MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Konferenza 2016 tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima f'Marrakexx, il-Marokk (COP 22)
28.9.2016 - (2016/2814(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Giovanni La Via, Peter Liese, Jo Leinen, Julie Girling, Gerben-Jan Gerbrandy, Estefanía Torres Martínez, Bas Eickhout, Marco Affrontef'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
B8-1043/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Konferenza 2016 tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima f'Marrakexx, il-Marokk (COP 22)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto tagħha,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21, u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) tal-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 11) li saru f'Pariġi, Franza, mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra t-18-il Konferenza tal-Partijiet (COP 18) tal-UNFCCC u t-8 Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 8) li saru f'Doha, il-Qatar, mis-26 ta' Novembru sat-8 ta' Diċembru 2012, u l-adozzjoni ta' emenda għall-Protokoll li jistabbilixxi t-tieni perjodu ta' impenn skont il-Protokoll ta' Kjoto li jibda fl-1 ta' Jannar 2013 u jispiċċa fl-31 ta' Diċembru 2020,
– wara li kkunsidra li l-Ftehim ta' Pariġi nfetaħ għall-iffirmar fit-22 ta' April fi ħdan is-sede tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) ta' New York u li se jibqa' miftuħ sal-21 ta' April 2017, li l-180 Stat li ffirmaw il-Ftehim ta' Pariġi u li, fis-7 ta' Settembru 2016, 27 Stat li jirrappreżentaw total ta' 39,08 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet globali b'effett ta' serra ddepożitaw l-istrumenti tar-ratifika tagħhom,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ottubru 2015 intitolata "lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi"[1],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Wara Pariġi: valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-Ftehim ta' Pariġi" (COM(2016)0110),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2013 intitolata "Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima" (COM(2013)0216) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawha,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u tal-24 ta' Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra li l-kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, imressqa fis-6 ta' Marzu 2015 lill-UNFCC mil-Latvja u mill-Kummissjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ħames Rapport ta' Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) u r-Rapport ta' Sinteżi tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) ta' Novembru 2014 intitolat "The Emissions Gap Report 2014" (Rapport tal-2014 dwar id-distakk f'termini ta' emissjonijiet) u l-"Adaptation Gap Report 2014" (Rapport tal-2014 dwar id-distakk f'termini ta' adattament) tal-UNEP;
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja adottata fis-Summit tal-G7 li sar fi Schloss Elmau, fil-Ġermanja, mis-7 sat-8 ta' Ġunju 2015, intitolata "Think ahead. Act together" (Naħsbu fil-futur. Naġixxu flimkien), li fiha tennew il-ħsieb tagħhom li jonoraw l-impenn li ħadu biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra minn 40 għal 70 % sal-2050 meta mqabbel mal-2010, u dan it-tnaqqis jeħtieġ ikun eqreb lejn is-70 % milli l-40 %;
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja adottata fis-Summit tal-G7 li sar f'Ise-Shima, fil-Ġappun, fis-26 u s-27 ta' Mejju 2016, li tappella lill-Partijiet kollha jistinkaw sabiex il-Ftehim ta' Pariġi jidħol fis-seħħ fl-2016,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Frar 2016 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku intitolat "Too late, too sudden: Transition to a low-carbon economy and systemic risk" (Tard wisq, wisq f'daqqa: tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u riskju sistemiku),
– wara li kkunsidra l-"10 key messages on Climate Change" (10 messaġġi ewlenin dwar it-Tibdil fil-Klima) tal-Grupp Internazzjonali dwar ir-Riżorsi ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0000/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Ftehim ta' Pariġi jidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara d-data li fiha tal-anqas 55 Parti tal-Konvenzjoni, li b'kollox jikkostitwixxu tal-anqas 55 % tal-emissjonijiet totali globali tal-gassijiet b'effett ta' serra, ikunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni man-NU;
B. billi l-isforzi li jittaffa t-tisħin globali m'għandhomx jitqiesu bħala ostakolu għall-kisba tat-tkabbir ekonomiku, iżda, anzi, għandhom jitqiesu bħala forza ewlenija fit-twettiq tat-tkabbir ekonomiku u l-impjieg ġodda u sostenibbli;
C. billi t-tibdil fil-klima jista' jżid il-kompetizzjoni għar-riżorsi, bħall-ikel, l-ilma, il-mergħat, jista' jiggrava d-diffikultajiet ekonomiċi u l-instabbiltà politika, u aktarx jista' jsir l-akbar mutur ta' spostamenti tal-popolazzjonijiet, kemm fi ħdan kif ukoll bejn il-fruntieri nazzjonali fil-ġejjieni mhux daqshekk imbiegħed; billi l-kwistjoni tal-migrazzjoni marbuta mat-tibdil fil-klima għandhom għalhekk titpoġġa fuq nett fl-aġenda internazzjonali;
D. billi l-aktar effetti gravi tat-tibdil fil-klima se jinħassu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment il-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, li ma għandhomx biżżejjed riżorsi biex jippreparaw ruħhom u jadattaw għat-tibdil li għaddej; billi skont l-IPCC, l-Afrika hija partikolarment vulnerabbli għall-isfida maħluqa mit-tibdil fil-klima u, għaldaqstant, partikolarment esposta għall-istress idriku, għall-fenomeni meteoroloġiċi estremament vjolenti u għall-insigurtà alimentari kaġun tan-nixfa u tad-deżertifikazzjoni;
