Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0894/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0894/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet strateġiċi għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017

4.7.2016 - (2016/2773(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

Bas Eickhout f'isem il-Grupp Verts/ALE

Proċedura : 2016/2773(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0894/2016
Testi mressqa :
B8-0894/2016
Testi adottati :

B8-0894/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet strateġiċi għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017

(2016/2773(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea, bit-titolu "Bidu Ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda Tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku" u ppreżentati minn Jean-Claude Juncker fil-15 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ''Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016 – Mhux il-waqt li kollox jibqa' l-istess'' (COM(2015)0610) u l-Annessi 1 sa 6 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, li jipprovdi input addizzjonali għal din ir-riżoluzzjoni mill-perspettiva tal-kumitati parlamentari u li l-Kummissjoni għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni meta tkun qed tabbozza u tadotta l-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2016 dwar id-deċiżjoni ta' ħruġ mill-UE bħala konsegwenza tar-referendum fir-Renju Unit[1],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-kontribut tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

Introduzzjoni

A.  billi l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea ġab il-paċi u kkontribwixxa għas-sigurtà u l-prosperità fl-Ewropa matul deċennji; billi r-riżultati tal-konsultazzjonijiet demokratiċi ta' dan l-aħħar deċennju jridu jitqiesu bħala opportunità biex nirriflettu fuq il-proġett Ewropew komuni tagħna, il-benefiċċji attwali, in-nuqqasijiet kurrenti u l-iskop imġedded tiegħu;

B.  billi l-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni qed iżidu dejjem aktar il-preokkupazzjonijiet u l-Ewroxettiċiżmu fost iċ-ċittadini tal-UE; billi l-UE għandha tipprovdi rassigurazzjoni u protezzjoni kontra dawn il-konsegwenzi;

C.  billi m'għadux possibbli li l-integrazzjoni Ewropea titħalla tiġi ridotta għal sempliċi proġett ekonomiku u għandhom jittieħdu passi, b'urġenza, biex jintrebħu lura l-qlub tal-Ewropej favur il-proġett Ewropew, b'bidla serja fid-direzzjoni tal-politiki tal-UE;

D.  billi, minkejja n-nuqqasijiet tiegħu stess, il-Parlament għandu responsabbiltà partikolari fid-definizzjoni tal-interess Ewropew komuni tagħna u għandu jikkontribwixxi biex jingħelbu d-diviżjonijiet attwali fil-Kunsill, li l-ħidma tiegħu spiss wisq tieqaf minħabba argumenti f'livell nazzjonali u mentalitajiet "zero-sum game";

E.  billi l-interess ġenerali tal-Ewropej għandu dejjem jingħata prijorità fuq id-difiża tal-interessi nazzjonali jew korporattivi;

F.  billi bħala Ewropej, għażilna futur komuni, bħala komunità vera bbażata fuq valuri u objettivi komuni; billi l-identitajiet lokali, reġjonali u nazzjonali mhumiex reċiprokament esklużivi u jikkontribwixxu għall-identità Ewropea usa' tagħna;

G.  billi l-kriżijiet akkumulati attwali jeħtieġu soluzzjonijiet Ewropej ġenwini; billi rridu li l-Ewropa taqdi r-rwol tagħha u tassumi r-responsabbiltajiet tagħha fix-xena internazzjonali, timpenja ruħha favur is-solidarjetà, il-multilateraliżmu u s-sħubijiet esterni tagħna, u tippromwovi l-konverġenza globali lejn standards ogħla; billi rridu niżguraw il-proġett komuni tagħna ta' paċi, prosperità u demokrazija kondiviżi, bil-ħsieb li jinħoloq futur attraenti għall-ġenerazzjonijiet kollha;

Intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien taċ-ċittadini Ewropej

1.  Ifakkar li l-irkupru ekonomiku attwali tal-Ewropa huwa modest u żbilanċjat, b'bosta reġjuni tal-Unjoni għadhom jesperjenzaw livelli inaċċettabbli ta' qgħad, faqar u inugwaljanza u nuqqas enormi ta' prospetti għall-ġenerazzjonijiet iżgħar; jinsisti, għalhekk, li l-aġenda ekonomika u soċjali fundamentali tal-UE trid tinkludi miżuri bl-għan tat-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali u tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tal-impjiegi ta' kwalità għal kulħadd, filwaqt li jiżdiedu l-investimenti fis-sistema tal-edukazzjoni;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi biex issaħħaħ l-inizjattiva tagħha dwar il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali u jistedinha, f'dan il-kuntest, taħdem favur "pjattaforma ta' protezzjoni soċjali", sabiex tiżgura li ċ-ċittadini Ewropej igawdu minn livell minimu adegwat ta' protezzjoni soċjali u servizzi ta' interess ġenerali, inklużi s-servizzi pubbliċi, sabiex in-nies ikunu jistgħu jgħixu fid-dinjità u jipparteċipaw fis-soċjetà b'mod attiv matul ħajjithom kollha (dan għandu jinkludi aċċess għal akkomodazzjoni għall-but ta' kulħadd, aċċess għal kura tas-saħħa adegwata, id-dritt għat-tħaris tat-tfal, standards minimi għal sigurtà tad-dħul, inklużi l-pensjonijiet, jew il-protezzjoni soċjali minima ekwivalenti);

