Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0896/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0896/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017

4.7.2016 - (2016/2773(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

Vicky Ford f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2016/2773(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0896/2016
Testi mressqa :
B8-0896/2016
Testi adottati :

B8-0896/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017

(2016/2773(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tas-sussidjarjetà u mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-piżijiet tad-19 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-kompetittività tad-19 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-24 ta' Lulju 2014 tal-Grupp ta' Livell Għoli għall-Piżijiet Amministrattivi, bl-isem "Cutting Red Tape in Europe – Legacy and Outlook" (L-Eliminazzjoni tal-Burokrazija fl-Ewropa – Wirt u Perspettiva),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar "Lejn regolamentazzjoni mtejba tas-suq uniku"[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 li tirrigwarda r-rapporti Annwali 2012-2013 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità[2],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea qed jiffaċċjaw sfidi ekonomiċi sinifikanti fid-deċennji li ġejjin f'suq globali li qed jinbidel b'mod rapidu u li qed isir dejjem aktar ta' sfida;

B.  billi l-ekonomiji kompetittivi biss se jkunu kapaċi joħolqu l-impjiegi u jiġġeneraw il-prosperità li jgħollu l-istandards tal-għajxien taċ-ċittadini tagħhom, fond ta' investiment fil-futur, joffru edukazzjoni ta' kwalità u opportunitajiet għaż-żgħażagħ, itejbu l-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet, u jipprovdu servizzi pubbliċi aħjar;

C.  billi l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li jtejbu l-livelli ta' produttività u innovazzjoni biex jaffrontaw l-isfidi ekonomiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom;

D.  billi l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ irażżnu d-dejn pubbliku u privat biex jipprovdu pedament sod għal tkabbir ekonomiku sostenibbli fuq terminu twil;

E.  billi l-opinjoni pubblika saret aktar konxja ta' Unjoni Ewropea li jidher li donnha qed tieħu setgħat u responsabbiltajiet li jkunu eżerċitati b'mod aktar adatt fil-livell tal-Istati Membri jew l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom, jew miċ-ċittadini nfushom;

F.  billi ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, b'mod ċar, qed iffitxu Unjoni sempliċi li tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri tagħha f'oqsma fejn din tista' żżid il-valur, iżda fuq kollox tirrispetta l-prinċipji essenzjali tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza miżuri fl-2017 li se jwasslu għal tkabbir sostenibbli fuq terminu twil, il-ħolqien tal-impjiegi u l-prosperità;

2.  Japprova d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2016 dwar mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tas-sussidjarjetà u mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-piżijiet, li tipprovdi li "l-Kummissjoni ser tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex tirrieżamina l-korp tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-konformità tagħha mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità"; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' April 2016 li tirrigwarda r-rapporti Annwali 2012-2013 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta b'ambizzjoni l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, u b'mod partikolari t-taqsimiet dwar it-testijiet tal-SMEs u tal-kompetittività bħala parti mill-valutazzjonijiet tal-impatt, l-iffissar ta' miri għat-tnaqqis tal-piżijiet, l-Istħarriġ Annwali dwar il-Piżijiet u l-ħidma tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-mikrointrapriżi jkunu eżenti kemm jista' jkun mill-proposti leġiżlattivi kollha sabiex in-negozji u l-intraprendituri l-ġodda jkunu jistgħu jiġu inkoraġġuti; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-programm ta' ħidma tagħha jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' April 2016 dwar "Lejn regolamentazzjoni mtejba tas-suq uniku";

4.  Jenfasizza li l-ilħuq ta' ftehimiet kummerċjali ġodda huwa essenzjali bħala parti minn din l-aġenda għat-tkabbir għall-iżvilupp ta' qafas ekonomiku Ewropew kompetittiv u li jħares 'il barra b'tali mod li jkun kapaċi jwassal benefiċċji tanġibbli u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi u joħloq impjiegi ġodda;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-iżvilupp ta' baġit modernizzat u effikaċi; jinnota li l-kontijiet tal-UE, b'mod konsistenti, kienu approvati bħala li jagħtu stampa "vera u ġusta" tal-finanzi tal-Unjoni Ewropea iżda li għad hemm tħassib dwar l-effikaċja tan-nefqa, u jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex b'mod rigoruż jiġi pprijoritizzat mill-ġdid l-approċċ tagħha għall-kontroll baġitarju, fejn mhux qed isir progress biżżejjed biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' tħassib ewlieni għall-opinjoni pubblika Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa għal użu aktar effiċjenti tal-flus tal-kontribwenti bl-involviment sħiħ tal-Istati Membri fl-indirizzar tat-tħassib dwar il-ġestjoni ħażina u l-frodi; jitlob biex il-politiki eżistenti jkunu regolarment evalwati, rieżaminati u aġġornati meta jkun meħtieġ biex jiġi żgurat li jilħqu l-ħtiġijiet tal-futur u ta' ambjent teknoloġiku u ekonomiku li qed jinbidel malajr; jenfasizza l-importanza ta' evalwazzjonijiet bħal dawn li jsiru minn korpi totalment indipendenti u oġġettivi;

PARTI 2: PROPOSTI SPEĊIFIĊI GĦALL-PROGRAMM TA' ĦIDMA

"Spinta Ġdida għall-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment"

Il-mekkaniżmu ta' implimentazzjoni tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u l-mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-piżijiet

6.  Jemmen li ż-żewġ mekkaniżmi ġodda dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fl-implimentazzjoni u dwar it-tnaqqis tal-piżijiet (il-mekkaniżmi SPBR), deskritti fid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2016, ser issaħħu l-pjattaforma tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) u se jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u aktar prosperità;

7.  Jinnota li l-Kunsill Ewropew fid-dikjarazzjoni tiegħu dwar il-kompetittività tad-19 ta' Frar 2016 jappella wkoll għal "miri għat-tnaqqis tal-piżijiet f'setturi ewlenin"; jitlob li l-Kummissjoni tagħmel it-tnaqqis tal-piż f'konformità ma' dawn id-dikjarazzjonijiet bħala karatteristika ċentrali tal-"ittra ta' intenzjoni" tal-Programm ta' Ħidma għas-sena 2017 sabiex tiġi stabbilita aġenda għal riforma pożittiva għall-Programm ta' Ħidma innifsu u d-dikjarazzjoni konġunta antiċipata dwar l-ipprogrammar istituzzjonali annwali;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-punti li ġejjin bħala prijoritajiet fil-"programm ta' ħidma" għall-mekkaniżmi SPBR:

–  ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali,

–  id-Direttiva 2003/88/KE li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol,

–  id-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija,

–  id-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi,

–  id-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija,

–  ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH).

–  ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali,

–  ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti,

–  ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u
annimali,

–  id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli,

–  ir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran,

–  l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar,

–  ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq,

–  id-Direttiva 2014/95/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar,

–  ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 815/2012 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010, dwar skemi speċjali għal persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti li jfornu servizzi ta' telekomunikazzjoni, ta' xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-proposta għal-leġiżlazzjoni dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati fil-borża;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami tal-proposta dwar rieżami mmirat tad-Direttiva dwar il-Kwalifika 2013/32/UE dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali;

11.  Jappella sabiex il-prijoritajiet fil-programm ta' ħidma li għandhom jiġu proposti sal-aħħar tal-2016 skont il-mekkaniżmu ġdid tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità u l-mekkaniżmu tat-tnaqqis tal-piżijiet jiġi inkluż fil-Programm ta' Ħidma għall-2017;

Tfassil aħjar tal-liġijiet

12.  Jinnota li l-Kummissjoni qablet li tistabbilixxi mira netta għat-tnaqqis tal-ispejjeż ekonomiċi marbuta mal-piżijiet regolatorji għan-negozji; jitlob li din tiġi stabbilita għal 25 % sal-2020 skont l-ambizzjonijiet preċedenti b'mira fuq terminu twil biex il-piż tar-regolamenti eżistenti tal-UE jitnaqqas bin-nofs sal-2030, b'kooperazzjoni mal-parlamenti tal-Istati Membri; jenfasizza li din il-mira globali għandha tinkludi wkoll l-ispejjeż ta' konformità u għandu jsir ukoll sforz sinifikanti rigward l-ispejjeż ta' konformità; jitlob li jiġu stabbiliti miri interim minn kull Kummissjoni ġdida, f'konsultazzjoni mal-Parlament u l-Kunsill Ewropew; jemmen li r-REFIT jirrappreżenta pass importanti lejn is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi tar-regolamentazzjoni għan-negozji u l-eliminazzjoni tal-ostakoli għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tapplika, meta possibbli, il-formula "għal kull standard ġdid li jinħoloq, żewġ standards antiki għandhom ikunu mħassra" billi tikkunsidra l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' kompensazzjoni regolatorja, li biha r-regoli ġodda li jżidu l-piżijiet amministrattivi u regolatorji jistgħu jkunu imposti biss jekk jista' jiġi identifikat tnaqqis doppju korrispondenti fil-piżijiet eżistenti;

13.  Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim interistituzzjonali l-ġdid (IIA), jistieden lill-Kummissjoni, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex tressaq proposti li jistabbilixxu miri għat-tnaqqis tal-piżijiet f'setturi ewlenin mill-aktar fis possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-metodu li beħsiebha tuża biex tidentifika setturi ewlenin li għalihom se jiġu stabbiliti miri għat-tnaqqis tal-piżijiet;

14.  Jenfasizza l-importanza tal-Istħarriġ Annwali dwar il-Piżijiet (ABS) maqbul bħala parti mill-IIA dwar tfassil aħjar tal-liġijiet bħala għodda biex jiġu identifikati u mmonitorjati, b'mod ċar u trasparenti, ir-riżultati tal-isforzi tal-Unjoni biex tevita u tnaqqas kwalunkwe regolamentazzjoni żejda u piżijiet amministrattivi, li għandhom jinkludu lista li tirrelata b'mod speċifiku għall-SMEs; jemmen li l-ABS irid jintuża biex jiġu identifikati dawk il-piżijiet imposti mill-proposti u l-atti leġiżlattivi tal-Kummissjoni u mill-Istati Membri individwali;

15.  Jinnota li l-konformità mas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità attwalment hija evalwata biss fil-bidu tal-proċess leġiżlattiv; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa għall-introduzzjoni ta' verifika tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fil-konklużjoni tal-proċess leġiżlattiv u qabel ma ssir l-adozzjoni ta' test finali, li għandu jgħin biex jiġi żgurat li jinżamm ir-rispett lejn dawn il-prinċipji waqt il-proċess leġiżlattiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża perjodu ta' "preklużjoni" kull meta jkun possibbli wara l-konklużjoni ta' negozjati tat-trilogu għat-tlestija ta' valutazzjoni tal-impatt u verifika tas-sussidjarjetà, u fl-interessi tat-trasparenza;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar għandha dimensjoni lokali/reġjonali, li mhux bilfors tkun indirizzata permezz tas-sussidjarjetà, u jitlob lill-Kummissjoni tespandi l-proċessi tal-valutazzjoni tal-impatt regolatorju tagħha (differenti minn "valutazzjoni tal-impatt territorjali") biex teżamina l-impatt finanzjarju u amministrattiv eżistenti u standards ġodda fuq il-gvernijiet lokali/reġjonali;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rieżami urġenti tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar biex tivvaluta kif dan jista' jaħdem b'mod effikaċi paralleli mal-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar;

