Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0893/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0893/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI  dwar il-prijoritajiet strateġiċi għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017

4.7.2016 - (2016/2773(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

Enrique Guerrero Salom, Maria João Rodrigues f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0885/2016

Proċedura : 2016/2773(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0893/2016

B8-0893/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet strateġiċi tal-Parlament għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017

(2016/2773(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea, bit-titolu "Bidu ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku" u ppreżentati minn Jean-Claude Juncker fil-15 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ''Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016 – Mhux il-waqt li kollox jibqa' l-istess'' (COM(2015)0610) u l-Annessi 1 sa 6 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, li jipprovdi input addizzjonali għal din ir-riżoluzzjoni mill-perspettiva tal-kumitati parlamentari u li l-Kummissjoni għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni meta tkun qed tabbozza u tadotta l-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2016 dwar id-deċiżjoni ta' ħruġ mill-UE bħala konsegwenza tar-referendum fir-Renju Unit[1],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-kontribut tal-Kumitat tar-Reġjuni lill-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Lulju 2016 dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea ġab il-paċi u kkontribwixxa għas-sigurtà u l-prosperità fl-Ewropa għal deċennji;

B.  billi l-Ewropa bħalissa qed tiffaċċja bosta sfidi globali u komuni, iżda wkoll iżjed frustrazzjoni u nuqqas ta' fiduċja fost iċ-ċittadini dwar prospetti inċerti u nuqqas ta' opportunitajiet li ċ-ċittadini jistennew li jiġu indirizzati minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet; billi, jekk għandha tirnexxi, l-integrazzjoni Ewropea ma tistax tippermetti li tkun ridotta għal sempliċi proġett ekonomiku; billi huwa urġenti li tikseb lura l-qlub tal-Ewropej favur il-proġett Ewropew u ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

C.  billi kriżijiet sovraposti tal-UE jirrikjedu soluzzjonijiet Ewropej effikaċi, stabbiliti sew fuq proċess aktar demokratiku permezz tal-metodu Komunitarju, u bl-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;

D.  billi l-UE hija d-dar komuni tagħna u għandha toffri dar sikura kif ukoll ambjent ekonomiku stabbli b'opportunitajiet verament indaqs għaċ-ċittadini tagħha; billi s-sostenibilità u t-tkabbir ekonomiku huma kompatibbli u jistgħu jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku; billi huwa importanti li l-UE toħroġ mill-kriżi ekonomika dewwiema u twettaq progress soċjali billi żżid l-investimenti sostenibbli, tnaqqas id-disparitajiet u tiżviluppa politiki aħjar, b'mod partikolari permezz tat-tisħiħ tas-suq intern u l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

E.  billi għażilna li jkollna futur komuni, bħala komunità bbażata fuq valuri komuni u li tgħożż ir-rikkezza u d-diversità tat-tradizzjonijiet u l-istorja tagħna; billi rridu li l-Ewropa taqdi r-rwol tagħha u tassumi r-responsabilità tagħha fix-xena globali, impenjata favur is-solidarjetà, il-multilateraliżmu, is-sħubijiet esterni tagħna, u filwaqt li tippromwovi l-konverġenza lejn standards aqwa; billi rridu nipproteġu l-proġett komuni tagħna ta' paċi, prosperità u demokrazija kondiviżi, bil-ħsieb li jinħoloq futur attraenti għall-ġenerazzjonijiet kollha;

Intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien taċ-ċittadini Ewropej

