MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-passi li jmiss biex jintlaħqu l-għanijiet globali u l-impenji tal-UE rigward in-nutrizzjoni u s-sigurtà tal-ikel fid-dinja
28.9.2016 - (2016/2705(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Linda McAvan f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp
B8-1042/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-passi li jmiss biex jintlaħqu l-għanijiet globali u l-impenji tal-UE rigward in-nutrizzjoni u s-sigurtà tal-ikel fid-dinja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, u b'mod partikolari l-Artikolu 25 tagħha, li jirrikonoxxi d-dritt għall-ikel bħala parti mid-dritt għal livell ta' għajxien adegwat,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu li jirrikonoxxi d-dritt għal livell ta' għajxien adegwat, inkluż ikel adegwat, kif ukoll id-dritt fundamentali li dak li jkun ma jbatix il-ġuħ,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali adottat fl-2008, li jinforza d-dritt għall-ikel fil-livell internazzjonali,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ruma dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija, adottata fis-Summit Dinji dwar l-Ikel tal-1996 f'Ruma li tlaqqa' mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar id-Dritt għall-Ikel, adottati mill-FAO fl-2004, li joffru gwida lill-istati dwar il-mod kif jimplimentaw l-obbligi tagħhom fil-qasam tad-dritt għall-ikel,
– wara li kkunsidra l-istudju tal-FAO intitolat "Global food losses and food waste" ("It-telf u l-ħela tal-ikel fuq livell globali"), ippubblikat fl-2011, li jipprovdi informazzjoni preċiża dwar l-ammont ta' ikel li jinħela u jintilef kull sena,
– wara li kkunsidra t-Tieni Konferenza Internazzjonali dwar in-Nutrizzjoni, li saret f'Ruma mid-19 sal-21 ta' Novembru 2014, u d-Dokumenti ta' Eżitu tagħha, jiġifieri d-Dikjarazzjoni ta' Ruma dwar in-Nutrizzjoni u l-Qafas għal Azzjoni dwar is-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjoni fi Kriżijiet Imtawla,
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva ta' L'Aquila dwar is-Sigurtà Alimentari varata mill-G8 fl-2009,
– wara li kkunsidra l-moviment Scaling Up Nutrition (SUN), li għandu l-għan li jisfrutta l-kapaċità u r-rieda tal-partijiet ikkonċernati internazzjonali biex jingħata appoġġ lill-inizjattivi u lill-prijoritajiet immexxija mill-gvernijiet nazzjonali maħsuba biex jindirizzaw b'mod determinat in-nutrizzjoni insuffiċjenti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni Nru 65.6 tal-2012 tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa (WHA) dwar "Comprehensive implementation plan on maternal, infant and young child nutrition" ("Pjan ta' implimentazzjoni komprensiv dwar in-nutrizzjoni materna, tat-trabi u tat-tfal żgħar"),
– wara li kkunsidra l-Isfida Żero Ġuħ tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li ġiet imnedija f'Rio+20, li tistieden lill-gvernijiet, is-soċjetà ċivili, il-komunitajiet reliġjużi, is-settur privat u l-istituzzjonijiet ta' riċerka jingħaqdu biex itemmu l-ġuħ u jeliminaw l-agħar suriet ta' malnutrizzjoni,
– Wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/RES/70/259 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-1 ta' April 2016, intitolata "United Nations Decade of Action on Nutrition (2016-2025)" ("Għaxar Snin ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nutrizzjoni (2016–2025)"), li għandha l-għan li tiskatta azzjoni intensifikata biex jintemm il-ġuħ u tiġi eradikata l-malnutrizzjoni fid-dinja kollha, u tiżgura aċċess universali għal dieti aktar tajbin għas-saħħa u sostenibbli għall-bnedmin kollha, huma min huma u jgħixu fejn jgħixu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/RES/70/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-25 ta' Settembru 2015, intitolata "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" ("Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli"),
– Wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u n-natura interkonnessa u integrata tagħhom, b'mod partikolari l-SDG 1 (li jinqered il-faqar fis-suriet kollha tiegħu kullimkien), l-SDG 2 (li jintemm il-ġuħ, jintlaħqu s-sigurtà alimentari u nutrizzjoni mtejba u tiġi promossa l-agrikoltura sostenibbli, l-SDG 12 (li jiġu żgurati xejriet sostenibbli ta' konsum u ta' produzzjoni),
– wara li kkunsidra s-Sħubija ta' Busan għal Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp tal-1 ta' Diċembru 2011[1], u b'mod partikolari l-paragrafu 32 tagħha, li jirreferi għall-ħtieġa li jiġi rikonoxxut ir-rwol ċentrali tas-settur privat fl-avvanzar tal-innovazzjoni, il-ħolqien tal-ġid, id-dħul u l-impjiegi, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali u għaldaqstant fil-kontribut għall-qerda tal-faqar (l-SDG 1),
– Wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jiddikjara li l-azzjoni esterna tal-UE trid tikkontribwixxi għal għanijiet ta' żvilupp sostenibbli, għad-drittijiet tal-bniedem u għall-ugwaljanza bejn is-sessi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jsostni mill-ġdid li l-Unjoni trid tqis l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki li hija timplimenta li x'aktarx li jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna għall-Ikel, li ġiet ratifikata mill-Unjoni Ewropea fit-13 ta' Novembru 2013,
– wara li kkunsidra l-Kumpatt dwar in-Nutrizzjoni Global għat-Tkabbir, approvat waqt is-Summit dwar in-Nutrizzjoni għat-Tkabbir li sar f'Londra fit-8 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 intitolata "L-approċċ tal-UE għar-reżiljenza: nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel" (COM(2012)0586),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2013 intitolata, "Intejbu n-Nutrizzjoni Materna u dik tat-Tfal fl-Assistenza Esterna: Qafas Politiku tal-UE" (COM(2013)0141), u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sigurtà Alimentari u tan-Nutrizzjoni fl-Assistenza Esterna, tat-28 ta' Mejju 2013,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar in-Nutrizzjoni - It-tnaqqis b'7 miljuni sal-2025 tan-numru ta' tfal ta' taħt il-ħames snin li jkollhom twaqqif tal-iżvilupp[2], adottata mill-Kummissjoni fl-2014,
– wara li kkunsidra l-ewwel rapport ta' progress dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar in-Nutrizzjoni,
– Wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2014, intitolat "L-implimentazzjoni tal-impenji tal-politika tal-UE dwar is-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni: l-ewwel rapport bijennali." (COM(2014)0712),
– wara li kkunsidra l-valutazzjoni globali konġunta bejn l-UE, il-FAO, u l-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) ta' Marzu 2016, intitolata "Global analysis of food and nutrition security situation in food crisis hotspots" ("Analiżi globali tas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni f'postijiet fokali ta' kriżi tal-ikel"),
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida Volontarji, tal-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija, dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti fil-Kuntest tas-Sigurtà Alimentari Nazzjonali tal-11 ta' Mejju 2012,
– wara li kkunsidra l-Qafas għal Azzjoni dwar is-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjoni fi Kriżijiet Imtawla (FFA)[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-Alleanza l-Ġdida għas-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjoni[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà alimentari[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar in-nutrizzjoni insuffiċjenti u n-nutrizzjoni ħażina tat-tfal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar l-Expo Milano 2015: Ikel għall-Pjaneta, Enerġija għall-Ħajja[7],