18.  Jissuġġerixxi li, bħala parti mill-aġenda tagħha għal regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni għandha tħares lejn modi innovattivi sabiex jinkisbu r-riżultati tal-politika mingħajr leġiżlazzjoni bl-użu, pereżempju, ta' ekonomija komportamentali biex teżamina u tinfluwenza l-imġiba;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati fl-istadji kollha tal-proċess leġiżlattiv, inkluż fl-aktar stadju bikri tal-proċess leġiżlattiv biex jiġu evitati konsegwenzi mhux intenzjonati;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrieżamina l-operat tal-pjattaforma REFIT biex tiżgura li tkun trasparenti u faċli għall-utent; jitlob li ssir evalwazzjoni fl-2017 tal-effikaċja u l-kisbiet tagħha;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni biex fl-2017 tħejji evalwazzjoni tal-indipendenza tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fil-qadi tar-rwol tiegħu fis-superviżjoni u l-għoti ta' pariri oġġettivi dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt rispettivi, u biex tispjega x'azzjoni ta' segwitu tista' tkun meħtieġa;

22.  Fir-rigward tal-Artikolu 155 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jistieden lis-sħab soċjali fil-kuntest ta' ftehimiet ta' qafas attwali u futuri, inkluż il-ftehim qafas tal-2012 fis-settur tal-parrukkiera, biex iħaddnu l-għodod ta' regolamentazzjoni aħjar, iżidu l-użu tal-valutazzjonijiet tal-impatt fin-negozjati tagħhom u jirreferu ftehimiet li jipproponu azzjoni leġiżlattiva lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-progress u l-kisbiet fl-oqsma ta' dawk li ġew identifikati bħala l-aktar għaxar liġijiet ("Top Ten") li huma ta' piż għall-SMEs, inklużi d-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol u d-Direttiva dwar ix-xogħol temporanju, u li tingħata prijorità kull azzjoni li tmexxihom 'il quddiem;

24.  Jisħaq fuq it-tendenza reċenti tal-kumpaniji li jreġġgħu l-produzzjoni u s-servizzi lejn l-Ewropa u fuq l-opportunitajiet li din iġġib magħha għall-ħolqien tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra kif l-UE tista' tgħin lin-negozji jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti minn dan ir-"ritorn";

25.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tar-rieżami tal-acquis dwar is-Saħħa u s-Sigurtà, biex tħaddan il-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar sabiex jiġi żgurat li l-qafas il-ġdid jibqa' proporzjonat u adattabbli għall-bidliet fil-kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol; jemmen li għandhom isiru dispożizzjonijiet, pereżempju fid-Direttiva Qafas, biex titwettaq evalwazzjoni kull għaxar snin;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-involviment tal-parlamenti nazzjonali u jiġu kkonsultati b'mod estensiv meta tikkunsidra r-rieżamijiet u t-tħassir ta' leġiżlazzjoni tal-UE; jappella għal klawżola ta' estinzjoni awtomatika għal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE, li twassal għal valutazzjoni tal-impatt indipendenti mmirat, li tista' tirriżulta f'rieżami jew tħassir tal-leġiżlazzjoni; jenfasizza li l-valutazzjoni tal-impatt tista' teżamina wkoll, inter alia, elementi bħalma huma l-konformità mas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, il-piżijiet fuq l-Istati Membri, in-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, u l-partijiet interessati, kif ukoll valutazzjoni tar-ripatrijazzjoni potenzjali ta' kompetenza tal-UE; jinnota li sakemm il-valutazzjoni tal-impatt tista' turi rilevanza kontinwa fil-livell tal-UE għal-leġiżlazzjoni, ikun hemm il-preżunzjoni awtomatika ta' tħassir;

27.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar ir-rispons tal-Kummissjoni lill-parlamenti nazzjonali f'każijiet fejn kienu nħarġu karti sofor; jemmen li huwa meħtieġ li l-Kummissjoni timplimenta r-rakkomandazzjonijiet fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' April 2016 li tirrigwarda r-rapporti Annwali 2012-2013 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, tintensifika d-djalogu mal-parlamenti nazzjonali u tirrispondi b'mod komprensiv għal kwalunkwe tħassib li jitqajjem minnhom f'kull opinjoni ppubblikata; iqis li huwa wkoll meħtieġ li l-Kummissjoni tidher quddiem il-kumitat jew il-kumitati rilevanti tal-Parlament biex tispjega l-pożizzjoni tagħha fid-dettall dwar l-opinjonijiet tas-sussidjarjetà;

28.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika d-djalogu politiku u leġiżlattiv tagħha mal-parlamenti nazzjonali u, fejn xieraq, anke dawk reġjonali b'mod ikkoordinat, sabiex tiġi evalwata bis-sħiħ il-konformità ta' proposti tal-UE potenzjali u eżistenti mal-kompetenzi tagħhom u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jinnota li din il-proċedura għandha ssir fil-fażijiet ta' konsultazzjoni u ta' tħejjija tal-ippjanar leġiżlattiv qabel il-pubblikazzjoni tal-proposti tal-UE u għandha tiġi mmonitorjata kontinwament sabiex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni eżistenti hija vvalutata b'mod regolari; jinnota li, meta jikkooperaw mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħrajn, il-parlamenti nazzjonali għandhom għadd ta' strumenti għad-dispożizzjoni tagħhom f'dan ir-rigward u li permezz tagħhom, il-Kummissjoni se tkun obbligata li tieħu azzjoni sinifikanti u tindirizza s-sejħiet mill-parlamenti nazzjonali, inkluż id-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva li torbot ("karta ħadra"), kif propost mill-COSAC, il-"karta ħamra" bis-saħħa tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li tippermetti lil 16-il Stat Membru biex jipprevjeni l-avvanz ta' parti minn leġiżlazzjoni tal-UE, involviment aktar mill-qrib f'rieżamijiet ta' atti delegati u ta' implimentazzjoni, u d-dritt li jingħata bidu għal inkjesta parlamentari fi kwistjonijiet Ewropej, inkluża trasparenza finanzjarja;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħin biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni u r-ratifika tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Ippubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li għandhom Diffikultà Jaqraw Materjal Stampat;

30.  Jopponi l-proposta ta' leġiżlazzjoni għal "bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża", li tonqos milli tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jenfasizza li l-Istati Membri huma fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdu soluzzjonijiet li huma adatti għall-kultura u l-ambjent intraprenditorjali speċifiċi tagħhom, minflok ma jkunu soġġetti għal approċċ kontroproduttiv tal-kwoti ta' "wieħed tajjeb għal kulħadd" għall-Istati Membri kollha;

Servizzi finanzjarji:

31.  Jitlob li jsiru sforzi biex titħaffef u tingħata prijorità t-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) minħabba r-rwol tagħha biex tistimola t-tkabbir u l-kompetittività globali; jenfasizza l-importanza li titwettaq valutazzjoni tal-impatt kumulattiv tal-leġiżlazzjoni ekonomika sabiex jiġu identifikati inkonsistenzi leġiżlattivi li jistgħu jaġixxu bħala ostakoli għas-CMU;

32.  Jitlob b'insistenza li ssir enfasi akbar fuq il-kompetittività globali tas-setturi finanzjarji tal-UE meta jiġu mfassla l-politiki; jinnota, barra minn hekk, il-ħtieġa ta' koordinament imsaħħaħ tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u l-Kummissjoni ma' korpi internazzjonali li jippromwovu l-interessi tal-UE;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja regolarment l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni finanzjarja biex tevalwa problemi ta' implimentazzjoni, konsegwenzi mhux intenzjonati u elementi li jistgħu jiġu riformati, aġġornati jew imneħħija; jenfasizza r-rwol li l-ASE u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) għandhom jaqdu biex jiksbu l-miri tar-regolamentazzjoni aħjar; f'dan ir-rigward, jinnota li l-ASE għandhom jaħdmu mill-qrib mal-esperti nazzjonali u l-partijiet interessati meta jkunu qed jiżviluppaw standards tekniċi sabiex jipprevjenu konsegwenzi mhux intenzjonati;

34.  Jenfasizza li kwalunkwe proposta għal leġiżlazzjoni addizzjonali għandha tkun soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa u analiżi kostijiet-benefiċċji mill-Kummissjoni skont l-aġenda tagħha għal regolamentazzjoni aħjar, sabiex jiġi żgurat li l-proposti jsiru biss jekk l-effetti mixtieqa ma jistgħux jinkisbu b'mezzi mhux leġiżlattivi; jistieden lill-Kummissjoni tissodisfa l-impenn ġdid tagħha biex tirrieżamina l-korp tar-regolament finanzjarju tal-UE u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u jistenna bil-ħerqa r-riżultati fil-qasam tas-servizzi finanzjarji; jinnota, barra minn hekk, l-importanza li jiġi żgurat tqassim xieraq tal-kompetenzi bejn il-livell tal-UE u dak nazzjonali, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-kompetenza u l-għarfien tas-superviżuri nazzjonali fir-rigward tas-suq lokali;

35.  Jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri biex jippromwovu b'mod attiv il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar tat-taxxa aggressiv u l-użu tar-rifuġji fiskali; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra n-natura globali ta' frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar tat-taxxa aggressiv u l-użu tar-rifuġji fiskali u li tiżgura li kwalunkwe miżura meħuda tħares il-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE filwaqt li jiżguraw biżżejjed trasparenza, sabiex tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur biex ikun hemm ġustizzja mas-sistemi ta' tassazzjoni tal-Istati Membri tal-UE;

36.  Jistieden għal implimentazzjoni f'waqtha tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-Unjoni Bankarja u għal tisħiħ fid-djalogu mal-esperti fis-settur biex jevalwaw l-impatt u l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni adottata; ifakkar li diversi Stati Membri għadhom ma ttrasponewx il-liġijiet tar-rikapitalizzazzjoni interna u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura traspożizzjoni rapida u sħiħa tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD); iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni bir-reqqa tar-riskji fil-kuntest tal-proposta dwar l-iskema Ewropea ta' assigurazzjoni tad-depożiti (EDIS); jinnota, f'dan ir-rigward, li din il-valutazzjoni għandha tinkludi ħarsa ġenerali komprensiva tas-sitwazzjoni attwali tal-infrastruttura wara l-Iskemi ta' Garanzija ta' Depożiti nazzjonali kif ukoll l-iffinanzjar tagħhom; jinnota li jridu jiġu rrispettati wkoll l-interessi tal-Istati Membri li ma jiħdux sehem fl-Unjoni Bankarja jew iż-żona tal-euro;