1.  Ifakkar li l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa kien modest u żbilanċjat, u bosta reġjuni tal-Unjoni għadhom jesperjenzaw livelli inaċċettabbli ta' qgħad, faqar u inugwaljanza u nuqqas enormi ta' prospetti għal ġenerazzjonijiet iżgħar; jenfasizza li l-UE għandha għalhekk taħdem favur suq tax-xogħol dinamiku u inklużiv integrat fil-mudell Ewropew tal-ekonomija soċjali tas-suq, sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol taċ-ċittadini fil-postijiet tal-oriġini u tippermetti l-mobilità ekwa, filwaqt li jiġi rispettat f'kull Stat Membru l-prinċipju Ewropej fundamentali tal-moviment liberu tal-ħaddiema; huwa konvint li ċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom jibbenefikaw minn għadd ta' kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, konformità sħiħa mal-istandards Ewropej fejn jidħlu s-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol u aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità, protezzjoni soċjali u servizzi essenzjali li jippermettu l-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni, għal dan l-għan, biex tibbaża ruħha fuq il-konsultazzjoni pubblika li għaddejja bħalissa u r-rapport li jmiss tal-Parlament billi tressaq, b'mod konformi mal-objettivi tat-Trattat u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, proposta ambizzjuża dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jrid jirriżulta f'inizjattivi konkreti, b'mod partikolari biex:

  –  jiġu promossi l-aċċessibilità, l-aċċessibilità finanzjarja u l-kwalità tal-edukazzjoni bikrija, tal-kura tat-tfal u tal-kura tas-saħħa, li huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-ebda tifel ma jitħalla lura; il-Kummissjoni għandha għalhekk tirrifletti dwar aktar azzjonijiet biex jiġi żviluppat l-investiment soċjali, u b'mod partikolari biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal permezz tal-adozzjoni ta' garanzija tal-UE dwar it-tfal;

  –  titnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet u jiġi żgurat aċċess għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità għal kulħadd;

  –  jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u jiġu promossi impjiegi ta' kwalità, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ u dawk qiegħda fit-tul;

  –  jiġu indirizzati l-isfidi tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u d-differenzi bejn is-sessi fil-pagi u l-pensjonijiet, inkluż permezz ta' proposti leġiżlattivi ġodda dwar id-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità, dwar id-Direttiva dwar il-Liv ta' Persuni li jipprovdu Assistenza u dwar il-Liv tal-Paternità;

3.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha timmonitorja, tinkoraġġixxi u tappoġġja l-infiq effiċjenti u effikaċi ta' fondi mill-Istati Membri biex jixprunaw l-impjieg taż-żgħażagħ u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, b'mod partikolari f'reġjuni b'livelli għoljin ta' qgħad, permezz ta' programmi ffinanzjati mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-Bank Ewropew tal-Investiment;

4.  Jenfasizza li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u mas-sħab soċjali, għandha ssaħħaħ ukoll id-djalogu soċjali Ewropew bl-għan li tirrikonċilja aħjar is-swieq tax-xogħol u s-sistemi ta' protezzjoni soċjali biex tindirizza l-inugwaljanzi soċjali u l-isfidi ġodda li ġejjin mill-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni;

5.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiżgura l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u pagi ndaqs għal xogħol indaqs fl-istess post għall-ħaddiema kollha, irrispettivament mill-kuntratt sottostanti, anki għal ħaddiema mobbli u kkollokati;

Insaħħu l-irkupru ekonomiku u l-kompetittività fit-tul bl-għan li jinħolqu l-impjiegi, jittejbu l-istandards tal-għajxien u tiġi ġġenerata l-prosperità

6.  Huwa konvint li l-UE tista' tkun minn ta' quddiem billi tisfrutta l-potenzjal sħiħ tas-suq uniku tagħha u billi tippromwovi l-imprenditorija, il-kompetizzjoni ġusta u l-investiment fl-innovazzjoni;

7.  Jappella għat-tnedija mill-ġdid tal-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi, b'ambizzjoni reali għall-futur, b'mod partikolari biex jittejjeb il-mudell ta' ekonomija soċjali tas-suq tagħna u tiġi ġenerata prosperità kondiviża b'mod wiesa'; huwa konvint li t-tkabbir tal-impjiegi jibqa' l-prijorità prinċipali, u li l-UE teħtieġ investimenti mmirati biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija diġitali innovattiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi għar-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal strateġija industrijali ġdida u ambizzjuża li tibni fuq u tikkumplimenta l-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari; jirrimarka li jinħtieġu investimenti privati u pubbliċi addizzjonali għat-tranżizzjoni tal-enerġija, l-SMEs ekoinnovattivi, ir-riċerka u l-edukazzjoni;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi aktar miżuri li jippromwovu r-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni, id-diversità kulturali u l-kreattività bħala xprun prinċipali għall-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li żżomm f'moħħha li l-aċċess tal-kumpaniji u b'mod partikolari tal-SMEs għall-kapital huwa vitali biex jitħeġġu l-iżvilupp u l-produzzjoni ta' prodotti u servizzi ġodda kemm f'setturi tradizzjonali kif ukoll f'setturi emerġenti, kif ukoll il-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

