imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-promozzjoni tal-attività fiżika
Dominique Bilde
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-promozzjoni tal-attività fiżika
B8-1015/2016
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, skont rapport tas-Centre for Economics and Business Research (CEBR) ta' Ġunju 2015, l-Istati Membri tal-UE jonfqu medja ta' EUR 80,4 biljun fis-sena biex jittrattaw il-mard ikkaġunat minn nuqqas ta' attività fiżika u billi dawn l-ispejjeż mistennijin ikomplu jiżdiedu jekk l-Ewropej ma jagħmlux iżjed eżerċizzju;
B. billi 42 % taċ-ċittadini Ewropej qatt ma jagħmlu sport jew eżerċizzju fiżiku, skont stħarriġ tal-Ewrobarometru;
C. billi l-mard marbut ma' nuqqas ta' attività fiżika (dijabete tat-tip 2, mard tal-qalb, eċċ.) jidher li jikkaġuna madwar 500 000 każ ta' mewt fis-sena fl-Ewropa;
D. billi l-istudju jindika li l-Istati jistgħu jiffrankaw EUR 80,4 biljun jekk l-Ewropej kollha jagħmlu medja ta' 20 minuta eżerċizzju kuljum;
1. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw l-attività fiżika fl-iskejjel;
2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa l-azzjonijiet kollha favur attività fiżika regolari u tniedi kampanja ta' promozzjoni tal-isport u tal-benefiċċji u l-valuri tiegħu.