3.  Jitlob li jiddaħħal "dritt ta' veto soċjali", jew kwalunkwe mekkaniżmu li jista' jwaqqaf il-leġiżlazzjoni tal-UE milli tidħol fis-seħħ meta l-impatt tagħha x'aktarx li jkun ta' ħsara għall-ifqar setturi tas-soċjetà, iżid l-inugwaljanzi soċjali u tal-ġeneru jew inaqqas id-drittijiet soċjali;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod konkret twettaq il-wegħdiet ripetuti tagħha li tistabbilixxi "Ewropa soċjali", l-ewwel nett billi tirriforma l-UEM u b'aktar inizjattivi biex:

–  tiżviluppa u tippromwovi l-investiment soċjali fi protezzjoni soċjali adegwata u f'edukazzjoni aċċessibbli, affordabbli, f'postijiet konvenjenti u ta' kwalità għolja u f'servizzi soċjali, tas-saħħa u tal-kura, sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u jiġi miġġieled il-faqar, u b'mod partikolari biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal;

–  tnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet u tiżgura aċċess għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità għal kulħadd;

–  tippromwovi impjiegi ta' kwalità għal kulħadd, b'attenzjoni partikolari għaż-żgħażagħ u għall-persuni li ilhom qiegħda;

–  tippromwovi s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol permezz ta' reviżjoni kontinwa tad-direttivi rilevanti;

–  tħares il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni għall-ħaddiema kollha, inklużi l-ħaddiema mobbli u kkollokati, u tiżgura li jingħataw paga adegwata sabiex ikunu jistgħu jgħixu ħajja deċenti fil-post tar-residenza tagħhom;

–  tindirizza d-disparità bejn il-ġeneri fil-pagi u l-pensjonijiet u l-isfidi tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, anke permezz tal-adozzjoni ta' proposti ambizzjużi għal direttiva dwar il-liv tal-maternità u direttiva dwar il-liv tal-persuni li jindukraw u permezz tal-għoti ta' edukazzjoni u kura bikrija fit-tfulija tul il-ġurnata kollha, b'mod partikolari biex jiġi żgurat li n-nisa u l-irġiel ikunu ugwali f'dak li jirrigwarda l-kura tat-tfal u l-paga li jaqilgħu u biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja, tinkoraġġixxi u tappoġġja l-infiq effiċjenti u effikaċi ta' fondi mill-Istati Membri biex jikkumbattu l-faqar u l-esklużjoni soċjali u biex jagħtu spinta lill-impjieg taż-żgħażagħ u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, b'mod partikolari f'reġjuni b'livelli għoljin ta' qgħad, permezz ta' programmi ffinanzjati mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-BEI;

Insaħħu l-irkupru ekonomiku u l-kompetittività fit-tul bl-għan li jinħolqu l-impjiegi, jittejbu l-istandards tal-għajxien u tiġi ġġenerata l-prosperità

6.  Iqis li mudelli ekonomiċi bbażati biss fuq it-tkabbir tal-PDG u l-isfruttament żejjed kontinwu tar-riżorsi naturali, kif ukoll il-finanzjalizzazzjoni, laħqu l-limiti tagħhom; iqis li, mil-lum 'il quddiem, l-UE trid tqiegħed is-sostenibbiltà fiċ-ċentru ta' kull politika ekonomika soda, orjentata lejn il-futur u li ssolvi l-kriżijiet; iqis id-difiża ta' pożizzjonijiet tas-suq stabbiliti bħala xkiel potenzjali fit-triq lejn mudell ekonomiku ġdid;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa Strateġija għal Żvilupp Sostenibbli bħala prijorità għall-perjodu sal-2030 u pjan ta' implimentazzjoni speċifiku; iqis li l-UE trid tiżgura li ma tagħżilx apposta l-aktar objettivi faċili jew preferuti u trid tmur lil hinn mill-politika konvenzjonali billi timmira għall-ogħla livell ta' ambizzjoni fil-miri kollha, filwaqt li tiggarantixxi li ħadd ma jibqa' lura u li l-limiti planetarji jiġu rispettati bis-sħiħ; iqis li, għal dan l-għan, jeħtieġ li jiġu evitati aktar degradazzjoni u telf tal-bijodiversità u li jerġgħu jiġu ripristinati l-ekosistemi degradati;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal strateġija industrijali ġdida, ambizzjuża u komprensiva soċjalment u ambjentalment sostenibbli minbarra l-pakkett tal-ekonomija ċirkolari; iqis li jinħtieġu investimenti pubbliċi u privati addizzjonali li jridu jiffukaw fuq it-tranżizzjoni tal-enerġija, l-SMEs ekoinnovattivi, ir-riċerka u l-edukazzjoni;

9.  Jenfasizza li, fil-kuntest ta' tiġrija globali perikoluża għar-riżorsi, l-ekonomija Ewropea, sabiex tibqa' kompetittiva, trid issir sostenibbli u diġitali; jitlob li l-istrateġija Ewropa 2020 titpoġġa fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet ekonomiċi tal-UE;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja, tinkoraġġixxi u tappoġġja l-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jiggarantixxu li l-kompetizzjoni tibqa' ġusta u li ċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-ħaddiema jibbenefikaw minnha;