E. billi fis-6 ta' Marzu 2015, l-UE u l-Istati Membri tagħha ppreżentaw il-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali tagħhom lill-UNFCCC, li jimpenjahom favur objettiv vinkolanti ta' tnaqqis minimu ta' 40 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2030 fl-Unjoni, meta mqabbla mal-livelli tas-snin disgħin, kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar il-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030;
Azzjoni klimatika fuq bażi xjentifika solida
1. Ifakkar li, skont il-provi xjentifiċi ppreżentati fir-Rapport ta' Valutazzjoni tal-IPCC tal-2014, it-tisħin tas-sistema klimatika huwa inekwivoku, it-tibdil fil-klima qiegħed tabilħaqq iseħħ u l-attivitajiet tal-bniedem kienu l-kaġun dominanti tat-tisħin li ġie osservat minn-nofs is-seklu XX; jinsab imħasseb li l-impatti mifruxa u sostanzjali tat-tibdil fil-klima huma diġà evidenti fis-sistemi naturali u umani fil-kontinenti kollha u fl-oċeani;
2. Jieħu nota tal-konklużjonijiet tas-segretarjat tal-UNFCCC, skont liema, jekk l-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra se jibqgħu fil-livell attwali tagħhom, fil-ħames snin li ġejjin se jispiċċa l-baġit tal-karbonju li fadal stabbilit biex jillimita ż-żieda medja tat-temperatura globali għal mhux aktar minn 1,5 °C; jisħaq li l-pajjiżi kollha għandhom jaċċeleraw it-tranżizzjoni lejn emissjonijiet żero netti ta' gassijiet b'effett ta' serra u reżiljenza klimatika kif miftiehem fil-Ftehim ta' Pariġi sabiex jiġu evitati l-agħar impatti tat-tisħin globali;
3. Iħeġġeġ lill-pajjiżi żviluppati, partikolarment lil dawk tal-UE, inaqqsu drastikament l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, lil hinn mill-impenji attwali, bil-għan li jiġi evitat, kemm jista' jkun, okkorrenza fuq skala kbira tal-emissjonijiet negattivi, billi għadu ma ntweriex li t-teknoloġiji fil-qasam jaħdmu sewwa u b'mod soċjalment aċċettabbli, kosteffikaċi u bla periklu;
In-natura urġenti tar-ratifika u tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi
4. Jilqa' pożittivament il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima bħala kisba storika għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għall-multilateraliżmu; iqis li jirrappreżenta ftehim ambizzjuż, ibbilanċjat, ekwu u ġuridikament vinkolanti, u li l-adozzjoni tiegħu flimkien mal-fatt li 187 Parti ħabbru, qabel it-tmiem tal-COP 21, il-kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali, jimmarkaw żvolta deċiżiva fit-triq ta' azzjoni globali, komprensiva u kollettiva u ladarba jkunu implimentati, dan il-ftehim u dawn il-kontributi se jaċċeleraw b'mod definittiv u irreversibbli t-tranżizzjoni lejn ekonomija globali reżiljenti għat-tibdil fil-klima u klimatikament newtrali;
5. Jilqa' b'entużjażmu l-impenn min-naħa tal-pajjiżi kollha biex jillimitaw iż-żieda tat-temperatura medja globali sew taħt iż-2 °C meta mqabbel mal-livelli preindustrijali u jkomplu bl-isforzi maħsuba biex jillimitaw din iż-żieda għal 1,5 °C, kif ukoll l-għan li jinlaħaq bilanċ bejn l-emissjonijiet antropoġeniċi mill-għejun u l-assorbiment mill-bjar tal-gassijiet b'effett ta' serra ("emissjonijiet żero netti") matul it-tieni nofs ta' dan is-seklu, fuq il-bażi tal-prinċipju ta' ekwità;
6. Ifakkar li l-limitazzjoni taż-żieda tat-temperatura globali għal sew anqas minn 2 °C ma tiggarantixxix li jiġu evitati impatti klimatiċi negattivi sinifikanti; jirrikonoxxi li jeħtieġ li jiġi żviluppat fehim ċar tal-implikazzjonijiet politiċi speċifiċi sabiex iż-żieda tat-temperatura globali tiġi limitata għal medja ta' 1,5 °C; japprezza għalhekk it-tħeijja ta' rapport speċjali tal-IPCCfl-2018 għal dan l-iskop; jenfasizza l-kontribut potenzjali tal-bjar tal-karbonju għan-newtralità tal-emissjonijiet ma għandux ikun sopravalutat;
7. Ifakkar li bil-għan li tkun limitata ż-żieda tat-temperatura medja globali taħt iż-2 °C, filwaqt li jitkomplew l-isforzi maħsuba biex jillimitaw din iż-żieda għal 1,5 °C, jeħtieġ li d-dekarbonizzazzjoni ssir fi stadju bikri u li l-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra jilħqu l-livell massimu tagħhom mill-aktar fis possibbli; ifakkar li l-emissjonijiet globali għandhom jiġu eliminati b'mod gradwali sal-2050 jew ftit wara; jistieden lill-partijiet kollha f'pożizzjoni li jagħmlu dan jimplimentaw l-objettivi u l-istrateġiji ta' dekarbonizzazzjoni nazzjonali tagħhom billi jagħtu prijorità lill-eliminazzjoni gradwali tal-emissjonijiet mill-faħam, li huwa l-aktar sors niġġies tal-enerġija u jistieden lill-UE sabiex taħdem mas-sħab internazzjonali tagħha għal dan l-għan, filwaqt li turi eżempji ta' prattika tajba;
8. Jenfasizza li l-Ftehim ta' Pariġi, ġuridikament vinkolanti, u l-perkors lejn id-dekarbonizzazzjoni traċċat se joffru gwida affidabbli biex jittieħdu d-deċiżjonijiet, jevitaw intrappolament li jqum il-flus li jwassal għal investimenti f'attivitajiet b'emissjonijiet għoljin tal-karbonju, joffru ċertezza u prevedibbiltà lill-impriżi u lill-investituri u jinkoraġġixxu t-tranżizzjoni tal-investimenti mill-fjuwils fossili lejn investimenti b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju;
9. Jenfasizza li anki fin-nuqqas ta' provi xjentifiċi ta' xi jfisser il-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C għal kull settur u reġjun, huwa ċar li l-isforzi attwali mill-pajjiżi mhumiex biżżejjed sabiex jintlaħqu dawn il-limiti sikuri għall-aktar pajjiżi vulnerabbli; iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha, speċjalment lill-pajjiżi żviluppati, sabiex flimkien jintensifikaw l-isforzi u jgħollu l-kontributi determinati fil-livell nazzjonali tagħhom fil-kuntest tad-djalogu ta' faċilitazzjoni fl-2018; jistieden lill-UE timpenja ruħha favur aktar tnaqqis fl-emissjonijiet fil-kontribut determinat fil-livell nazzjonali tagħha għall-2030 f'dak il-kuntest;