– wara li kkunsidra l-Patt ta' Milan dwar il-Politika Alimentari Urbana tal-15 ta' Ottubru 2015[8], kif ġie mressaq mill-Kunsill tal-Belt ta' Milan u ġie ffirmat minn 113-il belt madwar id-dinja, u li tressaq lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, u li jixhed ir-rwol ewlieni li jaqdu l-bliet fit-tfassil tal-politiki alimentari,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar u l-passi li jmiss għall-kisba tal-għanijiet globali u tal-impenji tal-UE dwar in-nutrizzjoni u s-sigurtà alimentari fid-dinja (O-000099/2016 B8-0717/2016),
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-SDG 2 u l-għanijiet assoċjati tiegħu għandhom l-għan li jtemmu l-ġuħ u l-malnutrizzjoni sal-2030, speċjalment billi jiġu żgurati opportunitajiet għall-bdiewa ż-żgħar u tiżdied il-produttività tagħhom, u jintlaħaq l-iskop ta' agrikoltura u sistemi alimentari sostenibbli u reżiljenti għall-klima, li huma kapaċi jitimgħu popolazzjoni dinjija li mistennija tkun ta' 8.5 biljun ruħ sal-2030 filwaqt li jiġu mħarsa l-bijodiversità, l-ambjent u l-interessi u l-benesseri tal-bdiewa ż-żgħar;
B. billi l-bdiewa ż-żgħar, permezz tal-investimenti u l-produzzjoni tagħhom, jikkostitwixxu l-akbar attur tas-settur privat fil-qasam tal-agrikoltura, is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni;
C. billi d-dritt tal-bniedem għall-ikel jista' jiġi ssodisfat bis-sħiħ biss meta l-faqar u l-inugwaljanza jitnaqqsu drastikament, l-ugwaljanza tkun żgurata u r-reżiljenza għax-xokkijiet tkun imsaħħa, b'mod partikolari bit-twaqqif ta' xbieki ta' sikurezza soċjali bbażati fuq id-drittijiet u bl-iżgurar tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-gruppi vulnerabbli u l-iżgurar tal-aċċess għall-art u tal-kontroll tal-art, u tal-ġestjoni tar-riżorsi u assi produttivi oħra, għall-bdiewa ż-żgħar u l-komunitajiet tar-raħħala;
D. billi għalkemm sar progress fit-tnaqqis tal-malnutrizzjoni dan it-tnaqqis għadu bil-mod u b'mod irregolari wisq, u billi 795 miljun ruħ fid-dinja bħalissa m'għandhomx biżżejjed ikel biex jgħixu ħajja deċenti u attiva; billi wieħed minn kull tliet persuni huma malnutriti f'xi sura jew oħra;
E. billi fl-2012 l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa approvat sett ta' sitt objettivi globali dwar in-nutrizzjoni għall-2025, jiġifieri li jinkisbu tnaqqis ta' 40 % fl-għadd tat-tfal ta' taħt il-ħames snin li jkollhom twaqqif tal-iżvilupp, tnaqqis ta' 50 % tal-anemija fin-nisa ta' età riproduttiva, tnaqqis ta' 30 % fir-rata tal-piż baxx fit-twelid, prevenzjoni taż-żieda tal-piż żejjed fit-tfulija, żieda ta' mill-inqas 50 % fir-rata tat-treddigħ waħdu fl-ewwel sitt xhur u tnaqqis fl-għelubija fit-tfulija għal inqas minn 5 %;
F. billi t-treddigħ huwa l-aktar naturali u l-aqwa provvista tal-ikel għat-trabi tat-twelid u għat-tfal żgħar, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iżda n-nuqqas ta' għarfien tal-prattika u r-riżervi kulturali għadhom jirriżultaw fil-fatt li l-għadd ta' trabi li jiġu mreddgħa huwa wieħed insuffiċjenti;
G. billi fis-Summit dwar in-Nutrizzjoni għat-Tkabbir fl-2013, l-UE impenjat ruħha li tnaqqas it-twaqqif tal-iżvilupp b'minn tal-inqas 7 miljuni ruħ sal-2025 u wiegħdet EUR 3,5 biljun għall-perjodu 2014-2020 biex tintlaħaq din il-mira;
H. billi l-konsum ta' dożi inadegwati ta' nutrijenti matul l-ewwel 1 000 jum tal-ħajja ta' tarbija għandu konsegwenzi tas-saħħa, soċjali u ekonomiċi kruċjali, u billi wieħed minn kull sitt itfal fid-dinja huma taħt il-piż xieraq għalihom, 41 miljun tifel u tifla taħt il-ħames snin għandhom piż żejjed jew huma obeżi, u l-malnutrizzjoni hija l-kawża ta' madwar 45 % tal-imwiet tat-tfal ta' taħt il-ħames snin, u dan ifisser it-telfa bla bżonn ta' madwar 3 miljun ħajja ta' żagħżugħ u żagħżugħa fis-sena; billi n-nutrizzjoni insuffiċjenti fuq bażi kronika taffettwa madwar 161 miljun tifel u tifla fid-dinja;
I. billi n-nisa spiss huma aktar vulnerabbli għad-defiċjenza tan-nutrijenti, b'għadd ta' konsegwenzi severi, li jinkludu d-dgħajfien tal-produttività tagħhom u tal-kapaċità tagħhom li jipprovdu għall-familji tagħhom, u allura jibqa' jittawwal iċ-ċiklu interġenerazzjonali ta' malnutrizzjoni;