11.  Jitlob li s-sostenibbiltà, is-saħħa pubblika, il-ħarsien tal-konsumatur u l-benesseri tal-ħaddiema jkunu fil-qalba ta' kwalunkwe riforma ekonomika oħra, b'mod partikolari fir-rigward tal-Politika Agrikola Komuni, li għandha ssir "politika dwar l-ikel u l-ambjent rurali sostenibbli" komprensiva;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi aktar miżuri biex tħeġġeġ ir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni, id-diversità kulturali u l-kreattività bħala muturi ewlenin tal-ħolqien tal-impjiegi u tqis il-fatt li l-aċċess tal-kumpaniji u b'mod partikolari tal-SMEs għall-kapital huwa mezz vitali biex jitħeġġu l-iżvilupp u l-produzzjoni ta' prodotti u servizzi ġodda kemm f'setturi tradizzjonali kif ukoll f'setturi emerġenti;

13.  Ifakkar lill-Kummissjoni li għażliet ekonomiċi u teknoloġiċi fundamentali, bħall-modifikazzjoni ġenetika, in-nanoteknoloġiji u l-enerġija nukleari, iridu jsegwu l-prinċipju ta' prekawzjoni u jiġu soġġetti għal skrutinju u proċess demokratiku u trasparenti sħiħ, kif imwiegħed diversi drabi mill-President tal-Kummissjoni rigward il-kwistjoni tal-GMOs u kif mistenni miċ-ċittadini;

Nirreaġixxu għat-tibdil fil-klima u niżguraw is-sigurtà tal-enerġija

14.  Ifakkar li jridu jiżdiedu l-isforzi biex tinkiseb l-Unjoni tal-Enerġija, li tiggarantixxi s-sigurtà tal-enerġija u enerġija sostenibbli u bi prezz aċċessibbli għaċ-ċittadini u n-negozji kollha;

15.  Jinnota l-konsegwenzi umani u ekonomiċi ta' diżastri klimatiċi fl-Ewropa u madwar id-dinja; jenfasizza l-importanza li nkomplu nindirizzaw il-kawżi ewlenin tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari fis-settur tat-trasport, filwaqt li niżguraw il-kompetittività tal-industrija tagħna, bi strateġija ambizzjuża dwar il-klima, inkluża l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

16.  Jitlob li jiġu stabbiliti miri aktar ambizzjużi fil-livell tal-UE għat-tnaqqis tal-gassijiet serra u għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-perjodu wara l-2020, skont il-Ftehim COP 21 ta' Pariġi;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komuni għall-enerġija u d-diplomazija dwar il-klima li jindirizzaw dan it-tħassib globali, u jitlob li l-UE tiżvolġi rwol iktar attiv fil-promozzjoni globali tal-użu tal-enerġija rinnovabbli, bħala mezz ewlieni biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ma tibqax tissussidja l-fjuwils fossili mill-fondi tal-UE u tikkoordina l-isforzi tal-Istati Membri lejn tneħħija rapida tas-sussidji nazzjonali għall-fjuwils fossili; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura wkoll li l-ebda sussidju nazzjonali jew tal-UE ma jintuża għall-finanzjament ta' reatturi nukleari ġodda, u tħeġġeġ lill-Istati Membri jabbandunaw pjanijiet għall-estensjoni tat-tul tal-ħajja tal-impjanti tal-enerġija nukleari;

Niżguraw reazzjoni konsistenti għaż-żieda fl-influss ta' rifuġjati

19.  Huwa tal-fehma li l-UE trid issib soluzzjonijiet konkreti biex tindirizza l-wasliet ta' rifuġjati, b'mod partikolari billi tindirizza l-kawżi ewlenin tagħhom, permezz ta' reazzjonijiet politiċi olistiċi li jinkludu l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, il-kummerċ, il-politiki dwar il-klima u l-investiment, filwaqt li tiżgura aċċess sikur u regolari għal dawk li jitolbu protezzjoni internazzjonali;

20.  Huwa diżappuntat bin-nuqqas ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri fir-reazzjoni tagħhom għaż-żieda fl-influss ta' rifuġjati; jappella għall-implimentazzjoni rapida tad-deċiżjoni biex 160 000 rifuġjat jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja fi Stati Membri oħra u għall-istabbiliment ta' programm Ewropew ta' tfittxija u salvataġġ; jesprimi tħassib serju dwar il-legalità, l-adegwatezza u l-kompatibbiltà mad-drittijiet tal-bniedem tal-ftehimiet internazzjonali informali konklużi ma' pajjiżi terzi bl-għan li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tkun tiddependi minn politiki ta' sigurtà u kontroll tal-fruntieri li jirriżultaw fil-kriminalizzazzjoni u l-istigmatizzazzjoni tar-rifuġjati u l-migranti;

21.  Huwa tal-fehma li r-risistemazzjoni għandha tinżamm bħala waħda mis-soluzzjonijiet dejjiema għall-ispostament tar-rifuġjati u bħala strument inkondizzjonat ta' solidarjetà internazzjonali; jappella għall-ħolqien ta' aktar opportunitajiet ta' risistemazzjoni biex jippermettu r-risistemazzjoni ta' mill-inqas 500 000 rifuġjat kull sena mill-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, li, jekk jitqassmu sew, ikunu jfissru ċifri assolutament ġestibbli għall-UE;