10. Jilqa' pożittivament l-impenn meħud fil-Ftehim ta' Pariġi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal żero netti matul it-tieni nofs tas-seklu; jagħraf li dan ifisser li ħafna mis-setturi fl-UE jridu jiksbu emissjonijiet żero ferm qabel; jissottolinja li l-UE jeħtiġilha teżerċita pressjoni fuq il-Partijiet li mhumiex fuq perkors konformi mal-Ftehim ta' Pariġi;
11. Iħeġġeġ id-dħul fis-seħħ bikri tal-Ftehim ta' Pariġi u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw ir-ratifika bikrija u rapida sabiex ma jkunx hemm dewmien fid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament u lill-kumitati responsabbli dwar l-fażijiet milħuqa fil-proċess ta' ratifika, u speċjalment dwar ir-raġunijiet għal kwalunkwe ostakolu potenzjali li qiegħda tħabbat wiċċha miegħu; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li għadd ta' Stati Membri diġà bdew, u wħud minnhom diġà kkompletaw, il-proċeduri ta' ratifika nazzjonali tagħhom;
12. Jiddispjaċih, madankollu, li s-somma tal-kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali kollha lanqas iqarrbu lid-dinja lejn l-għan taż-2 °C; jirrimarka hija meħtieġa aktar ambizzjoni u jappella għal azzjoni miftiehma mill-UE u minn min hu għajn ewlenija ta' emissjonijiet iqarrbu l-kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali lejn l-objettiv taż-2 °C; jenfasizza l-urġenza u l-importanza kritika li l-Partijiet kollha, inkluża l-UE, isaħħu l-impenji ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom fl-kontributi determinati fil-livell nazzjonali tagħhom kull ħames snin skont il-mekkaniżmu ta' ambizzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; iqis li l-kontributi determinati fil-livell nazzjonali huma strumenti ewlenin fl-ippjanar tal-iżvilupp nazzjonali f'sinerġija mal-Għanijiet ta' Żvilupp; Sostenibbli;
13. Jisħaq fuq l-importanza li l-UE turi l-adeżjoni tagħha mal-Ftehim ta' Pariġi, partikolarment billi tirrivedi l-għanijiet tagħha fit-terminu medju u twil u l-istrumenti politiċi tagħha, u li tibda dan il-proċess mill-aktar fis possibbli biex tippermetti li jsir dibattitu komprensiv li fih il-Parlament għandu jiżvolġi rwol ċentrali fi sħubija mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, tas-soċjetà ċivili u tad-dinja tan-negożju; jistieden lill-Kummissjoni tħejji strateġija għal emissjonijiet żero sa nofs is-seklu għall-UE, li toffri perkors kosteffikaċi lejn l-ilħuq tal-għan ta' emissjonijiet żero netti adottat fil-Ftehim ta' Pariġi;
Il-COP 22 f'Marrakexx
14. Jemmen li n-negozjati għandhom jagħmlu progress fir-rigward tal-elementi importanti tal-Ftehim ta' Pariġi, partikolarment qafas ta' trasparenza msaħħa, id-dettalji tal-bilanċ globali, gwida ulterjuri fil-qasam tal-kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali, fehim tad-differenzjazzjoni, tat-telf u tad-danni, il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, governanza inklużiva f'bosta livelli kif ukoll mekkaniżmu maħsub biex jaġevola l-implimentazzjoni u l-promozzjoni tal-konformità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jirrispettaw l-impenji maqbula fi ħdan il-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi, speċjalment rigward il-kontribut tal-UE għall-mitigazzjoni u għall-adattament kif ukoll l-appoġġ tagħha fil-qasam tal-finanzi, tat-trasferiment ta' teknoloġiji u tal-bini ta' kapaċitajiet, minkejja kwalunkwe bidla fl-istatus tal-Istati Membri tal-UE;
15. Jisħaq li ma hemmx żmien x'jinħela fl-isforzi konġunti tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u sabiex jiġi onorat il-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza li l-UE għandha kemm il-kapaċità kif ukoll ir-responsabbiltà li tmexxi bl-eżempju u tibda minnufih l-ħidma ta' allinjament tal-objettivi tal-klima u tal-enerġija tagħha bil-għan internazzjonali maqbul ta' limitazzjoni taż-żieda fit-temperatura medja tal-pjaneta għal inqas minn 2 °C, filwaqt li tkompli bl-isforzi sabiex tillimita dik iż-żieda għal 1,5 °C;
16. Jinkoraġġixxi lill-UE u l-Istati Membri jkomplu bl-involviment attiv tagħhom fl-hekk imsejħa Koalizzjoni b'Ambizzjoni Għolja u jimpenjaw ruħhom biex iħaffu l-progress tan-negozjati u jsostnu l-Presidenza Marokkina fl-attenzjoni tagħha lejn il-kontribut tal-enerġiji rinnovabbli u l-miżuri ta' adattament fil-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima;
17. Jenfasizza l-ħtieġa li jinbdew diskussjonijiet dwar il-forma tad-"djalogu ta' faċilitazzjoni" tal-2018 li se jkun opportunità importanti sabiex jingħalaq id-distakk persistenti fir-rigward tal-mitigazzjoni minħabba l-kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali attwali; jemmen li l-UE għandha tiżvolġi rwol proattiv f'dan l-ewwel djalogu ta' faċilitazzjoni sabiex jittieħed bilanċ tal-ambizzjoni kollettiva u l-progress fl-implimentazzjoni tal-impenji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jressqu ferm qabel id-djalogu ta' faċilitazzjoni aktar tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra li jmorru lil hinn mill-impenji attwali fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi u jikkontribwixxu b'mod adegwat sabiex jingħalaq id-distakk fir-rigward tal-mitigazzjoni skont il-kapaċitajiet tal-UE;
18. Ifakkar li t-tisħiħ tal-azzjoni ta' mitigazzjoni fil-perjodu ta' qabel l-2020 huwa prerekwiżit assolut sabiex jintlaħqu l-għanijiet fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi u element importanti għall-valutazzjoni tas-suċċess tas-COP 22 ta' Marrakexx;
Ambizzjonijiet ta' qabel l-2020 u l-Protokoll ta' Kjoto