J. billi l-popolazzjoni dinjija mistennija li tilħaq it-8,5 biljun ruħ sal-2030;
K. billi miżuri effettivi biex il-ġlieda kontra l-ħtif tal-art fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż permezz ta' għażliet konkreti biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-pussess tal-art, huma essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet u l-impenji tal-UE dwar in-nutrizzjoni u s-sigurtà alimentari fid-dinja;
L. billi n-nutrizzjoni insuffiċjenti u d-dieta fqira huma bil-bosta l-akbar fatturi ta' riskju responsabbli għall-piż globali tal-mard;
M. billi l-ġlieda kontra l-malnutrizzjoni tinvolvi l-iżvilupp ta' politika agrikola sostenibbli li tipprivileġġja d-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba', bil-għan li jiġi fornut ikel nutrittiv u d-dieti jiġu diversifikati; billi, għal dan il-għan, il-kontroll, is-sjieda u l-affordabilità taż-żrieragħ huma essenzjali għar-reżiljenza tas-sigurtà alimentari tal-bdiewa ż-żgħar u l-bdiewa familjali;
N. billi l-issodisfar tad-dritt għall-ikel jiddependi, fost affarijiet oħra, mill-aċċess għall-art u riżorsi produttivi oħra;
O. billi l-ftehimiet kummerċjali ta' investiment jista' jkollhom effett detrimentali fuq is-sigurtà alimentari u l-malnutrizzjoni jekk il-kera jew il-bejgħ tar-raba' lill-investituri privati jkollhom ir-riżultat li l-popolazzjonijiet lokali jiġu mċaħħda mill-aċċess għar-riżorsi produttivi indispensabbli għall-għajxien tagħhom, jew jekk ikollhom ir-riżultat li proporzjonijiet kbar ta' ikel jiġu esportati jew mibjugħa fi swieq internazzjonali, u b'hekk l-istat ospitanti tal-esportazzjoni jsir jiddependi aktar mill-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi fis-swieq internazzjonali u jsir aktar vulnerabbli għalihom;
P. billi l-produzzjoni tal-bijokarburanti daħħlet pressjoni ġdida fis-sistema globali tal-ikel, billi ġabet kompetizzjoni għall-art u għall-ilma;
Q. billi l-produzzjoni insostenibbli tal-produzzjoni tal-laħam għandha impatt negattiv fuq is-sigurtà alimentari; billi terz taċ-ċereali fid-dinja qed jintużaw bħala għalf għall-annimali, filwaqt li l-espansjoni tal-mergħat u l-għelejjel tal-ikel hija għajn maġġuri ta' deforestazzjoni, b'mod speċjali fl-Amerika t'Isfel[9];
R. billi 240 miljun ruħ f'45 pajjiż b'introjtu baxx u/jew milqut minn kunflitt qed ibatu minn stress alimentari u tal-ilma u 80 miljun huma milquta minn kriżi tal-ikel, inklużi 41,7 miljun ruħ minħabba l-fenomenu El Niño tal-2016, li huwa l-aktar wieħed b'saħħtu li ilu ma jiġi osservat bħalu għexieren ta' snin;
S. billi skont l-UNICEF, 2 000 tifel u tifla taħt l-età ta' ħames diġà qegħdin imutu kuljum minn mard ikkawżat mit-tniġġis tal-ilma, u billi nofs is-sodod tal-isptar tad-dinja huma okkupati minn nies li qed ibatu minn mard ikkawżat mill-kwalità ħażina tal-ilma tax-xorb;
T. billi, sal-2050, 70 % tal-popolazzjoni dinjija se tkun qed tgħix fil-bliet u se jkun vitali aktar minn qatt qabel li jkun hemm approċċ magħqud fil-livelli lokali u globali lejn in-nutrizzjoni;
U. billi s-sigurtà tan-nutrizzjoni hija prekundizzjoni kruċjali tat-tkabbir sostenibbli u inklużiv, peress li l-konsegwenzi ekonomiċi tal-malnutrizzjoni jistgħu jirrappreżentaw telfiet ta' madwar 10 % tal-PDG kull sena, u billi, skont ir-Rapport Globali dwar in-Nutrizzjoni, tal-2015, maħruġ mill-FAO, kull dollaru minfuq biex jiżdiedu l-interventi fil-qasam tan-nutrizzjoni jipproduċi redditu ta' 16-il dollaru;
V. billi l-privatizzazzjoni taż-żrieragħ permezz tal-klawżoli tad-dritt ta' proprjetà intellettwali kif ukoll il-GMOs qed jheddu s-sovranità alimentari tal-pajjiżi;
1. Jafferma mill-ġdid l-importanza ta' azzjonijiet koordinati u aċċellerati b'mod ġenwin fost l-atturi globali, nazzjonali, lokali, governattivi, mhux governattivi u privati, inklużi korpi ta' riċerka xjentifika u industrijali, u fost id-donaturi, biex tiġi indirizzata l-malnutrizzjoni b'tali mod li titwettaq l-Aġenda 2030 u jintlaħaq l-SDG 2 biex jintemm il-ġuħ;