22.  Jitlob li ssir riforma tas-sistema ta' asil attwali ta' Dublin, b'sistema ġdida bbażata fuq allokazzjoni ġusta ta' persuni li jfittxu asil bejn l-Istati Membri, bi kriterji oġġettivi u msejsa fuq ir-rabtiet eżistenti tal-persuni li jfittxu asil ma' Stat Membru partikolari u l-preferenzi tagħhom għal Stat Membru partikolari; jemmen li din is-sistema għandha tkun vinkolanti għall-Istati Membri kollha u għandha tkun ibbażata fuq inċentivi pjuttost milli fuq miżuri koerċittivi;

23.  Jitlob li jinħolqu kuriduri ta' migrazzjoni regolari, li għandhom jinkludu, skont is-suġġerimenti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-ammissjoni umanitarja, fosthom għar-rifuġjati tal-klima u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni temporanja, ir-riunifikazzjoni tal-familji, l-ammissjonijiet ekonomiċi f'livelli differenti ta' ħiliet, fosthom għal ħaddiema f'setturi b'pagi baxxi u għal dawk li qed ifittxu impjieg, il-mobilità tal-istudenti u l-evakwazzjoni medika;

24.  Jitlob li jinħolqu kundizzjonijiet fl-UE għall-akkoljenza ġestita sew ta' persuni li jfittxu asil li tiżgura s-sikurezza tagħhom u trattament uman u dinjituż, b'attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tan-nisa, il-bniet, il-persuni LGBTI u gruppi vulnerabbli oħra; jirrimarka, fl-istess ħin, li jridu jiġu garantiti biżżejjed riżorsi għall-edukazzjoni u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali kemm tar-refuġjati kif ukoll tal-migranti;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ta' viżi għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju f'pajjiżi terzi;

Nindirizzaw it-tħassib dwar is-sigurtà taċ-ċittadini

26.  Itenni li l-implimentazzjoni ta' miżuri fil-biċċa l-kbira simboliċi, ta' ripressjoni, sorveljanza tal-massa u kontroll tal-fruntieri li jheddu l-libertajiet ċivili, id-drittijiet fundamentali u l-prinċipju tal-moviment liberu mhijiex ir-risposta t-tajba;

27.  Iwissi kontra l-adozzjoni rapida ta' liġijiet dwar it-terroriżmu, bħala reazzjoni emozzjonali, li jista' jkollhom effetti negattivi fuq il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta' persuni suspettati u ċittadini innoċenti; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni tal-impatt dettaljata għal kull miżura li tista' potenzjalment tikser id-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE;

28.  Jenfasizza li s-sigurtà interna u dik esterna huma dejjem aktar konnessi; ifakkar li dan m'għandux iwassal għall-applikazzjoni ta' strumenti ta' politika barranija fil-kuntest tas-sigurtà interna; itenni li s-sigurtà interna u miżuri kontra t-terroriżmu u l-prosekuzzjoni ta' persuni ssuspettati b'terroriżmu huma l-uniku kompitu u l-unika responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji u jridu jsiru b'konformità sħiħa ma' salvagwardji proċedurali stretti u dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali;

29.  Itenni l-importanza taż-żona Schengen ta' moviment liberu; jissottolinja l-ħtieġa għall-ġestjoni effikaċi tal-fruntieri esterni, abbażi tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali u tal-UE;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex tindirizza t-theddid tat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, biex timmonitorja mill-qrib it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istandards tad-dritt proċedurali kriminali u tal-miżuri kontra t-terroriżmu tal-UE inklużi l-edukazzjoni u l-prevenzjoni, il-kooperazzjoni effikaċi tal-pulizija u ġudizzjarja, il-kondiviżjoni f'waqtha ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u permezz tal-Europol u l-Eurojust, u l-miżuri biex jiġu indirizzati tendenzi emerġenti fil-finanzjament tat-terroriżmu; itenni l-ħtieġa ta' tagħmir u riżorsi aħjar għat-Timijiet ta' Investigazzjoni Konġunti fil-qafas tal-Europol u l-Eurojust;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta White Paper dwar il-kunċett ta' "sigurtà interna Ewropea" bħala bażi ġuridika għal kwalunkwe miżura ta' sigurtà futura, filwaqt li tqis il-libertà tal-moviment u n-nuqqas ta' kontrolli fil-fruntieri interni, u li jkun differenti mill-kunċett ta' "sigurtà nazzjonali", li l-Istati Membri jinvokaw fil-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu; jappella għal definizzjoni koerenti ta' x'inhi s-"sigurtà nazzjonali" u ta' x'ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha; jirrifjuta l-użu tas-sigurtà nazzjonali u tas-"sigrieti statali" bħala pretest biex jiddgħajfu d-drittijiet fundamentali, bħall-kunfidenzjalità bejn l-avukat u l-klijent;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza l-għarfien espert u r-riżorsi tekniċi u finanzjarji sabiex tiżgura koordinazzjoni fil-livell tal-UE u skambji tal-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u l-propaganda terroristika, in-netwerks radikali u r-reklutaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċi; jissottolinja li miżuri repressivi jistgħu jkunu effikaċi biss jekk jitwettqu flimkien ma' strateġiji politiċi fit-tul rigward il-prevenzjoni, l-integrazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid, kif ukoll in-nondiskriminazjzoni;