19. Josserva li l-UE qiegħda issa fit-triq it-tajba biex tmur lil hinn mill-objettivi tagħha ffissati fl-2020 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u tilħaq l-objettiv tagħha ffissat fl-2020 f'dawk li huma enerġiji rinnovabbli u li sar titjib sinifikanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-intensità enerġetika bis-saħħa ta' binjiet, prodotti, proċessi industrijali u vetturi aktar effiċjenti, filwaqt li l-ekonomija Ewropea kibret f'termini reali b'45 % mill-1990; jenfasizza, madankollu, il-bżonn ta' aktar ambizzjoni u azzjoni ħalli jinżammu biżżejjed inċentivi għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra meħtieġ biex jintlaħaq l-objettivi tal-2050 fir-rigward tal-klima u tal-enerġija tal-UE; jissottolinja li ma sarx biżżejjed progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fis-setturi tat-trasport u tal-agrikoltura fir-rigward tal-objettivi tal-2020 u li jridu jiżdiedu l-isforzi fid-dawl tal-kontributi ta' dawn is-setturi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030;
20. Jenfasizza li l-objettivi 20/20/20 għall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, għall-enerġija rinnovabbli u għall-iffrankar tal-enerġija żvolġew rwol fundamentali biex dan il-progress jingħata spinta u biex jiġu sostnuti l-impjiegi ta' aktar minn 4,2 miljun persuna f'diversi ekoindustriji, bi tkabbir kontinwu rreġistrat matul il-kriżi ekonomika;
21. Jiċċara li, għalkemm it-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto huwa limitat fil-portata tiegħu, għandu jitqies bħala pass intermedju importanti ħafna, u jistieden għalhekk lill-Partijiet, inklużi l-Istati Membri tal-UE, ilestu l-proċess ta' ratifika mill-aktar fis possibbli; josserva li l-Parlament għamel il-parti tiegħu billi ta l-approvazzjoni tiegħu u japprezza il-fatt li l-Istati Membri diġà lestew il-proċessi interni tagħhom;
Sforz komprensiv fis-setturi kollha
22. Jilqa' pożittivament l-iżvilupp globali ta' skema għan-negozjar ta' emissjonijiet, inklużi 17-il skema għan-negozjar ta' emissjonijiet operanti fl-erba' kontinenti, li jammontaw għal 40 % tal-PDG globali u jgħinu biex jonqsu l-emissjonijiet globali b'manjiera kosteffikaċi; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippromwovi rabtiet bejn l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet u skemi analogi oħrajn bil-għan li jinħolqu mekkaniżmi internazzjonali tas-suq tal-karbonju biex tiżdied l-ambizzjoni fil-qasam tal-klima u kontemporanjament jgħinu biex jonqos ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju bis-saħħa tal-introduzzjoni ta' kundizzjonijiet ta' parità; jitlob sabiex isiru sforzi importanti ħalli kull Stat Membru li jibdel l-istatus jibqa' fl-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi salvagwardji li jiżguraw li r-rabtiet bejn l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet jagħtu kontributi ta' mitigazzjoni permanenti u ma jtellifx l-objettiv tal-UE tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;
23. Jenfasizza li, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-IPCC, l-emissjonijiet mill-art (użu agrikolu, għat-trobbija tal-bhejjem, għall-foresti u użu ieħor) għandhom potenzjal kosteffikaċi sinifikanti għall-mitigazzjoni u għat-tisħiħ tar-reżiljenza, u li, għaldaqstant, l-azzjoni tal-UE u l-kooperazzjoni internazzjonali jeħtieġu li jissaħħu biex issir stima u ottimizzazzjoni aħjar tal-potenzjal tal-qbid tal-karbonju tal-emissjonijiet mill-art u sabiex jiġi żgurat sekwestru sikur u durevoli tas-CO2; josserva l-opportunitajiet partikolari assoċjati mal-agroforestrija f'dan ir-rigward; jindika l-ftehim importanti li ntlaħaq fil-bidu tal-leġislatura dwar it-tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC), u jittama li f'dik l-okkażjoni l-kontribut tal-Parlament għan-negozjati jkun jista' jifforma l-bażi għal soluzzjoni ambizzjuża matul ir-reviżjoni imminenti tar-regoli;
24. Josserva li d-deforestazzjoni u d-degrad forestali huma responsabbli mill-20 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra, u jenfasizza r-rwol tal-foresti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet adattivi u r-reżistenza tal-foresti għat-tibdil fil-klima; jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi ta' mitigazzjoni ffukati fuq is-settur tal-foresti tropikali (REDD+); jisħaq li mingħajr dawn l-isforzi ta' mitigazzjoni x'aktarx ikun impossibbli li jintlaħaq l-għan li t-tisħin globali jiġi limitat għal inqas minn 2 °C; jistieden barra minn hekk lill-UE ssaħħaħ il-finanzjament internazzjonali għat-tnaqqis tad-deforestazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
25. Jitlob li l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) jiddaħħlu fil-qafas tal-UE għall-klima u għall-enerġija għall-2030, billi huwa neċessarju li dawk l-emissjonijiet jitqiesu b'mod separat sabiex jiġi evitat li l-bir tal-LULUCF tal-UE jintuża sabiex jitnaqqas l-isforz ta' mitigazzjoni f'setturi oħrajn;
26. Ifakkar li t-trasport huwa t-tieni l-akbar settur ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; jiddispjaċih li t-trasport bl-ajru u marittimu internazzjonali ma jissemmewx fil-Ftehim ta' Pariġi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi stabbilita firxa ta' politiki bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet minn dan is-settur; itenni l-ħtieġa li l-Partijiet tal-UNFCCC jaġixxu biex jirregolaw u jillimitaw b'mod effikaċi l-emissjonijiet mit-trasport bl-ajur u marittimu internazzjonali, f'konformità mal-ħtiġijiet u mal-urġenza tas-sitwazzjoni; jappella lill-Partijiet kollha biex jaħdmu permezz tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) biex jiżviluppaw qafas ta' politika globali li tippermetti risposta effikaċi, u jieħdu miżuri biex jiffissaw objettivi adegwati qabel tmiem l-2016 biex jinkiseb it-tnaqqis neċessarju fid-dawl tal-objettiv taż-żamma taż-żieda tat-temperatura sew anqas minn 2 °C;
