MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-iżviluppi reċenti fil-Polonja u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
7.9.2016 - (2016/2774(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Ryszard Antoni Legutko, Anna Elżbieta Fotyga, Tomasz Piotr Poręba f'isem il-Grupp ECR
B8-0978/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-iżviluppi reċenti fil-Polonja u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 4, 5 u 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jiddefinixxu l-kategoriji u l-oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni;
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-prinċipju tas-sussidjarjetà;
– wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Parlament Ewropew għall-Polonja u għar-Renju Unit;
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Nru 1 dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Nru 61 tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;
– wara li kkunsidra l-Att tat-22 ta' Lulju 2016 dwar il-Qorti Kostituzzjonali Pollakka;
– wara li kkunsidra l-Artikoli 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Gvern Pollakk attwali ġie stabbilit abbażi ta' proċedura trasparenti u demokratika skont il-Kostituzzjoni Pollakka;
B. billi skont il-Kostituzzjoni Pollakka l-istituzzjonijiet kollha tal-Polonja huma obbligati li jirrispettaw il-liġi;
C. billi skont il-Kostituzzjoni Pollakka, l-organizzazzjoni u l-proċedimenti tal-Qorti Kostituzzjonali għandhom jiġu rregolati skont liġi deċiża mill-parlament Pollakk;
D. billi skont l-Artikoli 2 sa 6 tat-TFUE, l-oqsma tal-moralità pubblika u d-dritt tal-familja huma esklużi mill-kompetenzi tal-UE u jibqgħu esklussivament fl-isfera tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Istati Membri;
E. billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tapplika għall-azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri meta jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE;
F. billi l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja hija ristretta kif stabbilit fil-Protokoll Nru 30; billi, barra minn hekk, id-Dikjarazzjoni Nru 61 tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tenfasizza li "[l-]Karta ma taffettwa bl-ebda mod id-dritt ta' Stat Membru li jilleġisla fil-qasam tal-moralità pubblika, id-dritt tal-familja kif ukoll il-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem u r-rispett għall-integrità fiżika u morali tal-bniedem";
G. billi d-Dikjarazzjoni Nru 1 dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tistabbilixxi li "[l-]Karta ma testendix il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni jew ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati";
H. billi fil-Polonja, bħal f'pajjiżi oħra tal-UE, bħal fil-każ ta' Malta, il-Ġermanja, Franza u l-Irlanda, hemm movimenti ċiviċi li jixtiequ jintroduċu projbizzjoni fuq l-abort u li għandhom kull dritt jagħmlu dan f'soċjetà demokratika; billi grupp ta' NGOs, bħala parti minn moviment ċiviku, ġabar madwar 500 000 firma li jitolbu għal mozzjoni biex jirrestrinġu l-liġijiet dwar l-abort; billi l-Gvern Pollakk ma ppropona l-ebda leġiżlazzjoni ġdida f'dan ir-rigward;
I. billi l-Kummissarju Timmermans enfasizza li l-Gvern Pollakk għandu d-dritt sħiħ li jimplimenta kwalunkwe programm li wiegħed lill-elettorat u rrakkomanda li jitkompla l-format attwali taż-żjarat tiegħu fil-Polonja;
J. billi għad hemm dubji dwar il-bażi ġuridika tal-Qafas dwar l-Istat tad-Dritt;
K. billi fis-16 ta' Awwissu 2016, il-Gvern Pollakk ippubblika 21 sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali;
L. billi l-pjanijiet tal-Gvern Pollakk li jżid l-estrazzjoni tal-injam mill-Foresta Białowieża għandhom l-għan li jindirizzaw l-invażjoni tal-foresta mill-ħanfusa tal-qxur tas-siġar, li kkawżat il-mewt ta' ħafna siġar u bidliet fl-ambjent lokali, inkluż żieda fil-livell tal-ilma, li huma ta' theddida għall-bijodiversità lokali;
1. Jissottolinja li skont il-Protokoll Nru 30, il-Polonja mhijiex marbuta bil-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sakemm dawn il-prinċipji ma jkunux rikonoxxuti mil-liġi jew mill-prattiki tal-Polonja;