33.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu reviżjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni kollha dwar is-sigurtà li diġà ġiet adottata u, abbażi ta' dan, jiżguraw li din tiġi rtirata jew implimentata, kif xieraq; itenni l-appell tiegħu għal evalwazzjoni dettaljata tal-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu, li għandha tevalwa l-applikazzjoni tal-miżuri adottati, l-ispejjeż tagħhom u l-effikaċja tagħhom; jistenna lill-Kummissjoni taġġorna l-aġenda dwar is-sigurtà kif meħtieġ fid-dawl tan-nuqqas ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward għall-ġlieda effikaċi kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti tagħha għal bażi legali xierqa għaċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fi ħdan l-Europol, il-proposti tagħha biex ittejjeb u tiżviluppa sistemi ta' informazzjoni eżistenti fir-rigward tal-interoperabilità, l-effikaċja u l-proporzjonalità, tindirizza l-lakuni ta' informazzjoni u t-triq lejn l-interoperabilità, u l-proposti tagħha għall-kondiviżjoni obbligatorja tal-informazzjoni fil-livell tal-UE dwar suspetti u riskji f'dan il-qasam bejn l-Istati Membri, flimkien ma' salvagwardji stretti u konsistenti għall-protezzjoni tad-data fl-oqfsa tal-pulizija u l-ġustizzja kollha;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq inizjattiva leġiżlattiva dwar il-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u vjolenza bbażata fuq il-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni tikkonkludi malajr l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul), kif mitlub ripetutament mill-Parlament;

L-iskjerament ta' aġenda ta' azzjoni esterna ambizzjuża: dwar il-viċinat u s-sistema globali

36.  Jitlob implimentazzjoni ambizzjuża tal-Istrateġija Globali l-ġdida tal-UE, li tagħti lill-UE r-rwol ta' promotur ewlieni tal-valuri, il-prinċipji u n-normi tagħha f'dinja li qed tinbidel b'mod rapidu, u jistenna li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jimmobilizzaw l-istrumenti ta' azzjoni esterna kollha tal-UE b'mod koerenti bil-għan li jilħqu governanza globali mtejba u bbażata fuq regoli, konverġenza wiesgħa fuq standards aħjar, paċi dewwiema, sigurtà mtejba u aktar rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali fid-dinja; jisħaq, għal dan il-għan, li l-elementi fundamentali li ġejjin għandhom ikunu prijorità tal-aġenda għall-affarijiet esterni tal-UE:

–  Appell lill-UE u l-Istati Membri biex ireġġgħu lura t-tendenza attwali li tingħata preferenza lil interessi relatati mal-kummerċ, is-sigurtà u l-provvista tal-enerġija fuq perjodu qasir a skapitu tal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem;

–  Promozzjoni tal-istabbiltà u l-prosperità fil-viċinat tal-UE, permezz ta' inizjattivi li jrawmu l-iżvilupp, id-demokrazija, il-kooperazzjoni kulturali, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, billi jittejbu l-prevenzjoni tal-kunflitti ċivili u l-miżuri ta' rikonċiljazzjoni, jissaħħu t-trasparenza, ir-responsabilità, is-sorveljanza parlamentari u l-kontroll demokratiku fuq is-settur tas-sigurtà kif ukoll l-għoti ta' assistenza lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex iżommu l-paċi u jinfurzaw il-paċi fil-kuntest tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni;

–  Assistenza lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni ssir politika aktar effikaċi li tkun koerenti u konsistenti mal-politiki esterni tal-UE, bħall-għajnuna għall-iżvilupp u l-prevenzjoni tal-kunflitti ċivili taħt l-Istrument, li tikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, u tiżgura s-sigurtà, il-paċi, l-istabbiltà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u ssaħħaħ ir-rispett tal-prinċipji tal-Karta tan-NU; garanzija li l-istrutturi, il-mekkaniżmi jew l-għodod li diġà jeżistu jsiru realtà operattiva;

–  Il-Kummissjoni u l-VP/RGħ għandhom jiġu mħeġġa jżidu l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi mill-Istati Membri u jiżguraw li l-leġiżlazzjoni li tirregola l-esportazzjoni ta' teknoloġiji b'użu doppju tipprevjeni t-trasferiment tas-sorveljanza tal-massa u r-rintraċċar lejn pajjiżi mhux demokratiċi;

–  Il-Kummissjoni għandha tiġi mħeġġa tirrapporta dwar l-effikaċja tal-proġett pilota rigward ir-riċerka fil-qasam tad-difiża u l-kooperazzjoni relatata tagħha mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża; jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-pjanijiet li tiskjera azzjoni preparatorja ta' EUR 80 miljun rigward ir-riċerka fil-qasam tad-difiża bħala miżura ta' segwitu, fid-dawl tal-fatt li d-data reċenti tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea kkonfermat ukoll li l-Istati Membri huma lesti u kapaċi jikkooperaw fil-qasam tad-difiża, ir-riċerka u l-iżvilupp; jirrifjuta kwalunkwe tentattiv li jintużaw ir-riżorsi tal-baġit tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam militari;