27. Ifakkar li l-gassijiet b'effett ta' serra mill-avjazzjoni ġew inkorporati fl-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet fl-1 ta' Jannar 2012, li obbliga lill-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru fl-ambitu tal-iskema jiksbu kwoti ta' emissjonijiet tal-karbonju; josserva l-adozzjoni ta' żewġ Deċiżjonijiet li "jwaqqfu l-arloġġ" fl-2013 u l-2014, li temporanjament naqqsu l-kamp ta' applikazzjoni tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet billi eskludew lit-titjiriet internazzjonali sabiex taw lill-ICAO żmien biex tiżviluppa Miżura Globali Bbażata fuq is-Suq (GMBM) bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali, u josserva li din l-eżenzjoni se tiskadi mill-2017 'il quddiem;
28. Jappella biex aktar tard din is-sena l-ICAO tistabbilixxi GMBM ġusta u robusta li għandha tiġi implimentata fil-livell internazzjonali mill-2020 'il quddiem; jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu bil-proposta attwali diskussa fi ħdan l-ICAO u jfakkar li kwalunkwe emenda tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-inklużjoni tal-avjazzjoni fl-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet tista' titqies biss jekk il-GMBM tkun ambizzjuża u li fi kwalunkwe każ it-titjiriet intra-Ewropej se jkomplu jkunu koperti mill-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet;
29. Jevidenzja t-twissija mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) li jekk ma jkunx magħruf fil-pront kemm huwa importanti li jiġu kkontrollati l-emissjonijiet, dan jista' jwassal għal implimentazzjoni għaġġelija ta' restrizzjonijiet fuq il-kwantità fuq l-użu ta' sorsi tal-enerġija intensivi fil-karbonju u li l-ispejjeż tat-tranżizzjoni se jkunu għoljin b'mod korrispondenti, b'effetti potenzjali fuq l-attività ekonomika u l-istituzzjonijiet finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta r-riskji sistemiċi potenzjali assoċjati ma' tranżizzjoni għaġġelija, u, meta jkun hemm bżonn, tipproponi rekwiżiti dwar it-trasparenza fis-suq finanzjarju u politiki għall-mitigazzjoni tar-riskji sistemiċi kemm jista' jkun;
30. Jisħaq fuq ir-rwol ċentrali li se tiżvolġi l-ekonomija ċirkolari favur soċjetà kkaratterizzata minn emissjonijiet baxxi ta' karbonju; josserva li l-azzjonijiet li jagħmlu enfasi biss fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet bla ma jqisu l-kontribut tal-użu tal-enerġija rinnovabbli u użu effiċjenti tar-riżorsi mhumiex se jilħqu t-tir tagħhom; iqis li, fid-dawl tal-impatt fuq l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-isfruttament tal-materja prima u tal-ġestjoni tal-iskart, it-tranżizzjoni lejn mudell tal-ekonomija ċirkolari globali jeħtiġilha tiġi indirizzata kif xieraq mis-COP 22;
31. Jenfasizza l-importanza ta' approċċ olistiku u sistematiku għat-tfassil u għat-twettiq tal-politiki biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u jindika b'mod partikolari d-diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku u l-benessri tal-bniedem mill-konsum tar-riżorsi, peress li l-effiċjenza fir-riżorsi tnaqqas kemm l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra kif ukoll pressjonijiet oħra fuq l-ambjent u fuq ir-riżorsi filwaqt li, fl-istess ħin, tiffaċilita t-tkabbir sostenibbli, filwaqt li politika ffokata biss fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mhijiex se tiggarantixxi simultanjament l-effiċjenza fir-riżorsi; jissottolinja l-fatt li l-użu effiċjenti tar-riżorsi jiffaċilita l-profitt ekonomiku u ambjentali; jisħaq li l-ekonomija ċirkolari u għalhekk il-ġestjoni adegwata tar-riżorsi naturali jistgħu jikkostitwixxu strument essenzjali fil-kwistjoni tal-klima; jiddikjara, pereżempju, li l-estrazzjoni, l-ipproċessar, it-trasport, it-trasformazzjoni, l-użu u l-eliminazzjoni tar-riżorsi jirrappreżentaw direttament proporzjon kbir tal-użu tal-enerġija; jiddikjara li ż-żieda fil-produttività tar-riżorsi permezz ta' titjib fl-effiċjenza u t-tnaqqis tal-ħela ta' riżorsi permezz tal-użu mill-ġdid, ir-riproċessar u r-riċiklaġġ tgħin ukoll sabiex iġib tnaqqis kbir fil-konsum tar-riżorsi u, fl-istess ħin, fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; jinnota f'dan ir-rigward il-ħidma tal-Grupp Internazzjonali ta' Esperti dwar ir-Riżorsi;
It-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2
32 Jilqa' b'sodisfazzjon d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja adottata fis-Summit tal-G7 f'Ise-Shima, fil-Ġappun fis-26-27 ta' Mejju 2016, li jisħaq l-importanza tal-mitigazzjoni tal-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu b'ħajja qasira, inklużi l-karbonju iswed, l-idrofluworokarburi (HFCs) u l-metan, biex tgħin sabiex titbaxxa r-rata ta' tisħin fuq perjodu qasir;
33. Jappella għall-adozzjoni ta' programm ambizzjuż tal-eliminazzjonigradwali globali tal-HFCs fl-2016 skont il-Protokoll ta' Montreal; ifakkar li l-UE adottat leġiżlazzjoni ambizzjuża biex telimina gradwalment l-HFCs b'79 % sal-2030 peress li l-alternattivi li jirrispettaw il-klima huma disponibbli b'mod mifrux u l-potenzjal tagħhom għandu jiġi sfruttat b'mod sħiħ; jinnota li l-eliminazzjoni gradwali tal-użu tal-HFCs tirrappreżenta objettiv li faċli tinkiseb għal azzjonijiet ta' mitigazzjoni ġewwa u barra l-UE;
L-industrija u l-kompetittività
34. Jissottolinja l-fatt li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija prijorità u għandha tkun eżegwita fid-dinja kollha filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija u l-iżvilupp ta' tkabbir ekonomiku u ta' impjiegi sostenibbli;
35. Jisħaq fuq il-fatt li investimenti relatati mal-klima jeħtieġu qafas ġuridiku stabbli u prevedibbli u sinjali politiċi ċari;
36. Jilqa' l-fatt li ċ-Ċina u l-kompetituri l-kbar l-oħrajn tal-industriji intensivi fl-enerġija tal-UE qegħdin jintroduċu mekkaniżmi ta' negozjar ta' kwoti tal-karbonju jew mekkaniżmi oħrajn ta' pprezzar; iqis li sakemm jintlaħqu kundizzjonijiet ta' parità, l-UE għandha żżomm miżuri adegwati u proporzjonati sabiex tkun żgurata l-kompetittività tal-industrija tagħha, u, fejn hemm bżonn, tiġi evitata rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, b'kunsiderazzjoni għall-fatt li l-enerġija, l-industrija u l-politiki dwar il-klima jimxu id f'id;