10.  Iqis li s-suq uniku jeħtieġ li jkompli jiġi integrat, b'mod partikolari fil-qasam diġitali, u b'hekk jinħoloq ambjent ekwu għall-konsumaturi u l-SMEs u jitneħħew ostakli mhux ġustifikati; jinsab ferm konvint li suq uniku diġitali li jkun kompetittiv fuq livell internazzjonali, innovattiv, orjentat lejn iċ-ċittadini jirrappreżenta soluzzjoni għall-isfidi tas-seklu 21; iqis li t-tkabbir ekonomiku fl-UE jista' jiġi estiż aktar billi jiġi esplorat kompetament il-potenzjal tas-settur tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu, u jenfasizza li l-Kummissjoni trid tiżvolġi rwol ċentrali biex tiżgura li l-prijoritajiet kollha relatati mal-kompetittività, id-diġitalizzazzjoni, il-governanza tajba, il-ħiliet u l-kwalifiki, is-sostenibilità u l-konnettività fis-settur tat-turiżmu huma kkunsidrati fl-oqfsa politiċi kollha;

11.  Jistenna li l-Kummissjoni tuża s-setgħat u l-kompetenzi kollha tagħha biex tippromwovi tranżizzjoni għal mudell awqa ta' tkabbir konsistenti mal-prinċipji ta' żvilupp sostenibbli, fid-dawl tad-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu;

Nirreaġixxu għat-tibdil fil-klima u niżguraw is-sigurtà tal-enerġija

12.  Itenni li jridu jiżdiedu l-isforzi biex tinkiseb l-Unjoni tal-Enerġija, bil-għan li jiġu garantiti s-sigurtà tal-enerġija u enerġija sostenibbli u bi prezz aċċessibbli għaċ-ċittadini u n-negozji kollha, filwaqt li jitqies l-indirizzar tal-faqar fil-qasam tal-enerġija;

13.  Jinnota l-konsegwenzi umani u ekonomiċi ta' diżastri klimatiċi fl-Ewropa; jissottolinja l-importanza li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-bidla fil-klima permezz ta' strateġija ambizzjuża li tinkludi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

14.  Jappella għall-istabbiliment ta' aktar miri ambizzjużi fil-livell tal-UE għat-tnaqqis tal-gassijiet serra u għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-perjodu wara l-2020, fil-kuntest tal-konferenza tan-NU dwar it-tibdil fil-klima (COP 21) f'Pariġi;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komuni għall-enerġija u d-diplomazija dwar il-klima li se tindirizza dan it-tħassib globali;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkoordina l-isforzi biex jitneħħew gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili;

Niżguraw reazzjoni konsistenti għaż-żieda fl-influss ta' rifuġjati

17.  Huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea għandha tfassal soluzzjonijiet konkreti biex tiġi indirizzata l-emerġenza tar-refuġjati f'konformità mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari billi jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tagħha, billi tissaħħaħ il-koperazzjoni mal-pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini tal-flussi migratorji u billi jintużaw il-politiki u l-istrumenti kollha disponibbli biex jiżguraw l-istabbilizzazzjoni, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp ta' tali pajjiżi;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tkompli bl-assistenza umanitarja meħtieġa u tiżgura kundizzjonijiet diċenti ta' għajxien fil-kampijiet tar-refuġjati, flimkien ma' programmi ta' żvilupp fuq medda itwal, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni;