–  Il-proċess tan-negozjati għat-tkabbir għandu jipproċedi b'pass ħafna aktar mgħaġġel permezz tat-tisħiħ tal-istabbiltà soċjali, politika u ekonomika, is-sostenibilità ambjentali u d-demokrazija fil-pajjiżi kandidati, mingħajr ma jiddgħajfu l-kriterji ta' adeżjoni fundamentali;

–  Il-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha ssir aktar effikaċi u għandhom jittejbu l-koordinament u l-koerenza tagħha ma' strumenti ta' azzjoni esterna oħra tal-UE; garanzija ta' koerenza u konsistenza bejn il-politiki għall-iżvilupp, il-prevenzjoni tal-kunflitti ċivili u s-sigurtà ċivili peress li dawn huma kollha interkonnessi u interdipendenti u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku;

–  Integrazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) fil-politiki esterni u interni tal-UE;

–  Teħid ta' inizjattivi aktar b'saħħithom, effikaċi, konvinċenti u koerenti fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-viċinat tal-UE u disponibilità tal-istrumenti kollha eżistenti għall-UE;

–  Rifjut tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA), il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA) u s-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), u jiġi nnotat li ċ-ċittadini Ewropej u l-Parlament qed ikunu dejjem aktar kritiċi dwar l-impatt tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, peress li dawn jista' jkollhom ukoll impatti mhux mixtieqa fuq l-impjieg, il-kompetittività u d-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ta' żvilupp sostenibbli tal-UE; jitlob li l-istrumenti għad-difiża tan-negozju tal-Unjoni jiġu mmodernizzati u l-politiki kummerċjali jiġu mfassla f'koerenza mal-għanijiet ta' żvilupp, il-miri fil-qasam tal-klima, il-prijoritajiet ambjentali u l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE;

Politiki ġusti fir-rigward tat-tassazzjoni għal riżorsi adegwati

37.  Jisħaq li qatt ma kien hemm ħtieġa aktar urġenti biex tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, li jirrappreżentaw dħul potenzjali għall-baġits nazzjonali li jilħaq is-somma ta' EUR 1 triljun; iqis li dawn ir-riżorsi setgħu ntefqu f'investiment fil-futur, u b'hekk jissaħħaħ l-impjieg u jitnaqqsu l-inugwaljanzi;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni taġixxi mingħajr dewmien sabiex tiżgura li l-profitti jiġu ntaxxati f'pajjiżi fejn l-attività u l-valur ekonomiċi jinħolqu tabilħaqq fl-Ewropa; iqis li l-UE għandha taħdem lejn bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK), iżżid l-isforzi biex tinvestiga ksur fil-qasam tal-għajnuna mill-istat b'rabta mat-taxxa, tapplika regoli komuni dwar l-użu u t-trasparenza tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u taħdem favur approċċ komuni determinat biex jingħalqu r-rifuġji fiskali;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-ġlieda tagħha kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa tinkludi dimensjoni tal-ġeneri u dimensjoni esterna, fosthom fir-rigward ta' profitti li jitilqu mill-UE mingħajr ma jkunu ntaxxati;

40.  Jitlob li tiġi stabbilita taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji li ġġiegħel lis-settur finanzjarju jħallas is-sehem ġust tiegħu sabiex jittratta l-kriżi li kkawża huwa stess, inaqqas l-attivitajiet spekulattivi li jkopru perjodu ta' żmien qasir u li mhumiex produttivi, u jżid id-dħul addizzjonali b'reazzjoni għall-isfidi soċjali, ambjentali u ekonomiċi attwali; jiddispjaċih li l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni ddgħajfet u jqis li minflok għandha tiġi estiża għat-tranżazzjonijiet f'munita kif propost mill-Parlament, u tiġi implimentat sa mhux aktar tard minn nofs l-2017;

It-tisħiħ tal-baġit tal-UE u l-istrumenti finanzjarji

41.  Huwa tal-opinjoni li, sabiex taġixxi b'mod effikaċi, l-UE teħtieġ strateġija fiskali u finanzjarja ġdida; iqis li l-Kummissjoni għandha, għal dan il-għan, tipproponi miżuri bbażati fuq il-prinċipji u l-elementi li ġejjin:

–  Mobilizzazzjoni rapida tar-riżorsi adegwati, minħabba li ma tistax tiġi evitata l-ħtieġa li ssir riforma tas-sistema għall-finanzjament tal-Unjoni, billi jissaħħu r-riżorsi proprji ġenwini jew jiġu introdotti riżorsi ġodda bil-għan li l-baġit tal-Unjoni jsir aktar stabbli, aktar sostenibbli u aktar prevedibbli; fl-istess ħin, huwa importanti li jiġi rispettat il-prinċipju ta' universalità u tittejjeb it-trasparenza;

–  Jibdew jiġu implimentati, bħala kwistjoni ta' prijorità, il-prinċipji ta' bbaġitjar li jqis il-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru;

–  Għall-aħjar riżultati, l-istrumenti baġitarji tal-UE jeħtieġ li jiġu mmaniġġjati b'attenzjoni kbira għall-prestazzjoni u l-kosteffikaċja, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità u jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-UE;