37.  Jitlob għal aktar miżuri proporzjonati għal banek iżgħar sabiex ir-rekwiżiti ta' rappurtar jitfasslu skont id-daqs tal-banek, b'tali mod li jiġi evitat li banek iżgħar jirrappurtaw aktar informazzjoni milli hija meħtieġa mis-superviżuri biex ikunu jistgħu jifhmu l-profil ta' riskju tal-banek u l-impatt potenzjali fuq l-istabbiltà finanzjarja; jinnota, barra minn hekk, li l-Proporzjon ta' Ffinanzjar Stabbli Nett futur jista' jiġi adattat skont il-mudelli kummerċjali tal-banek sabiex banek iżgħar li mhumiex daqstant dipendenti fuq finanzjament tal-operaturi jkunu jistgħu jiġu eżentati;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni tqis mezzi kif għandha tiġi kkompletata l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) minbarra d-direzzjoni stabbilita fir-Rapport tal-Ħames Presidenti; jopponi l-ħolqien ta' kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro; jissuġġerixxi li impenn kredibbli għall-prinċipju ta' projbizzjoni ta' salvataġġ finanzjarju tal-Artikolu 125 tat-TFUE għandu jsaħħaħ is-sovranità u r-responsabbiltà tal-Istati Membri f'termini ta' politiki soċjali, ekonomiċi u fiskali;

"Suq Uniku Diġitali Konness"

39.  Jappoġġa l-prijoritizzazzjoni tal-Kummissjoni tas-Suq Uniku Diġitali minħabba l-opportunitajiet li l-attivitajiet diġitali jistgħu jiġġeneraw għall-impjiegi, il-ħolqien ta' negozji ġodda u li qed jespandu, it-tkabbir u l-innovazzjoni; jirrikonoxxi l-importanza tat-trasformazzjoni diġitali tal-industrija tal-UE biex jinħolqu l-impjiegi, tingħata spinta lill-produttività u tissaħħaħ il-kompetittività, u b'hekk jinħoloq it-tkabbir; jenfasizza li l-2017 se tkun sena ta' twettiq, peress li jinħtieġ li l-proposti leġiżlattivi jkunu konklużi u x-xogħol ta' implimentazzjoni jinbeda fl-Istati Membri;

40.  Jirrakkomanda li qabel ma jingħata bidu għall-proposti leġiżlattivi fil-qasam diġitali, il-Kummissjoni għandha teżamina l-aħjar prattiki fl-Istati Membri u internazzjonalment, tinkoraġġixxi miżuri mmexxija mill-industrija, tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-liġijiet eżistenti, timmodernizza d-dritt nazzjonali u Ewropew eżistenti fejn xieraq, u li għandha tibda leġiżlazzjoni ġdida biss jekk ikun assolutament neċessarju;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tneħħi l-burokrazija żejda u mhux ġustifikata jew l-ostakoli regolatorji jew mhux regolatorji sproporzjonati sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ta' trasformazzjoni diġitali tal-industrija u kummerċ elettroniku transfruntier; jenfasizza li l-miżuri m'għandhomx ikunu protezzjonisti iżda mfassla biex jagħmlu l-ambjent diġitali attraenti għan-negozji Ewropej biex jiżviluppaw u għall-kumpaniji li jixtiequ jiftħu negozju u jagħmlu l-kummerċ fl-Ewropa, kif ukoll għall-konsumaturi u utenti oħra;

42.  Jiddispjaċih dwar it-tħassib sinifikanti rigward miżuri ta' tassazzjoni fl-ekonomija diġitali, b'mod partikolari t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT), li ma ġewx indirizzati mill-Kummissjoni; itenni l-appell li jipproponi l-introduzzjoni ta' miżura ta' simplifikazzjoni komuni madwar l-UE kollha (limitu tal-VAT) biex tgħin lin-negozji ż-żgħar tal-kummerċ elettroniku; jenfasizza l-urġenza tal-ħtieġa li tiġi indirizzata din il-kwistjoni; itenni, f'dan il-kuntest, li l-politika fiskali hija kompetenza tal-Istati Membri;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa sistema ta' proprjetà intelletwali b'saħħitha u infurzar akbar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li jistimulaw il-kompetittività u jappoġġaw negozji innovattivi, li jippremjaw lil dawk li joħolqu l-kontenut u jwasslu benefiċċji għall-utenti ta' xogħlijiet bid-drittijiet tal-awtur; jilqa' l-approċċ "segwi l-flus" u jenfasizza li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, għandha tippromwovi s-sensibilizzazzjoni u d-diliġenza dovuta tul il-katina tal-provvista u tinkoraġġixxi l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki, sabiex jiġi miġġieled il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq skala kummerċjali, kif ukoll il-kooperazzjoni mtejba bejn is-settur pubbliku u dak privat;

'Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti li Tħares 'il Quddiem fil-Politika dwar it-Tibdil fil-Klima'

44.  Jappoġġja bis-sħiħ il-konklużjonijiet tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2016)0062) li tivvaluta l-implikazzjonijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, li jżommu l-objettivi ewlenin u l-arkitettura tal-Kunsill Ewropew għall-qafas dwar il-klima u l-enerġija għall-2030; iwissi, madankollu, kontra kwalunkwe aġġustament fil-ġejjieni tal-impenji ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE għall-2030 bħala parti mill-ewwel bilanċ globali tal-UNFCCC fl-2023, li jista' jaffettwa b'mod negattiv iċ-ċertezza li l-kumpaniji u l-investituri jeħtieġu biex isuqu t-tranżizzjoni lejn emissjonijiet baxxi tal-karbonju; jemmen li huwa essenzjali li jinżammu d-dispożizzjonijiet biex jipproteġu s-setturi industrijali fir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi, permezz tad-disinn tas-suq tal-elettriku tal-ġejjieni tagħha, kundizzjonijiet ta' parità bejn is-sorsi kollha tal-enerġija li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni ddettaljata tal-impatt dwar il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tad-disinn il-ġdid tas-suq tal-elettriku, b'mod partikolari fir-reġjun CEE, li x'aktarx ibati spejjeż ogħla tat-tranżizzjoni tal-enerġija minn Stati Membri oħra tal-UE;

47.  Jemmen li d-disinn tas-suq tal-elettriku tal-ġejjieni jeħtieġ li jivvaluta firxa ta' komponenti differenti għall-iżvilupp ta' sistema li tiffunzjona b'mod sħiħ; jirrikonoxxi f'dan ir-rigward l-importanza li jiġu mmassimizzati l-opportunitajiet għall-ħżin tal-elettriku fl-Ewropa u jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita qafas li ma jkunx distortiv u li jħajjar l-investiment għal tipi differenti ta' teknoloġiji għall-ħżin tal-elettriku;

48.  Jinsab imħasseb dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri b'linji gwida konsistenti biex tiżgura implimentazzjoni effettiva; jappoġġja, fejn ikun xieraq, il-prinċipju li "l-Effiċjenza tiġi l-Ewwel”, u jemmen li l-objettivi għandhom ikunu proporzjonati u realistiċi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE dwar il-klima u l-enerġija jkunu huma stess effiċjenti u proporzjonati aktar milli jkunu jikkompetu jew jirkbu fuq xulxin;

49.  Ifakkar li l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mill-avjazzjoni ġew inkorporati fl-Iskema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet tal-UE (EU ETS) fl-1 ta' Jannar 2012, li obbligat lill-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru fl-ambitu tal-ETS jiksbu kwoti ta' emissjonijiet tal-karbonju; jinnota l-adozzjoni ta' żewġ Deċiżjonijiet li "jwaqqfu l-arloġġ" fl-2013 u l-2014, li temporanjament naqqsu l-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS billi eskludew it-titjiriet internazzjonali sabiex taw lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Azzjoni Ċivili (ICAO) żmien biex tiżviluppa Miżura Globali Bbażata fuq is-Suq (GMBM) sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali; ifakkar li din l-eżenzjoni se tiskadi fl-2017; Jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi rapport u rakkomandazzjonijiet b'mod li jkun hemm biżżejjed żmien biex tiġi riveduta d-deċiżjoni meħuda mid-39 Assemblea tal-ICAO f'Settembru/Ottubru 2016 dwar GMBM u jiġu adottati r-rekwiżiti tad-Direttiva permezz ta' proposta leġiżlattiva ġdida;

'Suq Intern Aktar Profond u Ġust b'Bażi Industrijali Msaħħa'

50.  Jappoġġa l-impenn fl-Istrateġija għas-Suq Uniku li jiġi żgurat li l-Ewropa tibqa' fuq quddiem nett tal-iżvilupp ta' standards b'mod globali; iħeġġeġ standardizzazzjoni li tkun kompatibbli ma' approċċ internazzjonali jew bl-iżvilupp ta' standards internazzjonali globali jew bir-rikonoxximent ta' standards internazzjonali ekwivalenti meta jkun xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Inizjattiva Konġunta tibqa' titmexxa minn ħtieġa minn isfel għal fuq, identifikata fl-industrija u tipproduċi standards li juru r-rilevanza tas-suq;

51.  Jemmen li tinħtieġ aktar ħidma biex jiġi żgurat li proċess tal-appelli reklamat tajjeb u aċċessibbli jkun japplika għall-iffissar tal-istandards; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mal-korpi nazzjonali u Ewropej tal-istandards, tibni fuq l-aħjar prattika biex ittejjeb il-mekkaniżmi tal-appell;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta ħarsa ġenerali annwali tal-ostakoli mhux tariffarji li jaffettwaw is-suq uniku internament u analiżi tal-mezzi biex jindirizzawhom sabiex jinfetaħ il-potenzjal li għadu mhux sfruttat tas-suq uniku;

53.  Jirrimarka li regolamenti li jimponu restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet ta' bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa, li jmorru kontra d-dritt tal-UE u li huma sproporzjonati, jistgħu joħolqu ostakli sinifikanti għad-dħul, li jwasslu għal inqas opportunitajiet ġodda ta' ħruġ, li jostakolaw il-kompetizzjoni u li jwasslu għal prezzijiet ogħla għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza fid-dettall ir-restrizzjonijiet operattivi għall-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa fis-suq uniku;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni taġixxi b'mod deċiżiv biex ittejjeb l-applikazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku; jistenna, f'dan il-kuntest, il-pjanijiet tal-Kummissjoni biex iżżid is-sensibilizzazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti u biex tirrevedi r-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku u l-gwida ta' akkumpanjament sabiex issolvi kwistjonijiet ta' implimentazzjoni jew applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, b'kont meħud tal-ħtieġa li tkun żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur;

55.  Jenfasizza li azzjonijiet futuri, bħall-passaport ta' servizzi propost, m'għandhomx iwasslu għal piżijiet amministrattivi addizzjonali iżda għandhom jindirizzaw l-ostakoli mhux tariffarji u jtejbu r-rikonoxximent reċiproku;