2. Jinnota li t-tfal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma mreddgħa minn ommhom għandhom 15-il darba inqas ċans li jmutu bil-pulmonite u 11-il darba inqas ċans li jmutu bid-dijarea minn tfal li ma ġewx imreddgħa;
3. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali, kif ukoll lill-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jimmobilizzaw, mingħajr dewmien, investimenti finanzjarji fuq terminu twil għas-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni u għal agrikoltura sostenibbli, u jsaħħu s-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni permezz ta' titjib fil-governanza u l-obbligu ta' rendikont u politiki sistemiċi dwar l-ikel u n-nutrizzjoni, li huma bbażati fuq id-drittijiet u li jieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, id-dimensjoni tal-ġeneru, l-agrikoltura sostenibbli, l-użu u l-aċċess għar-riżorsi naturali, l-ilma pubbliku, is-sanità pubblika u l-iġjene, u, min-naħa l-oħra, it-twaqqif u l-espansjoni ta' xbieki ta' sikurezza soċjali inklużivi, ibbażati fuq id-drittijiet, b'mod partikolari mmirati lejn l-aktar gruppi vulnerabbli u marġinali;
4. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati b'mod determinat il-problemi sistemiċi li jiġġeneraw nutrizzjoni fqira fil-forom kollha tagħha; jinnota bi tħassib li, fil-passat, il-promozzjoni ta' agrikoltura mmexxija mill-esportazzjoni operat b'detriment għall-irziezet tal-familja li jipproduċu għelejjel alimentari għall-konsum lokali; iqis li l-investiment mill-ġdid fil-produzzjoni lokali tal-ikel, iffukat b'mod partikolari fuq produtturi tal-ikel fuq skala żgħira u prattiki agroekoloġiċi, huwa kundizzjoni ewlenija għas-suċċess tal-istrateġiji tan-nutrizzjoni; iqis li huwa ugwalment essenzjali li jitwaqqfu skemi ta' protezzjoni soċjali biex jiżguraw li l-individwi kollha jkollhom aċċess għal ikel nutrittiv f'kull ħin;
5. Jinnota bi tħassib li terz tal-ikel li jiġi prodott madwar id-dinja – madwar 1.3 biljun tunnellata – jinħela; josserva li l-ikbar kwantità tinħela fl-Amerka ta' Fuq u fl-Oċeanja, fejn jispiċċaw fil-ħela kważi 300 kg ta' ikel għal kull persuna; jinnota li b'kollox, l-UE tipproduċi 88 miljun tunnellata ta' skart tal-ikel kull sena, filwaqt li madwar id-dinja, 842 miljun persuna – 12 % tal-popolazzjoni tad-dinja – qed ibatu l-ġuħ; jisħaq fuq il-bżonn li s-sistemi kollha tal-ikel jiġu adattati biex jiġu eliminati t-telf jew il-ħela tal-ikel;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joqogħdu attenti għall-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp fl-attivitajiet tagħhom u, għaldaqstant, jikkunsidraw ir-ramifikazzjonijiet tal-politiki tagħhom dwar il-kummerċ, l-agrikoltura, l-enerġija, eċċ. għas-sigurtà globali tal-ikel;
7. Jistieden lill-komunità internazzjonali u lill-UE jaħdmu mal-pajjiżi biex jappoġġjaw id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' miri nazzjonali dwar in-nutrizzjoni speċifiċi għall-kuntest, fattibbli u robusti skont l-SDGs, sabiex inaqqsu t-twaqqif fl-iżvilupp tat-tfal u l-malnutrizzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u d-Delegazzjonijiet tal-UE jippromwovu strateġiji u approċċi koordinati ta' nutrizzjoni u ta' sigurtà alimentari immexxija mill-pajjiż u jinkoraġġixxu t-titjib tal-monitoraġġ u l-obbligu ta' rendikont ta' dawn il-pajjiżi sħab;
8. Jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali jippromwovu d-"dritt tat-treddigħ" madwar id-dinja u jenfasizzaw l-importanza tat-treddigħ fil-kampanji ta' informazzjoni dwar is-saħħa tat-tfal u dik materna;
9. Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħmlu kull sforz biex titqajjem sensibilizzazzjoni pubblika Ewropea dwar il-problema persistenti madwar id-dinja kollha tan-nuqqas ta' nutrizzjoni, li b'mod partikolari taffettwa lit-tfal u lin-nisa;