2. Jenfasizza li l-Artikolu 5 tat-TUE, li jiddefinixxi l-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiddikjara li "fl-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklussiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri";
3. Jissottolinja li oqsma bħal-libertà u l-ġustizzja, kif ukoll l-ambjent, huma kompetenzi kondiviżi skont l-Artikolu 4 tat-TFUE, li l-kultura hija qasam li fih l-UE tista' biss twettaq azzjoni biex tappoġġa jew tikkoordina l-azzjoni tal-Istati Membri, u li l-oqsma tal-moralità pubblika u d-dritt tal-familja huma esklużi mill-kompetenza tal-UE;
4. Jenfasizza, għalhekk, li l-leġiżlazzjoni l-ġdida fil-Polonja, bħall-Att kontra t-Terroriżmu, u l-emendi għall-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali, l-Att dwar il-Prosekuzzjoni jew l-Att dwar is-Servizz tax-Xandir Pubbliku, m'għandhomx jinvolvu lill-istituzzjonijiet tal-UE, peress li, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-objettivi tagħhom jintlaħqu l-aħjar mill-awtoritajiet Pollakki;
5. Itenni li l-ebda liġi ġdida dwar l-abort mhi qiegħda titressaq fil-Parlament Pollakk, u jopponi bil-qawwa kwalunkwe ndħil mill-istituzzjonijiet tal-UE fl-oqsma tal-moralità pubblika u d-dritt tal-familja, li jistgħu jiġu indirizzati biss fil-livell tal-Istati Membri;
6. Jirrimarka li l-Qorti Kostituzzjonali hija marbuta bil-liġijiet adottati mill-parlament Pollakk; jenfasizza li s-sentenza tal-Qorti li tiddikjara liġi bħala inkostituzzjonali tikser ir-regola ta' kontrolli u bilanċi peress li din tagħmilha impossibbli għall-parlament li jeżerċita d-dritt kostituzzjonali tiegħu li jiddeċidi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti tal-Qorti; jenfasizza li din tpoġġi lill-Qorti 'l fuq mill-istituzzjonijiet kostituzzjonali l-oħra u 'l fuq mill-Kostituzzjoni nnifisha;
7. Ifakkar li l-kriżi kostituzzjonali bdiet taħt il-parlament preċedenti, li adotta liġi li tippermettilu jaħtar imħallfin għall-Qorti Kostituzzjonali għall-perjodu li jsegwi l-elezzjonijiet parlamentari, li sussegwentement ġew iddikjarati inkostituzzjonali mill-Qorti Kostituzzjonali; ifakkar ukoll li wħud mill-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali, inkluż il-President tagħha, ipparteċipaw b'mod attiv fi proċedimenti ta' kumitat li kien responsabbli għat-twaqqif ta' din il-liġi u ma opponewx l-arranġamenti matul dak iż-żmien;
8. Jissottolinja li l-gvern wera r-rieda tajba tiegħu u wieġeb it-talbiet tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kummissjoni ta' Venezja billi ħejja liġi ġdida dwar il-Qorti Kostituzzjonali u ppubblika 21 sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali; jinnota li din il-pubblikazzjoni telimina kwalunkwe inċertezza tad-dritt;
9. Jinnota li l-konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Polonja jinsabu għaddejjin fil-preżent; jenfasizza li l-Ispeaker tas-Sejm tar-Repubblika tal-Polonja (il-kamra inferjuri tal-Parlament Pollakk) ħatar grupp ta' esperti, miftuħ għal rappreżentanti tal-partiti parlamentari kollha, bil-kompitu li jħejji rakkomandazzjonijiet għal aktar ħidma parlamentari u li japplika, bl-aktar mod mifrux possibbli, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja għal dan il-qasam kollu kemm hu; jissottolinja li dan il-grupp temm ħidmitu u r-riżultati ġew ippubblikati uffiċjalment u mibgħuta lill-Kummissjoni;
10. Jenfasizza li l-azzjoni tal-gvern fil-Foresta Białowieża kienet meħtieġa biex tiġi salvata l-foresta u biex ikun hemm konformità mad-dritt tal-UE (id-Direttiva dwar il-Ħabitats), peress li nuqqas ta' azzjoni seta' wassal għal telf enormi ta' bijodiversità;
11. Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri jħarsu lejn ir-riżultati tar-referendum tat-23 ta' Ġunju 2016 fir-Renju Unit bħala sinjal importanti ta' skuntentizza ġenerali; jistedinhom jirriflettu dwar il-mod kif l-Unjoni għandha tiġi riformata sabiex tqarreb il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet lejn iċ-ċittadini u tiggarantixxi konformità akbar mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija Permezz tad-Dritt.