19.  Jissottolinja li l-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil tal-UE mhijiex adegwata u teħtieġ reviżjoni fundamentali, abbażi tal-Artikolu 80 tat-TFUE; isostni li l-ebda riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil ma għandha twassal għal tnaqqis fil-livell ta' protezzjoni attwali fil-liġi tal-UE dwar l-asil; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi distribuzzjoni ġusta tal-persuni li jfittxu asil bejn l-Istati Membri, li tieħu post is-sistema attwali ta' Dublin, li hija obsoleta;

20.  Jitlob li jiġu stabbiliti b'mod urġenti programmi sistematiċi u infurzabbli għar-risistemazzjoni u rilokazzjoni diretti ta' applikanti għall-ażil;

21.  Jitlob li jinħolqu l-kundizzjonijiet fl-UE għal akkoljenza ġestita sew ta' persuni li jfittxu asil li tiżgura s-sikurezza tagħhom u trattament uman ibbażat fuq il-ġeneru, b'attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli; jenfasizza, fl-istess ħin, li għandhom jiġu ggarantiti riżorsi suffiċjenti biex jiżguraw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali tar-rifuġjati li tiżgura l-aċċess għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-sigurtà soċjali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament għall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni tifformula proposti għall-ħolqien ta' politika ġenwina ta' migrazzjoni legali u ekonomika tal-Unjoni li tibni fuq l-istrumenti eżistenti għall-istudenti, ir-riċerkaturi u l-ħaddiema kwalifikati, u, fuq medda ta' żmien itwal, tistabbilixxi aktar regoli ġenerali bbażati fuq it-trattament ugwali li jirregolaw id-dħul u r-residenza għal dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed ifittxu impjieg fl-Unjoni bil-għan li jimlew in-nuqqas identifikat fis-suq tax-xogħol tal-UE;

23.  Jemmen li, peress li l-migrazzjoni internazzjonali huwa fenomenu globali li qed jikber kemm fl-ambitu, il-kumplessità u l-impatt, l-UE u l-bqija tal-komunità internazzjonali għandhom jassumu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom f'dan il-qasam;

Nindirizzaw it-tħassib dwar is-sigurtà taċ-ċittadini

24.  Jenfasizza li s-sigurtà interna u dik esterna huma dejjem aktar konnessi;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, wara l-adozzjoni tal-proposta għal Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, sabiex tiżgura l-bidu rapidu tagħha, u l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet loġistiċi u umani meħtieġa, bl-għan li tipproteġi lill-UE u tikkompleta ż-żona ta' Schengen bl-adeżjoni tal-Istati Membri kollha li jixtiequ jissieħbu;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni, bl-għan li jiġu indirizzati t-theddid tat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, biex tissorvelja mill-qrib it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri kontra t-terroriżmu tal-UE, inkluża l-kooperazzjoni effettiva tal-pulizija u dik ġudizzjarja, il-kondiviżjoni f'waqtha ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u permezz tal-Europol u l-Eurojust, u miżuri li jindirizzaw ix-xejriet emerġenti tal-finanzjament tat-terroriżmu; jenfasizza, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha tniedi proċedimenti ta' ksur fil-konfront tal-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mal-liġi tal-UE f'dan il-qasam, b'mod partikolari rigward l-iskambju effikaċi ta' informazzjoni;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza għarfien espert u riżorsi tekniċi u finanzjarji sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni fil-livell tal-UE u skambji tal-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u l-propaganda terroristika, in-netwerks radikali u r-reklutaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċi permezz ta' mezzi offlajn u onlajn, b'enfasi partikolari fuq strateġiji ta' prevenzjoni, integrazzjoni u reintegrazzjoni;