10. Jenfasizza li l-produzzjoni lokali tal-ikel għandha tingħata prijorità f'azzjonijiet kontra n-nutrizzjoni insuffiċjenti, u jisħaq fuq l-importanza li jiġu appoġġjati l-bdiewa żgħar u l-bdiewa nisa bħala produtturi tal-ikel; jistieden lill-UE tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-bdiewa żgħar fl-iżvilupp ta' swieq lokali, ktajjen ta' valur lokali u faċilitajiet lokali tal-ipproċessar tal-ikel, kif ukoll fl-aċċess għalihom, flimkien mal-politiki tal-kummerċ li jappoġġjaw dawn l-isforzi, bħala parti mill-istrateġija globali tagħha dwar in-nutrizzjoni;
11. Jindika li, f'kuntest fejn il-biedja konvenzjonali hija kkaratterizzata minn sistema fardgħalla, il-bidla minn sistemi ta' tkabbir ta' prodotti tar-raba' diversifikati għal sistemi ssimplifikati bbażati fuq iċ-ċereali kkontribwixxiet għall-malnutrizzjoni fil-mikronutrijenti f'bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw; jappella lill-UE tikkommetti ruħha, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Ikel, għal bidla fundamentali lejn l-agroekoloġja bħala mod kif il-pajjiżi jistgħu jitimgħu lilhom infushom u jtejbu n-nutrizzjoni filwaqt li jindirizzaw l-isfidi klimatiċi u tal-faqar; b'mod partikolari, jistieden lill-UE u lill-gvernijiet tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jappoġġjaw id-diversità ġenetika tal-għelejjel tar-raba', jiġifieri permezz tat-twaqqif ta' sistemi ta' skambju taż-żrieragħ lokali, u regolamenti dwar iż-żrieragħ konsistenti mat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura, u jinvestu f'varjetà wiesgħa ta' għelejjel tal-ikel sustanzjużi, lokali u staġjonali konsistenti ma' valuri kulturali;
12. Ifakkar fl-importanza fundamentali għas-sovranità tal-ikel li jiġi żgurat l-aċċess tan-nies għall-art; jenfasizza li l-ħtif tal-art li jirriżulta minn akkwisti tal-art fuq skala kbira fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jirrappreżenta theddida ġdida għas-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti biex jiġi miġġieled il-ħtif tal-art u biex jiġi żviluppat pjan ta' azzjoni biex jiġi miġġieled il-ħtif tal-art u tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tal-Linji Gwida tal-FAO dwar id-Dritt għaż-Żamma ta' Art;
13. Jiddeplora l-fatt li l-politika tal-UE dwar il-bijokarburanti qed tinkoraġġixxi l-ispekulazzjoni tar-raba', b'mod partikolari raba' li hija mill-aktar fertili u li tinsab viċin portijiet jew toroq; iħeġġeġ lill-UE tneħħi, b'konformità mal-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, l-inċentivi pubbliċi għall-produzzjoni tal-bijofjuwils ibbażati fuq l-għelejjel;
14. Jisħaq li l-livell ta' investiment fin-nutrizzjoni, għadu essenzjalment inadegwat, b'interventi speċifiċi għan-nutrizzjoni jirċievu 0.57 % biss tal-assistenza globali uffiċjali għall-iżvilupp fl-2014, b'tali mod li ġew koperti 1.4 % biss tal-ħtiġijiet totali;
15. Jistenna li l-Kummissjoni tonora l-impenn tagħha li tinvesti EUR 3.5 biljun sabiex tnaqqas it-twaqqif fl-iżvilupp tat-tfal b'mill-inqas 7 miljuni sal-2025; jirrimarka li mill-EUR 3.5 biljun mwiegħda, EUR 400 miljun biss huma ddedikati għall-appoġġ ta' inverventi li huma speċifiċi għan-nutrizzjoni, filwaqt li l-EUR 3.1 biljun li jifdal huma previsti għall-interventi sensittivi għan-nutrizzjoni, li jindirizzaw kwistjonijiet relatati bħall-agrikoltura, is-sigurtà alimentari, il-ġeneru, l-ilma, is-sanità, l-iġjene u l-edukazzjoni, iżda li mhux neċessarjament jindirizzaw direttament il-kawżi immedjati tan-nuqqas ta' nutrizzjoni fit-tfal;
16. Jenfasizza li t-twaqqif tal-iżvilupp tat-tfal, imkejjel bħala li tifel jew tifla huma qosra wisq għall-età tagħhom u li jseħħ meta nutrizzjoni inadegwata kronika u infezzjonijiet ripetuti waqt l-ewwel 1 000 jum ta' ħajja jipprevjenu t-tkabbir u l-iżvilupp normali, huwa wieħed mill-ikbar ostakoli għall-iżvilupp tal-bniedem;