56.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-istrument għall-analiżi tad-data fl-Istrateġija tas-Suq Uniku, li jista' jtejjeb il-monitoraġġ tat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-prinċipji li ġejjin fir-rieżami li jmiss tagħha tal-qafas tat-telekomunikazzjoni:

a.  il-leġiżlazzjoni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji, tkun ħafifa u tibqa' valida fil-ġejjieni, minflok ma tfittex li tippredetermina l-mogħdija teknoloġika tal-industrija;

b.  il-kompetizzjoni tistimula, u mhux iddgħajjef l-investiment; l-NRAs għandhom iżommu l-kapaċità li jappoġġaw il-mudelli varji ta' kompetizzjoni skont kif ikun xieraq għas-swieq nazzjonali tagħhom, partikolarment fir-rigward ta' żoni ġeografiċi;

c.  is-swieq tat-telekomunikazzjoni se jkomplu jkunu kkaratterizzati minn swieq nazzjonali storikament u strutturalment differenti, u għalhekk l-istess soluzzjonijiet mhux dejjem se jkunu xieraq għal kull suq;

d.  l-effiċjenza tal-ispettru għandha tkun immassimizzata, iżda l-armonizzazzjoni hija mezz u mhux għan fiha nnifisha; għandhom għalhekk jingħataw kundizzjonijiet li jħeġġu l-iżviluppi kontinwi kif ukoll immexxija mill-industrija fl-użu tal-ispettru aktar milli jfittxu li jippreddefinixxu l-forma tiegħu;

58.  Jistenna proposti dwar l-istabbiliment tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni li għandu jkun akkumpanjat minn valutazzjoni tal-impatt dettaljata u jiġi ffinanzjat fil-limiti massimi tal-QFP attwali; jieħu nota tar-riżultati inizjali ta' Orizzont 2020 u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tagħha tasal għal konklużjonijiet xierqa u bbażati fuq l-evidenza u r-riżultati, b'mod partikulari rigward ir-rati ta' suċċess, il-proċess tal-għoti u mudell tal-kost;

59.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta Strateġija Spazjali għall-Ewropa, li tindirizza l-ħtieġa ta' settur spazjali tal-UE kompetittiv fuq livell globali; jenfasizza li l-adozzjoni mis-suq tal-programmi Galileo u Copernicus hija opportunità biex jintlaħaq il-potenzjal tal-kumpaniji ġodda u negozji oħra Ewropej biex jiżviluppaw servizzi u applikazzjonijiet ibbażati fuq l-ispazju għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-impjiegi;

Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Raġonevoli u Bilanċjati

60.  Jitlob li l-Kummissjoni tkompli bil-mandat ta' ħidma tagħha fuq il-kwistjonijiet pendenti li għandhom jiġu riżolti wara l-eżitu tal-10 Konferenza Ministerjali f'Nairobi; jinnota, madankollu, li l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) jeħtieġ li tkompli tirrappreżenta forum flessibbli u dinamiku għan-negozjati fost l-istati membri tad-WTO bil-għan tal-integrazzjoni ulterjuri tal-kummerċ fost il-pajjiżi b'dik ir-rieda; jappoġġa l-isforzi tad-WTO biex iżżid l-effikaċja u r-responsabbiltà tagħha; jitlob li, wara perjodu ta' riflessjoni, l-UE tibda ħidma biex iżżid kwistjonijiet speċifiċi ġodda man-negozjati f'Ġinevra, inklużi kwistjonijiet bħall-investiment, l-impriżi tal-istat u s-servizzi, għalkemm mhux limitati għalihom;

61.  Jitlob it-tnedija formali ta' negozjati għal ftehimiet ta' integrazzjoni ekonomika ambizzjużi, bilanċjati u ta' standard għoli li jkopru l-kummerċ u l-investiment mal-Awstralja u New Zealand, li għandhom jiġu konklużi f'kalendarji ambizzjużi fid-dawl mhux biss tal-interessi u l-valuri komuni bejn l-UE u New Zealand u l-Awstralja, iżda wkoll standards simili dwar id-drittijiet soċjali u tax-xogħol u l-ħarsien tal-ambjent;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu vantaġġ mill-momentum attwali fil-pajjiżi tal-MERCOSUR, b'mod partikolari fl-Arġentina, u tiżblokka n-negozjati kummerċjali UE-MERCOSUR bil-għan li jintlaħaq ftehim komprensiv u ambizzjuż; jappoġġja l-immodernizzar tal-ftehimiet tal-UE mal-Messiku u ċ-Ċilì, pajjiżi b'rabtiet importanti fir-reġjun tal-Amerika Latina, b'mod partikolari bħala membri tal-grupp reġjonali dinamiku tal-Alleanza tal-Paċifiku; jitlob li wara t-tlestija ta' dawn in-negozjati, il-Kummissjoni tirrifletti fuq il-possibbiltà ta' ftehim fuq bażi reġjonali bejn l-UE u l-Alleanza tal-Paċifiku;

63.  Jirrikonoxxi l-importanza li jiżdiedu r-relazzjonijiet ta' kummerċ u investiment ma' pajjiżi industrijalizzati ġodda bħalma huma l-Indja, il-Malasja, it-Tajwan u ċ-Ċina, u jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tiżgura li tagħmel dak kollu li tista' biex tinnegozja ftehimiet kummerċjali u ta' investiment ta' kwalità għolja ma' dawn il-pajjiżi; jitlob ukoll li, ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tkun tat l-opinjoni tagħha dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ma' Singapor, tiżgura li l-ftehim jilħaq lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew mill-aktar fis possibbli;

64.  Jirrikonoxxi l-kontribut li l-iskema SĠP+ tagħti biex tgħolli l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol u żżid l-opportunitajiet għall-investimenti tal-UE fil-pajjiżi benefiċjarji; jinsisti li l-SĠP+ bħala strument kapaċi li jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem jista' jkun effettiv biss jekk jiġi applikat kif xieraq; jitlob li l-Kummissjoni tissodisfa l-obbligi tagħha skont ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 u tipprovdu analiżi komprensiva sa tmiem l-2017, inklużi azzjonijiet ta' reazzjoni, jekk meħtieġ, f'każ li benefiċjarju jonqos milli jħares l-impenji tiegħu tal-SĠP+; jistenna bil-ħerqa l-possibbiltà ta' talba b'suċċess għal status ta' SĠP+ mis-Sri Lanka, dment li tissodisfa l-kriterji meħtieġa;

65.  Jinnota l-problema persistenti tal-perjodu twil meħtieġ mill-Kummissjoni biex tirrevedi u tittraduċu testi legali wara l-konklużjoni tan-negozjati, meta mqabbla ma' ftehimiet oħra madwar id-dinja; iqis li, minħabba n-natura li qed tevolvi malajr fl-ambjent tal-kummerċ dinji, u l-ħtieġa urġenti li jitkompla l-ftuħ tas-swieq għan-negozji u l-konsumaturi tal-UE, li, kif ġie mitlub preċedentement mill-Parlament, tingħata aktar riflessjoni sabiex jitjieb u jiġi simplifikat il-proċess ta' tisfija u traduzzjoni legali bil-ħsieb li jiġi żgurat li t-testi legali kollha jiġu ppreżentati lill-Istati Membri u l-Parlament għall-proċessi tal-iffirmar u tar-ratifika fl-iqsar żmien possibbli; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2017 bi proposti konkreti f'dan il-qasam;

66.  Jappoġġja l-insistenza kontinwata tal-Kummissjoni, appoġġjata mill-Istati Membri u l-Parlament, li n-negozjati kollha li għaddejjin għal ftehimiet ta' kummerċ ħieles jinkludu kapitoli speċifiċi mfassla biex jipprovdu l-miżuri legali u tekniċi speċifiċi biex itejbu l-kapaċità tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li jinvolvu ruħhom fil-kummerċ u l-investiment, li hija kwistjoni ta' importanza kruċjali minħabba l-proliferazzjoni ta' ktajjen tal-provvista globali integrati fis-sistemi kummerċjali dinjija;

67.  Jenfasizza l-importanza kontinwa ta' investiment intern u barrani għall-ekonomija tal-UE u l-ħtieġa li n-negozji tal-UE, ta' kull sura u daqs, jitħarsu bis-sħiħ meta jinvestu fi swieq ta' pajjiżi terzi; jenfasizza li l-ħarsien tal-investiment huwa element essenzjali tal-politika kummerċjali tal-UE, filwaqt li jirrikonoxxi l-prinċipju tad-dritt tar-regolazzjoni, il-ħtieġa tat-trasparenza fil-proċeduri u ta' sistema bbażata fuq regoli definiti b'mod ċar; jitlob li l-Kummissjoni tkompli tiżgura ħarsien tal-investiment għall-investituri tal-UE fin-negozjati futuri;

68.  Jirrikonoxxi li l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles għandhom jiġu ssorveljati u infurzati sewwa wara l-applikazzjoni tagħhom u lil hinn, biex jiġi żgurat li jkun hemm mhux biss analiżi u evalwazzjoni xierqa tal-effetti kummerċjali tagħhom iżda li jkun hemm rispett kif xieraq tar-regoli, dixxiplini u miżuri miftiehma; jinnota n-nuqqas attwali ta' fokus mill-Kummissjoni fuq l-implimentazzjoni ta' ftehimiet kummerċjali u jenfasizza l-importanza kruċjali li jġi żgurat li s-sħab kummerċjali jżommu l-wegħdiet li jagħmlu fil-ftehimiet kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-Parlament tul dan il-proċess;

69.  Huwa konvint li, sakemm is-sħab kummerċjali tal-UE jissodisfaw il-ħames kriterji meħtieġa biex jikkwalifikaw bħala ekonomija tas-suq, l-UE għandha tuża metodoloġija mhux standard b'konformità sħiħa mal-liġi tad-WTO sabiex tippreserva l-kompetittività tan-negozji Ewropej u nkomplu l-ġlieda tagħna kontra kull forma ta' kompetizzjoni inġusta;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-miżuri kummerċjali offensivi b'rabta mal-ftuħ u ż-żamma ta' swieq ġodda, u tiffoka fuq kwistjonijiet kemm tariffarji kif ukoll mhux tariffarji; jenfasizza li l-istandards għoljin tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, li huma fundamentali biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumaturi tal-UE, m'għandhomx ikunu kompromessi jew innegozjati;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi fil-ftehimiet kummerċjali li l-UE qed tfittex li tikkonkludi ma' pajjiżi terzi, u tidentifika lista ta' prodotti sensittivi li jistgħu jkunu suxxettibbli għal pressjoni eċċessiva, għal kwalunkwe għadd ta' raġunijiet; jitlob li dawn il-prodotti li jistgħu jkunu sensittivi għal-liberalizzazzjoni jingħataw trattament speċjali u differenzjali fil-ftehimiet kummerċjali;

"Żona ta' Ġustizzja u Drittijiet Fundamentali Bbażata fuq il-Fiduċja Reċiproka"

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam taċ-ċiberkriminalità, u tressaq proposta li tistabbilixxi qafas legali ċar għar-relazzjoni bejn il-kumpaniji privati u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u r-radikalizzazzjoni online;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta dwar il-kooperazzjoni transkonfinali fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni dwar it-traċċabilità tal-finanzjament tat-terroriżmu;

74.  Jitlob li tiġi adottata malajr proposta riveduta dwar il-Fruntieri Intelliġenti li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' kontrolli effettivi fil-fruntieri esterni tal-UE;