28.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà li diġà ġiet adottata; itenni l-appell tiegħu għal evalwazzjoni dettaljata tal-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu, billi jiġu evalwati kemm l-applikazzjoni tal-miżuri adottati kif ukoll l-effikaċja tagħhom; jistenna li l-Kummissjoni taġġorna l-aġenda dwar is-sigurtà kif meħtieġ fid-dawl tat-theddida terroristika li qiegħda tevolvi;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti mħabbra tagħha għal bażi legali xierqa għaċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fi ħdan il-Europol, il-proposti biex jittejbu u jiġu żviluppati sistemi ta' informazzjoni eżistenti, tindirizza l-lakuni ta' informazzjoni u tersaq lejn l-interoperabilità, kif ukoll proposti għall-qsim obbligatorju ta' informazzjoni fil-livell tal-UE, flimkien ma' salvagwardji neċessarji għall-ħarsien tal-informazzjoni;

L-iskjerament ta' aġenda ta' azzjoni esterna ambizzjuża: dwar il-viċinat u s-sistema globali

30.  Jilqa' l-prreżentazzjoni ta' Strateġija Globali tal-UE li tippożizzjona lill-UE bħala attur ġeopolitiku f'dinja li qed tinbidel b'rata mgħaġla, u jistenna li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jimmobilizzaw b'mod koerenti l-istrumenti ta' azzjoni esterna kollha tal-UE bl-għan li jinkisbu governanza globali mtejba, konverġenza wiesgħa dwar standards aħjar, sigurtà mtejba u rispett akbar għad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja; jisħaq, għal dan il-għan, li l-elementi fundamentali li ġejjin għandhom ikunu prijorità tal-aġenda għall-affarijiet esterni tal-UE:

–  Il-promozzjoni tal-istabilità u l-prosperità fil-viċinat tal-UE, permezz ta' inizjattivi li jsaħħu l-iżvilupp, id-demokrazija, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, billi jissaħħu l-miżuri ta' prevenzjoni ta' konflitti ċivili u ta' rikonċiljazzjoni, id-djalogu dwar is-sikurezza u attivitajiet fil-kuntest tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, inkluż bl-involviment xieraq tan-NATO, li, għal dawk l-istati li huma membri taghha, tibqa' s-sisien tad-difiża kollettiva tagħhom u l-forum għall-implimentazzjoni tagħha;

–  Użu mill-ġdid, bl-appoġġ tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, li ma tistax tibqa' l-element dgħajjef fil-proċess ta' integrazzjoni tal-UE; garanzija li l-istrutturi, il-mekkaniżmi jew l-għodod li diġà jeżistu jsiru realtà operattiva;

–  Progress fil-proċess tan-negozjati għat-tkabbir bit-tisħiħ tal-istabilità soċjali, politika u ekonomika u d-demokrazija fil-pajjiżi kandidati, mingħajr konċessjonijiet dwar il-kriterji ta' adeżjoni ta' Kopenħaġen;

–  L-iżvilupp tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp aktar effettiva u koordinata aħjar u koerenti mal-istrumenti ta' azzjoni esterna l-oħra tal-UE, filwaqt li jkun irrispettat l-objettiv primarju tagħha kif stabbilit fit-Trattat ta' Lisbona, u jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza bejn il-politiki ta' żvilupp u sigurtà, peress li t-tnejn huma interkonnessi u interdipendenti u jsaħħu lil xulxin;

–  L-integrazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) fil-politiki esterni u interni tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrapporta dwar il-pjan tagħha għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, is-segwitu u l-inkorporazzjoni tal-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

–  Il-promozzjoni tal-kummerċ bħala strument importanti biex jiżdiedu t-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività u l-promozzjoni tal-istandards tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli; l-istrumenti għad-difiża tan-negozju tal-Unjoni għandhom jiġu modernizzati u applikati b'mod vigoruż, u l-metodoloġiji mhux standardizzati għandhom jiġu użati fejn xieraq;

–  L-adozzjoni ta' soluzzjonijiet biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu u tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri, kif ukoll dik tas-sħab tal-UE, b'mod speċjali fil-viċinat tal-UE;

–  L-implimentazzjoni tal-istrateġija tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali, għodda importanti ta' diplomazija mhux aggressiva għat-titjib tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi sħab tal-UE u l-appoġġ tat-tkabbir inklużiv u l-ħolqien tal-impjiegi;