17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, qabel it-tieni Summit ta' Livell Għoli dwar in-Nutrizzjoni li se jsir fil-Brażil f'Awwissu 2016, jiżguraw tmexxija politika tal-UE u jippromwovu, kemm fil-livell globali kif ukoll dak reġjonali, l-ilħuq ta' miri maqbula internazzjonalment dwar in-nutrizzjoni li huma ċari u ambizzjużi; iħeġġeġ lid-Delegazzjonijiet tal-UE u lill-Kummissjoni jippromwovu strateġiji koordinati ta' nutrizzjoni u ta' sigurtà alimentari immexxija mill-pajjiż, filwaqt li jintegraw, b'kooperazzjoni ma' pajjiżi sħab, il-miri globali dwar in-nutrizzjoni fil-programmi ta' żvilupp u fl-istrateġiji tal-pajjiż kollha rilevanti;
18. Jistieden lill-UE tiżgura sistemi tal-produzzjoni tal-ikel sostenibbli u timplimenta prattiki agrikoli reżiljenti li jżidu l-produttività u l-produzzjoni, tiżgura l-prevenzjoni tad-distorsjonijiet kummerċjali fis-swieq agrikoli dinjija skont il-mandat taċ-Ċiklu ta' Doha għall-Iżvilupp, u tintegra lill-alimentaripajjiżi l-aktar affettwati fis-suq kummerċjali globali ħalli tiġi miġġielda b'mod determinat l-insigurtà ;
19. Iqis li r-rieżami tal-qafas finanzjarju tal-UE għandu jqis il-fatt li s-sikurezza u s-sigurtà alimentari se jkunu sfidi fis-snin li ġejjin, minħabba ż-żieda fil-pressjoni fuq ir-riżorsi; jirrimarka li dan jista' jintuża biex jiġu miġġielda t-tendenzi ta' malnutrizzjoni f'pajjiżi barra mill-UE kif ukoll fl-Istati Membri;
20. Jirrikonoxxi li minbarra t-twaqqif tal-iżvilupp tat-tfal, jeħtieġ li jiġu indirizzati wkoll manifestazzjonijiet oħra ta' malnutrizzjoni bħall-għelubija (piż baxx għall-istatura tat-tifel jew tifla) u d-defiċjenzi tal-mikronutrijenti permezz ta' politiki agrikoli sostenibbli u sistemi tas-saħħa; jirrimarka li l-prevalenza tal-għelubija fin-Nofsinhar tal-Asja hija tant gravi, ta' ftit inqas minn 15 %, li qed toqrob għal-livell ta' problema kritika tas-saħħa pubblika;
21. Jisħaq li l-għajnuna umanitarja li tindirizza l-problema tal-għelubija jeħtieġ li tkun ikkomplementata bi strateġiji tal-Kummissjoni li jorbtu flimkien l-interventi umanitarji u dawk tal-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefenixxi kontribut mill-programmi tal-iżvilupp għal impenn speċifiku ġdid u mira li tindirizza l-għelubija fit-tfal taħt il-ħames snin b'mod immedjat u effikaċi;
22. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu promossi programmi ta' edukazzjoni dwar in-nutrizzjoni fl-iskejjel u l-komunitajiet lokali;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas ta' politika ċar għal aktar appoġġ għax-xbieki ta' sikurezza soċjali nazzjonali, f'konformità ma' impenji nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, li wrew li, f'għadd ta' pajjiżi, huma mezz kruċjali kif tiżdied ir-reżiljenza u titnaqqas il-malnutrizzjoni;
24. Jisħaq li huwa stmat li jinħtieġ investiment addizjonali ta' USD 7 biljun kull sena biex jintlaħqu l-miri globali dwar it-twaqqif tal-iżvilupp fit-tfal, l-anemija fin-nisa u t-treddigħ, u li dan l-investiment jirriżulta fi 3.7 miljun ħajja ta' tifel u tifla salvati, minn tal-inqas 65 miljun tifel u tifla inqas li jbatu minn twaqqif tal-iżvilupp u 265 miljun mara inqas li jbatu minn anemija meta mqabbel mal-2015;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol ta' tmexxija aktar b'saħħtu fil-qasam tas-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni, billi ssaħħaħ l-impenji tagħha permezz ta' impenn addizzjonali ta' EUR 1 biljun li jindirizza interventi speċifiċi għan-nutrizzjoni sabiex tilħaq il-miri dwar in-nutrizzjoni tad-WHA u l-SDGs, u billi tiżviluppa strateġija ċara għal kif qed tippjana li timplimenta u tintegra dawn il-miri fil-pjani u l-politiki tagħha, kif ukoll tipprovdi pjan direzzjonali ċar għall-allokazzjoni tal-fondi mwegħda għall-perjodu 2016-2020;
26. Jistieden lill-Kummissjoni u lid-donaturi tal-Moviment għat-Tisħiħ tan-Nutrizzjoni (Scaling Up Nutrition (SUN)) jkomplu jirrappurtaw regolarment dwar il-progress li sar taħt l-impenji tan-nutrizzjoni għat-tkabbir, bl-użu ta' approċċ metodoloġiku komuni ta' traċċar tar-riżorsi kif maqbul fil-laqgħa tan-Network SUN tal-2013 f'Lusaka;
27. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-politiki kollha tal-UE jiġu allinjati mal-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp; jitlob, għalhekk, li l-politika kummerċjali u tal-iżvilupp tal-UE tirrispetta l-ispazju politiku u tal-politika ekonomika tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex huma jkunu jistgħu jistabbilixxu l-politiki meħtieġa biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli u d-dinjità għaċ-ċittadini tagħhom, inkluża s-sovranità tal-ikel;
28. Jappella biex jiġu żviluppati indikaturi speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-UE, inklużi indikaturi li jintraċċaw l-infiq sensittiv għan-nutrizzjoni u speċifiku għan-nutrizzjoni, billi jiġi rfinat il-kodiċi ta' nutrizzjoni bażika tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC) tal-OECD u billi jiġi żviluppat indikatur tad-DAC għall-interventi sensittivi għan-nutrizzjoni; jinsisti, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti miżuri rigorużi ta' monitraġġ u ta' obbligu ta' rendikont, u b'hekk jiġu żgurati t-trasparenza u t-traċċar effikaċi tal-progress;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-bdiewa żgħar fl-esperimentazzjoni u l-adozzjoni ta' prattiki agrikoli aktar reżiljenti u produttivi (dawk li jissodisfaw il-kriterji li huma "intelliġenti fil-livell klimatiku" u agroekoloġikament tajba) li jgħinu biex ireġġgħu lura d-degradazzjoni ambjentali u jtejbu l-affidabilità u l-adegwatezza tal-għajxien agrikolu, kundizzjoni meħtieġa għal sigurtà alimentari u nutrizzjoni mtejba;
30. Jisħaq li d-dritt għall-ilma jmur id f'id mad-dritt għall-ikel u li r-riżoluzzjoni tan-NU tal-2010 għadha ma ssarfitx f'azzjoni deċiżiva biex tistabbilixxi d-dritt għall-ilma bħala dritt tal-bniedem;
31. Jistieden lill-Kummissjoni u lil donaturi u korpi oħra biex itejbu l-ġbir ta' data diżaggreggat u komprensiv sensittiv għan-nutrizzjoni sabiex l-azzjonijiet futuri jkunu mmirati aħjar;
32. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jittieħed approċċ olistiku għall-isfida tan-nuqqas ta' nutrizzjoni, li teħtieġ azzjoni f'firxa wiesgħa ta' setturi ekonomiċi u soċjali; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza tas-sħubijiet diversi tal-partijiet ikkonċernati u r-rwol essenzjali tas-settur privat fit-titjib tas-sigurtà alimentari u ż-żieda fl-interventi speċifiċi għan-nutrizzjoni, b'mod partikolari billi tiġi innovata u jsiru investimenti fl-agrikoltura sostenibbli, u jittejbu l-prattiki soċjali, ekonomiċi u ambjentali fil-biedja u fis-sistemi tal-ikel;
33. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli taġixxi bħala promotur fost id-donaturi fil-qerda tal-malnutrizzjoni billi żżid l-isforzi tagħha biex tissodisfa l-impenji tagħha u billi ssemma' l-vuċi tagħha u tagħti l-appoġġ tagħha biex tiżgura li jkun hemm mument biex issir verifika dwar il-progress li jkun sar fil-konfront tal-impenji tan-Nutrizzjoni għat-Tkabbir tal-2013 u biex isiru offerti addizzjonali biex jimtela d-distakk fil-finanzjament tan-nutrizzjoni;
34. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Unjoni Afrikana, lill-FAO u lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
- [1] http://www.oecd.org/development/effectiveness/49650173.pdf
- [2] SWD(2014)0234.
- [3] FAO (2015), Framework for Action for Food Security and Nutrition in Protracted Crises (FFA) ("Qafas għal Azzjoni dwar is-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjoni fi Kriżijiet Imtawla (FFA)") http://www.fao.org/3/a-bc852e.pdf
- [4] Testi adottati, P8_TA(2016)0247.
- [5] ĠU C 56E, 26.2.2013, p. 75.
- [6] ĠU C 289, 9.8.2016, p. 71.
- [7] Testi adottati, P8_TA(2015)0184.
- [8] http://www.foodpolicymilano.org/wp-content/uploads/2015/10/Milan-Urban-Food-Policy-Pact-EN.pdf
- [9] Sorsi: Rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar id-dritt għall-ikel, Olivier De Schutter, 24 ta' Jannar 2014, http://www.srfood.org/images/stories/pdf/officialreports/20140310_finalreport_en.pdf