"Lejn Politika Ġdida dwar il-Migrazzjoni"

75.  Jinsisti li l-konsiderazzjonijiet ewlenin għal politika dwar il-migrazzjoni għandhom ikunu l-iżgurar tal-fiduċja mill-pubbliku, il-ħarsien tal-integrità taż-żona ta' Schengen, u ż-żamma tas-sigurtà interna;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa r-regolamenti u d-direttivi attwali fil-qasam tal-migrazzjoni, partikolarment id-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja, id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil u d-Direttiva dwar il-Kwalifiki, li jikkostitwixxu fatturi ta' attrazzjoni mhux mixtieqa fir-rigward tat-tfittxija għal ażil fl-UE;

77.  Jenfasizza li r-reviżjoni tar-Regolament Dublin III trid tħares il-prinċipji ewlenin tar-Regolament, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti speċifiċi u konkreti biex tindirizza l-moviment sekondarju ta' dawk li jfittxu ażil;

78.  Jenfasizza li kwalunkwe proposta futura dwar il-migrazzjoni ekonomika mill-pajjiżi mhux membri tal-UE jew taż-ŻEE għandha primarjament tkun kompetenza tal-Istati Membri u għandha wkoll ikollha l-għan li tirregola l-kwantità u l-kwalità tal-migrazzjoni ekonomika mill-pajjiżi mhux membri tal-UE jew taż-ŻEE;

79.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni mit-Turkija tal-ftehim bejn l-UE u t-Turkija;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rapporti ta' monitoraġġ u implimentazzjoni dwar il-ħlasijiet u l-infiq nazzjonali tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (ASIF) u tal-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF), u li timmoniterja u tevalwa bis-sħiħ l-użu tal-fondi tal-UE mogħtija lill-pajjiżi terzi fil-qafas tal-ażil;

81.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha timmonitorja u tevalwa regolarment il-ftehim possibbli ta' liberalizzazzjoni tal-viża mat-Turkija sabiex tiżgura li ma jkunx hemm żiedet drastiċi fl-għadd ta' dawk li jeċċedu l-permess tas-soġġorn tal-viża u tal-persuni li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali li joriġinaw mit-Turkija;

82.  Jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Gwardja tal-Kosta u tal-Fruntieri tal-UE (ECBG) ladarba din tiġi stabbilita, sabiex tiżgura li minflok sempliċiment timmaniġġja l-influss fil-fruntiera esterna, l-Aġenzija jkollha rwol attiv fir-ritorn u r-riammissjoni u fit-tnaqqis tal-għadd totali ta' persuni li ma jingħatawx ażil li jibqgħu residenti fit-territorju tal-UE;

83.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għall-proposta tagħha dwar dokument tal-ivvjaġġar għar-ritorn bi pjanijiet ambizzjużi għal ritorni lejn pajjiżi terzi bħall-Pakistan, il-Marokk u l-Alġerija;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi ċara għal kull pajjiż u tistabbilixxi strateġiji individwali dwar l-approċċ "aktar għal aktar" u "inqas għal inqas" għall-pajjiżi terzi rigward l-assistenza finanzjarja tal-UE fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin;

"Attur Globali Aktar b'Saħħtu"

85.  Jappella għal reviżjonijiet regolari tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) biex jiġi żgurat li din tindirizza s-sitwazzjonijiet li jinbidlu b'mod kostanti fuq il-fruntieri tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE; barra minn hekk jinsisti li l-ħidma u l-baġits tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jiġu skrutinizzati u ġustifikati b'mod xieraq; jemmen li din l-evalwazzjoni m'għandhiex tiffoka biss fuq jekk il-flus jintefqux tajjeb jew le, iżda wkoll jekk l-objettivi tal-PEV humiex qed jintlaħqu;

86.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-iżviluppi attwali, jirrevedu kontinwament u b'mod kritiku n-negozjati kollha tal-adeżjoni, u l-progress u l-effettività tagħhom, u fejn ikun meħtieġ, jemendaw il-pass u l-istrateġija tagħhom;

87.  Jirrikonoxxi li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hija fost l-għanijiet tal-politika barranija tal-UE b'enfasi partikolari fuq oqsma bħal-libertà reliġjuża, il-libertà tal-espressjoni, il-libertajiet politiċi, id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal, u d-drittijiet tal-gruppi minoritarji;

88.  Jitlob li tinżamm pressjoni diplomatika, inkluż l-użu ta' sanzjonijiet immirati kontra individwi, gruppi u l-Gvern Russu, sabiex jissolva bil-paċi l-kunflitt fl-Ukrajna; jinsisti fuq konformità stretta mal-politika ta' nonrikonoxximent rigward il-Krimea okkupata mir-Russja;

89.  Jirrikonoxxi lin-NATO bħala l-pedament tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża Ewropea;

90.  Jinkoraġġixxi kooperazzjoni internazzjonali ulterjuri sabiex tinstab soluzzjoni nnegozjata tal-konflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, sabiex Stat Iżraeljan sigur u rikonoxxut b'mod universali jkun jista' jeżisti maġenb Stat Palestinjan sovran u vijabbli; iħeġġeġ iktar sforzi biex tingħata saħħa ġdida lill-proċess ta' paċi bejn it-Turkija u l-Kurdi sabiex tinbena l-fiduċja bejn iż-żewġ naħat, u sabiex jibdew jiġu indirizzati l-kwistjonijiet reġjonali usa' li jaffettwaw lill-poplu Kurd;

Kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp

91.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri lejn il-kisba tal-objettiv tal-Għajnuna Uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) ta' 0,7 % tal-PNG;

92.  Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jistabbilixxu qafas ċar, strutturat, trasparenti u responsabbli li jirregola s-sħubijiet u l-alleanzi mas-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; barra minn hekk jappella għat-twaqqif ta' pjattaformi settorjali b'partijiet interessati multipli fil-livell tal-UE, li jgħaqqdu s-settur privat, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-NGOs, il-gruppi ta' riflessjoni, il-gvernijiet sħab, donaturi u partijiet interessati oħra, sabiex jikkomunikaw dwar opportunitajiet biex jipparteċipaw fi sħubijiet pubbliċi-privati, skambji tal-aħjar prassi, jipprovdu appoġġ tekniku fir-rigward tal-qafas ġuridiku u tal-isfidi mistennija li jirriżultaw mill-interventi kollaborattivi ta' żvilupp;

93.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta approċċi innovattivi għall-għajnuna għas-salvataġġ u l-għajnuna umanitarja, u biex tiffoka b'mod aktar konsistenti fuq il-prevenzjoni tal-kriżijiet u l-mekkaniżmi ta' twissija bikrija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra sħubijiet potenzjali mas-settur privat biex tirrispondi għall-bżonnijiet umanitarji attwali u ġejjiena; jenfasizza l-importanza li jingħalaq id-distakk bejn l-għajnuna ta' emerġenza u l-assistenza għall-iżvilupp fuq żmien fit-tul u li tinvolvi l-ekonomiji emerġenti l-"ġodda" li qed jikbru fi profil, l-impatt u l-kapaċità fl-assistenza umanitarja;

94.  Jitlob l-espansjoni tal-mandat attwali ta' self estern tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), sabiex jiżdied ir-rwol tiegħu fil-kisba tal-iżvilupp sostenibbli u, b'mod partikolari, biex ikollu parti aktar attiva fl-istrateġija l-ġdida tas-settur privat, permezz tat-taħlit, il-kofinanzjament tal-proġetti u l-iżvilupp tas-settur privat lokali; jitlob, barra minn hekk, trasparenza u obbligu ta' rendikont akbar fis-sħubijiet u l-proġetti assoċjati mal-BEI; jistieden lill-BEI u lill-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra għall-iżvilupp tal-Istati Membri biex jiżguraw li l-kumpaniji li jirċievu l-appoġġ tagħhom ma jipparteċipawx f'evażjoni tat-taxxa;

95.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tappoġġa l-pajjiżi terzi sabiex jeqirdu l-prattiki li huma ta' ħsara għan-nisa u l-bniet, inklużi ż-żwieġ tat-tfal u ż-żwieġ furzat, il-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), il-qtil għall-unur, l-isterilizzazzjoni furzata, l-istupru fil-kunflitti, it-tħaġġir u l-forom l-oħra kollha ta' brutalità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex ittejjeb l-appoġġ disponibbli għall-vittmi ta' tali brutalità;

"Unjoni ta' Bidla Demokratika"

Kwistjonijiet baġitarji

96.  Jemmen li wieħed mill-prinċipji fundamentali li jiggwidaw lill-Kummissjoni meta tfassal l-estimi għall-baġit tal-UE għandu jkun il-"valur miżjud tal-UE"; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffoka fuq il-finanzjament ta' miżuri meta l-kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE tipprovdi benefiċċju li aktar jidhru minn finanzjament minn Stati Membri individwali; huwa tal-fehma li l-baġit tal-UE għandu rwol sinifikanti x'jaqdi għas-suċċess jew le tal-mekkaniżmu proposta mill-Kummissjoni biex tirrevedi l-korp tal-leġiżlazzjoni tal-UE għall-konformità tiegħu mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

97.  Jirrimarka li jeħtieġ li jkun hemm bidla kulturali fl-approċċ lejn l-infiq tal-UE, fejn bħalissa hemm wisq attenzjoni fuq l-assorbiment tal-fondi u l-konformità mar-regolamenti minflok fuq il-valur miżjud jew il-prestazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha għal evalwazzjoni mill-ġdid bir-reqqa tal-prijoritajiet tal-baġit tal-UE fuq il-bażi ta' evalwazzjonijiet ex-post u indikaturi ta' prestazzjoni b'saħħithom; jemmen li l-użu ta' riżervi ta' prestazzjoni, bħal dawk użati bħalissa fil-fondi strutturali, jistgħu jiżdiedu u jkunu utilizzati f'oqsma oħra ta' finanzjament tal-UE; iqis li l-istrateġija ta' "baġit iffukat fuq ir-riżultati" bħala żvilupp promettenti f'dan ir-rigward, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkorpora bis-sħiħ approċċ ta' bbaġittjar ibbażat fuq il-prestazzjoni, fil-proċedura baġitarja annwali;

98.  Jinnota r-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għas-snin 2014-2020, li għaddejja bħalissa; jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm l-istennija ta' din ir-reviżjoni u proposta leġislattiva possibbli dwar reviżjoni tal-QFP qabel ma jinbidel l-impenn tal-Parlament Ewropew għal-limiti finanzjarji stabbiliti fir-Regolament tal-2013 sakemm idum il-QFP attwali, fl-interess tal-prevedibbiltà baġitarja;

99.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP biex tittrasferixxi fondi lil hinn minn oqsma ta' politika b'inqas valur miżjud Ewropew bħalma huma l-kultura, iċ-ċittadinanza u l-midja u minflok terġa' torjenta aktar il-baġit tal-UE lejn l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività; josserva li filwaqt li l-Unjoni qed tiffaċċja sfidi ġodda u mhux previsti, il-baġit tal-UE ma jridx jittraskura il-prijorità fundamentali tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tuża din l-opportunità biex tissimplifika r-regoli applikabbli tal-programmi eżistenti f'dan il-qasam, bħall-programm Orizzont 2020, f'konformità mal-Aġenda ta' Regolamentazzjoni Aħjar;