37. Jissottolinja l-importanza li jsir użu aħjar tal-programmi u tal-istrumenti eżistenti, bħal Orizzont 2020, li jkunu miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi, speċjalment fl-oqsma tal-enerġija, tat-tibdil fil-klima u tal-iżvilupp sostenibbli kif ukoll l-importanza tal-integrazzjoni tas-sostenibilità fi programmi rilevanti;
Politika enerġetika
38. Jistieden lill-UE tinsisti mal-komunità internazzjonali biex jiġu adottati mingħajr dewmien miżuri konkreti, inkluż kalendarju għall-eliminazzjoni gradwali ta' sussidji li jagħmlu ħsara ambjentali jew ekonomika, inklużi dawk fuq fjuwils fossili;
39. Jisħaq fuq il-fatt li objettiv aktar ambizzjuż għall-effiċjenza enerġetika fl-Unjoni Ewropea jista' jgħin biex jintlaħaq għan ambizzjuż dwar il-klima u fl-istess ħin jitnaqqas ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;
40. Jisħaq fuq l-importanza tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli biex jitnaqqsu l-emissjonijiet kif ukoll għall-iffrankar ekonomiku, is-sigurtà tal-enerġija u biex jiġi evitat u mtaffi l-faqar enerġetiku sabiex b'hekk jiġu protetti u megħjuna familji foqra u vulnerabbli; jappella għal promozzjoni globali ta' miżuri ta' effiċjenza enerġetika u l-iżvilupp ta' sorsi rinnovabbli (eż. billi jiġu stimolati l-awtoproduzzjoni u l-konsum ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli) u jfakkar li l-effiċjenza enerġetika u s-sorsi rinnovabbli huma tnejn mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE;
Ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji diġitali
41. Jissottolinja l-fatt li r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tat-tibdil fil-klima u l-politiki ta' adattament, kif ukoll it-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet u effiċjenti fir-riżorsi huma kruċjali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima b'mod kosteffikaċi, inaqqsu d-dipendenza mill-fjuwils fossili u għandhom jippromwovu l-użu ta' materja prima sekondarja; jappella, għalhekk, għal impenji globali biex tingħata spinta u attenzjoni għall-investiment f'dan il-qasam;
42. Ifakkar li r-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività huma wieħed mill-ħames pilastri tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE; jinnota li l-UE hija determinata li tibqa' minn ta' quddiem nett fid-dinja f'dawn l-oqsma u li fl-istess ħin tiżviluppa kooperazzjoni xjentifika mill-qrib mas-sħab internazzjonali; jisħaq l-importanza tal-bini u ż-żamma ta' kapaċità ta' innovazzjoni b'saħħitha kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk emerġenti għall-varar ta' teknoloġiji tal-enerġija nodfa u sostenibbli;
43. Ifakkar fir-rwol katalitiku li t-teknoloġiji diġitali jista' jkollhom fit-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija; jissottolinja l-importanza li jiġu żviluppati tekonoloġiji tal-ħżin tal-enerġija li se jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija għat-tisħin u għat-tkessiħ tas-settur tad-djar;
44. Jissottolinja l-importanza li jiżdied l-ammont ta' ħaddiema kkwalifikati attivi fl-industrija kif ukoll il-promozzjoni tal-għarfien u tal-aqwa prassi biex jiġi stimulat il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, filwaqt li tkun sostnuta t-tranżizzjoni tal-forza tax-xogħol fejn meħtieġ;
45. Jappella għal użu aħjar tat-teknoloġiji bħas-satelliti spazjali, għall-ġabra preċiża ta' data dwar l-emissjonijiet, it-temperaturi u t-tibdil fil-klima; jindika b'mod partikolari l-kontribut tal-programm Copernicus; jitlob ukoll kooperazzjoni trasparenti u kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-pajjiżi kif ukoll data miftuħa għall-komunità xjentifika;
Ir-rwol tal-atturi mhux statali
46. Jenfasizza l-azzjoni meħuda minn firxa dejjem usa' ta' atturi mhux statali biex jeliminaw il-karbonju u jsiru aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza ta' djalogu strutturat u kostruttiv bejn il-gvernijiet, il-komunità tan-negozju, il-bliet, ir-reġjuni, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet akkademiċi u li jiġi żgurat l-involviment tagħhom fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet klimatiċi sabiex tiġi mobilizzata azzjoni globali b'saħħitha lejn emissjonijiet baxxi ta' karbonju u soċjetajiet reżiljenti; jilqa' l-ħolqien tal-"Aġenda għall-Azzjoni Klimatika Globali" li tibni fuq l-"Aġenda ta' Azzjoni Lima-Pariġi" li tinvolvi sebgħin inizjattiva ta' partijiet interessati f'setturi differenti;
47. Jenfasizza li ż-Żona tal-Atturi Mhux Statali għall-Azzjoni Klimatika (NAZCA) għandha tkun integrata bis-sħiħ fil-qafas tal-UNFCCC; josserva li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-ikbar kontributuri għall-"Aġenda tal-Azzjoni Lima-Pariġi" u għaż-żona NAZCA u diġà wrew l-impenn tagħhom li jwettqu l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi fir-rigward kemm tal-mitigazzjoni kif ukoll tal-adattament, sabiex jiżguraw il-koordinament orizzontali u l-integrazzjoni tal-politika dwar it-tibdil fil-klima, l-awtonomizzazzjoni tal-komunitajiet lokali u ċ-ċittadini, il-promozzjoni tal-proċessi ta' bidla fis-soċjetà u l-innovazzjoni speċjalment permezz ta' inizjattivi bħall-Patt Globali tas-Sindki u l-Memorandum ta' Qbil Under 2;
48. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu mal-atturi kollha tas-soċjetà ċivili (l-istituzzjonijiet, is-settur privat, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-komunitajiet lokali) biex jiżviluppaw inizjattivi ta' tnaqqis f'setturi ewlenin (l-enerġija, it-teknoloġija, l-ibliet, it-trasport), kif ukoll inizjattivi dwar adattament u reżiljenza bi tweġiba għal kwistjonijiet ta' adattament, partikolarment rigward l-aċċess għall-ilma, għas-sigurtà alimentari u għall-prevenzjoni tar-riskji; jistieden lill-gvernijiet kollha u lill-atturi kollha tas-soċjetà ċivili jappoġġaw u jsaħħu din l-aġenda tal-azzjoni;
49. Iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li l-lobbying leġittimu li sar matul in-negozjati tal-COP22 futura jkun ikkaratterizzat mill-ikbar trasparenza u li l-partijiet interessati kollha uffiċjalment rikonoxxuti jgawdu minn aċċess ugwali għall-informazzjoni kollha meħtieġa;
50. Ifakkar lill-Partijiet u lin-Nazzjonijiet Uniti stess li l-azzjoni individwali hija importanti daqs l-azzjoni tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet; jitlob għalhekk għal spinta ikbar biex jiġu organizzati kampanji u azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni lill-pubbliku dwar il-ġesti żgħar u kbar li jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-pajjiżi żviluppati u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
Ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima bis-saħħa tal-adattament
51. Jenfasizza li l-azzjoni ta' adattament hija neċessità inevitabbli għall-pajjiżi kollha jekk iridu jnaqqsu l-effetti negattivi u jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet tat-tkabbir u tal-iżvilupp sostenibbli reżiljenti għall-klima; jappella biex ikun hemm objettivi ta' adattament fit-tul biex jiġi stabbilit kif suppost; ifakkar li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-istati gżejjer iż-żgħar li qed jiżviluppaw, huma l-anqas li kkontribwew għat-tibdil fil-klima, iżda huma l-aktar vulnerabbli għall-effetti negattivi tiegħu u huma l-anqas kapaċi li jadattaw;
52. Jappella lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi l-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, adottata fl-2013; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi strumenti ġuridikament vinkolanti jekk l-azzjoni li tkun qiegħda tittieħed fl-Istati Membri titqies li ma tkunx biżżejjed;
53. Jissottolinja l-konsegwenzi negattivi serji – u sikwit irreversibbli – ta' nuqqas ta' azzjoni, filwaqt li jfakkar li t-tibdil fil-klima jaffettwa lir-reġjuni kollha tad-dinja b'modi differenti, iżda lkoll dannużi ħafna, li jirriżultaw fi flussi migratorji u mwiet kif ukoll telf mil-lat ekonomiku, ekoloġiku u soċjali; jisħaq li spinta politika u finanzjarja globali u konġunta għal innovazzjoni f'enerġija nadifa u rinnovabbli hija kruċjali biex nilħqu l-għanijiet tagħna dwar il-klima u sabiex jiġi ffaċilitat it-tkabbir;
54. Jappella għal rikonoxximent serju tal-kwistjoni tar-rifuġjati minħabba l-klima u l-ambitu tagħha, li tirriżulta minn diżastri tal-klima kkawżati mit-tisħin globali; jinnota bi tħassib li, bejn l-2008 u l-2013, 166 miljun ruħ kellhom iħallu djarhom minħabba għargħar, maltempati tar-riħ, terremoti jew diżastri oħrajn; jiġbed attenzjoni partikolari għall-fatt li l-iżviluppi relatati mal-klima f'partijiet tal-Afrika u tal-Lvant Nofsani jistgħu jikkontribwixxu għal instabbiltà politika, diffikultà ekonomika u intensifikazzjoni tal-kriżi tar-rifuġjati fil-Mediterran;
55. Iqis li huwa importanti li l-UE tadotta rwol minn ta' quddiem nett fil-kwistjoni tal-migrazzjoni tal-klima sabiex jiġi ffaċilitat it-twaqqif ta' pjan ta' kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet tal-persuni mġiegħla jħallu djarhom minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima;
56. Jilqa' l-isforzi tal-Mekkaniżmu Internazzjonali ta' Varsavja għal Telf u Ħsara, li huwa soġġett għal reviżjoni matul il-COP 22 (Novembru–Diċembru 2016); jitlob lill-Mekkaniżmu jkompli jtejjeb il-fehim u l-għarfien espert dwar kif l-impatti tat-tibdil fil-klima qed jolqtu l-proċessi tal-migrazzjoni, tal-ispostament u tal-mobilità tal-bniedem, u biex tippromwovi l-applikazzjoni ta' tali fehim u għarfien espert;
57. Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi l-oħrajn kollha sabiex jindirizzaw id-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-impatti soċjali tat-tibdil fil-klima, jiżguraw il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u s-solidarjetà u jagħtu appoġġ lill-pajjiżi ifqar b'kapaċitajiet magħsura minħabba l-impatti tat-tibdil fil-klima;
L-appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw
58. Jenfasizza l-importanza tar-rwol li jaqdu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-bżonn li dawk il-pajjiżi jiġu megħjuna jimplimentaw il-pjanijiet klimatiċi tagħhom, b'mod li jisfruttaw bis-sħiħ is-sinerġiji mal-objettivi ta' żvilupp sostenibbli relattivi tal-klima tal-miżuri implimentati u mal-Pjan ta' Azzjoni ta' Addis Ababa u l-Aġenda 2030;
59. Jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġi promoss aċċess universali għall-enerġija sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari fl-Afrika, permezz tal-użu aħjar tal-enerġija rinnovabbli; ifakkar li l-Afrika għandha riżorsi naturali enormi li jistgħu jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-enerġija tagħha; jisħaq li jekk, maż-żmien, jiġu stabbiliti b'suċċess interkonnessjonijiet tal-elettriku, parti mill-enerġija tal-Ewropa tista' tiġi mill-Afrika;
60. Jenfasizza li l-UE għandha l-esperjenza, il-kapaċità u d-dimensjoni globali li jkollha rwol ta' tmexxija fil-bini ta' infrastruttura iktar intelliġenti, iktar ekoloġika u iktar reżiljenti meħtieġa biex titwassal it-tranżizzjoni globali mħeġġa minn Pariġi; jistieden lill-UE tappoġġa l-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-tranżizzjoni lejn soċjetajiet ikkaratterizzati minn livelli baxxi ta' karbonju li jkunu aktar inklużivi, soċjalment u ambjentalment sostenibbli, prosperi u sikuri;
Il-finanzjament għall-klima