–  L-UE għandha tieħu passi biex tipprovdi riżorsi ħalli jkun hemm reazzjoni għall-isfidi tal-qgħad għoli u fit-tul fost iż-żgħażagħ u għad-dimensjonijiet interni u esterni tal-emerġenza tar-rifuġjati;

–  Wara biss sentejn ta' implimentazzjoni, il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) laħaq il-limiti tiegħu; barra minn hekk, mingħajr reviżjoni komprensiva ta' nofs il-perjodu tal-qafas finanzjarju pluriennali, il-baġit tal-UE mhux se jkun jista' jindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali u l-prijoritajiet politiċi l-ġodda, u mhux se jkun jista' jevita li titfaċċa mill-ġdid kriżi ta' pagament; reviżjoni postelettorali sħiħa tal-QFP, u mhux biss reviżjoni teknika, bħala mezz biex jiġi mobilizzat il-baġit tal-UE u b'hekk jingħata kontribut għall-irkupru tal-ekonomija Ewropea, u jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija Ewropa 2020, jiġu appoġġati l-impenji internazzjonali tal-UE għal wara l-2015 u, b’mod strutturali, tiġi indirizzata l-problema tal-pagament li dejjem qed tikber;

–  Il-FEIS jeħtieġ li jiġi riformat sabiex jippermetti lill-Istati Membri kollha jwettqu livelli ogħla ta' investiment strateġiku, jidentifikaw aħjar lir-reġjuni li l-aktar jeħtieġu investiment u jiżguraw li l-finanzjament pubbliku għall-investimenti qed jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli; Aktar milli jiġu ddevjati l-fondi eżistenti tal-UE bħal Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa lejn fondi oħrajn jew strumenti ta' investiment ġodda, għandu jiġi kkunsidrat finanzjament addizzjonali;

–  L-implimentazzjoni effikaċi tal-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020 għandha tkun akkumpanjata minn tħejjijiet għall-fażi ta' wara l-2020, u dan filwaqt li tiġi rispettata n-natura vera tagħha kif stabbilit fit-Trattati, l-importanza tagħha bħala għodda ta' investiment għar-reġjuni kollha fl-UE u bħala espressjoni ta' solidarjetà Ewropea; ir-riżorsi mill-politika ta' koeżjoni għandhom jintużaw aktar għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju bil-għan li jsir kontribut għall-Ftehim COP21 ta' Pariġi, għandhom jiġu appoġġati l-isforzi ta' akkoljenza tar-rifuġjati u l-migranti, fosthom l-inklużjoni tagħhom, u għandu jiġi evitat kwalunkwe tnaqqis fil-baġit tal-politika ta' koeżjoni;

Tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

42.  Jinsisti biex jiġu rispettati r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tar-responsabilità tad-deċiżjonijiet demokratiċi fil-kuntest tal-governanza ekonomika Ewropea;

43.  Jinsisti li l-UE għandha taħdem lejn konverġenza akbar fir-rigward tal-indikaturi ekonomiċi, soċjali u tar-risorsi; iqis li l-qafas ta' governanza ekonomika għandu jiġi riformat għal dan il-għan;

44.  Jemmen li l-UE jeħtieġ ittejjeb il-kredibilità, il-konsistenza, is-sjieda nazzjonali, il-leġittimità demokratika, is-sostenibilità, id-dimensjoni tal-ġeneri u dik soċjali tal-qafas ta' governanza ekonomika eżistenti permezz tal-introduzzjoni ta' regoli aktar sempliċi, kontroċikliċi u trasparenti, filwaqt li jiġi evitat il-periklu morali, tiġi żgurata l-korrezzjoni simmetrika tal-iżbilanċji makroekonomiċi u jiġi inċentivat l-investiment pubbliku;

45.  Jitlob li jkun hemm koordinament aktar mill-qrib tal-politika ekonomika bil-għan jiġu indirizzati l-lakuni fl-investiment fiż-żona tal-euro u jissaħħu l-isforzi ta' riforma biex tiżdied il-produttività, l-effiċjenza globali tar-riżorsi kif ukoll biex tiġi sostnuta d-domanda;

46.  Iqis li jeħtieġ li l-unjoni bankarja titlesta, u li l-miżuri għat-tnaqqis tar-riskji jmorru id f'id mal-kondiviżjoni tar-riskji;

47.  Jinnota li l-kapaċità fiskali tal-UEM għandha tiġi żviluppata b'urġenza sabiex l-UEM issir reżistenti għall-iskossi simmetriċi u asimmetriċi, u sabiex jiġu indirizzati l-livelli mhux aċċettabbli tal-qgħad f'ħafna reġjuni tal-UEM;

48.  Jitlob lill-Kummissjoni tesplora b'mod urġenti modi li bihom jistgħu jintużaw l-għodod finanzjarji komuni biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migranti;

It-tisħiħ tad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija

49.  Jinsab imħasseb li l-kriżijiet kumulattivi mhux biss għamlu ħsara lill-koeżjoni tas-soċjetajiet Ewropej, iżda naqqsu wkoll il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fl-istituzzjonijiet demokratiċi tagħhom fil-livell tal-UE u, f'xi każijiet, fil-livell nazzjonali; jemmen, għaldaqstant, li t-titjib tal-leġittimità demokratika tal-UE u l-bini mill-ġdid tal-fiduċja fil-kapaċità tagħha li taqdi l-interessi taċ-ċittadini għandha tkun l-akbar prijorità tal-Ewropa;