Politiki ta' tassazzjoni ġusti għal riżorsi adegwati

31.  Jenfasizza li qatt ma kien hemm ħtieġa aktar urġenti biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, li tirrappreżenta dħul potenzjali għall-baġits nazzjonali li jilħaq EUR 1 triljun; iqis li dawn ir-riżorsi setgħu ntefqu f'investiment fil-futur, u dan billi jissaħħaħ l-impjieg u jitnaqqsu l-inugwaljanzi;

32.  Jissottolinja li l-Kummissjoni għandha tkompli taġixxi mingħajr dewmien sabiex tiżgura li l-profitti jiġu ntaxxati fil-pajjiżi fejn iseħħu verament l-attività ekonomika u l-ħolqien tal-valur fl-Ewropa; l-UE għandha taħdem lejn bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva, iżżid l-isforzi biex tinvestiga każijiet ta' ksur fil-qasam tal-għajnuna mill-istat b'rabta mat-taxxa, tapplika regoli komuni dwar l-użu u t-trasparenza tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u taħdem favur approċċ komuni determinat biex jingħalqu r-rifuġji fiskali;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, fil-ġlieda tagħha kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, dimensjoni esterna li tipprevjeni li l-profitti jitilqu mill-UE mingħajr ma jkunu ntaxxati u li twaqqaf l-flussi illeċiti tal-kapital minn pajjiżi terzi li jfixklu l-iżvilupp u jimminaw il-ġlieda kontra l-faqar;

It-tisħiħ tal-baġit tal-UE u l-istrumenti finanzjarji

34.  Huwa tal-opinjoni li, sabiex taġixxi b'mod effikaċi, l-UE teħtieġ strateġija fiskali u finanzjarja ġdida; iqis li l-Kummissjoni għandha, għal dan il-għan, tipproponi miżuri bbażati fuq il-prinċipji u l-elementi li ġejjin:

–  Il-mobilizzazzjoni rapida tar-riżorsi adegwati; huwa inevitabbli li tiġi riformata s-sistema ta' finanzjament mill-Unjoni billi jissaħħu r-riżorsi proprji ġenwini jew jiġu introdotti oħrajn ġodda, bħat-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji, sistema riformata ta' skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-UE u tassazzjoni fuq il-karbonju jew tassazzjoni għall-kumpaniji multinazzjonali, bl-għan li l-baġit tal-Unjoni jkun aktar stabbli, aktar sostenibbli u aktar prevedibbli; fl-istess ħin, huwa importanti li jiġi rispettat il-prinċipju ta' universalità u tittejjeb it-trasparenza;

–  Għall-aħjar riżultati, l-istrumenti baġitarji tal-UE għandhom jiġu mmaniġġjati b'attenzjoni kbira għall-prestazzjoni u l-effikaċja fil-konfront tal-ispejjeż, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità u jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-UE;

–  L-UE għandha tieħu passi biex tpoġġi flimkien ir-riżorsi biex ikun hemm reazzjoni għall-isfidi tal-qgħad għoli u fit-tul fost iż-żgħażagħ, tal-faqar u l-esklużjoni soċjali u għad-dimensjonijiet interni u esterni tal-emerġenza tar-rifuġjati;

–  Wara biss sentejn ta' implimentazzjoni, il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) laħaq il-limiti tiegħu; barra minn hekk, mingħajr reviżjoni komprensiva ta' nofs il-perjodu tal-QFP, il-baġit tal-UE mhux se jkun jista' jindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali u l-prijoritajiet politiċi l-ġodda, u mhux se jkun jista' jevita l-qawmien mill-ġdid ta' kriżi ta' pagament; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta reviżjoni tal-funzjonament tal-QFP qabel tmiem l-2016 u tieħu azzjoni deċiżiva biex tirrivedi l-limiti massimi tal-QFP 'il fuq u żżid il-flessibilità tagħha sabiex tirreaġixxi għaċ-ċirkostanzi mhux previsti fl-2013;