100.  Jinnota li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tippreżenta proposta għall-QFP li jmiss qabel l-1 ta' Jannar 2018; jitlob bil-ħerqa lill-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-prijoritajiet baġitarji pluriennali skont il-prinċipju tal-valur miżjud tal-UE, qabel ma tippreżenta xi proposta dwar id-daqs tal-baġit tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tallinja l-QFP li jmiss maċ-ċikli politiċi tal-Kummissjoni u tal-Parlament sabiex ittejjeb ir-responsabbiltà demokratika u t-trasparenza tal-baġit pluriennali;

101.  Jinnota li l-Kummissjoni se tikkunsidra proposti mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji, inkluż kwalunkwe kandidat ġdid għar-riżorsi proprji; jemmen, madankollu, li s-sistema ta' riżorsi proprji għandha r-riskju li toħloq apatija fost iċ-ċittadini tal-UE; jopponi bis-saħħa, għalhekk, l-introduzzjoni ta' kwalunkwe forma ġdida ta' taxxa Ewropea diretta; jiffavorixxi, minflok, l-iżvilupp ta' sistema ta' riżorsi aktar sempliċi u trasparenti bbażata fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bbażati fuq l-ING;

102.  Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi rapporti ta' monitoraġġ u implimentazzjoni dwar il-ħlas u l-infiq nazzjonali tal-AMIF u tal-ISF;

 

Kwistjonijiet ambjentali

103.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-obbligu legali tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 117(4) tar-Regolament REACH, li tirrapporta dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tar-Regolament sal-1 ta' Ġunju 2017, u jinnota li dan ir-rapport se jservi wkoll bħala l-evalwazzjoni REFIT tar-Regolament; jenfasizza li l-evalwazzjoni għandha tivverifika l-effikaċja u l-effiċjenza tal-leġiżlazzjoni, il-koerenza tagħha kemm internament kif ukoll ma' politiki oħra tal-UE, jekk kisbet il-valur miżjud tal-UE, l-impatt tagħha fuq in-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, u l-kapaċità tagħhom li jagħmlu investimenti fit-tul, kif ukoll l-effett tagħha fuq l-industrija u l-possibbiltà ta' rilokazzjoni tal-produzzjoni tas-sustanzi kimiċi bbażati fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tressaq regolamenti implimentattivi li jirrazzjonalizzaw u jissimplifikaw il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għal applikazzjonijiet li jikkonċernaw l-użu ta' sustanzi f'volumi żgħar (anqas minn 10 tunnellata fis-sena) u ta' spare parts użati;

104.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi l-"ikel mhux ipproċessat ħafna", b'mod partikolari fir-rigward tal-prodotti li ġejjin mill-ħalib u prodotti tal-laħam, u tinvestiga l-possibilità li inizjalment tillimita l-kamp ta' applikazzjoni tal-ittikkettar obbligatorju tal-pajjiż tal-oriġni għall-każijiet fejn l-interess tal-konsumatur huwa bbilanċjat mal-ispiża, bħal fil-każ tal-ħalib għax-xorb kif ukoll għall-prodotti tal-ħalib u tal-laħam mhux ipproċessati ħafna, u sabiex tressaq proposti leġiżlattivi f'dawn l-oqsma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra t-tħassib reċenti dwar l-ittikkettar u l-applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni relatata mal-katina alimentari tal-UE, filwaqt li jiġu applikati l-aktar żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi reċenti f'dan il-qasam; jinnota li t-tikkettar tal-oriġini diġà huwa meħtieġ u jaħdem b'mod effikaċi għal ħafna prodotti oħra tal-ikel inklużi l-laħam mhux ipproċessat, il-bajd, il-frott u l-ħxejjex, il-ħut, l-għasel, iż-żejt taż-żebbuġa straverġni, iż-żejt taż-żebbuġa verġni, l-inbid u l-ispirti;

105.  Jinnota li d-dispożizzjonijiet ewlenin taħt ir-Regolamenti tal-Prodotti Bijoċidali dwar l-approvazzjoni ta' fornituri u r-reġistrazzjoni ta' sustanzi attivi użati għal oġġetti ttrattati jħabbtu wiċċhom ma' kwistjonijiet ta' konformità minħabba nuqqas ta' sensibilizzazzjoni fost in-negozji affettwati; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tinkludi r-Regolament taħt l-aġenda REFIT tagħha tal-2017, b'mod partikolari fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji u amministrattivi li jiffaċċjaw l-SMEs u l-mikrointrapriżi meta jħejju d-dossiers ta' approvazzjoni għall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) taħt din il-leġiżlazzjoni;

106.  Jinnota l-isfidi finanzjarji u regolatorji għall-Istati Membri biex jikkonformaw mad-Direttiva dwar in-Nitrati (91/676/KEE), ta' spiss meqjusa bħala eżempju ħażin ta' leġiżlazzjoni tal-UE effikaċi, b'diversi każijiet ta' ksur li għadhom pendenti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi armonizzat iċ-ċiklu ta' rappurtar tagħha ma' dak tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) sabiex l-istess data ta' monitoraġġ jista' jintuża għar-reviżjonijiet taż-żewġ Direttivi, u li jiġu llimitati u ssimplifikati r-rekwiżiti ta' ppjanar tan-nitrati, li kienu ta' piż burokratiku żejjed għas-settur agrikolu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi analiżi sistematika tad-Direttiva dwar in-Nitrati fl-aġenda REFIT tagħha tal-2017 sabiex tissimplifika r-rekwiżiti kumplikati u tnaqqas l-ispejjeż tal-konformità;

107.  Jerġa' jtenni l-importanza tal-investiment, u l-inċentiv fil-bidla lejn ekonomija ċirkolari, li huma kompatibbli mal-aġenda fit-tul tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività, u tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq materja prima importata, li toffri l-potenzjal li toħloq sitwazzjoni vantaġġjuża għall-partijiet ikkonċernati kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha għal Ekonomija Ċirkolari, b'mod partikolari fir-rigward tal-objettivi stabbiliti għall-2017;

108.  Jenfasizza għal darb' oħra l-importanza li jintlaħqu l-miri stipulati fl-Istrateġija tal-UE dwar il-bijodiversità sal-2020, u jenfasizza l-importanza strateġika ta' dik l-istrateġija, inkluż minn perspettiva soċjo-ekonomika; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar it-telf kontinwu tal-bijodiversità u jinnota li l-miri tal-2020 mhumiex se jintlaħqu mingħajr sforzi addizzjonali, sostanzjali u kontinwi; jenfasizza l-importanza kruċjali ta' aktar rieda politika fl-ogħla livell għall-ħarsien tal-bijodiversità u biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità; jitlob lill-Kummissjoni, flimkien mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha, biex jipprijoritizzaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, l-infurzar u aktar integrazzjoni tal-protezzjoni tal-bijodiversità f'oqsma oħra ta' politika; itenni li d-Direttivi dwar in-natura għandhom jiġu implimentati bis-sħiħ u mhux riveduti;

109.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni urġenti biex twaqqaf il-kummerċ illegali fl-annimali domestiċi; ifakkar fl-importanza ta' sistemi ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni f'dan ir-rigward, u jfakkar lill-Kummissjoni dwar sejħa espliċita[3] tal-Parlament biex tiżdied il-kompatibbiltà ta' sistemi bħal dawn fl-Istati Membri bil-għan li tittejjeb il-benessri tal-annimali;

110.  Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn ta' valutazzjoni komprensiva tar-Regolamenti (KE) Nru 1107/2009 u (KE) Nru 396/2005, u jitlob li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni dettaljata indipendenti fl-2017; huwa tal-fehma li din ir-reviżjoni għandha tikkunsidra l-elementi ewlenin taż-żewġ regolamenti, filwaqt li tħares ukoll li ttejjeb l-effiċjenza u l-koordinazzjoni bejn iż-żewġ biċċiet ta' leġiżlazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-qafas regolatorju għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti jaderixxi mal-prinċipji u l-prattiki ta' Regolamentazzjoni Aħjar, u jipprovdi qafas għat-teħid tad-deċiżjonijiet li huwa koerenti, effiċjenti u prevedibbli u xjentifikament robust;

Politika Agrikola Komuni

111.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u t-talbiet kontinwi imposti fuq il-bdiewa Ewropej f'termini ta' produzzjoni aktar b'inqas, filwaqt li jintlaħqu l-istandards ambjentali u soċjali u l-għoti ta' beni pubbliċi, sabiex jinżammu l-limiti agrikoli fl-Intestatura 2;

112.  Jistieden lill-Kummissjoni, bil-għan li jitnaqqas il-piż fuq il-produtturi u t-titjib tal-politika agrikola komuni (PAK) f'termini ta' twassil effettiv ta' beni pubbliċi u l-miri ambjentali, biex twettaq reviżjoni sħiħa ta' nofs it-terminu tal-PAK, u jsir progress lejn politika aktar orjentata għas-suq b'ambitu akbar għal innovazzjoni u kompetittività, tekwalizza pagamenti diretti fl-Istati Membri u teżamina d-dispożizzjonijiet dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq unika (OKS unika) sabiex jissaħħu l-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi, tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' dawn il-miżuri u tipprovdi lill-bdiewa b'għodod finanzjarji ġodda u alternattivi għat-trattament tal-volatilità kontinwa tas-suq;

113.  Jenfasizza l-importanza ta' aġenda ta' simplifikazzjoni tal-PAK u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod komprensiv l-effettività tal-miżuri ta' ekoloġizzazzjoni; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li twettaq, reviżjoni ta' nofs it-terminu taż-żona ta' interess ekoloġiku (ŻIE), iżda jenfasizza l-ħtieġa li din ir-reviżjoni testendi għat-tliet miżuri ekoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u timplimenta aktar, miżuri li jintroduċu proporzjonalità, flessibilità u livelli ogħla ta' tolleranza fir-rigward tal-ġestjoni tal-PAK, u biex tiġi indirizzati l-"kultura ta' biża" li teżisti fost il-bdiewa fir-rigward tal-kundizzjonalità, kontrolli u l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet;

114.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-iżbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel, b'mod partikolari biex tiġi żgurata ġustizzja u trasparenza fir-relazzjoni bejn il-produtturi primarji, il-proċessuri, il-fornituri u d-distributuri, u jistieden lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha mas-settur biex tindirizza tħassib f'dak li għandu x'jaqsam ma' rapportar anonimu u tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi primarji;

115.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-innovazzjoni fl-agrikoltura billi tiġi pprovduta koerenza regolatorja u tieħu kont sħiħ tal-innovazzjoni fir-rieżamijiet u r-riformi li ġejjin tal-leġiżlazzjoni rilevanti; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lir-riċerka u l-innovazzjoni fl-agrikoltura jekk l-industrija trid tibqa' kompetittiva u biex tiffaċċja l-isfidi attwali u futuri;