61. Jinnota li jinħtieġu aktar sforzi biex jiżguraw il-mobilizzazzjoni ta' finanzjament għall-klima sabiex jintlaħaq l-għan ta' USD 100 biljun sal-2020; jilqa' l-kontinwazzjoni tiegħu sal-2025; iħeġġeġ lill-UE u lill-partijiet kollha li huma f'pożizzjoni li jagħmlu dan, jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jipprovdu finanzi għall-klima sabiex isostnu sforzi ikbar għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra u l-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima fid-dawl tal-kobor u l-urġenza tal-isfida; jirrikonoxxi li t-tnaqqis tal-impatti klimatiċi perikolużi se jeħtieġ investiment sostanzjalment ikbar b'użu baxx ta' karbonju u reżiljenti għall-klima u sforzi sabiex jiġu eliminati b'mod gradwali s-sussidji għall-fjuwils fossili; jissottolinja l-importanza tal-inċentivazzjoni ta' flussi finanzjarji usa' permezz tal-ipprezzar tal-karbonju u s-sħubijiet pubbliċi-privati;
62. Jappella biex l-impenji konkreti tal-UE u tal-komunità internazzjonali joffru sorsi addizzjonali ta' finanzjament għall-klima, inkluż l-introduzzjoni ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, jitwarrbu xi kwoti ta' emissjonijiet tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet fil-perjodu 2021-2030 u l-allokazzjoni ta' dħul minn miżuri internazzjonali u tal-UE dwar l-emissjonijiet mit-trasport bl-ajru u marittumu għall-finanzjament internazzjonali għall-klima u l-Fond Ekoloġiku għall-Klima maħsub, fost ħwejjeġ oħra, għal proġetti ta' innovazzjoni teknoloġika;
63. Jilqa' l-impenn tal-Ftehim ta' Pariġi sabiex il-flussi finanzjarji kollha jkunu konsistenti mal-iżvilupp b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u reżiljenti għall-klima; iqis li dan jirrikjedi li l-UE tindirizza b'mod urġenti l-flussi finanzjarji għall-fjuwils fossili u l-infrastruttura li tuża ħafna karbonju;
64. Jistenna bil-ħerqa d-djalogu ta' faċilitazzjoni biex jiġu identifikati opportunitajiet biex jissaħħu r-riżorsi finanzjarji u appoġġ għat-tisħiħ tal-mitigazzjoni mill-Partijiet kollha; jirrikonoxxi r-responsabilità tal-Partijiet, donaturi u destinatarji kollha, li jikkooperaw biex iżidu l-appoġġ u jagħmluh aktar aċċessibbli u effikaċi;
65. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-konsegwenzi possibbli tal-Ftehim ta' Pariġi għall-baġit tal-UE u tiżviluppa mekkaniżmu ta' finanzjament awtomatiku ddedikat tal-UE li jipprovdi appoġġ addizzjonali u adegwat għas-sehem ġust tal-UE fl-ilħuq tal-għan internazzjonali ta' finanzjament ta' USD 100 biljun għall-klima;
66. Jappella għall-ipprezzar tal-karbonju wiesa' bħala strument applikabbli globalment għall-ġestjoni tal-emissjonijiet u l-allokazzjoni ta' dħul ta' kwoti tal-emissjonijiet għal investimenti relatati mal-klima, kif ukoll id-dħul mill-ipprezzar tal-karbonju tal-fjuwils tat-trasport internazzjonali; jitlob, barra minn hekk, għal użu parzjali tas-sussidji tal-biedja biex ikunu garantiti l-investimenti għall-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-azjendi agrikoli; jenfasizza l-importanza tal-mobilizzazzjoni ta' kapital mis-settur privat u tal-ftuħ tal-investiment meħtieġ fit-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju; jappella għal impenn ambizzjuż min-naħa tal-gvernijiet u tal-istituzzonijiet finanzjarji pubbliċi u privati, fosthom il-banek, il-fondi tal-pensjonijiet u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni, favur l-allinjament tal-prattiki ta' self u ta' investimenti mal-objettiv "inqas minn 2 °C" u ċ-ċessjoni mill-fjuwils fossili, inkluża l-eliminazzjoni gradwali tal-krediti għall-esportazzjoni għall-investimenti fil-qasam tal-fjuwils fossili; jappella għal garanziji pubbliċi speċifiċi favur l-investimenti ekoloġiċi, it-tikketti ta' kwalità u l-vantaġġi fiskali għall-fondi tal-investimenti ekoloġiċi u għall-ħruġ ta' bonds ekoloġiċi;
67. Jenfasizza l-importanza li jiġu kondiviżi prattiki dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' sostenibbiltà fis-setturi finanzjarji, kemm fuq livell internazzjonali, kif ukoll fuq livell Ewropew, u jitlob li tiġi kkunsidrata sistema ta' tikkettar ta' prodotti finanzjarji, imwettqa permezz ta' evalwazzjoni u rapport dwar l-espożizzjoni tagħhom għar-riskji b'rabta mal-klima kif ukoll il-kontribut tagħhom favur tranżizzjoni għall-użu baxx tal-karbonju, sabiex l-investituri jkunu jistgħu jingħataw informazzjoni affidabbli u konċiża dwar kwistjonijiet extrafinanzjarji;
Diplomazija klimatika
68. Jilqa' l-attenzjoni kontinwata tal-UE dwar id-diplomazija klimatika, li hija essenzjali biex tgħolli l-profil tal-azzjoni klimatika fil-pajjiżi sħab u l-opinjoni pubblika globali; jenfasizza l-fatt li l-UE, l-Istati Membri tagħha u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandhom kapaċità enormi ta' politika barranija u għandhom juru sens ta' tmexxija fil-fora dwar il-klima; jenfasizza li l-azzjoni ambizzjuża u urġenti favur il-klima, u l-implimentazzjoni tal-impenji tal-COP21 iridu jibqgħu waħda mill-prijoritajiet tal-UE fid-djalogi bilaterali u bireġjonali ta' livell għoli ma' pajjiżi sħab, il-G7, il-G20, fin-NU u f'fora internazzjonali oħra;
69. Jappella lill-UE tiffoka l-isforzi ta' diplomazija klimatika tagħha biex tiżgura li tinbena arkitettura b'saħħitha tal-Ftehim ta' Pariġi;
Il-Parlament Ewropew
70. Jintrabat li jirratifika l-Ftehim ta' Pariġi mill-aktar fis, juża r-rwol internazzjonali tiegħu u l-parteċipazzjoni tiegħu f'netwerks parlamentari internazzjonali sabiex ifittex konsistentement li jsir progress fir-ratifika u fl-implimentazzjoni b'ħeffa tal-Ftehim ta' Pariġi;
71. Jemmen, peress li se jkollu bżonn jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal kull ftehim internazzjonali, li jeħtieġ li l-Parlament jiġi integrat sew fid-delegazzjoni tal-UE; jistenna għalhekk li jitħalla jattendi l-laqgħat ta' koordinament tal-UE f'Marrakexx u sabiex jiġi garantit aċċess għad-dokumenti preparatorji kollha hekk kif jinfetħu n-negozjati;
72. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-UNFCCC, bit-talba li r-riżoluzzjoni tkun iċċirkolata lill-Partijiet Kontraenti kollha li mhumiex membri tal-UE.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2015)0359.