–  Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) għandu jiġi ġestit b'mod li jimmassimizza l-addizjonalità, jippermetti lill-Istati Membri kollha biex jimpenjaw ruħhom għal livelli ogħla ta' investiment strateġiku u jiżgura li l-finanzjament għall-investiment jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija u soċjetà sostenibbli; Il-governanza tal-FEIS għandha tiġi riformata biex jissaħħaħ l-obbligu ta' rendikont u l-kontroll demokratiku fuq dan l-istrument; il-proposta tal-Kummissjoni għall-fażi li jmiss tal-FEIS għandha tkun ibbażata fuq dawn l-objettivi;

–  L-implimentazzjoni effettiva tal-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020 għandha tkun akkumpanjata minn tħejjijiet għall-fażi ta' wara l-2020, u dan filwaqt li tiġi rrispettata n-natura vera tagħha kif stabbilit fit-Trattati, l-importanza tagħha għall-iżvilupp ta' suq uniku u l-potenzjal tagħha bħala għodda aċċessibbli għar-reġjuni kollha fl-UE; kwalunkwe tnaqqis fil-baġit tal-politika ta' koeżjoni għandu jiġi evitat, u s-sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-FEIS u strumenti oħra ta' finanzjament tal-UE għandhom jissaħħu bl-għan li jitħaffef tkabbir intelliġenti, ekoloġiku u inklużiv, filwaqt li jiġi żviluppat bilanċ kredibbli bejn l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji;

–  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti biex tnaqqas il-kumplessità burokratika tal-PAK għall-bdiewa; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti mtejba biex tindirizza l-kriżijiet estremi fis-swieq agrikoli; jemmen li hija meħtieġa leġiżlazzjoni qafas fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa u l-konsumaturi Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ġusti tax-xiri u tal-bejgħ;

Tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

35.  Jinsisti li r-responsabilità demokratika trid tkun żgurata għad-deċiżjonijiet kollha meħuda fil-qafas tal-governanza ekonomika Ewropea;

36.  Huwa tal-fehma li l-UE jeħtieġ li taħdem lejn konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq, f'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020, mar-regoli tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir u mal-qafas ta' governanza tas-Semestru Ewropew;

37.  Il-Kummissjoni għandha tkompli l-monitoraġġ tagħha fuq id-dejn, id-defiċits u l-iżbilanċi makroekonomiċi u tippruva ttejjeb il-pożizzjoni fiskali aggregata taż-żona tal-euro b'mod li jiġi rrispettat il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir u jiġu promossi t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi;

38.  Jemmen li l-UE jeħtiġilha ttejjeb il-kredibilità, il-konsistenza, is-sjieda nazzjonali u l-leġittimità demokratika tas-Semestru Ewropew sabiex issegwi responsabilità fiskali u tindirizza l-inugwaljanzi u l-iżbilanċi;

39.  Jitlob li jkun hemm koordinament aktar mill-qrib tal-politika ekonomika bil-għan li jiġu indirizzati l-lakuni fl-investiment fiż-żona tal-euro u jissaħħu l-isforzi ta' riforma sabiex jissaħħu l-produttività u l-ħolqien ta' impjiegi u tiġi sostnuta d-domanda;

40.  Iqis li l-Unjoni Bankarja teħtieġ li titlesta;

41.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra b'attenzjoni kbira r-riżultati tar-riflessjoni li għaddejja fuq l-iżvilupp ta' kapaċità fiskali fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

42.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta sett ta' proposti ssostanzjati tajjeb u konsistenti dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja kif identifikati mir-Rapport tal-Ħames Presidenti; jinnota li dan il-proċess għandu jibqa' miftuħ għall-Istati Membri impenjati li jadottaw l-euro;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm il-wegħdiet li saru mal-preżentazzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u tħaffef il-proċess intiż li jrendi s-swieq kapitali Ewropej aktar profondi, aktar armonizzati u verament transkonfinali, permezz ta' inizjattivi leġiżlattivi li jsegwu l-metodu Komunitarju, inklużi proposti biex jiġu aġġornati b'mod parallel ir-rwol u l-missjoni tal-awtoritajiet superviżorji rilevanti;