Il-politika komuni tas-sajd

116.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-kontribut ekonomiku u soċjali tas-sajd fuq skala żgħira għall-ekonomiji lokali bħala prijorità sabiex tiġi aċċertata ż-żamma tal-popolazzjoni tal-kosta u jitnaqqsu l-livelli għoljin tal-qgħad f'setturi ekonomiċi oħra;

117.  Ifakkar li l-politika komuni tas-sajd (PKS) għandha l-għan li tiżgura li s-sajd huwa ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment sostenibbli u jipprovdu sors ta' ikel tajjeb għas-saħħa liċ-ċittadini tal-UE; ifakkar li, waħda mill-objettivi prinċipali tal-PKS hija li jiġu evitati qabdiet li mhumiex mixtieqa, u jinnota li prijorità ewlenija fl-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art hu li jitnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u tiżdied il-kapaċità ta' sopravvivenza tas-sajd; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni kontinwa u l-monitoraġġ tal-apparizzjoni ta' "choke species" (speċi li l-qabda tagħhom hija limitata ħafna) potenzjali b'konsegwenza tal-obbligu tal-ħatt l-art, speċjalment f'sajd imħallat; jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem mill-qrib mas-sajjieda u max-xjenzjati biex jidentifikaw u jbassru fejn jistgħu jseħħu ċ-"choke species" u biex jirriċerkaw soluzzjonijiet bħal tekniki tas-sajd innovattivi;

118.  Jenfasizza li huwa essenzjali li x-xjenza tkun fil-qalba tal-politika tas-sajd; ifakkar lill-Kummissjoni li huwa essenzjali għall-pjanijiet multiannwali, b'mod partikolari, li jkunu bbażati fuq evidenza xjentifika; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissarju Vella li jipproponi Pjan pluriennali għall-Baħar Mediterran fl-2016; jinnota t-tħassib tal-Kummissjoni dwar l-istat tal-istokkijiet fil-Baħar Mediterran;

119.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-Kummissjoni biex tirrevedi r-Regolament dwar il-Mediterran tal-2006 sabiex ikun żgurat li l-użu ta' rkapti u tekniki tas-sajd ikun stabbilit fuq livell reġjonali u mfassal speċifikament għall-ispeċifiċitajiet taż-żona tal-Mediterran u tas-sajd tagħha, li jieħu kont tal-karatteristiċi idrografiċi partikolari tal-baċir tal-Mediterran; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jitwettaq rieżami tal-valutazzjoni tal-istat tal-istokkijiet tal-ħut rilevanti għas-sajd kostali, u jisħaq fuq il-ħtieġa ta' analiżi tas-sajd fuq skala żgħira u l-impatt tagħhom fuq l-istokkijiet tal-ħut, peress li l-ispeċi maqbuda fis-sajd kostali huma ta' valur kbir f'temini soċjo ekonomiċi, għalkemm jammontaw biss għal proporzjon żgħir ta' sajd mill-qabdiet kollha;

120.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-akkwakultura u l-marikultura jista' jilgħab rwol importanti mhux biss fl-irkupru tad-diversità tal-ispeċi iżda wkoll fit-tkabbir tal-ekonomija marittima; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fil-promozzjoni ta' politiki li jħeġġu s-sajd u t-turiżmu (it-turiżmu tas-sajd, il-marikultura, eċċ.) skont il-prinċipju tas-sostenibbiltà;

121.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Qafas ġdid ta' miżuri tekniċi bħala mezz biex jissimplifika l-politika tas-sajd; jenfasizza li approċċ wieħed għal kulħadd għall-politika tas-sajd tal-UE mhux effettiv, u jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu passi biex tiżgura li l-approċċ il-ġdid ta' reġjonalizzazzjoni jirriżulta f'libertà akbar lill-industrija tas-sajd u jnaqqas il-burokrazija ingombranti għas-sajjieda;

Il-politika ta' żvilupp reġjonali

122.  Jemmen li, waqt dan il-perjodu tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni, il-Fondi ESI għandhom jassistu lill-Istati Membri fit-twettiq tar-riformi ekonomiċi diffiċli, iżda essenzjali, meħtieġa biex tinkiseb kompetittività ikbar, u jenfasizza li l-Fondi ESI għandhom jiġu investiti fejn jiksbu l-akbar valur miżjud; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tuża l-konklużjonijiet tal-proġett tar-"reġjuni li waqgħu lura" biex tidentifika fatturi marbuta ma' progress kajman fil-kisba ta' żieda għal-livell baxxi ta' żvilupp ekonomiku u biex tħejji pjanijiet ta' azzjoni rilevanti dwar miżuri biex tiġi żgurata politika effettiva ta' investiment;

123.  Jinnota li jibqa' diffiċli biex il-Fondi ESI jiġu amministrati u diffiċli biex jiġu aċċessati mill-SMEs u mill-gruppi tas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha biex tissimplifika l-proċeduri u l-proċessi tal-Fond ESI għall-partijiet interessati kollha sabiex jitjieb l-impatt, l-assorbiment u l-użu tal-Fondi, filwaqt li jiġu żgurati kontrolli finanzjarji effettivi u l-eliminazzjoni ta' irregolaritajiet, inkluż il-frodi; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-prattiki ta' regolamentazzjoni żejda, biex jiġi ssimplifikat l-aċċess għall-istrumenti finanzjarji u biex l-iskemi ta' għajnuna jiġu mqarrba lejn in-negozju; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi bis-sħiħ l-fondi ESI fl-istrateġija tal-UE dwar Regolamentazzjoni Aħjar, bil-għan partikolari li jitnaqqsu l-piżijiet burokratiċi fuq l-SMEs, u biex tirdoppja l-isforzi tagħha biex topera bħala unità waħda meta tkun qed tittratta l-Fondi ESI, b'koordinazzjoni aktar effettiva bejn id-Direttorati Ġenerali rilevanti;

124.  Jenfasizza l-valur ta' approċċi bbażati fuq il-post, u minn isfel għal fuq għall-iżvilupp reġjonali, li jappoġġaw strateġiji għall-iżvilupp lokali, joħolqu opportunitajiet ta' xogħol u jinkoraġġixxu l-iżvilupp rurali sostenibbli, u l-użu usa' tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali; jemmen li strumenti ġodda għall-iżvilupp territorjali (investiment territorjali integrat, żvilupp lokali mmexxi mill-komunità u pjanijiet ta' azzjoni konġunta) għandhom il-potenzjal li jwieġbu b'mod aktar effettiv għall-ħtiġijiet lokali f'żoni urbani kif ukoll rurali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex timplimenta regolament li jkopri l-finanzjament tagħhom mill-Fondi ESI kollha, sabiex jissaħħu s-sinerġiji, u biex tirrevedi l-użu limitat tagħhom;

125.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għal aktar flessibbiltà fl-infiq fi ħdan il-programmi tal-Fondi ESI sabiex ikun żgurat l-investiment f'oqsma ta' prijorità tar-reġjuni, filwaqt li jiġi rrispettat il-bżonn li jitnaqqsu d-differenzi reġjonali u sabiex jinkiseb l-għan globali tal-koeżjoni territorjali bil-għan li titjieb il-kompetittività;

126.  Jitlob, filwaqt li jirrikonoxxi li xi prijoritizzazzjoni mill-ġdid ta' fondi għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 tista' tkun adattata sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jwieġbu b'mod effettiv għall-ħtiġijiet reali, lill-Kummissjoni biex tevita kull tnaqqis fuq it-trasferiment ta' fondi pprogrammati minn qabel bil-għan li jittaffu l-effetti tal-migrazzjoni; jenfasizza li l-Fondi ESI jeżistu biex jappoġġaw l-iżvilupp reġjonali stabbli u fit-tul bil-għan li tiżdied il-kompetittività u mhux biex jiġu ffinanzjati miżuri ta' emerġenza;

127.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Parlament u mal-Istati Membri kemm jista' jkun malajr dwar il-ġejjieni tal-fondi ESI wara l-2020, b'enfażi ċara fuq investiment immirat li jżid il-valur għal min iħallas it-taxxa; jara valur f'mentalità ġdida madwar orjentazzjoni tar-riżultati u strumenti integrati ta' finanzjament li jikkombinaw il-programmi diversi ta' għotjiet u ta' self tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp territorjali, u f'żieda f'appoġġ amministrattiv għall-pajjiżi li qed jirċievu nettament finanzjament mill-ESI b'mod parallel ma' flessibilità akbar, u għal inqas interventi, fl-investiment minn kontributuri netti;

Kwistjonijiet dwar trasport

128.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir progress fir-rigward tan-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u l-kurituri tan-netwerk ewlieni bħala prijorità, sabiex tinħoloq rabta bejn in-netwerks tat-trasport tar-reġjuni kollha tal-UE u jiġu solvuti problemi bħan-nuqqas ta' infrastruttura xierqa, l-aċċessibilità u l-interoperabilità baxxa bejn il-parti tal-lvant u dik tal-punent tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa għal sinerġija fost ir-riżorsi finanzjarji tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u l-Fondi ESI sabiex jiġi żgurat l-aħjar użu tal-fondi disponibbli kollha tal-UE; jemmen li, minkejja l-White Paper dwar it-Trasport tal-2011, l-UE xorta għadha tieħu approċċ kumpartimentalizzat u tqis kull mod ta' trasport b'mod iżolat wisq; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija għall-iżvilupp ta' trasport transmodali u multimodali;

129.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproċedi bi kjarifika u simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-ħin tas-sewqan u l-perjodi ta' mistrieħ, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, sabiex tittejjeb iċ-ċarezza legali għall-Istati Membri u l-operaturi tat-trasport bit-triq, u li tiffaċilita l-libertà li tipprovdi servizzi tat-trasport madwar l-UE, filwaqt li tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti u uniformi tar-regoli;

130.  Jinnota l-ftehim milħuq dwar regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1365/2006 dwar statistika ta' trasport ta' merkanzija minn passaġġi fuq l-ilma interni fir-rigward tal-għoti ta' setgħat iddelegati u implimentattivi lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta' ċerti miżuri; jenfasizza li t-tendenza li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tad-data statistika varja li għandha tinġabar (pereżempju, bħal f'dan il-każ, sistema ġdida għall-ġbir tad-data tal-istatistika dwar it-trasport tal-passiġġieri), se jwassal għal aktar burokrazija u m'għandu jkollu l-ebda valur miżjud;

131.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem għal miżuri aktar effiċjenti minn dawk stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 868/2004 għall-ġlieda kontra l-kompetizzjoni inġusta minn kumpaniji sponsorjati mill-istat minn linji tal-ajru mhux tal-UE fis-suq tal-avjazzjoni Ewropew, sabiex tiġi salvagwardjata kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha tas-suq;

132.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-Euro Contrôle Route sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni aktar effikaċi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar id-dokumentazzjoni u l-frodi tal-liċenzji fis-settur tat-toroq;