50.  Ifakkar li, meta wieħed iqis it-tibdil fil-klima, l-asil u l-migrazzjoni, is-swieq finanzjarji u l-kumpaniji korporattivi multinazzjonali, in-netwerks terroristiċi, l-istati li fallew u dawk li qed iqanqlu tħassib, joħroġ ċar li ħafna mill-isfidi tal-lum huma transnazzjonali u mingħajr fruntieri, u jeħtieġu kontrobilanċji u reazzjonijiet fil-livell tagħhom; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha, għal dan il-għan, tħeġġeġ dibattitu mġedded fis-soċjetà kollha dwar liema huma l-isfidi li n-nies iqisu l-aktar importanti biex jiġu indirizzati fil-livell Ewropew u fejn l-UE għandha terżerċita 's-sovranità Ewropea';

51.  Ifakkar li l-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-Trattati, għandha tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni (l-Artikolu 17 tat-TUE), jiġifieri l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha (l-Artikolu 3 tat-TUE); jistieden lill-Kummissjoni tadotta l-proposta għal regolament dwar amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti; jinnota li l-Parlament għandu responsabilità politika speċifika għal dan il-għan u jeħtieġ li jeżerċita ir-rwol istituzzjonali tiegħu bis-sħiħ u mingħajr awtokompjaċenza; iqis li t-twaqqif reċenti ta' kumitati ta' inkjesta huwa sinjal inkoraġġanti li l-Parlament qed jieħu r-responsabilitajiet politiċi tiegħu f'dak li jikkonċerna l-ekwilibriju tas-setgħat b'aktar serjetà;

52.  Iqis li t-tendenza tal-Kunsill Ewropew f'dawn l-aħħar snin li jirrikorri għal espedjenti intergovernattivi tikkomprometti "l-metodu Komunitarju" u qed tikser it-Trattati; ifakkar li, filwaqt li skont it-Trattat ta' Lisbona l-membri tal-Kunsill Ewropew huma responsabbli b'mod individwali għall-parlamenti nazzjonali tagħhom iżda huma responsabbli b'mod kollettiv għalihom infushom biss, il-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu konxji tar-responsabilità politika speċifika tagħhom biex jeżerċitaw kontroll demokratiku sħiħ fuq ir-rappreżentanti tagħhom fil-Kunsill Ewropew;

53.  Jitlob, fid-dawl tal-fatt li l-lobbying mhux trasparenti u żbilanċjat jippreżenta theddida sinifikanti għat-tfassil tal-politika u għall-interess pubbliku, li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jfittxu l-ogħla standards possibbli ta' trasparenza, responsabilità u integrità, u jiġġieldu bla heda kontra t-tendenza li jiġu injorati l-kunflitti ta' interess, li hija ta' ħsara għall-effiċjenza, l-ekwità u l-kredibilità tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jappoġġa, barra minn hekk, proposta leġiżlattiva għall-protezzjoni tal-informaturi fl-Ewropa kollha kemm fis-settur privat kif ukoll dak pubbliku, u jfakkar lill-Kummissjoni fl-appelli ripetuti min-naħa tal-Parlament biex isir dan;

54.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi rispons Ewropew komprensiv għall-problemi b'rabta mad-drittijiet fundamentali li jirriżultaw mir-reati ta' mibegħda, id-diskors ta' mibegħda, is-sessiżmu, l-omofobija, it-transfobija u forom oħra ta' diskriminazzjoni mxerrda, fosthom billi żżid l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-proposti leġiżlattivi li se jtejbu d-drittijiet soċjali u d-drittijiet fundamentali jiġu żblokkati fil-Kunsill, b'mod partikolari l-proposta tal-2008 għal direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali u d-direttiva "dwar in-nisa fil-bordijiet";

55.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi bil-għan li tikkonsolida, issaħħaħ u tiżviluppa l-mezzi disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE biex jintervjenu fil-proċess politiku lil hinn miċ-ċikli elettorali; josserva li dan iġib miegħu aktar trasparenza u aċċess pubbliku għad-dokumenti kif ukoll appoġġ akbar u aktar riżorsi għall-Ombudsman tal-UE, għall-petizzjonijiet taċ-ċittadini u għal riforma tar-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej;

56.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tressaq proposti għal mekkaniżmu għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Unjoni kollha, billi tissostitwixxi l-Qafas tal-Istat tad-Dritt tagħha b'għodda aktar effikaċi; jemmen li hija għandha tkompli wkoll tagħmel progress favur l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni u tindirizza l-isfidi ġuridiċi li għad fadal;

57.  Jinsab impenjat li juża l-għodod u r-riżorsi kollha tiegħu sabiex jaġixxi bħala forza mexxejja fi proċess demokratiku mġedded lejn ir-riforma tal-Unjoni Ewropea;

58.  Jitlob li l-Kummissjoni tiġi kkonfermata bħala n-negozjatur mar-Renju Unit dwar il-proċedura tal-Artikolu 50;

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.