It-tisħiħ tad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija

44.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-kriżijiet li għaddejjin mhux biss għamlu ħsara lill-koeżjoni tas-soċjetajiet Ewropej, iżda għamlu ħsara wkoll lill-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fl-istituzzjonijiet demokratiċi tagħhom fil-livell tal-UE u, f'xi każijiet, fil-livell nazzjonali; jemmen, għaldaqstant, li t-titjib tal-leġittimità demokratika tal-UE u l-bini mill-ġdid tal-fiduċja fil-kapaċità tagħha li taqdi l-interessi taċ-ċittadini għandhom ikunu l-akbar prijorità tal-Ewropa;

45.  Ifakkar li ħafna mill-isfidi tal-lum, mit-tibdil fil-klima għall-asil u l-migrazzjoni, mis-swieq finanzjarji għall-katini tal-provvista tal-korporazzjonijiet, u min-netwerks terroristiċi għall-istati li fallew u dawk diżonesti, huma transnazzjonali u jirrikjedu soluzzjonijiet Ewropej definiti permezz tal-metodu Komunitarju, bl-involviment sħiħ tal-Kummissjoni u tal-Parlament;

46.  Ifakkar li l-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, hija responsabbli gmill-promozzjoni tal-interess ġenerali tal-Unjoni (Artikolu 17 tat-TUE), jiġifieri l-paċi, il-valuri tagħha u l-benesseri tal-popli tagħha (Artikolu 3 tat-TUE); jirrimarka li l-Parlament għandu wkoll responsabilità politika partikolari biex jgħin ħalli jingħelbu d-diviżjonijiet bejn l-Istati Membri, jiddefendi l-interess ġenerali tal-Ewropej u jiżgura l-leġittimità demokratika għad-deċiżjonijiet meħuda fil-livell Ewropew; fl-istess ħin, jistieden lill-parlamenti nazzjonali jeżerċitaw kontroll demokratiku sħiħ fuq ir-rappreżentanti tagħhom fil-Kunsill Ewropew; u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-inizjattivi kollha, inklużi dawk tal-Kunsill Ewropew, ikunu bbażati fuq it-Trattati;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi bl-għan li jissaħħu l-istituzzjonijiet Ewropej u ċ-ċittadini tal-UE jitħeġġu biex jiġu involuti aktar fil-ħajja politika Ewropea; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex jikkomunikaw aħjar mal-ġenerazzjonijiet iktar żagħżugħa u l-pjattaformi għad-dibattitu tagħhom; jemmen li azzjonijiet aktar b'saħħithom huma wkoll possibbli biex iċ-ċittadini tal-UE jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom, tiġi riformata l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u jissaħħaħ ir-rwol tal-Ombudsman tal-UE;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni sabiex ikun żgurat il-litteriżmu medjatiku u tissalvagwardja d-diversità tal-midja u l-libertà tal-istampa;

49.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti dwar patt dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li jitqies ir-rapport li jmiss tal-Parlament; jemmen li hija għandha tkompli wkoll tagħmel progress favur l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni u tindirizza l-isfidi ġuridiċi pendenti; jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul biex jiġu protetti aħjar in-nisa u l-bniet mill-vjolenza;

50.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jipprovaw jirrispettaw l-ogħla standards possibbli ta' trasparenza, responsabilità u integrità, u jiġġieldu kontra l-kunflitti ta' interess li huma ta' detriment għall-effiċjenza, l-ekwità u l-kredibilità tal-liġijiet;

51.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar il-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE, u tipprovdi mezzi legali ta' żvelar u sanzjonijiet effikaċi;

52.  Jinsab impenjat li juża l-għodod u r-riżorsi kollha tiegħu sabiex jassumi rwol determinanti fi proċess demokratiku mġedded lejn ir-riforma tal-Unjoni Ewropea;

°

°  °

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.