispeċijiet selvaġġi fil-periklu; jitlob il-ħolqien ta' strument finanzjarju speċifiku ddedikat għall-finanzjament tan-Netwerk Natura 2000 u l-adozzjoni ta' miżuri koerenti ta' preservazzjoni tal-valuri li tirrappreżenta;
87. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tintegra l-politika dwar il-klima u l-politika dwar it-tibdil fil-klima fil-politiki kollha tagħha; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' ambizzjoni li wriet s'issa l-Kummissjoni fir-rigward ta' miri vinkolanti;
88. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tkun konsistenti, u tikkonforma mal-prinċipju ta' prekawzjoni, fil-mandat tagħha biex ma tipproponix derogi ulterjuri fl-użu ta' sustanzi kimiċi, pestiċidi perikolużi u interferenti endokrinali fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, jitnaqqas l-esponiment għas-sustanzi kimiċi permezz tal-ilma, il-ħamrija, l-arja u l-ikel li għandhom impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent globali, u jitressqu proposti leġislattivi biex jitnaqqas l-esponiment;
Għall-paċi kontra l-militariżmu u n-NATO
89. Jikkundanna l-fatt li qed jiżdiedu l-passi lejn il-militarizzazzjoni tal-UE; jiċħad l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà u l-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tagħha; jitlob li tintemm il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u jiċħad il-politika ta' espansjoni attwali tan-NATO; jinsisti dwar ix-xoljiment tal-bażijiet militari barranin kollha fl-Ewropa;
90. Jinsisti li kwalunkwe attività barranija tal-UE għandha ssegwi l-prinċipji ta' politika barranija strettament ċivili li tkun konformi mal-liġi internazzjonali u applikata b'mod mhux diskriminatorju, u billi jittieħed rwol ewlieni fir-riżoluzzjoni diplomatika u paċifika tal-kunflitti, fosthom permezz ta' inizjattivi ta' medjazzjoni u programmi ta' diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni (DDR), f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; jenfasizza l-importanza ta' sforzi biex jissaħħaħ it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT), jittejjeb ir-reġim ta' kontroll fuq l-esportazzjoni tal-armi tal-UE, jiġi appoġġjat ir-reġim tat-TNP u d-diżarm nukleari, u jiġu appoġġjati miżuri dwar l-eradikazzjoni tal-faqar, l-għajnuna umanitarja, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbi li jiffavorixxu relazzjonijiet ekonomiċi bilanċjati, kummerċ ġust u distribuzzjoni ġusta tar-riżorsi u tal-ġid fil-viċinat tal-UE u fid-dinja;
91. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrispetta l-impenn tagħha li tinvolvi ruħha mas-sħab tal-PEV fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp tan-NU; jenfasizza li l-ħolqien tal-impjiegi huwa kwistjoni deċiżiva għall-futur ta' ħafna pajjiżi tal-viċinat; jappoġġja l-enfasi speċifiku fuq l-impjegabilità taż-żgħażagħ, il-promozzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; jenfasizza li dan jirrikjedi approċċ f'diversi livelli, mil-livell nazzjonali għal dak reġjonali u lokali kif ukoll kooperazzjoni reġjonali, sottoreġjonali u transfruntiera li tkun tista' timmobilizza l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi sħab u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom; jitlob approċċ realistiku u programmi li jkollhom benefiċċji konkreti għall-poplu; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-istrateġija għall-kooperazzjoni mal-ġirien tal-ġirien li ġiet imħabbra fil-kuntest tar-rieżami tal-politika tal-viċinat;
92. Jiċħad kwalunkwe użu tal-baġit tal-UE għal skopijiet militari jew ċivili-militari; jiċħad l-implimentazzjoni ta' proġett pilota dwar ir-riċerka tal-PSDK magħmula b'mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-EDA, li jkopri fost l-oħrajn sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS); jopponi bil-qawwa l-użu ta' kwalunkwe fondi tal-Orizzont 2020, jew il-baġit tal-UE b'mod ġenerali, għal-finanzjament tar-riċerka militari, ċivili-militari jew ta' sigurtà, b'mod ġenerali u għall-iżvilupp tal-RPAS b'mod partikolari; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-impenji tal-Unjoni għall-eradikazzjoni tal-faqar, għall-iżvilupp sostenibbli, għall-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli, għall-kontroll tal-armi, għar-reġim tat-trattat dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm nukleari jiġu rrispettati;
93. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ttejjeb it-trasparenza tal-ispejjeż fil-qasam tal-attivitajiet internazzjonali, fil-fażijiet kollha, mill-ipprogrammar sal-valutazzjoni ex ante; itenni l-kritika qawwija tiegħu dwar in-nuqqas ta' kontroll parlamentari li għadu għaddej fil-qasam tal-politiki barranin u ta' sigurtà;
94. Jafferma li l-affarijiet esterni huma kompetenza sovrana ta' kull Stat Membru, u jiċħad politika barranija b'vuċi waħda għall-UE; ifakkar li l-politiki esteri tal-Istati Membri, individwalment jew flimkien, għandhom isegwu l-prinċipji ta' politika barranija strettament ċivili, f'konformità mad-dritt internazzjonali u applikati b'mod mhux diskriminatorju, u li r-rwol fir-riżoluzzjoni diplomatika u paċifika tal-kunflitti għandu jsir taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, imwettaq fi spirtu ta' sħubija u solidarjetà reċiproċi, u b'rispett għas-sovranità ta' pajjiżi terzi;
95. Jiċħad bil-qawwa l-promozzjoni u l-appoġġ ta' bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB) u l-Kumpless Militari Industrijali, u ż-żieda u l-approfondiment tal-kooperazzjoni tad-difiża; jiċħad kwalunkwe użu tal-baġit tal-UE għal skopijiet militari jew ċivili-militari; jitlob paċi reali, solidarjetà u politiki ta' ugwaljanza li jimmiraw għall-kontroll tal-armi, id-diżarm sħiħ, b'mod partikolari mill-armi nukleari, u d-demilitarizzazzjoni tal-UE;
96. Huwa mħasseb ħafna li ħafna gvernijiet lanqas biss qed jirrispettaw l-impenji nazzjonali, tal-UE u internazzjonali li kienu ħadu fir-rigward tal-esportazzjoni tal-armi; jitlob it-tmiem tal-kummerċ tal-armi tal-UE u tal-esportazzjoni tal-armi u ta' tagħmir militari lejn żoni ta' kunflitt;
_____________________
97. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-programm ta' ħidma tagħha f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament;
98. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.