133.  Jinnota tħassib fost il-pubbliku dwar l-istorbju tal-ferroviji tal-merkanzija fost l-effetti negattivi tat-trasport ferrovjarju b'impatti ambjentali u fuq is-saħħa; jenfasizza, madankollu, li l-istorbju huwa "kwistjoni lokali skont id-definizzjoni" u għandu jiġi indirizzat fil-livell tal-Istati Membri, u li l-għan tat-tnaqqis tal-istorbju għandu jkun ibbilanċjat maż-żamma tal-kompetittività tal-ferroviji u mal-evitar tad-distorsjoni tas-suq u sitwazzjoni ta' żvantaġġ għall-kumpaniji ferrovjarji, li jkunu jeħtieġu riżorsi addizzjonali enormi biex jerġu jarmawhom mill-ġdid fuq il-vaguni;

Il-politika soċjali

134.  Jinnota li l-ħames oqsma ewlenin għall-azzjoni identifikati fl-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 jibqgħu prijoritajiet validi għall-mandat tal-Kummissjoni Juncker (2014-2019) u li l-Kummissjoni ppubblikat dokument ta' ħidma tal-persunal ta' 40 paġna li jiddelinja "Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019"; jitlob lill-Kummissjoni, meta titratta politiki fil-qasam tal-opportunitajiet indaqs bejn l-irġiel u n-nisa, biex tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti mill-Istati Membri, u jenfasizza l-importanza tal-iskambji tal-aħjar prattika, b'mod partikolari fejn l-Istati Membri għandhom kompetenza esklużiva, qabel ma tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jitressqu proposti leġiżlattivi u għodda ta' politika ġodda fil-qasam tal-opportunitajiet indaqs;

135.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja b'mod effikaċi l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/67/UE mill-Istati Membri kollha; jemmen bis-sħiħ li t-tħassib imqajjem mill-parlamenti kollha tal-11-il Stat Membru permezz ta' proċedura ta' karta safra għandhom jiġu vvalutati b'mod xieraq mill-Kummissjoni; iħeġġeġ b'mod qawwi lill-Kummissjoni biex tistenna l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2014/67/UE mill-Istati Membri qabel ma tmexxi l-proposta tagħha għal reviżjoni tad-Direttiva 96/71/KE;

136.  Ifakkar lill-Kummissjoni li, skont l-Artikolu 153 tat-TFUE, l-iffissar tal-pagi hija kompetenza tal-Istati Membri;

137.  Jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex temenda u tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali sabiex jitqiesu ċ-ċirkustanzi l-ġodda u d-diversità strutturali fi ħdan u bejn l-Istati Membri; jenfasizza, madankollu, li l-provvista u l-ġestjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali huma kompetenza tal-Istati Membri li l-Unjoni tikkoordina iżda ma tarmonizzax;

138.  Jilqa' l-irtirar tal-Kummissjoni tad-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità (92/85/KEE); jemmen li n-nuqqas milli jintlaħaq ftehim dwar il-proposta jindika d-diffikultajiet biex jiġu nnegozjat ftehimiet fil-livell tal-UE fil-qasam tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali;

139.  Jenfasizza li, fil-kuntest tal-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni "Bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw il-familji ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tax-xogħol", kwalunkwe proposta ġdida għandha tkun f'konformità sħiħa mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

140.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Ħames Presidenti, li rrikonoxxa, fil-kuntest ta' konverġenza soċjali, li m'hemm ebda mudell uniku tajjeb għal kulħadd; jemmen bis-sħiħ, f'dan ir-rigward, li l-proposta għal Pilastru tad-Drittijiet Soċjali tal-UE għandha, l-ewwel u qabel kollox, tiffoka fuq iż-żieda tal-użu ta' punti ta' riferiment u l-iskambju tal-aħjar prattiki;

141.  Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi l-acquis soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi r-relevanza tal-acquis fid-dawl ta' xejriet ġodda u biex tidentifika opportunitajiet għas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet, inkluż permezz tal-irtirar jew ir-revoka ta' leġiżlazzjoni fejn xieraq;

142.  Jirrikonoxxi l-għan ġenerali ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ fir-rigward tal-valur potenzjali tagħha li tiffoka l-attenzjoni tal-Istati Membri fuq il-ħtieġa għal azzjoni biex jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ; jenfasizza, madankollu, fil-kuntest tar-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 3/2015, l-importanza ta' evalwazzjoni tal-effettività tar-riżultati tal-programm biex jinħolqu politiki u strumenti aktar mmirati; jenfasizza li kwalunkwe żidiet sostanzjanli futuri fil-finanzjament għandhom jiġu approvati biss ladarba jkunu ġew indirizzati l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

143.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni proposta tal-UE u l-programmi ta' finanzjament ikunu konformi mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; jilqa' l-impenn li sar biex tiġi żgurata l-aċċessibilità ta' prodotti u servizzi, inkluż bini, flimkien ma' infurzar effettiv u mekkaniżmi ta' lment; jistieden lill-Kummissjoni, meta tipprepara atti leġiżlattivi futuri f'oqsma rilevanti, pereżempju fl-aġenda diġitali, li tqis il-fatt li l-aċċessibilità hija importanti wkoll fl-ambjent fiżiku hekk kif inhi fil-qasam tal-ICT;

Politika tal-kultura u tal-edukazzjoni

144.  Jenfasizza l-opportunità mgħotija mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP sabiex jiġu vvalutati l-effettività u l-valur miżjud tal-programmi ta' kultura u ta' edukazzjoni tal-UE fil-perjodu ta' finanzjament attwali u sabiex tiġi żgurata ġestjoni effettiva tagħhom; jistieden, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni tivvaluta l-valur miżjud tal-programmi Ewropa Kreattiva u L-Ewropa għaċ-Ċittadini, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar;

145.  Jilqa' l-applikazzjoni tal-programm REFIT tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tapplika b'mod attiv il-konklużjonijiet tal-proċess REFIT u r-riżultati tal-konsultazzjoni mal-partijiet konċernati għal kwalunkwe reviżjoni tad-Direttiva; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat investiment kontinwu tul iċ-ċiklu kreattiv u l-aċċess għal kontenut ta' kwalità għolja għall-konsumaturi, filwaqt li jittejbu l-protezzjoni tal-minorenni minn kontenut ta' ħsara u li tiġi appoġġata l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej;

146.  Ifakkar li l-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) għandu jikkumplimenta azzjonijiet nazzjonali u jappoġġa l-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tiżgura li l-kompetenza tal-Istati Membri u, fejn applikabbli, reġjonali f'dan il-qasam, u fl-oqsma l-oħra kollha tal-politika tal-kultura u tal-edukazzjoni, tkun irrispettata bis-sħiħ u li l-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità jkunu osservati; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-espert tal-Komunità u l-partijiet interessati rilevanti, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-ġenituri, huma suffiċjentement involuti f'ħidma ta' ET 2020;

147.  Jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-viżibbiltà u t-trasparenza tal-kwalifiki ta' edukazzjoni għolja permezz tal-Proċess ta' Bologna; jisħaq li tingħata aktar attenzjoni biex jiġu indirizzati l-effetti sekondarji kemm tal-proċess ta' Bologna u tal-programmi ta' mobilità, u tkun żgurata aktar flessibilità għall-istabbilimenti edukattivi fl-organizzazzjoni tal-programmi ta' tagħlim tagħhom; jitlob li tingħata aktar kunsiderazzjoni lill-kooperazzjoni u lill-iskambji tal-aħjar prattika fil-qasam tal-edukazzjoni avvanzata, u l-iżvilupp ta' konnessjonijiet man-negozji u ma' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja sabiex jiġi żgurat li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ta' wara s-16-il sena madwar l-UE jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa għat-tkabbir u l-impjiegi;

148.  Jesprimi tħassib li l-Iskejjel Ewropej naqsu milli jindirizzaw it-tħassib imqajjem mill-Qorti tal-Awdituri; jitlob, filwaqt li jilqa' l-adozzjoni fl-2014 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid għall-Iskejjel Ewropej bħala mezz ta' tweġib għal xi kwistjonijiet li tqajmu, lill-Kummissjoni biex twettaq fl-2017 rieżami f'waqtha u komprensiva tal-governanza, tal-ġestjoni u tal-organizzazzjoni tas-sistema tal-Iskejjel Ewropej, minħabba l-fatt li 60 % tal-baġit tal-Iskejjel Ewropej jiġi mill-baġit tal-UE;

Kwistjonijiet istituzzjonali

149.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi li l-gvernijiet lokali u reġjonali eletti demokratikament u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, huma parti integrali mill-proċess ta' tfassil ta' liġijiet Ewropej, filwaqt li l-"partijiet interessati" jew il-"lobbyists" mhumiex; jitlob speċifikament li dawn jiġu eżentati mill-obbligi tar-Reġistru ta' Trasparenza, kif diġà huwa l-każ għal reġjuni individwali;

150.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħti bidu għal proċedura ta' reviżjoni ordinarja tat-Trattati skont l-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea bil-ħsieb li jipproponi tibdil neċessarju fl-Artikolu 341 TFUE u fil-Protokoll 6 tiegħu, biex jippermettu lill-Parlament jiddeċiedi l-ubikazzjoni tas-sedi u l-organizzazzjoni interna tiegħu;

151.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġi emendat b'tali mod li "Kwalunkwe mħallef li jkun ħa sehem fl-eżami tal-kawża minn Awla jew mill-Awla Manja, mad-deċiżjoni jista' jehmeż l-opinjoni separata tiegħu konkordanti jew ta' dissens, jew dikjarazzjoni ta' dissens sempliċi";

152.  Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-prinċipji tal-għoti ta' kompetenzi, tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità u biex tirrispetta esklużjonijiet fakultattivi eżistenti u futuri, derogi u garanziji legali mogħtija lil xi Stati Membri mit-Trattati u l-Protokolli u d-Dikjarazzjonijiet annessi magħhom;

153.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrispetta l-perimetru tas-sovranità nazzjonali, inklużi l-kontrolli tal-fruntieri, l-immigrazzjoni selettiva, ir-regoli soċjali u politika, il-liġi dwar iċ-ċittadinanza, il-liġi kriminali, il-liġi tal-familja, il-liġi elettorali, u linji ta' politika dwar il-kultura u l-edukazzjoni, kif ukoll, b'mod iktar ġenerali, is-supremazija assoluta tal-kostituzzjonijiet tagħhom;

154.  Jistieden lill-Kummissjoni biex turi b'mod ċar li l-inizjattivi kollha li tieħu kontra l-Istati Membri, bħall-proċedura għall-investigazzjoni tal-istat tad-dritt, ikollhom bażi legali soda u jkunu bbażati fuq fatti u argumenti sodi u fuq dijanjożi affidabbli tas-sitwazzjoni;

155.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti aktar attenzjoni rigoruża lit-trasparenza u r-rispett lejn is-separazzjoni tas-setgħat, permezz ta' konformità stretta mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 290 TFUE, u, għalhekk, li ma jintużawx atti delegati biex jgħaddu miżuri ġenwinament leġiżlattivi li għandhom jiġu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

o

o o

156.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.